Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tjieba Tinbet f’Sijon

It-Tjieba Tinbet f’Sijon

Kapitlu Tnejn u Għoxrin

It-​Tjieba Tinbet f’Sijon

Isaija 61:1-11

1, 2. Liema bidla se sseħħ dalwaqt f’Iżrael, u bis-​saħħa taʼ min se sseħħ?

 ĦA TIXXANDAR il-​libertà! Jehovah qatagħha li jeħles lin-​nies tiegħu u jibgħathom lura lejn pajjiż l-​antenati tagħhom. Il-​qima vera se terġaʼ titfaċċa, bħal żerriegħa li tinbet wara bexxa xita. Meta jasal dak il-​jum, id-​disprament se jinbidel f’tifħir ferrieħi, u l-​irjus li qabel kienu mgħottijin bl-​irmied tan-​niket se jiġu inkurunati bl-​approvazzjoni divina.

2 Bis-​saħħa taʼ min se sseħħ din il-​bidla meraviljuża? Jehovah biss jistaʼ jagħmel ħaġa bħal din. (Salm 9:20, 21 [9:19, 20, NW]; Isaija 40:25) Il-​profeta Sofonija kkmanda b’mod profetiku: “Għajjat bil-​ferħ taʼ qalbek, bint Sijon, Iżrael, sammaʼ leħnek! Infexx fl-​hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Neħħa l-​Mulej minn fuqek is-​sentenza li kellek kontrik.” (Sofonija 3:14, 15) Xi żmien taʼ ferħ se jkun dan! Meta Jehovah jġib lura lill-​fdal mifdi minn Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K., dan se jkun bħal ħolma li saret realtà.—Salm 126:1.

3. Il-​kliem profetiku taʼ Isaija kapitlu 61 kemm-il twettiq għandu?

3 Dan it-​tiġdid huwa mbassar f’Isaija kapitlu 61. Madankollu, waqt li huwa ċar li din il-​profezija twettqet fis-​sena 537 Q.E.K., titwettaq b’dettall akbar f’perijodu li kien se jiġi iktar tard. It-​twettiq iktar dettaljat jinvolvi lil Ġesù u lis-​segwaċi tiegħu fl-​ewwel seklu u lill-​poplu taʼ Jehovah fi żmienna. Għalhekk, kemm hu sinifikanti dan il-​kliem ispirat!

“Is-​Sena tal-​Grazzja”

4. Min hu inkarigat biex iwassal bxara tajba fl-​ewwel twettiq taʼ Isaija 61:1, u min fit-​tieni?

4 Jikteb Isaija: “L-​ispirtu taʼ Sidi l-​Mulej fuqi, għax il-​Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, bagħatni ndewwi l-​qalb miksura; biex inħabbar il-​ħelsien lill-​imjassrin, u lill-​ħabsin il-​ftuħ tal-​ħabs.” (Isaija 61:1) Min hu inkarigat biex iwassal il-​bxara t-​tajba? X’aktarx li fl-​ewwel twettiq huwa Isaija, li hu ispirat minn Alla biex jikteb bxara tajba għall-​imjassrin li jinsabu f’Babilonja. Madankollu, Ġesù indikalna l-​iktar twettiq importanti meta l-​kliem taʼ Isaija applikah għalih innifsu. (Luqa 4:16-21) Iva, Ġesù ntbagħat biex jgħid bxara tajba lill-​ġwejdin, u għal dan l-​għan ġie midluk bl-​ispirtu qaddis fil-​magħmudija tiegħu.—Mattew 3:16, 17.

5. Min ippriedkaha l-​bxara t-​tajba għal xi 2,000 sena?

5 Iktar minn hekk, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu evanġelizzaturi, jew predikaturi tal-​bxara t-​tajba. Nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., madwar 120 minn dawn ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis u saru wlied spiritwali t’Alla. (Atti 2:1-4, 14-42; Rumani 8:14-16) Dawn ukoll kienu inkarigati biex iwasslu l-​bxara t-​tajba lill-​ġwejdin u lil dawk b’qalbhom maqsuma. Dawn il-​120 kienu l-​ewwel minn 144,000 li ġew midlukin b’dan il-​mod. L-​aħħar membri minn dan il-​grupp għadhom attivi fuq l-​art illum. Għaldaqstant, għal madwar 2,000 sena, is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù kienu qed jagħtu xiehda lin-​nies biex “jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-​Mulej tagħna Ġesù.”—Atti 20:21.

6. Min irċieva serħan meta semaʼ l-​bxara t-​tajba pridkata fil-​qedem, u xi ngħidu għal-​lum?

6 Il-​messaġġ ispirat taʼ Isaija ġabilhom serħan lil-​Lhud li nidmu f’Babilonja. Fi żmien Ġesù u d-​dixxipli tiegħu, dan il-​messaġġ ġab serħan lil-​Lhud li kienu qalbhom maqsuma minħabba l-​ħażen li kien hemm f’Iżrael u kienu mifnijin fil-​jasar minħabba t-​tradizzjonijiet reliġjużi foloz tal-​Ġudaiżmu fl-​ewwel seklu. (Mattew 15:3-6) Illum miljuni sħaħ fil-​Kristjaneżmu li qegħdin maqbudin fi drawwiet pagani u tradizzjonijiet li jiddiżonoraw lil Alla qegħdin “jitniehdu u jitbikkew” minħabba l-​qżiżijiet li jsiru f’din is-​sistema reliġjuża. (Eżekjel 9:4) Dawk li jwieġbu għall-​bxara t-​tajba jiġu meħlusin minn dan l-​istat tal-​biki. (Mattew 9:35-38) L-​għajnejn tal-​fehma jinfetħulhom beraħ meta jitgħallmu jqimu lil Jehovah “fl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwann 4:24.

7, 8. (a) X’inhuma ‘s-​sentejn tal-​grazzja’? (b) X’inhuma ‘jiem il-​vendetta’ taʼ Jehovah?

7 Hemm skeda għall-​ippridkar tal-​bxara t-​tajba. Ġesù u s-​segwaċi tiegħu kienu inkarigati: ‘Niedu s-​sena tal-​grazzja tal-​Mulej, u jum il-​vendetta taʼ Alla tagħna; biex tfarrġu lill-​imnikktin.’ (Isaija 61:2) Sena hija żmien twil, imma għandha bidu kif ukoll tmiem. “Is-​sena tal-​grazzja” taʼ Jehovah hija l-​perijodu li fih jagħti lill-​ġwejdin l-​opportunità li jwieġbu meta hu jxandar il-​ħelsien.

8 Fl-​ewwel seklu, is-​sena tal-​grazzja għall-​ġens Lhudi bdiet fis-​sena 29 E.K. meta Ġesù ta bidu għall-​ministeru tiegħu fuq l-​art. Hu qal lil-​Lhud: “Indmu għax is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet.” (Mattew 4:17) Din is-​sena tal-​grazzja damet sa “jum il-​vendetta” taʼ Jehovah, li laħaq il-​quċċata tiegħu fis-​sena 70 E.K. meta Jehovah ppermetta lill-​eżerċti Rumani jeqirdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha. (Mattew 24:3-22) Illum aħna qegħdin ngħixu f’sena tal-​grazzja oħra, li bdiet fl-​1914 meta s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-​smewwiet. Din is-​sena tal-​grazzja se tintemm b’jum il-​vendetta ieħor li se jkun iktar mifrux meta Jehovah jġib il-​qerda taʼ din is-​sistema t’affarijiet dinjija kollha kemm hi fit-​“tribulazzjoni l-​kbira.”—Mattew 24:21, NW.

9. Illum min jibbenefika mis-​sena tal-​grazzja taʼ Jehovah?

9 Illum min jibbenefika mis-​sena tal-​grazzja t’Alla? Dawk li jaċċettaw il-​messaġġ, juru li huma ġwejdin, u jappoġġaw biż-​żelu x-​xandir tas-​Saltna t’Alla fil-​“ġnus kollha.” (Mark 13:10) Dawn l-​individwi jsibu li l-​bxara t-​tajba verament tfarraġhom. Madankollu, dawk li ma jaċċettawx il-​messaġġ, u b’hekk ma jiħdux vantaġġ mis-​sena tal-​grazzja taʼ Jehovah, dalwaqt se jkollhom jiffaċċjaw ir-​realtà taʼ jum il-​vendetta tiegħu.—2 Tessalonikin 1:6-9.

Frott Spiritwali li Jigglorifika lil Alla

10. Il-​Lhud li jirritornaw minn Babilonja kif inhuma effettwati mill-​att kbir taʼ Jehovah għan-​nom tagħhom?

10 Il-​Lhud li jirritornaw minn Babilonja jirrealizzaw li Jehovah wettaq att kbir għan-​nom tagħhom. In-​niket tagħhom bħala lsiera jinbidel f’ferħ u tifħir għaliex fl-​aħħarnett jinsabu ħelsin. B’hekk, Isaija jwettaq l-​inkarigu profetiku tiegħu, jiġifieri, ‘biex iferraħ lil dawk li jibku f’Sijon, jagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-​ferħ flok l-​ilbies tal-​vistu, l-​għana tal-​foħrija flok ruħ mitluqa. Isejħulhom ballut tas-​sewwa, mħawla mill-​Mulej għal foħritu.’—Isaija 61:3.

11. Fl-​ewwel seklu min kellu raġuni tajba biex ifaħħar lil Jehovah għall-​att kbir tiegħu?

11 Fl-​ewwel seklu, il-​Lhud li aċċettaw il-​ħelsien mill-​jasar tar-​reliġjon falza wkoll faħħru lil Alla għall-​att kbir tiegħu għan-​nom tagħhom. L-​ispirtu mitluq tagħhom inbidel f’“għana tal-​foħrija” meta bħala ġens ma baqgħux mejtin spiritwalment. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu l-​ewwel li esperjenzaw bidla bħal din meta n-​niket tagħhom minħabba mewtu nbidel f’ferħ meta ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis mill-​Mulej irxoxtat tagħhom. F’qasir żmien, bidla simili kienet esperjenzata minn 3,000 ruħ oħra, li kienu ġwejdin. Huma wieġbu għall-​ippridkar taʼ dawn il-​Kristjani, li kien għadhom kif ġew midlukin, u tgħammdu nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K. (Atti 2:41) Kemm ħassewhom ferħanin, fiduċjużi li kellhom il-​barka taʼ Jehovah! Minflok ma “jibku f’Sijon,” irċivew l-​ispirtu qaddis u ġew rifreskati biż-​“żejt taʼ ferħ,” li jissimbolizza l-​hena taʼ dawk li jitbierku b’mod għani minn Jehovah.—Lhud 1:9.

12, 13. (a) Min kienu l-​“ballut tas-​sewwa” fost il-​Lhud li rritornaw fis-​sena 537 Q.E.K.? (b) Min kienu l-​“ballut tas-​sewwa” minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l hawn?

12 Jehovah jbierek lill-​poplu tiegħu bil-​“ballut tas-​sewwa.” Min hu ffigurat minn dan il-​ballut? Fis-​snin taʼ wara s-​sena 537 Q.E.K., kienu individwi li studjaw il-​Kelma t’Alla u mmeditaw fuqha u kkultivaw il-​livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Salm 1:1-3; Isaija 44:2-4; Ġeremija 17:7, 8) Irġiel bħal Esdra, Ħaggaj, Żakkarija, u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè wrew li kienu “ballut” li jispikka—qalbenin għall-​verità u kontra t-​tniġġis spiritwali fil-​ġens.

13 Minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l quddiem, Alla ħawwel “ballut tas-​sewwa” simili—Kristjani midlukin kuraġġużi—fil-​qasam spiritwali tal-​ġens ġdid tiegħu, l-​“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Matul is-​sekli, dawn is-​siġar tal-​“ballut” saru jgħoddu 144,000. Huma pproduċew frott taʼ tjieba biex isebbħu, jew iġibu glorja, lil Alla Jehovah. (Apokalissi 14:3) L-​aħħar uħud minn dawn is-​siġar impressjonanti tal-​“ballut” iffjorixxew fis-​snin taʼ wara l-​1919, meta Jehovah reġaʼ ta l-​ħajja lill-​membri tal-​fdal taʼ l-​Iżrael t’Alla biex ma jibqgħux inattivi, kif kien ġralhom għal ftit taż-​żmien. Billi pprovdielhom provvista abbundanti taʼ ilmijiet spiritwali, Jehovah pproduċa verament foresta taʼ siġar taʼ tjieba li jagħmlu l-​frott.—Isaija 27:6.

14, 15. L-​adoraturi meħlusin taʼ Jehovah f’liema proġetti ħadu sehem b’seħħ mis-​sena (a) 537 Q.E.K.? (b) 33 E.K.? (ċ) 1919?

14 Waqt li jenfasizza x-​xogħol taʼ dawn is-​siġar tal-​“ballut,” Isaija jkompli: “Mill-​ġdid għad jibnu l-​ħerbiet tal-​qedem, itellgħu t-​tiġrif taʼ l-​imgħoddi, iġeddu l-​bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.” (Isaija 61:4) Taħt id-​digriet tas-​Sultan Ċiru tal-​Persja, il-​Lhud leali li rritornaw minn Babilonja bnew mill-​ġdid lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, li kienu tħallew ħerba għal żmien twil. Proġetti taʼ tiġdid kellhom ukoll jimmarkaw is-​snin taʼ wara s-​sena 33 E.K. u l-​1919.

15 Fis-​sena 33 E.K., id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu mnikktin ferm meta hu ġie arrestat, interrogat, u maqtul. (Mattew 26:31) Madankollu, il-​ħarsa tagħhom inbidlet meta hu dehrilhom wara li ġie rxoxtat. U meta l-​ispirtu qaddis ġie msawwab fuqhom, huma daħlu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tal-​bxara t-​tajba, “f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija kollha u s-​Samarija u sa truf l-​art.” (Atti 1:8) B’hekk, huma bdew jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima safja. Bl-​istess mod, mill-​1919 ’il quddiem Ġesù Kristu ġiegħel lill-​membri tal-​fdal taʼ ħutu l-​midlukin jibnu mill-​ġdid “bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.” Għal sekli sħaħ, il-​kleru tal-​Kristjaneżmu naqas li jgħallem l-​għarfien dwar Jehovah, u floku għallem tradizzjonijiet magħmulin mill-​bniedem u duttrini mhux skritturali. Il-​Kristjani midlukin naddfu l-​kongregazzjonijiet tagħhom minn prattiċi li kienu mċappsin bir-​reliġjon falza sabiex it-​tiġdid tal-​qima vera setaʼ jimxi ’l quddiem. U bdew dik li kellha tkun l-​akbar kampanja taʼ għoti taʼ xiehda li d-​dinja qatt rat.—Mark 13:10.

16. Min qed jgħin lill-​Kristjani midlukin fix-​xogħol tagħhom taʼ tiġdid, u b’liema xogħlijiet ġew fdati?

16 Dan kien inkarigu kbir immens. Kif setgħu r-​relattivament ftit membri li kien fadal mill-​Iżrael t’Alla jwettqu biċċa xogħol bħal din? Jehovah nebbaħ lil Isaija biex jiddikjara: “Ikun hemm il-​barranin li jirgħu l-​imrieħel tagħkom, wlied il-​frustiera jaħdmulkom ir-​rabaʼ, u jeħdulkom ħsieb id-​dwieli.” (Isaija 61:5) Il-​barranin u l-​frustieri figurattivi huma l-​“kotra kbira” tan-​“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù. a (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:11, 16) Dawn m’humiex midlukin bl-​ispirtu qaddis bl-​għan li jkollhom wirt fis-​sema. Minflok, għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. (Apokalissi 21:3, 4) Xorta waħda, huma jħobbu lil Jehovah u ġew fdati bi dmirijiet spiritwali taʼ li jirgħu l-​imrieħel, jaħdmu r-​rabaʼ, u jieħdu ħsieb id-​dwieli. Dawn l-​attivitajiet m’humiex xi biċċa xogħol taʼ kafkaf. Taħt id-​direzzjoni tal-​fdal taʼ l-​Iżrael t’Alla, dawn il-​ħaddiema jagħtu daqqa t’id biex jirgħu, imantnu u jagħmlu xogħol taʼ ħsad fost in-​nies.—Luqa 10:2; Atti 20:28; 1 Pietru 5:2; Apokalissi 14:15, 16.

17. (a) Il-​membri taʼ l-​Iżrael t’Alla x’se jissejħu? (b) Liema hu l-​uniku sagrifiċċju li hu meħtieġ għall-​maħfra tad-​dnubiet?

17 Xi ngħidu għall-​Iżrael t’Alla? Jehovah jgħidilhom, permezz taʼ Isaija: “Lilkom isejjħulkom: ‘Il-​Qassisin tal-​Mulej,’ ‘Qaddejja taʼ Alla tagħna’ isemmukom. Tieklu l-​ġid tal-​ġnus, tissebbħu bil-​glorja tagħhom.” (Isaija 61:6) F’Iżrael tal-​qedem, Jehovah pprovda s-​saċerdozju Levitiku biex joffri sagrifiċċji għan-​nom tal-​qassisin infushom u taʼ sħabhom l-​Iżraelin. Madankollu, fis-​sena 33 E.K., Jehovah ma baqax juża s-​saċerdozju Levitiku u ta bidu għal arranġament aħjar. Hu aċċetta l-​ħajja perfetta taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju għad-​dnubiet tal-​bnedmin. Minn dakinhar ’l hawn, ma kien meħtieġ ebda sagrifiċċju ieħor. Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jibqaʼ validu għal dejjem.—Ġwann 14:6; Kolossin 2:13, 14; Lhud 9:11-14, 24.

18. L-​Iżrael t’Alla jifforma liema tip taʼ saċerdozju, u x’inhu l-​inkarigu tiegħu?

18 Għalhekk, il-​membri taʼ l-​Iżrael t’Alla kif inhuma l-​“Qassisin tal-​Mulej”? Meta kien qed jikteb lil sħabu l-​Kristjani midlukin, l-​appostlu Pietru qal: “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-​tifħir taʼ dak li sejjħilkom mid-​dlam għad-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.” (1 Pietru 2:9) Għaldaqstant, bħala grupp, il-​Kristjani midlukin jifformaw saċerdozju b’inkarigu speċifiku: biex jgħidu lill-​ġnus dwar il-​glorja taʼ Jehovah. Iridu jkunu xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) Matul l-​aħħar jiem, il-​Kristjani midlukin wettqu fedelment dan l-​inkarigu vitali. B’riżultat taʼ dan, miljuni sħaħ issa qed jieħdu sehem magħhom f’li jagħtu xiehda dwar is-​Saltna taʼ Jehovah.

19. Il-​Kristjani midlukin se jkunu privileġġati li jwettqu liema servizz?

19 Iżjed minn hekk, il-​membri taʼ l-​Iżrael t’Alla għandhom il-​prospett li jaqdu bħala qassisin b’mod ieħor. Wara li jmutu, dawn jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema bħala spirti immortali. Hemmhekk huma jaqdu mhux biss bħala ħakkiema maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu imma wkoll bħala qassisin t’Alla. (Apokalissi 5:10; 20:6) Bħala talin, se jkunu privileġġati li japplikaw il-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-​bnedmin leali fuq l-​art. Fil-​viżjoni li ra l-​appostlu Ġwanni u li nsibu fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi kapitlu 22, dawn jiġu deskritti mill-​ġdid bħala ‘siġar.’ Dawn is-​‘siġar’ kollha, li jgħoddu 144,000, jidhru fis-​sema, jipproduċu ‘frott taʼ tnax-il xorta, iroddu l-​frott tagħhom darba fix-​xahar; il-​weraq tas-​siġar huma duwa tajba għall-​ġnus.’ (Apokalissi 22:1, 2) X’servizz saċerdotali meraviljuż hu dan!

Għajb u Umiljazzjoni, Imbagħad Hena

20. Minkejja l-​oppożizzjoni, is-​saċerdozju rjali liema barka jistenna?

20 Mill-​1914 ’l hawn, meta bdiet is-​sena tal-​grazzja taʼ Jehovah, is-​saċerdozju rjali ma ra xejn ħlief oppożizzjoni mill-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu. (Apokalissi 12:17) Minkejja dan, l-​isforzi kollha li saru biex iwaqqfu l-​ippridkar tal-​bxara t-​tajba fl-​aħħar mill-​aħħar fallew. Il-​profezija taʼ Isaija bassritu dan, billi qalet: “Għaliex id-​doppju kien l-​għajb tagħhom; mistħija u żebliħ kien sehemhom. Għalhekk id-​doppju jirtu f’arthom, u jkollhom hena bla tmiem.”—Isaija 61:7.

21. Il-​Kristjani midlukin kif gawdew porzjon doppju taʼ barkiet?

21 Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​membri tal-​fdal midluk sofrew l-​għajb u l-​umiljazzjoni taħt idejn il-​Kristjaneżmu nazzjonalistiku. Membri tal-​kleru kienu fost dawk li b’mod falz akkużaw b’sedizzjoni lil tmien aħwa leali mill-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Dawn l-​aħwa ġew mitfugħin il-​ħabs b’mod inġust għal disaʼ xhur. Finalment, fir-​rebbiegħa taʼ l-​1919, ġew meħlusin, u iktar tard l-​akkużi kollha li nġiebu kontrihom ġew irtirati. B’hekk, min ħaseb li se jwaqqaf ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar sab li kollox baqaʼ f’wiċċu. Minflok ma ħalla lill-​adoraturi tiegħu jsofru għajb dejjiemi, Jehovah ħelishom u ħadhom lura lejn “arthom,” il-​qasam spiritwali tagħhom. Hemmhekk huma rċivew porzjon doppju taʼ barkiet. Il-​fatt li rċivew il-​barka taʼ Jehovah pattielhom bil-​kbir għal dak kollu li kienu sofrew. Verament kellhom għalfejn jgħajtu bil-​ferħ!

22, 23. Il-​Kristjani midlukin kif imitawh lil Jehovah, u hu kif ippremjahom?

22 Dak li Jehovah jgħid issa jipprovdi raġuni oħra biex il-​Kristjani taʼ llum jithennew: “Jien hu l-​Mulej, li nħobb id-​dritt, u nobgħod il-​ħella u l-​qerq. U jien bis-​sewwa nħallashom, u nagħmel magħhom patt għal dejjem.” (Isaija 61:8) Permezz taʼ l-​istudju tagħhom tal-​Bibbja, il-​membri tal-​fdal midluk tgħallmu jħobbu l-​ġustizzja u jobogħdu l-​ħażen. (Proverbji 6:12-19; 11:20) Tgħallmu “jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet,” billi jibqgħu newtrali fil-​gwerer u t-​taqlib politiku bejn il-​ġnus. (Isaija 2:4) Ħallew ukoll warajhom prattiċi li jiddiżonoraw lil Alla, bħalma huma l-​malafama, l-​adulterju, is-​serq, u s-​sokor.—Galatin 5:19-21.

23 Peress li l-​Kristjani midlukin għandhom l-​istess imħabba għall-​ġustizzja li għandu l-​Ħallieq tagħhom, Jehovah ‘ħallashom bis-​sewwa.’ Dan il-​‘ħlas’ jinkludi patt li jdum għal dejjem—il-​patt il-​ġdid—patt li Ġesù ħabbar lis-​segwaċi tiegħu fil-​lejl qabel ma miet. Huwa fuq il-​bażi taʼ dan il-​patt li huma saru ġens spiritwali, il-​poplu speċjali t’Alla. (Ġeremija 31:31-34; Luqa 22:20) Bis-​saħħa taʼ dan il-​patt, Jehovah se jwettaq il-​benefiċċji kollha tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, inkluż il-​maħfra tad-​dnubiet kemm għall-​midlukin kif ukoll għall-​uħud leali l-​oħrajn kollha fost il-​bnedmin.

Nithennew bil-​Barkiet taʼ Jehovah

24. Minn fost il-​ġnus min huma n-​“nisel” li jsiru mberkin, u kif saru “nisel”?

24 Xi wħud fost il-​ġnus irrikonoxxew li l-​barka taʼ Jehovah qiegħda fuq il-​poplu tiegħu. Dan kien imbassar bil-​wegħda taʼ Jehovah: “Nisilhom ikun magħruf fost il-​ġnus, u wliedhom qalb il-​popli. Kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-​Mulej.” (Isaija 61:9) Il-​membri taʼ l-​Iżrael t’Alla, il-​Kristjani midlukin, baqgħu attivi fost il-​ġnus matul is-​sena tal-​grazzja taʼ Jehovah. Illum dawk li wieġbu għall-​ministeru tagħhom jgħoddu bil-​miljuni. Billi jaħdmu fil-​qrib maʼ l-​Iżrael t’Alla, dawn in-​nies tal-​ġnus għandhom il-​privileġġ li jsiru n-​“nisel imbierek mill-​Mulej.” Il-​kundizzjoni hienja tagħhom jistgħu jarawha l-​bnedmin kollha.

25, 26. Il-​Kristjani kollha kif jidwu s-​sentimenti li nsibu f’Isaija 61:10?

25 Il-​Kristjani kollha, kemm il-​midlukin kif ukoll in-​nagħaġ oħra, iħarsu ’l quddiem biex ifaħħru lil Jehovah għall-​eternità. Huma jaqblu b’qalbhom kollha mal-​profeta Isaija, li jgħid taħt ispirazzjoni: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-​Mulej, taqbeż bil-​ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-​salvazzjoni, bil-​mantar tal-​ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-​ġawhar tagħha.”—Isaija 61:10.

26 Billi huma lebsin il-​“mantar tal-​ġustizzja,” il-​Kristjani midlukin huma determinati li jibqgħu safjin u nodfa f’għajnejn Jehovah. (2 Korintin 11:1, 2) Peress li ġew dikjarati twajbin minn Jehovah bl-​għan li jirtu ħajja fis-​sema, huma qatt u qatt ma se jirritornaw lejn il-​qasam imġarraf taʼ Babilonja l-​Kbira, li kienu ġew meħlusin minnu. (Rumani 5:9; 8:30) L-​ilbies tas-​salvazzjoni huwa imprezzabbli għalihom. Sħabhom in-​nagħaġ oħra huma determinati b’mod simili li jħarsu l-​livelli għoljin tal-​qima safja t’Alla Jehovah. Peress li “l-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf,” jiġu dikjarati twajbin u se jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira. (Apokalissi 7:14; Ġakbu 2:23, 25) Sakemm jasal dak iż-​żmien, huma jimitaw lil sħabhom il-​midlukin billi jevitaw kwalunkwe tinġis minn Babilonja l-​Kbira.

27. (a) Matul ir-​Renju Millennjali, x’se ‘jinbet’ quddiem il-​ġnus kollha? (b) It-​tjieba kif qed tinbet diġà fost il-​bnedmin?

27 Illum l-​adoraturi taʼ Jehovah jitgħaxxqu li jinsabu f’ġenna spiritwali. Dalwaqt se jgawdu wkoll Ġenna taʼ l-​art f’sens fiżiku. Aħna nħarsu ’l quddiem b’qalbna kollha lejn dak iż-​żmien, li hu deskritt b’mod ċar fl-​aħħar vers taʼ Isaija kapitlu 61: “Bħalma l-​art tnibbet, bħalma l-​ġnien inibbet il-​miżrugħ fih, hekk il-​Mulej inibbet il-​ġustizzja u l-​foħrija, quddiem kollha kemm huma l-​ġnus.” (Isaija 61:11) Matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, l-​art se ‘tnibbet il-​ġustizzja.’ Il-​bnedmin se jgħajtu għajat tar-​rebħa, u t-​tjieba se tinfirex sat-​trufijiet taʼ l-​art. (Isaija 26:9) Madankollu, aħna m’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew dan il-​jum glorjuż sabiex nagħtu tifħir quddiem il-​ġnus kollha. It-​tjieba diġà qed tinbet fost il-​miljuni li jigglorifikaw lil Alla tas-​sema u jxandru l-​bxara t-​tajba dwar is-​Saltna tiegħu. Saħansitra issa l-​fidi u t-​tama tagħna jagħtuna kull raġun biex nithennew bil-​barkiet li jagħtina Alla tagħna.

[Nota taʼ taħt]

a Isaija 61:5 setaʼ kellu twettiq fil-​qedem, ladarba kien hemm xi wħud li ma kinux Lhud li akkumpanjaw lil-​Lhud naturali meta rritornaw lejn Ġerusalemm u x’aktarx li għenuhom fit-​tiġdid tal-​pajjiż. (Esdra 2:43-58) Madankollu, minn vers 6 l-​profezija donnha tapplika biss għall-​Iżrael t’Alla.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 323]

Isaija għandu bxara tajba x’ixandrilhom lill-​ilsiera Lhud

[Stampa f’paġna 331]

Mis-​sena 33 E.K. ’l hawn, Jehovah ħawwel 144,000 ‘balluta tas-​sewwa’

[Stampa f’paġna 334]

L-​art se tnibbet it-​tjieba