Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-Reliġjon Falza —It-Tmiem Drammatiku Tagħha Jidher minn Qabel

Ir-Reliġjon Falza —It-Tmiem Drammatiku Tagħha Jidher minn Qabel

Kapitlu Tmienja

Ir-​Reliġjon Falza —It-​Tmiem Drammatiku Tagħha Jidher minn Qabel

Isaija 47:1-15

1, 2. (a) Għala jidher li ma tantx hu probabbli għal xi wħud li se jkun hemm bidla enormi fl-​atmosfera reliġjuża tad-​dinja? (b) Kif nafu li l-​kliem taʼ Isaija kapitlu 47 japplika għall-​futur? (ċ) “Babilonja l-​Kbira” għala huwa titlu xieraq għar-​reliġjon falza kollha?

 “IR-​RELIĠJON Terġaʼ Tieħu r-​Ruħ.” Dan kien il-​messaġġ imħabbar permezz t’artiklu li deher f’The New York Times Magazine. Dan l-​artiklu indika li r-​reliġjon għadha tidher li tiddomina l-​qlub u l-​imħuħ taʼ miljuni taʼ nies. Għalhekk, jistaʼ jkun diffiċli li temmen li dalwaqt se sseħħ bidla enormi fl-​atmosfera reliġjuża tad-​dinja. Imma din il-​bidla hi indikata f’Isaija kapitlu 47.

2 Kliem Isaija twettaq 2,500 sena ilu. Madankollu, il-​kliem li nsibu f’Isaija 47:8 hu kwotat fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi u jiġi applikat għall-​futur. Hemmhekk il-​Bibbja tbassar it-​tmiem taʼ l-​organizzazzjoni bħal mara żienja msejħa “Babilonja l-​Kbira”—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 16:19) Huwa xieraq li r-​reliġjonijiet foloz tad-​dinja jingħataw it-​titlu “Babilonja,” ladarba r-​reliġjon falza bdiet f’Babilonja tal-​qedem. Minn hemmhekk xterdet lejn l-​erbaʼ rkejjen taʼ l-​art. (Ġenesi 11:1-9) Duttrini reliġjużi li oriġinaw f’Babilonja, bħall-​immortalità tar-​ruħ, in-​nar taʼ l-​infern, u l-​qima taʼ tliet persuni f’alla wieħed, jinsabu fi kważi r-​reliġjonijiet kollha, inkluż il-​Kristjaneżmu. a Titfaʼ xi dawl il-​profezija taʼ Isaija fuq il-​futur tar-​reliġjon?

Babilonja Mitfugħa maʼ l-​Art

3. Iddeskrivi l-​kobor tal-​Qawwa Dinjija Babiloniża.

3 Iftaħ widnejk għal din id-​dikjarazzjoni divina li tqanqlek: “Inżel minn hemm, oqgħod fit-​trab, xbejba, bint Babilonja. Oqgħod bilqiegħda fl-​art, bla tron! Bint il-​Kaldin! Ħadd ma jsejjaħlek iżjed ‘Il-​Ħelwa’ u ‘L-​Għaxqana.’” (Isaija 47:1) Babilonja ilha snin sħaħ bil-​qiegħda fuq it-​tron bħala l-​qawwa dinjija li tikkmanda. Hi kienet “il-​ġawhra taʼ l-​imperi”—ċentru reliġjuż, kummerċjali, u militari prosperuż. (Isaija 13:19) Fl-​aqwa tiegħu, l-​imperu taʼ Babilonja jestendi lejn in-​nofsinhar sal-​fruntiera taʼ l-​Eġittu. U meta tegħleb lil Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., donnu jidher li Alla nnifsu m’għandux il-​ħila jwaqqafha mill-​konkwisti tagħha! B’hekk, hi tqis lilha nfisha “xbejba” verġni, li qatt ma se tiġi invaduta minn xi barrani. b

4. X’se ġġarrab Babilonja?

4 Madankollu, din ix-​“xbejba” mkabbra se titwaqqaʼ minn fuq it-​tron bħala l-​qawwa dinjija li ħadd ma jistaʼ għaliha u se jġagħluha ‘toqgħod bil-​qiegħda fit-​trab’ biex tiġi umiljata. (Isaija 26:5) Mhix se tibqaʼ tiġi kunsidrata li hi ‘ħelwa u għaxqana,’ bħal xi sultana mfissda. Għalhekk Jehovah jikkmanda: “Aqbad il-​mitħna u itħan id-​dqiq; neħħi l-​istar minn fuqek; erfaʼ l-​kurkar; ikxef riġlejk, aqsam ix-​xmajjar.” (Isaija 47:2) Wara li tefgħet fil-​jasar lill-​ġens taʼ Ġuda kollu kemm hu, Babilonja nfisha se tiġi trattata bħala lsira! Il-​Medi u l-​Persjani, li jneħħuha mill-​pożizzjoni taʼ poter li għandha, se jġagħluha tagħmel xogħol umiljanti għan-​nom tagħhom.

5. (a) Babilonja kif se titneżżaʼ mill-​‘istar u l-​kurkar’ tagħha? (b) X’jistaʼ jkun li jindika l-​kmand mogħti lilha biex ‘taqsam ix-​xmajjar’?

5 B’hekk, Babilonja se titneżżaʼ mill-​‘istar u l-​kurkar’ (il-mant u l-​kuda) tagħha, u b’hekk titlef kull ħjiel tal-​kobor u d-​dinjità li kellha qabel. “Aqsam ix-​xmajjar,” se jikkmandawha dawk li jħaddmuha. Forsi xi Babiloniżi attwalment se jiġu ordnati jwettqu xogħol taʼ lsiera fil-​beraħ. Jew jistaʼ jkun li l-​profezija tfisser li xi wħud se jiġu mkaxkrin letteralment minn ġox-​xmajjar huma u sejrin lejn l-​eżilju. Hu x’inhu l-​każ, Babilonja mhix se tibqaʼ tivvjaġġa fl-​istil grandjuż taʼ sultana li tiġi merfugħa fuq xi siġġu jew fil-​karozzella biex taqsam xi xmara. Minflok, se tkun bħal ilsira li trid tinsa l-​mistħija, billi tgħolli ħwejjiġha u tikxef riġlejha sabiex taqsam minn naħa għal oħra taʼ xi xmara. X’umiljazzjoni!

6. (a) Babilonja f’liema sens se jikxfulha għeritha? (b) Alla kif ‘ma jeħlisha lil ħadd’? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

6 Jehovah jkompli jkasbarha: “Jikxfulek għertek u jarawlek għajbek! ‘Jien għad nitħallas u ma neħlisha lil ħadd.’” (Isaija 47:3) c Iva, Babilonja se ġġarrab l-​għajb u d-​diżunur. Il-​ħażen u l-​kefrija li hi tkompli twettaq kontra l-​poplu t’Alla se jkun jaf bihom kulħadd. Ebda bniedem ma jistaʼ jwaqqafha l-​vendetta t’Alla!

7. (a) L-​eżiljati Lhud kif se jwieġbu għall-​aħbar li Babilonja waqgħet? (b) Jehovah b’liema mod se jifdi lill-​poplu tiegħu?

7 Wara li jkunu nżammu lsiera għal 70 sena fis-​setgħana Babilonja, in-​nies t’Alla se jifirħu ħafna bil-​waqgħa tagħha. Huma se jgħajtu: “Jgħid il-​feddej tagħna, Jaħweh taʼ l-​eżerċti ismu, il-​Qaddis taʼ Iżrael.” (Isaija 47:4) Taħt il-​Liġi Mosajka, meta xi Iżraeli kien ibigħ lilu nnifsu fil-​jasar sabiex iħallas id-​djun li kien ikollu, feddej (xi ħadd jiġi minnu) setaʼ jixtrih, jew jifdih, mill-​jasar. (Levitiku 25:47-54) Ladarba l-​Lhud se jkunu ġew mibjugħin fil-​jasar taħt Babilonja, se jkollhom bżonn jiġu mifdijin, jew meħlusin. Għall-​ilsiera, il-​konkwista normalment tkun tfisser biss li jinbidlu s-​sidien tagħhom. Imma Jehovah se jqanqal lis-​Sultan Ċiru l-​konkwistatur biex jeħles lil-​Lhud mill-​jasar. L-​Eġittu, l-​Etjopja, u Saba se jingħataw lil Ċiru bħala “fidwa” minflok il-​Lhud. (Isaija 43:3, Saydon) B’mod xieraq, il-​Feddej taʼ Iżrael jismu “Jaħweh taʼ l-​eżerċti.” Dik li tidher li hi qawwa militari setgħana taʼ Babilonja hija dgħajfa meta tqabbilha mal-​qtajjaʼ taʼ anġli inviżibbli taʼ Jehovah.

Il-​Prezz tal-​Kefrija

8. Babilonja f’liema sens se ‘tidħol fid-​dlam’?

8 Jehovah jerġaʼ jibda jikkundanna b’mod profetiku lil Babilonja: “Oqgħod fi kwietek u idħol fid-​dlam, bint il-​Kaldin. Ma jsejjħulekx aktar: ‘Sidt is-​saltniet.’” (Isaija 47:5) Babilonja se jkollha biss dlam u swied il-​qalb. Mhix se tibqaʼ tikkmanda iktar lil saltniet oħrajn bħala padruna kiefra.—Isaija 14:4.

9. Jehovah għala jagħdab għal-​Lhud?

9 Qabel xejn, Babilonja għala titħalla tagħmel ħsara lill-​poplu t’Alla? Jehovah jispjega: “Kont mgħaddab għall-​poplu tiegħi; niġġist ’il wirti u rħejthom f’idejk.” (Isaija 47:6a) Jehovah għandu raġun ikun mgħaddab għal-​Lhud. Żmien qabel, hu wissiehom li jekk ma jobdux il-​Liġi tiegħu kienu se jitkeċċew mill-​pajjiż. (Dewteronomju 28:64) Meta waqgħu fl-​idolatrija u fl-​immoralità sesswali, Jehovah b’imħabba bagħat lil xi profeti biex jgħinhom iduru lura lejn il-​qima safja. Imma “huma kienu jiddieħku bil-​mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-​profeti tiegħu, sa ma saħnet il-​korla tal-​Mulej għall-​poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) Għalhekk, Alla jippermetti li l-​wirt tiegħu, Ġuda, jiġi profanat meta Babilonja tinvadi l-​pajjiż u tniġġes it-​tempju qaddis Tiegħu.—Salm 79:1; Eżekjel 24:21.

10, 11. Jehovah għala hu rrabjat għal Babilonja, avolja hija r-​rieda tiegħu li hi tirbaħ lill-​poplu tiegħu?

10 Mela allura, Babilonja mhix qiegħda twettaq ir-​rieda t’Alla meta titfaʼ lil-​Lhud fil-​jasar? Le, għax Alla jgħid: “Int ma wrejthomx ħniena; taqqalt il-​madmad fuq ix-​xjuħ kemm flaħt. U int għidt: ‘Jien inkun sultan għal dejjem.’ Ma daħħaltx f’rasek dawn il-​ħwejjeġ; ma ftakartx fit-​tmiem.” (Isaija 47:6b, 7) Alla ma kkmandax lil Babilonja biex taġixxi b’kefrija żejda, billi ma turi ħniena lanqas saħansitra max-​“xjuħ.” (Lamentazzjonijiet 4:16; 5:12) Lanqas ma ħeġġiġhom biex jieħdu pjaċir iwaqqgħu għaċ-​ċajt lill-​ilsiera Lhud.—Salm 137:3.

11 Babilonja ma tifhimx li l-​kontroll tagħha fuq il-​Lhud huwa biss għal ftit. Hi injorat it-​twissijiet taʼ Isaija li, maż-​żmien, Jehovah se jeħles lill-​poplu tiegħu. Hi ġġib ruħha bħallikieku kienet intitolata li tibqaʼ tikkmanda lil-​Lhud għal dejjem u li tibqaʼ padruna eterna fuq il-​ġnus li kienu taħtha. Hi ma tagħtix kas il-​messaġġ li se jkun hemm “tmiem” għall-​ħakma oppressiva tagħha!

Imbassra l-​Waqgħa taʼ Babilonja

12. Babilonja għala tissejjaħ ‘mara mxaħxħa fil-​pjaċir’?

12 Jehovah jiddikjara: “Issa ismaʼ dan, ja mxaħxħa fil-​pjaċir, int li tgħix b’moħħok mistrieħ; int li tgħid f’qalbek: ‘Jiena, u ħadd ħliefi, ma normol qatt; ma nkunx bla wlied.’” (Isaija 47:8) Babilonja hija magħrufa sew għall-​fama li għandha li tħobb il-​pjaċiri. Erodotu, kittieb taʼ l-​istorja li għex fil-​ħames seklu Q.E.K., jitkellem dwar “drawwa taʼ mistħija ferm” fost il-​Babiloniżi, jiġifieri, li n-​nisa kollha huma mistennija jagħmluha taʼ prostituti biex jonoraw lill-​alla mara taʼ l-​imħabba. Bl-​istess mod, Kurzju, kittieb taʼ l-​istorja tal-​qedem, qal: “Ebda taħsir ma jistaʼ jisboq l-​imġiba tan-​nies tal-​belt; ebda korruzzjoni kontinwa ma tistaʼ toffri iktar tqanqil u tħajjir għal-​libertinaġġ.”

13. Babilonja kif se taqaʼ qabel il-​waqt minħabba l-​kilba li għandha biex tiġri wara l-​pjaċiri?

13 Babilonja se taqaʼ qabel il-​waqt minħabba l-​kilba li għandha għall-​ġiri wara l-​pjaċiri. Lejlet il-​waqgħa tagħha, is-​sultan u l-​kbarat tiegħu se jiffesteġġaw, u tant jixorbu li jispiċċaw f’sakra ma jarawx art. B’hekk, m’humiex se jagħtu kas taʼ l-​eżerċti Medo-Persjani li qegħdin jinvadu l-​belt. (Danjel 5:1-4) Billi ‘tgħix b’moħħha mistrieħ,’ Babilonja se timmaġina li s-​swar u l-​foss li jidhru qishom ħadd u xejn ma jistaʼ għalihom, se jipproteġuha mill-​invażjoni. Hi tgħid lilha nfisha li m’hemm ‘ħadd ħliefha’ li qatt jistaʼ jokkupa l-​post t’awtorità assoluta li għandha hi. Hi ma timmaġinax li setgħet issir ‘armla,’ billi titlef il-​ħakkiem taʼ l-​imperu tagħha kif ukoll lil ‘uliedha,’ jew il-​popolin. Xorta waħda, ebda sur ma jistaʼ jipproteġiha mill-​vendetta t’Alla Jehovah! Jehovah se jgħid iktar tard: “Mqar jekk Babilonja togħla sas-​smewwiet u ssaħħaħ l-​għoli taʼ qawwietha mingħandi jaslulha l-​qerrieda.”—Ġeremija 51:53.

14. Babilonja b’liema modi se ssofri kemm it-​“telfa taʼ wlied” kif ukoll l-​“irmulija”?

14 X’se jkun ir-​riżultat għal Babilonja? Ikompli Jehovah: “Imma dawn it-​tnejn f’jum wieħed f’daqqa għad jilħquk: telfa taʼ wlied u rmulija. Għad jilħquk fil-​milja tagħhom, minkejja l-​kotra taʼ sħarijietek, minkejja s-​saħħa taʼ magħmulek.” (Isaija 47:9) Iva, l-​awtorità assoluta taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija se tintemm ħabta u sabta. Fil-​Lvant tal-​qedem, li mara ssir armla u titlef l-​ulied kienu l-​agħar esperjenzi li qatt setgħet iġġarrab. Ma nafux kemm titlef ‘ulied’ Babilonja fil-​lejl tal-​waqgħa tagħha. d Iżda jrid jasal iż-​żmien li din il-​belt tiġi abbandunata għalkollox. (Ġeremija 51:29) Hi wkoll se tispiċċa armla għaliex is-​slaten tagħha se jitneħħew minn fuq it-​tron.

15. Minbarra l-​kefrija li Babilonja wriet mal-​Lhud, Jehovah għal liema raġuni oħra hu mgħaddab għaliha?

15 Madankollu, Jehovah ma jagħdabx biss minħabba li Babilonja tittratta ħażin lil-​Lhud. ‘Il-​kotra taʼ sħarijiet tagħha’ wkoll tqanqlu biex jirrabja. Il-​Liġi li Alla ta lil Iżrael tikkundanna l-​ispiritiżmu; iżda, Babilonja ssus wara l-​okkult b’regħba kbira. (Dewteronomju 18:10-12; Eżekjel 21:26 [21:21, NW]) Il-​ktieb Social Life Among the Assyrians and Babylonians jgħid li l-​Babiloniżi “għexu f’biżaʼ kontinwu mill-​kotra taʼ demonji li kienu jemmnu li huma mdawrin bihom.”

Tittama fil-​Ħażen

16, 17. (a) Babilonja kif ‘tittama fi ħżunitha’? (b) It-​tmiem taʼ Babilonja għala ma jistax jiġi evitat?

16 Se jsalvawha lil Babilonja l-​bassara tagħha? Iwieġeb Jehovah: “Int ittamajt fi ħżunijietek; int għedt: ‘Ħadd ma jarani!’ Qarrquk għerfek u għaqlek, u int għedt f’qalbek: ‘Jiena, u ħadd ħliefi.’” (Isaija 47:10) Babilonja qed taħseb li permezz taʼ l-​għerf sekulari u reliġjuż tagħha, is-​setgħa militari tagħha, u l-​ħruxija makakka tagħha, hi tistaʼ żżomm il-​pożizzjoni li għandha bħala qawwa dinjija. Hi tħoss li ħadd ma jistaʼ ‘jaraha,’ jiġifieri, iżommha responsabbli għall-​aġir mill-​agħar tagħha. Lanqas ma tilmaħ lil xi rival fuq ix-​xefaq. “Jiena, u ħadd ħliefi,” tgħid lilha nfisha.

17 Madankollu, permezz taʼ profeta ieħor, Jehovah jwissi: “Jistaʼ bniedem jistaħba fil-​moħbiet, u jien ma narahx?” (Ġeremija 23:24; Lhud 4:13) Għalhekk, Jehovah jiddikjara: “Għad tilħqek ħsara kbira, li ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek, taqaʼ fuqek qerda li ma jkollokx ħila tbiegħed, tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.” (Isaija 47:11) La l-​allat taʼ Babilonja u lanqas is-​‘sħarijiet’ maġiċi li jsiru fiha minn dawk li jipprattikaw l-​ispiritiżmu ma jistgħu jwaqqfu l-​ħsara kbira li ġejja—ħsara li hi differenti minn kwalunkwe ħaġa li qatt esperjenzat!

Il-​Kunsillieri taʼ Babilonja Jagħmlu Fjask

18, 19. Il-​mod kif Babilonja tistrieħ fuq il-​kunsillieri tagħha kif se jkun diżastruż?

18 Bi kliem li jniggeż, Jehovah jikkmanda: “Żomm sħiħ, mela, fil-​magħmul tiegħek, fil-​kotra taʼ sħarijietek, li fihom stinkajt sa minn żgħożitek. Għandhom mnejn jiswewlek; għandek mnejn tbażżaʼ n-​nies bihom.” (Isaija 47:12) Babilonja tiġi sfidata biex ‘iżżomm sħiħ,’ jew tippersisti bil-​ħażen tagħha billi tibqaʼ tistrieħ fuq il-​maġija. Wara kollox, bħala ġens hi stinkat biex tiżviluppa l-​arti taʼ l-​okkult sa minn ‘żgħożitha.’

19 Imma Jehovah jwaqqagħha għaċ-​ċajt, billi jgħid: “Fnietek il-​kotra tal-​kunsillieri tiegħek! Ħa jqumu issa u jgħinuk, l-​għarriexa tas-​smewwiet, li jħarsu lejn il-​kwiekeb, u taʼ kull xahar jgħidulek x’se jkun li ġej għalik.” (Isaija 47:13) e Babilonja se tiffaċċja l-​fjask totali tal-​kunsillieri tagħha. Huwa veru li l-​iżvilupp taʼ l-​astroloġija f’Babilonja setaʼ ħa sekli sħaħ t’osservazzjoni fuq l-​istilel. Imma fil-​lejl tal-​waqgħa tagħha, il-​fjask tal-​biki li jagħmlu l-​astroloġi tagħha se juri kemm it-​teħbir ma jiswa għalxejn.—Danjel 5:7, 8.

20. X’se jkun it-​tmiem tal-​kunsillieri taʼ Babilonja?

20 Jehovah jikkonkludi din is-​sezzjoni tal-​profezija billi jgħid: “Ara, bħat-​tiben jaħraqhom in-​nar; ma jeħilsuhiex mis-​setgħa tan-​nirien. Ma jkunx ġamar għas-​sħana, ma jkunx nar li toqgħod ħdejh. Hekk ikunu għalik dawk li fnewk, is-​saħħara li kellek sa minn żgħożitek; kulħadd jitlaq għal rasu, ħadd ma jibqaʼ hemm biex jgħinek.” (Isaija 47:14, 15) Iva, żminijiet taʼ nar jaqbad waslu biex jiġu fuq dawn il-​kunsillieri foloz. Dan mhux se jkun xi nar isaħħan li n-​nies jistgħu joqogħdu qrib tiegħu biex jisħnu, imma nar qerried li jiblaʼ. Dan in-​nar se juri li l-​kunsillieri foloz huma bħal tiben li ma jiswa għalxejn. Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-​kunsillieri taʼ Babilonja se jaħarbu bil-​paniku li jaqbadhom! Wara li jkun telaq l-​aħħar appoġġ taʼ Babilonja, ma se jkun hemm ħadd biex isalvaha. Hi se tirċievi l-​istess tmiem li se tkun tefgħet fuq Ġerusalemm.—Ġeremija 11:12.

21. Il-​kliem profetiku taʼ Isaija kif u meta jitwettaq?

21 Fis-​sena 539 Q.E.K., dan il-​kliem ispirat jibda jitwettaq. L-​eżerċti tal-​Medi u tal-​Persjani taħt it-​tmexxija taʼ Ċiru jaħtfu l-​belt taħt idejhom, u joqtlu lil Beltassar, is-​sultan residenti tagħha. (Danjel 5:1-4, 30) F’lejl wieħed Babilonja titlef il-​pożizzjoni tagħha taʼ dominanza dinjija. Hekk jintemmu sekli sħaħ taʼ supremazija Semitika (taʼ nisel Afrikan u Asjatiku), u d-​dinja issa taqaʼ taħt il-​kontroll taʼ l-​Arjani (taʼ nisel Indjan u Ewropew). Babilonja nfisha issa tidħol f’perijodu twil fejn għal sekli sħaħ taqbad it-​triq għan-​niżla. Sar-​rabaʼ seklu E.K., ma tkunx ħlief “borġ ħerba.” (Ġeremija 51:37) B’hekk, il-​profezija taʼ Isaija titwettaq sa l-​iċken dettall.

Babilonja taʼ Żmienna

22. Liema lezzjoni dwar il-​kburija nitgħallmu mill-​waqgħa taʼ Babilonja?

22 Hemm ħafna x’tixtarr fil-​profezija taʼ Isaija. L-​ewwelnett, din tenfasizza l-​perikli tal-​kburija u l-​arroganza. Il-​waqgħa taʼ l-​imkabbra Babilonja tagħti stampa tal-​proverbju Bibliku: “Qabel il-​qerda tiġi l-​kburija, u qabel il-​waqgħa t-​tkabbir.” (Proverbji 16:18) Il-​kburija kultant tiddomina fuq in-​natura imperfetta tagħna, imma li nkunu ‘mimlijin bina nfusna’ jistaʼ jwassalna biex ‘naqgħu fl-​għajb u fix-​xibka tax-​xitan.’ (1 Timotju 3:6, 7) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nagħtu kas il-​parir taʼ Ġakbu: “Iċċekknu quddiem il-​Mulej, u hu jerfagħkom.”—Ġakbu 4:10.

23. Il-​profezija taʼ Isaija tgħinna biex ikollna liema fiduċja?

23 Dan il-​kliem profetiku jgħinna wkoll biex ikollna fiduċja f’Jehovah, li hu iktar setgħan minn dawk kollha li jopponuh. (Salm 24:8; 34:8 [34:7, NW]; 50:15; 91:14, 15) Din hi tfakkira taʼ faraġ f’dawn il-​jiem diffiċli. Il-​fiduċja f’Jehovah ssaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex nibqgħu bla ħtija f’għajnejh, billi nafu li ‘min hu bla ħtija se jkollu futur taʼ paċi.’ (Salm 37:37, 38, NW) Ikun dejjem għaqli li nfittxu lil Jehovah u ma nistriħux fuqna nfusna meta nħabbtu wiċċna mat-​“tnassis” taʼ Satana.—Efesin 6:10-13.

24, 25. (a) L-​astroloġija għala hi bla sens, u madankollu għala ħafna nies ifittxuha? (b) X’inhuma xi raġunijiet għala l-​Kristjani jaħarbu s-​superstizzjoni?

24 B’mod sinifikanti, niġu mwissijin biex ma nipprattikawx l-​ispiritiżmu, speċjalment l-​astroloġija. (Galatin 5:20, 21) Meta waqgħet Babilonja, l-​astroloġija ma tilfitx il-​popolarità tagħha man-​nies. Huwa taʼ interess li l-​ktieb Great Cities of the Ancient World jinnota li l-​kostellazzjonijiet li ġew immarkati mill-​Babiloniżi “ċċaqalqu” mill-​pożizzjonijiet antiki tagħhom, u b’hekk “l-​idea kollha kemm hi [taʼ l-​astroloġija] saret bla sens.” Xorta waħda, l-​astroloġija tkompli tiffjorixxi, u ħafna gazzetti fihom kolonni li permezz tagħhom l-​oroskopju jkun disponibbli faċilment għall-​qarrejja tagħhom.

25 X’inhu li jġiegħel lin-​nies—ħafna minnhom b’edukazzjoni għolja—jikkonsultaw l-​istilel jew jieħdu sehem fi drawwiet oħrajn li huma superstizzjużi u bla sens? The World Book Encyclopedia tgħid: “Is-​superstizzjonijiet x’aktarx li se jkomplu jkunu parti mill-​ħajja tan-​nies sakemm dawn jibqgħu jibżgħu minn xulxin u jkunu inċerti dwar il-​futur.” Il-​biżaʼ u l-​inċertezza jistgħu jwasslu lin-​nies biex isiru superstizzjużi. Madankollu, il-​Kristjani jaħarbuha s-​superstizzjoni. Huma ma jibżgħux mill-​bniedem—Jehovah hu l-​appoġġ tagħhom. (Salm 6:5-11 [6:4-10, NW]) M’humiex inċerti dwar il-​futur; jafuhom l-​iskopijiet rivelati taʼ Jehovah u m’għandhom l-​ebda dubju li “l-​fehma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem.” (Salm 33:11) Jekk inġibu ħajjitna fi qbil mal-​pariri taʼ Jehovah nistgħu nkunu żguri li se jkollna futur hieni u dejjiemi.

26. “Il-​ħsibijiet taʼ l-​għorrief” kif urew li huma “fiergħa”?

26 Dan l-​aħħar kien hemm xi wħud li pprovaw ibassru l-​futur b’modi iktar “xjentifiċi.” Jeżisti saħansitra qasam taʼ studju msejjaħ futuroloġija. Din il-​kelma ġiet definita bħala “tbassir sistematiku tal-​futur, l-​iktar minn kif tkun sejra d-​dinja.” Per eżempju, lura fl-​1972 grupp taʼ studjużi u negozjanti magħrufin bħala l-​Klabb taʼ Ruma bassru li sa l-​1992 ir-​riżervi kollha tad-​dinja taʼ deheb, merkurju, żingu, u żejt mhux maħdum kellhom jispiċċaw. Sewwa, id-​dinja ffaċċjat problemi tal-​biżaʼ mill-​1972 ’l hawn, imma din it-​tbassira kienet żbaljata minn kull angolu. L-​art għad għandha riżervi taʼ deheb, merkurju, żingu, u żejt mhux maħdum. Tabilħaqq, il-​bniedem għeja u nfena jipprova jbassar il-​futur, imma t-​tbassir tiegħu qatt u qatt ma tistaʼ toqgħod fuqu. Verament, “fiergħa huma l-​ħsibijiet taʼ l-​għorrief”!—1 Korintin 3:20.

It-​Tmiem li Ġej fuq Babilonja l-​Kbira

27. Babilonja l-​Kbira meta u b’liema mod sofriet waqgħa bħal dik li sofriet Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K.?

27 Ir-​reliġjonijiet taʼ żmienna adottaw ħafna mid-​duttrini taʼ Babilonja tal-​qedem. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza jissejjaħ Babilonja l-​Kbira. (Apokalissi 17:5) Din it-​taħlita reliġjuża internazzjonali diġà sofriet waqgħa simili għal dik li ġarrbet Babilonja tal-​qedem fis-​sena 539 Q.E.K. (Apokalissi 14:8; 18:2) Fis-​sena 1919 il-​fdal minn ħut Kristu ħareġ mill-​jasar spiritwali u warrab l-​influwenza reliġjuża tal-​Kristjaneżmu, parti dominanti minn Babilonja l-​Kbira. Minn dak in-​nhar ’l hawn il-​Kristjaneżmu tilef ħafna mill-​influwenza li kellu f’bosta pajjiżi fejn qabel kellu saħħa kbira.

28. Babilonja l-​Kbira liema ftaħir tlissen, imma x’hemm jistennieha?

28 Madankollu, din il-​waqgħa kienet biss turija bil-​quddiem tal-​qerda aħħarija tar-​reliġjon falza. Huwa interessanti li l-​profezija taʼ l-​Apokalissi dwar il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira tfakkarna fil-​kliem profetiku li nsibu f’Isaija 47:8, 9. L-​istess bħal Babilonja tal-​qedem, Babilonja l-​Kbira taʼ żmienna tgħid: “Jiena sultana bilqiegħda fuq it-​tron, m’iniex armla, u tassew li n-​niket ma nafx bih.” Imma “f’jum wieħed jiġuha l-​kastigi tagħha: mewt u niket u ġuħ, u fin-​nar għad tinħaraq, għax setgħani hu l-​Mulej li jagħmel ħaqq minnha.” Għalhekk, il-​kliem profetiku li nsibu f’Isaija kapitlu 47 qiegħed bħala twissija għal dawk li għadhom parti mir-​reliġjon falza. Jekk ma jridux jieħdu sehem fil-​qerda tagħha, ħalli jagħtu kas il-​kmand ispirat: “Oħorġu minnha”!—Apokalissi 18:4, 7, 8.

[Noti taʼ taħt]

a Għal tagħrif dettaljat fuq kif żviluppaw id-​duttrini reliġjużi foloz, ara l-​ktieb Mankind’s Search for God, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Bl-​Ebrajk “xbejba, bint Babilonja” hija espressjoni li tirreferi għal Babilonja jew l-​abitanti taʼ Babilonja. Hi “xbejba” verġni għaliex mindu saret qawwa dinjija qatt ma ġiet imneżżgħa minn xi konkwistatur.

c L-​espressjoni Ebrajka tradotta “ma neħlisha lil ħadd” ġiet deskritta mill-​istudjużi bħala “frażi diffiċli ferm” biex tittraduċiha. In-​New World Translation tittraduċi din il-​frażi b’tali mod li twassal il-​ħsieb li ebda barrani ma se jitħalla jsalva lil Babilonja. Traduzzjoni mill-​Jewish Publication Society tittraduċiha hekk: “Jien ma se nħalli lil ebda bniedem jindaħal.”

d Il-​ktieb Nabonidus and Belshazzar, minn Raymond Philip Dougherty, jinnota li filwaqt li l-​Kronaka taʼ Nabonidu ssostni li dawk li invadew lil Babilonja daħlu “mingħajr ma ġġieldu,” Senofonti, kittieb Grieg taʼ l-​istorja, jindika li setaʼ kien hemm ħafna tixrid taʼ demm.

e Xi wħud jittraduċu l-​espressjoni Ebrajka tradotta “għarriexa tas-​smewwiet” bħala “dawk li jaqsmu s-​smewwiet.” Dan jirreferi għad-​drawwa li jaqsmu s-​smewwiet f’diviżjonijiet sabiex jifformaw l-​oroskopji.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 111]

Babilonja li tiġri wara l-​pjaċiri se tintgħamel trab

[Stampa f’paġna 114]

L-​astroloġi taʼ Babilonja mhux se jkollhom ħila jbassru l-​waqgħa tagħha

[Stampa f’paġna 116]

Kalendarju bl-​astroloġija minn Babilonja, l-​ewwel millennju Q.E.K.

[Stampi f’paġna 119]

Babilonja taʼ żmienna dalwaqt ma tkunx iktar