“Isem Ġdid”
Kapitlu Tlieta u Għoxrin
“Isem Ġdid”
1. Liema assiguranza nsibu f’Isaija kapitlu 62?
SERĦAN il-moħħ, faraġ, tama taʼ tiġdid—hekk għandhom bżonn il-Lhud f’Babilonja li jħossuhom qalbhom maqtugħa. Għaddew diversi għaxriet taʼ snin mindu Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin. Ġuda, li qiegħda xi 800 kilometru ’l bogħod minn Babilonja, tinsab ħerba, u donnu li l-Lhud intesew minn Jehovah. X’inhu li jistaʼ jtejbilhom is-sitwazzjoni? Il-wegħdi mingħand Jehovah li se jġibhom lura lejn pajjiżhom u jħallihom jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja. Imbagħad deskrizzjonijiet bħalma huma ‘l-abbandunata’ u ‘l-imħarbta’ se jinbidlu b’ismijiet li jindikaw li hemm l-approvazzjoni t’Alla. (Isaija 62:4; Żakkarija 2:16 [2:12, NW]) Kapitlu 62 taʼ Isaija huwa mimli b’dawn il-wegħdi. Madankollu, bħal profeziji oħrajn taʼ tiġdid, dan il-kapitlu jittratta wkoll dwar affarijiet li jseħħu ħafna wara l-ħelsien tal-Lhud mill-jasar f’Babilonja. Fit-twettiq il-kbir tiegħu, Isaija kapitlu 62 jassigurana li s-salvazzjoni tal-ġens spiritwali taʼ Jehovah, l-“Iżrael taʼ Alla,” hija ċerta.—Galatin 6:16.
Jehovah Ma Jibqax Sieket
2. Jehovah b’liema mod jerġaʼ jiffavorixxi lil Sijon?
2 Babilonja tisfa megħluba fis-sena 539 Q.E.K. Wara dan, is-Sultan Ċiru tal-Persja joħroġ digriet li bih il-Lhud li kellhom il-biżaʼ t’Alla setgħu jirritornaw lejn Ġerusalemm u jistabbilixxu mill-ġdid il-qima taʼ Jehovah. (Esdra 1:2-4) Fis-sena 537 Q.E.K., l-ewwel Lhud li rritornaw jinsabu lura f’arthom. Jehovah għal darb’oħra jiffavorixxi lil Ġerusalemm, bħalma huwa rifless fid-dikjarazzjoni profetika li tirrifletti s-sentimenti tiegħu: “Minħabba f’Sijon ma nehdiex, minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx, sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha, tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.”—Isaija 62:1.
3. (a) Finalment, Sijon taʼ l-art għala tiġi miċħuda minn Jehovah, u min jiħdilha postha? (b) Liema abbandunar iseħħ, u meta, u f’liema perijodu qegħdin ngħixu llum?
3 Fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah wettaq il-wegħda tiegħu li jerġaʼ jagħti l-ħajja lil Sijon, jew Ġerusalemm. L-abitanti tagħha esperjenzaw is-salvazzjoni mingħandu, u t-tjieba tagħhom iddiet b’qawwa kbira. Iżda iktar tard huma reġgħu abbandunaw il-qima safja. Maż-żmien, irrifjutaw lil Ġesù bħala l-Messija, u Jehovah finalment ma baqax jaċċettahom bħala l-ġens magħżul tiegħu. (Mattew 21:43; 23:38; Ġwann 1:9-13) Jehovah wiled ġens ġdid, l-“Iżrael taʼ Alla.” Dan il-ġens ġdid sar il-poplu speċjali tiegħu, u fl-ewwel seklu, il-membri tiegħu ppridkaw biż-żelu l-aħbar tajba fid-dinja li kienet magħrufa dak iż-żmien. (Galatin 6:16; Kolossin 1:23) B’sogħba, wara li mietu l-appostli, ir-reliġjon vera ġiet abbandunata. B’riżultat taʼ dan, żviluppat għamla taʼ Kristjanità apostata, bħalma nsibu llum fil-Kristjaneżmu. (Mattew 13:24-30, 36-43; Atti 20:29, 30) Għal sekli sħaħ, il-Kristjaneżmu tħalla jġib tmaqdir kbir fuq l-isem taʼ Jehovah. Madankollu, fl-aħħarnett, fl-1914 bdiet is-“sena tal-grazzja” taʼ Jehovah, flimkien mat-twettiq ewlieni taʼ din il-parti mill-profezija taʼ Isaija.—Isaija 61:2.
4, 5. (a) Sijon u wliedha lil min jissimbolizzaw illum? (b) Jehovah b’liema mod uża lil Sijon biex jagħmel is-‘salvazzjoni tagħha tħeġġeġ bħal torċa’?
4 Illum il-wegħda taʼ Jehovah li jerġaʼ jagħti l-ħajja lil Sijon twettqet fuq l-organizzazzjoni tiegħu fis-sema, “Ġerusalemm taʼ fuq,” kif rappreżentata fuq l-art minn uliedha, il-Kristjani midlukin bl-ispirtu. (Galatin 4:26) L-organizzazzjoni taʼ Jehovah fis-sema taqdi bħala ajjutanta dedikata—attenta, tħobb, u tħabrek. X’okkażjoni kommoventi kienet dik, meta fl-1914 wildet lis-Saltna Messjanika! (Apokalissi 12:1-5) B’mod partikulari mill-1919, uliedha fuq l-art ippridkaw lill-ġnus dwar it-tjieba u s-salvazzjoni tagħha. Bħalma bassar Isaija, dawn l-ulied dawlu d-dlam bħal torċa tħeġġeġ, billi ħallew id-dawl tagħhom jiddi.—Mattew 5:15, 16; Filippin 2:15.
5 Jehovah hu interessat ferm fl-adoraturi tiegħu u mhux se jistrieħ, jew jibqaʼ sieket, qabel ma jkun wettaq il-wegħdi kollha li għamel lil Sijon u lil uliedha. Dawk li baqaʼ mill-midlukin flimkien maʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra” wkoll jirrifjutaw li jibqgħu siktin. (Ġwann 10:16) Huma storbjużi tabilħaqq hekk kif jiggwidaw lin-nies lejn l-unika triq taʼ salvazzjoni.—Rumani 10:10.
“Isem Ġdid” Mogħti minn Jehovah
6. Jehovah x’għandu f’moħħu għal Sijon?
6 X’għandu f’moħħu Jehovah għal Sijon, il-“mara” tiegħu fis-sema, rappreżentata minn Ġerusalemm tal-qedem? Hu jgħid: “Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha. B’isem ġdid għad isejjħulek, isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.” (Isaija 62:2) Hekk kif l-Iżraelin jaġixxu bit-tjieba, il-ġnus jiġu mġagħlin iħarsu lejhom b’attenzjoni. Anki s-slaten jiġu mġagħlin jirrikonoxxu li Jehovah qed juża lil Ġerusalemm u li kwalunkwe ħakma li jeżerċitaw hija insinifikanti meta mqabbla mas-Saltna taʼ Jehovah.—Isaija 49:23.
7. L-isem ġdid taʼ Sijon x’jissinjifika?
7 Jehovah issa jikkonferma li l-kundizzjoni taʼ Sijon inbidlet billi jagħtiha isem ġdid. Dan l-isem ġdid jissinjifika l-kundizzjoni mbierka u l-istat onorat gawdut minn ulied Sijon fuq l-art mis-sena 537 Q.E.K. ’l quddiem. a Juri li Jehovah jirrikonoxxi lil Sijon bħala li tappartjeni lilu. Illum, il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla tgħidx kemm huma henjin li huma l-għaxqa taʼ Jehovah b’dan il-mod, u n-nagħaġ oħra jithennew magħhom.
8. Jehovah b’liema modi onora lil Sijon?
8 Wara li lil Sijon taha isem ġdid, Jehovah issa jwiegħed: “Għad tkun kuruna taʼ ġmiel f’id il-Mulej, u dijadema taʼ sultan f’id Alla tiegħek.” (Isaija 62:3) Jehovah jżommha fl-għoli lill-mara simbolika tiegħu, Sijon tas-sema, biex kulħadd iħares lejha b’ammirazzjoni. (Salm 48:3 [48:2, NW]; 50:2) Il-kuruna taʼ ġmiel u d-“dijadema taʼ sultan” jindikaw li hi mlibbsa b’ġieħ u awtorità. (Żakkarija 9:16) Peress li jirrappreżenta lil Sijon tas-sema, jew “Ġerusalemm taʼ fuq,” l-Iżrael t’Alla huwa riżultat meraviljuż taʼ id Alla—il-qawwa applikata tiegħu—fl-azzjoni. (Galatin 4:26) Bl-għajnuna taʼ Jehovah, dan il-ġens spiritwali stabbilixxa eżempju li jispikka taʼ integrità u devozzjoni. Miljuni sħaħ, inkluż kemm il-midlukin kif ukoll in-nagħaġ oħra, jiġu msaħħin biex juru fidi u mħabba li jispikkaw. Matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu, il-midlukin, billi jkunu kisbu l-premju glorjuż tagħhom fis-sema, se jkunu strumenti f’id Jehovah biex jagħti ħajja taʼ dejjem lill-ħolqien li qed jitniehed.—Rumani 8:21, 22; Apokalissi 22:2.
‘Jehovah Tgħaxxaq Bik’
9. Iddeskrivi l-bidla li seħħet fuq Sijon.
9 L-għoti taʼ isem ġdid huwa parti mill-bidla meraviljuża taʼ Sijon tas-sema kif rappreżentata fuq l-art minn uliedha. Naqraw: “Ma jgħidulekx aktar: ‘L-Abbandunata,’ lanqas lil artek: ‘L-Imħarbta.’ Lilek għad isejjħulek: ‘Għaxqti fiha,’ u lil artek għad jgħidulha: ‘Għarusa’; għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.” (Isaija 62:4) Sijon fuq l-art ilha ħerba mindu nqerdet fis-sena 607 Q.E.K. Madankollu, kliem Jehovah jassiguraha li l-pajjiż se jerġaʼ jieħu l-ħajja u jimtela bin-nies. Sijon, li darba kienet ħerba, mhix se tkun iktar abbandunata, u pajjiżha mhux se jkun iktar imħarbat. It-tiġdid taʼ Ġerusalemm fis-sena 537 Q.E.K. jfisser kundizzjoni ġdida għaliha, b’kuntrast sħiħ maʼ l-istat taʼ rovina li kienet fih qabel. Jehovah jiddikjara li Sijon se tissejjaħ “Għaxqti,” u artha, “Għarusa.”—Isaija 54:1, 5, 6; 66:8; Ġeremija 23:5-8; 30:17; Galatin 4:27-31.
10. (a) L-Iżrael t’Alla kif inbidel? (b) L-“art” taʼ l-Iżrael t’Alla x’inhi?
10 Mill-1919 ’l hawn, l-Iżrael t’Alla esperjenza bidla simili. Matul l-ewwel gwerra dinjija, il-Kristjani midlukin kienu qishom ġew miċħudin minn Alla. Imma fl-1919 reġgħu ngħataw l-istat taʼ favur li kellhom qabel, u l-mod taʼ qima tagħhom issaffa. Dan effettwa t-tagħlim, l-organizzazzjoni, u l-attività tagħhom. L-Iżrael t’Alla daħal f’‘artu,’ il-qasam spiritwali, jew sfera t’attività, tiegħu.—Isaija 66:7, 8, 20-22.
11. Il-Lhud kif jiżżewġu lil ommhom?
11 Waqt li jkompli jisħaq fuq il-pożizzjoni ġdida taʼ favur tal-poplu tiegħu, Jehovah jiddikjara: “Bħal ma jiżżewweġ żagħżugħ [lil] xebba, hekk uliedek jiżżewġuk: u bħal ma jifraħ il-għarus bil-għarusa, hekk Alla tiegħek jifraħ bik.” (Isaija 62:5, “KŻ”) Kif jistgħu l-Lhud, ‘ulied’ Sijon, jiżżewġu lil ommhom? Billi dawk li qed jirritornaw wara li nħelsu mill-eżilju f’Babilonja jokkupaw il-belt kapitali antika tagħhom u jerġgħu jistabbilixxu ruħhom fiha. Meta jiġri dan, Sijon ma tibqax iktar ħerba imma timtela bl-ulied.—Ġeremija 3:14.
12. (a) Jehovah b’liema mod għamilha ċara li l-Kristjani midlukin huma parti mill-organizzazzjoni li hi msieħba fiż-żwieġ miegħu? (b) Il-mod kif Jehovah jaġixxi mal-poplu tiegħu kif jipprovdi mudell nobbli għaż-żwieġ illum? (Ara l-kaxxa f’paġna 342.)
12 B’mod simili, mill-1919 ’l hawn ulied Sijon tas-sema ħadu pussess t’arthom, il-qasam spiritwali tagħhom, li għandha l-isem profetiku “Għarusa.” L-attività Kristjana tagħhom f’dik l-art għamlitha evidenti li dawn il-Kristjani midlukin huma ‘l-poplu għal isem Jehovah.’ (Atti 15:14, KŻ) Il-fatt li jipproduċu l-frott tas-Saltna u jxandru isem Jehovah għamilha ovvja li Jehovah jitgħaxxaq b’dawn il-Kristjani. Hu għamilha ċara li dawn huma parti mill-organizzazzjoni li hi msieħba miegħu b’unità li ma titkissirx. Billi dilek lil dawn il-Kristjani bl-ispirtu qaddis, ħelishom mill-jasar spiritwali, u użahom biex jippridkaw it-tama tas-Saltna lill-bnedmin kollha, Jehovah wera li jithenna bihom bil-ferħ taʼ għarus minħabba l-għarusa.—Ġeremija 32:41.
“Ma Hemmx Mistrieħ Għalikom”
13, 14. (a) Fil-qedem, Ġerusalemm kif saret belt li tipprovdi s-sigurtà? (b) Fi żmienna, Sijon kif saret “foħrija taʼ l-art”?
13 In-nies taʼ Jehovah jħossuhom fis-sigurtà minħabba l-isem ġdid u figurattiv li ngħatalhom minn Alla. Huma jafu li hu jirrikonoxxihom u li hu sidhom. Waqt li issa juża tixbiha differenti, Jehovah jkellem lin-nies tiegħu bħallikieku qed ikellem lil belt imdawra bis-swar: “Fuq swarek, Ġerusalemm, qegħedt l-għassiesa: lejl u nhar qatt ma jisktu. Intom li tfakkru l-Mulej, ma hemmx mistrieħ għalikom; u lilu sserrħuhx sa ma jerġaʼ jwaqqaf lil Ġerusalemm, u jagħmilha l-foħrija taʼ l-art.” (Isaija 62:6, 7) Fiż-żmien stabbilit minn Jehovah, wara li l-fdal leali jirritorna minn Babilonja, Ġerusalemm tassew li ssir “il-foħrija taʼ l-art”—belt imdawra bis-swar li tipprovdi sigurtà lill-abitanti tagħha. Lejl u nhar, l-għassiesa fuq dawn is-swar qegħdin attenti biex ikunu ċerti mis-sigurtà tal-belt u biex iwasslu messaġġi taʼ twissija liċ-ċittadini tagħha.—Neħemija 6:15; 7:3; Isaija 52:8.
14 Fi żmienna Jehovah uża lill-għassiesa midlukin tiegħu biex lill-ġwejdin juruhom it-triq lejn il-ħelsien mill-jasar taħt ir-reliġjon falza. Dawn l-uħud ġew mistidnin biex jidħlu fl-organizzazzjoni tiegħu, fejn isibu l-protezzjoni minn tinġis spiritwali, minn nies li jinfluwenzawhom għall-ħażen, u mit-telfien taʼ l-approvazzjoni taʼ Jehovah. (Ġeremija 33:9; Sofonija 3:19) Xi ħaġa li hi vitali għal din il-protezzjoni hija l-irwol tal-klassi taʼ l-għassies, “l-ilsir leali u diskret,” li tipprovdi ‘l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq.’ (Mattew 24:45-47, NW) Billi taħdem mal-klassi taʼ l-għassies, il-“kotra kbira” wkoll għandha rwol sinifikanti f’li tagħmel lil Sijon “foħrija taʼ l-art.”—Apokalissi 7:9.
15. Il-klassi taʼ l-għassies u sħabhom kif jaqdu lil Jehovah kontinwament?
15 Is-servizz tal-klassi taʼ l-għassies u taʼ sħabhom ikompli! L-attitudni tagħhom li jaqdu b’ruħhom kollha tidher fl-attività żeluża taʼ miljuni taʼ individwi leali appoġġati minn indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom; volontieri fid-diversi djar Betel u uffiċċji u stamperiji tax-Xhieda taʼ Jehovah; missjunarji; u pijunieri speċjali, regulari, u awżiljarji. Iżjed minn hekk, huma jaħdmu iebes biex jibnu Swali tas-Saltna ġodda, iżuru l-morda, jassistu lil individwi li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet mediċi diffiċli, u jipprovdu għajnuna f’waqtha lill-vittmi taʼ diżastri u aċċidenti. Ħafna minn dawn l-individwi li jissagrifikaw ruħhom spiss jaqdu letteralment “lejl u nhar”!—Apokalissi 7:14, 15.
16. Il-qaddejja taʼ Jehovah b’liema mod ‘ma jagħtuhx mistrieħ’?
16 Il-qaddejja taʼ Jehovah huma inkuraġġiti biex jitolbu bla heda, biex jitolbu ’l Alla ħalli ‘jkun li jrid hu, kif fis-sema, hekkda fl-art.’ (Mattew 6:9, 10; 1 Tessalonikin 5:17) Huma jiġu mħeġġin: “Ma hemmx mistrieħ għalikom” qabel ma jaqtgħalkom ix-xewqat u t-tamiet tagħkom rigward it-tiġdid tal-qima vera. Ġesù saħaq fuq il-ħtieġa li nitolbu bla ma naqtgħu, billi ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex ‘jgħajtu lil Alla lejl u nhar.’—Luqa 18:1-8.
Is-Servizz lil Alla Se Jiġi Premjat
17, 18. (a) L-abitanti taʼ Sijon b’liema mod jistgħu jistennew li jgawdu l-frott tal-ħidma tagħhom? (b) In-nies taʼ Jehovah llum kif igawdu l-frott tal-ħidma tagħhom?
17 L-isem ġdid li Jehovah jagħti lin-nies tiegħu jassigurahom li l-isforzi tagħhom m’humiex għalxejn. “Ħalef il-Mulej b’lemintu u bid-driegħ qawwi tiegħu: ‘Il-qamħ tiegħek ma nagħtihx aktar b’ikel lill-għedewwa tiegħek, u l-barranin ma jixorbux l-inbid tiegħek, li int tħabatt għalih; imma l-qamħ jikluh dawk li jaħsduh u jfaħħru l-Mulej, u dawk li jiġbru l-għeneb jixorbu l-inbid fil-btieħi tat-tempju tiegħi.’” (Isaija 62:8, 9) L-id il-leminija u d-driegħ qawwi taʼ Jehovah huma simboli tal-qawwa u s-saħħa tiegħu. (Dewteronomju 32:40; Eżekjel 20:5) Il-fatt li jaħlef bihom juri li hu determinat li jbiddel is-sitwazzjoni taʼ Sijon. Fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah jippermetti li l-għedewwa taʼ Sijon jisirquha u jiħdulha ġidha. (Dewteronomju 28:33, 51) Imma issa, il-ġid li għandha Sijon se jitgawda biss minn dawk li għandhom id-dritt għalih.—Dewteronomju 14:22-27.
18 Fit-twettiq modern taʼ din il-wegħda, in-nies taʼ Jehovah li reġgħu ngħataw il-ħajja jesperjenzaw prosperità spiritwali kbira. Huma jgawdu bis-sħiħ il-frott tal-ħidma tagħhom—għadd miżjud taʼ dixxipli Kristjani u abbundanza taʼ ikel spiritwali. (Isaija 55:1, 2; 65:14) Peress li n-nies tiegħu huma leali, Jehovah ma jħallix lill-għedewwa tagħhom ifixklulhom il-prosperità spiritwali li għandhom jew iċaħħduhom mir-riżultati tas-servizz li jagħmlu b’ruħhom kollha. L-ebda xogħol li jsir fis-servizz taʼ Jehovah m’hu għalxejn.—Malakija 3:10-12; Lhud 6:10.
19, 20. (a) It-triq kif tnaddfet biex il-Lhud ikunu jistgħu jirritornaw lejn Ġerusalemm? (b) Fi żmienna, it-triq kif tnaddfet biex il-ġwejdin ikunu jistgħu jidħlu fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah?
19 L-isem ġdid jgħin ukoll biex l-organizzazzjoni taʼ Jehovah tidher attraenti għal nies taʼ qalb onesta. Kotriet sħaħ jiġru bi ħġarhom lejha, u t-triq tinżamm miftuħa għalihom. Il-profezija taʼ Isaija tgħid: “Għaddu, għaddu mill-bibien, wittu t-triq għall-poplu! Rawwmu, rawwmu t-triq, naddfuha miż-żrar! Għollu sinjal għall-popli!” (Isaija 62:10) Fl-ewwel twettiq, din is-sejħa x’aktarx li tirreferi għall-ħruġ mill-bibien tal-bliet taʼ Babilonja sabiex in-nies t’Alla jirritornaw lejn Ġerusalemm. Dawk li jirritornaw iridu jneħħu l-ġebel u ż-żrar min-nofs biex il-vjaġġ isir iktar faċli u biex jagħmlu sinjal li juri t-triq.—Isaija 11:12.
20 Mill-1919 ’l hawn, il-Kristjani midlukin ġew maqtugħin apparti għal servizz divin u qegħdin jivvjaġġaw fit-“Triq il-Qaddisa.” (Isaija 35:8) Huma kienu l-ewwel li mxew fil-mogħdija spiritwali biex ħarġu minn Babilonja l-Kbira. (Isaija 40:3; 48:20) Alla tahom il-privileġġ li jieħdu t-tmexxija f’li jiddikjaraw ix-xogħlijiet setgħanin tiegħu u biex juru lil oħrajn it-triq lejn il-mogħdija. Il-fatt li naddfuha mill-ġebel u ż-żrar, billi neħħew min-nofs kull tfixkil, kien prinċipalment għall-benefiċċju tagħhom stess. (Isaija 57:14) Kellhom bżonn jaraw b’mod ċar l-iskopijiet u t-tagħlim t’Alla. It-twemmin falz huwa tfixkil fit-triq li tagħti għall-ħajja, imma l-Kelma taʼ Jehovah hi “bħal imterqa tfarrak il-blat.” Biha, il-Kristjani midlukin farrku l-ostakli li setgħu jfixklu lil dawk li riedu jaqdu lil Jehovah.—Ġeremija 23:29.
21, 22. Jehovah liema sinjal stabbilixxa għal dawk li qegħdin jitilqu mir-reliġjon falza, u kif nafu?
21 Fis-sena 537 Q.E.K., Ġerusalemm saret is-sinjal li sejjaħ lill-fdal Lhudi biex jirritorna u jibni t-tempju mill-ġdid. (Isaija 49:22) Fl-1919, meta l-membri tal-fdal midluk inħelsu mill-jasar tar-reliġjon falza, ma qagħdux jiġru ’l hawn u ’l hinn bla skop. Kienu jafu fejn kellhom imorru, għax Jehovah kien stabbilixxa sinjal għalihom. Liema sinjal? L-istess sinjal imbassar f’Isaija 11:10, li jgħid: “Jiġri f’dak il-jum li l-għerq taʼ Ġesse jieqaf bħala sinjal għall-popli.” L-appostlu Pawlu japplika dan il-kliem għal Ġesù. (Rumani 15:8, 12) Iva, is-sinjal hu Kristu Ġesù, li qed isaltan bħala Sultan fuq il-Muntanja Sijon tas-sema!—Lhud 12:22; Apokalissi 14:1.
22 Kemm il-Kristjani midlukin kif ukoll in-nagħaġ oħra huma miġburin madwar Ġesù Kristu biex jieħdu sehem fil-qima li tgħaqqad taʼ dak Alla l-Iktar Għoli. Il-ħakma tiegħu sservi biex tivvindika s-sovranità universali taʼ Jehovah u biex tbierek lil dawk taʼ qalb onesta mill-ġnus kollha taʼ l-art. M’hijiex din raġuni biex kull wieħed u waħda minna ningħaqdu biex ngħolluh bit-tifħir?
“Ġej is-Salvatur Tiegħek”!
23, 24. Is-salvazzjoni kif qed tinġieb lil dawk li għandhom fidi f’Alla?
23 L-isem ġdid li Jehovah jagħti lill-organizzazzjoni tiegħu, li hi bħal martu, għandu x’jaqsam mas-salvazzjoni eterna taʼ wliedha. Jikteb Isaija: “Araw, il-Mulej isammaʼ leħnu sa truf l-art: ‘Għidu lil bint Sijon: “Arah, ġej is-salvatur [“salvazzjoni,” “KŻ”] tiegħek! Arah bil-prezz f’idu u l-ħlas quddiemu.”’” (Isaija 62:11) Is-salvazzjoni ġiet għand il-Lhud meta waqgħet Babilonja u huma rritornaw lejn arthom. Imma dan il-kliem jipponta lejn xi ħaġa akbar. Id-dikjarazzjoni taʼ Jehovah tfakkarna fil-profezija taʼ Żakkarija rigward Ġerusalemm: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu taʼ ħmara.”—Żakkarija 9:9.
24 Tliet snin u nofs wara li Ġesù ġie mgħammed fl-ilma u midluk bl-ispirtu t’Alla, hu daħal riekeb f’Ġerusalemm u naddaf it-tempju tagħha. (Mattew 21:1-5; Ġwann 12:14-16) Illum, Ġesù Kristu hu dak li qed iġib is-salvazzjoni mingħand Jehovah lil dawk kollha li għandhom fidi f’Alla. Mindu ngħata t-tron fl-1914, Ġesù huwa wkoll l-Imħallef u l-Esekutur maħtur minn Jehovah. Fl-1918, tliet snin u nofs wara li ngħata t-tron, hu naddaf it-tempju spiritwali taʼ Jehovah, kif rappreżentat fuq l-art mill-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. (Malakija 3:1-5) Il-fatt li ġie mgħolli bħala sinjal immarka l-bidu taʼ ġbir kbir taʼ nies minn fuq l-art kollha biex jappoġġaw lis-Saltna Messjanika. Fi qbil mal-mudell tal-qedem, is-“salvazzjoni” ġiet għand l-Iżrael t’Alla meta fl-1919 inħeles minn taħt Babilonja l-Kbira. Il-“prezz” jew “il-ħlas” li hemm maħżun għall-ħaddiema tal-ħsad li jissagrifikaw ruħhom hu jew ħajja immortali fis-sema jew ħajja eterna fuq l-art. Dawk kollha li jibqgħu leali jistgħu jkunu fiduċjużi li ‘l-ħidma tagħhom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.’—1 Korintin 15:58.
25. Il-poplu taʼ Jehovah liema assiguranza jingħata?
25 Kemm hu promettenti l-futur għall-organizzazzjoni taʼ Jehovah fis-sema, għar-rappreżentanti midlukin tagħha hawnhekk fuq l-art, u għal kulmin hu msieħeb magħhom b’mod attiv! (Dewteronomju 26:19) Isaija pprofetizza: “Jibdew isejjħulhom: ‘Poplu qaddis, il-Mifdijin tal-Mulej,’ u lilek isejjħulek: ‘L-Imfittxija,’ ‘Il-Belt qatt abbandunata.’” (Isaija 62:12) Kien hemm żmien meta “Ġerusalemm taʼ fuq,” rappreżentata mill-Iżrael t’Alla, ħassitha abbandunata. Qatt ma se terġaʼ tħossha hekk. Il-poplu taʼ Jehovah se jkun għal dejjem taħt il-protezzjoni Tiegħu, waqt li jgawdi t-tbissima kontinwa t’approvazzjoni Tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-profezija Biblika, “isem ġdid” jistaʼ jissinjifika pożizzjoni jew privileġġ ġdid.—Apokalissi 2:17; 3:12.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 342]
Mudell Nobbli għaż-Żwieġ
Meta n-nies jiżżewġu, huma jkollhom ħafna tamiet u stennijiet għaż-żwieġ tagħhom. Imma x’inhuma l-istennijiet t’Alla? L-istituzzjoni taż-żwieġ oriġinat minnu. X’kien l-iskop tiegħu f’dan ir-rigward?
Indikazzjoni waħda tal-mod kif Alla jħares lejn il-kwistjoni tiġi mir-relazzjoni tiegħu mal-ġens taʼ Iżrael. Isaija jiffigura din ir-relazzjoni bħala żwieġ. (Isaija 62:1-5) Innota x’jagħmel Alla Jehovah bħala “raġel miżżewweġ” għal “għarustu.” Jipproteġiha u jqaddisha. (Isaija 62:6, 7, 12) Jonoraha u jistmaha. (Isaija 62:3, 8, 9) U jitgħaxxaq biha, bħalma huwa indikat mill-ismijiet ġodda li jagħtiha.—Isaija 62:4, 5, 12.
Fl-Iskrittura Griega Kristjana, Pawlu jirrepeti d-deskrizzjoni li jagħti Isaija dwar ir-relazzjoni bejn Jehovah u Iżrael meta jqabbel ir-relazzjoni taʼ bejn raġel u martu maʼ dik taʼ bejn Kristu u l-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin.—Efesin 5:21-27.
Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex fiż-żwieġ tagħhom jimitaw ir-relazzjoni taʼ bejn Ġesù u l-kongregazzjoni. Ma jistax ikun hemm imħabba akbar minn dik murija minn Jehovah lejn Iżrael u dik murija minn Kristu lejn il-kongregazzjoni. Dawn ir-relazzjonijiet simboliċi jipprovdu mudell nobbli għal żwieġ hieni li jirnexxi bejn il-Kristjani.—Efesin 5:28-33.
[Stampa f’paġna 339]
Jehovah se jsejjaħ lil Sijon tas-sema b’isem ġdid
[Stampi f’paġna 347]
Fi żmienna l-klassi taʼ l-għassies taʼ Jehovah ma baqgħetx siekta