Jehovah—“Alla Ġust u Salvatur”
Kapitlu Sitta
Jehovah—“Alla Ġust u Salvatur”
1, 2. Liema ċertezzi jingħataw f’Isaija kapitlu 45, u liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati?
IL-WEGĦDI taʼ Jehovah huma taʼ min joqgħod fuqhom. Hu dak Alla tar-rivelazzjoni u dak Alla tal-ħolqien. Darba wara l-oħra wera li hu Alla ġust u Salvatur taʼ nies mill-ġnus kollha. Dawn huma ftit mill-affarijiet inkuraġġanti li jagħtuna fiduċja u li nsibu f’Isaija kapitlu 45.
2 Iżjed minn hekk, Isaija kapitlu 45 fih eżempju meraviljuż taʼ kemm Jehovah hu kapaċi jipprofetizza. Bis-saħħa taʼ l-ispirtu t’Alla, Isaija jistaʼ jittawwal lejn pajjiżi ’l bogħod u jagħti daqqa t’għajn lejn ġrajjiet li se jseħħu fis-sekli li ġejjin. L-ispirtu t’Alla jqanqlu wkoll biex jiddeskrivi episodju li Jehovah biss, dak Alla tal-profezija vera, jistaʼ jbassru b’din l-eżattezza. X’inhi din il-ġrajja? Kif teffettwah lill-poplu t’Alla fi żmien Isaija? X’sinifikat għandha għalina llum? Ejja neżaminaw il-kliem tal-profeta.
Id-Dikjarazzjoni taʼ Jehovah Kontra Babilonja
3. Isaija 45:1-3a b’liema espressjonijiet ċari ħafna jiddeskrivi l-konkwista minn Ċiru?
3 “Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu, lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija biex inrażżan il-ġnus quddiemu u nħoll il-ħżiem taʼ ġenbejn is-slaten; niftaħ il-bibien quddiemu u ebda bieb ma jibqaʼ magħluq: ‘Quddiemek nimxi jien, u l-mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek; nċarrat il-bibien tal-bronż, u l-istaneg tal-ħadid inqattaʼ. Nagħtik it-teżori fid-dlam moħbija, il-ħażniet fil-moħbiet mistura.’”—Isaija 45:1-3a.
4. (a) Jehovah għala jsejjaħlu l-“midluk” tiegħu lil Ċiru? (b) Jehovah kif se jassigura li jirbaħ Ċiru?
4 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jkellem lil Ċiru bħallikieku kien ħaj, għalkemm fi żmien Isaija Ċiru għadu ma twelidx. (Rumani 4:17) Ladarba Jehovah jaħtar lil Ċiru bil-quddiem biex iwettaq biċċa xogħol speċifika, jistaʼ jingħad li Ċiru hu l-“midluk” t’Alla. Peress li Alla qed imexxih, hu se jrażżan lill-ġnus, idgħajjef lis-slaten u jagħmilhom bla ħila biex jirreżistuh. Imbagħad, meta Ċiru jattakka lil Babilonja, Jehovah se jara li l-bibien tal-belt jitħallew miftuħin, u b’hekk isiru ma jiswew għalxejn bħal xtiebi li ġew imfarrkin. Hu se jimxi quddiem Ċiru, billi jwarrab min-nofs kull tfixkil. Fl-aħħar mill-aħħar, it-truppi taʼ Ċiru se jikkonkwistaw il-belt u jieħdu taħt idejhom il-“ħażniet” tagħha, il-ġid li għandha maħżun fid-dlam taħt l-art. Hekk ibassar Isaija. Iseħħ kliemu?
5, 6. Il-profezija dwar il-waqgħa taʼ Babilonja meta u kif isseħħ?
5 Fis-sena 539 Q.E.K.—xi 200 sena wara li Isaija jikteb din il-profezija—Ċiru fil-fatt jasal ħdejn is-swar taʼ Babilonja biex jattakka l-belt. (Ġeremija 51:11, 12) Madankollu, lill-Babiloniżi dan ma jinkwetahomx. Huma jħossu li l-belt tagħhom qatt u qatt ma tistaʼ tintrebaħ. Is-swar għoljin tagħha jiddominaw fuq kanali fondi mimlijin bl-ilma mix-Xmara Ewfrat, li tifforma parti mid-difiża tal-belt. Għal iktar minn mitt sena, ebda għadu ma kellu l-ħila jattakka lil Babilonja b’mod dirett! Fil-fatt, Beltassar, il-ħakkiem residenti taʼ Babilonja, tant iħossu li qiegħed fis-sigurtà li jagħmel festa mal-kbarat tiegħu. (Danjel 5:1) Dak il-lejl—il-lejl taʼ bejn il-5 u s-6 t’Ottubru—Ċiru jwettaq manuvra militari mill-aqwa.
6 ’Il fuq minn Babilonja, l-inġiniera taʼ Ċiru ħaffru kanali fuq ix-xatt tax-Xmara Ewfrat biex idawru r-rotta taʼ l-ilmijiet tagħha, u b’hekk dawn ma jgelglux iktar ’l isfel lejn il-belt. Fi żmien qasir, il-livell taʼ l-ilma tax-xmara ġo Babilonja u madwarha tant jitbaxxa li t-truppi taʼ Ċiru jistgħu jidħlu jċafalsu billi jgħaddu minn fuq qiegħ ix-xmara lejn il-qalba tal-belt. (Isaija 44:27; Ġeremija 50:38) B’għaġeb kbir, sewwa sew bħalma bassar Isaija, il-bibien taʼ max-xmara huma miftuħin. Il-qawwiet armati taʼ Ċiru jidħlu qatta waħda ġo Babilonja, jieħdu l-palazz, u joqtlu lis-Sultan Beltassar. (Danjel 5:30) F’lejl wieħed il-konkwista sseħħ. Babilonja waqgħet, u l-profezija titwettaq sa l-iċken dettall.
7. Il-Kristjani kif jissaħħu permezz tat-twettiq meraviljuż tal-profezija taʼ Isaija rigward Ċiru?
7 Illum, it-twettiq preċiż taʼ din il-profezija jsaħħaħ il-fidi tal-Kristjani u jagħtihom raġuni soda biex jemmnu li l-profeziji tal-Bibbja li għadhom ma twettqux huma wkoll għalkollox taʼ min joqgħod fuqhom. (2 Pietru 1:20, 21) Dawk li jqimu lil Jehovah jafu li l-ġrajja ffigurata bil-quddiem mill-waqgħa taʼ Babilonja fis-sena 539 Q.E.K.—il-waqgħa taʼ “Babilonja l-Kbira”—diġà seħħet fl-1919. Xorta waħda, huma jħarsu ’l quddiem lejn il-qerda taʼ din l-organizzazzjoni reliġjuża taʼ żmienna kif ukoll lejn dak li ġie mwiegħed dwar it-tneħħija tas-sistema politika li hi kontrollata minn Satana, it-tfigħ fl-abbissi taʼ Satana, u l-miġja taʼ smewwiet ġodda u art ġdida. (Apokalissi 18:2, 21; 19:19-21; 20:1-3, 12, 13; 21:1-4) Huma jafu li l-profeziji taʼ Jehovah m’humiex wegħdi vojta, imma deskrizzjonijiet taʼ ġrajjiet definiti li se jseħħu fil-futur. Il-fiduċja tal-Kristjani veri tissaħħaħ meta jiftakru fit-twettiq tad-dettalji kollha tal-profezija taʼ Isaija rigward il-waqgħa taʼ Babilonja. Huma jafu li Jehovah dejjem iwettaq kliemu.
Għala Jehovah Se Jiffavorixxi lil Ċiru
8. X’inhi raġuni waħda għala Jehovah jagħti lil Ċiru r-rebħa fuq Babilonja?
8 Wara li jistqarr min se jikkonkwista lil Babilonja u kif dan se jsir, Jehovah jissokta jispjega raġuni waħda għala Ċiru se jingħata r-rebħa. Jehovah, waqt li jkellem profetikament lil Ċiru, jgħid li dan se jseħħ “biex tkun taf li jien il-Mulej, Alla taʼ Iżrael, li sejjaħtlek b’ismek.” (Isaija 45:3b) Huwa xieraq li l-ħakkiem tar-rabaʼ qawwa dinjija taʼ l-istorja Biblika jirrikonoxxi li l-akbar rebħa tiegħu sseħħ bħala riżultat taʼ l-appoġġ mogħti minn wieħed li hu akbar minnu—Jehovah, is-Sovran Universali. Ċiru għandu jammetti li dak li jsejjaħlu, jew jinkarigah, hu Jehovah, Alla taʼ Iżrael. Il-Bibbja turi li Ċiru fil-fatt irrikonoxxa li r-rebħa kbira tiegħu ġiet mingħand Jehovah.—Esdra 1:2, 3.
9. Liema hi t-tieni raġuni għala Jehovah jġib lil Ċiru biex jikkonkwista lil Babilonja?
9 Jehovah jispjega t-tieni raġuni għala jġib lil Ċiru biex jikkonkwista lil Babilonja: “Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi, u Iżrael, il-maħtur tiegħi, jien sejjaħtlek b’ismek. Tajtek isem taʼ ġieħ għad li lanqas tafni.” (Isaija 45:4) Ir-rebħa taʼ Ċiru fuq Babilonja theżżeż l-art. Timmarka l-waqgħa taʼ qawwa dinjija waħda u t-tlugħ fil-poter taʼ oħra, u tħalli l-marka tagħha fuq l-istorja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Madankollu, in-nies mill-ġnus ġirien li qegħdin jaraw il-ġrajjiet b’ansjetà kbira x’aktarx li se jibqgħu ċċassati meta jsiru jafu li dan kollu jseħħ minħabba ftit eluf taʼ eżiljati “insinifikanti” f’Babilonja—il-Lhud, dixxendenti taʼ Ġakobb. Madankollu, f’għajnejn Jehovah, dawn li fadal mill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem huma prezzjużi ferm. Huma l-“qaddej” tiegħu. Mill-ġnus kollha taʼ l-art, huma l-“maħtur” tiegħu. Avolja Ċiru qabel ma kienx jafu lil Jehovah, hu jintuża minn Jehovah bħala l-midluk Tiegħu biex jegħleb il-belt li ma riditx teħles lill-ilsiera tagħha. M’huwiex l-iskop t’Alla li l-poplu magħżul tiegħu jibqaʼ jinfena għal dejjem f’art barranija.
10. X’inhi l-iktar raġuni importanti għala Jehovah juża lil Ċiru biex iġib it-tmiem tal-Qawwa Dinjija Babiloniża?
10 Hemm it-tielet raġuni li hi saħansitra iktar importanti għala Jehovah juża lil Ċiru biex jegħleb lil Babilonja. Jgħid Jehovah: “Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi, m’hemmx Alla ieħor għajri. Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni, biex mnejn titlaʼ x-xemx safejn tinżel, il-bnedmin jagħrfu li m’hemm ħadd ħliefi. Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi.” (Isaija 45:5, 6) Iva, il-waqgħa tal-Qawwa Dinjija Babiloniża hija turija tad-Divinità taʼ Jehovah. B’hekk, jintwera lil kulħadd li hu biss jistħoqqlu li jiġi meqjum. Peress li l-poplu t’Alla jinħeles, individwi minn ħafna ġnus—mil-lvant sal-punent—se jaslu biex jirrikonoxxu li Jehovah hu l-uniku Alla veru.—Malakija 1:11.
11. Jehovah kif juri li għandu l-qawwa li jwettaq l-iskop tiegħu rigward Babilonja?
11 Ftakar li din il-profezija taʼ Isaija nkitbet xi 200 sena qabel ma seħħet il-ġrajja. Malli semgħuha xi wħud forsi staqsew, ‘Huwa veru li Jehovah għandu l-qawwa li jwettaqha?’ Bħalma tixhed l-istorja, ir-risposta hi iva. Jehovah jispjega għala huwa raġunevoli li temmen li hu jistaʼ jwettaq dak li jgħid: “Jien sawwart id-dawl u ħlaqt id-dlam; jien nagħmel ir-riżq u noħloq id-deni; jiena l-Mulej, li nagħmel dan kollu.” (Isaija 45:7) Kull ħaġa li hemm fil-ħolqien—mid-dawl sad-dlam—u kull ħaġa li hemm fl-istorja—mir-riżq sad-deni—tistaʼ tiġi kontrollata minn Jehovah. Sewwa sew bħalma joħloq id-dawl tal-jum u d-dlam tal-lejl, hekk se jagħmel ir-riżq għal Iżrael u d-deni għal Babilonja. Jehovah għandu l-qawwa li joħloq l-univers, u għandu wkoll il-qawwa li jwettaq il-profeziji tiegħu. Illum, dan jimliehom bil-fiduċja lill-Kristjani li jistudjaw bir-reqqa l-kelma profetika tiegħu.
12. (a) Jehovah x’iġagħalhom jipproduċu s-smewwiet u l-art figurattivi? (b) Il-kliem taʼ Isaija 45:8 liema wegħda taʼ faraġ fih għall-Kristjani llum?
12 B’mod xieraq, Jehovah juża ġrajjiet li jseħħu regolarment fil-ħolqien biex jagħti stampa taʼ l-affarijiet li hemm maħżunin għall-ilsiera Lhud: “Qattru, smewwiet, mill-għoli, u jraxxax is-sħab il-ġustizzja; tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni, u tinbet magħha l-ġustizzja. Jiena l-Mulej, jien ħlaqtha.” (Isaija 45:8) Sewwa sew bħalma s-smewwiet letterali jqattru x-xita li tagħti l-ħajja, Jehovah se jġiegħel li l-ġustizzja u t-tjieba jinżlu bħal xita mis-smewwiet figurattivi u jinfluwenzaw lin-nies tiegħu. U sewwa sew bħalma l-art letterali tinfetaħ biex tipproduċi ħsad kotran, Jehovah se jġiegħel l-art figurattiva tipproduċi ġrajjiet f’armonija maʼ l-iskop tiegħu taʼ tjieba—speċjalment salvazzjoni għan-nies tiegħu li qegħdin fil-jasar f’Babilonja. Fl-1919, Jehovah ġagħal li s-‘sema’ u l-“art” jipproduċu ġrajjiet b’mod simili sabiex jeħles lill-poplu tiegħu. Illum, il-Kristjani jithennew meta jaraw dawn l-affarijiet. Għala? Għaliex dawn il-ġrajjiet isaħħulhom il-fidi hekk kif iħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta s-smewwiet figurattivi, is-Saltna t’Alla, se jġibu barkiet fuq art mimlija tjieba. F’dak iż-żmien it-tjieba u s-salvazzjoni li joħorġu mis-smewwiet u l-art figurattivi se jkunu fuq skala ferm iktar grandjuża minn meta ġiet megħluba Babilonja tal-qedem. Xi twettiq finali glorjuż tal-kliem taʼ Isaija se jkun dan!—2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:1.
Barkiet għal Min Jirrikonoxxi s-Sovranità taʼ Jehovah
13. Għala hija ħaġa ridikola li l-bnedmin jisfidaw l-iskopijiet taʼ Jehovah?
13 Wara din id-deskrizzjoni taʼ barkiet mimlijin ferħ li se jseħħu fil-futur, it-ton tal-profezija jinbidel ħabta u sabta, u Isaija jlissen gwaj doppju: “Ħażin għal min jitlewwem maʼ Min għamlu; bħal xaqqufa maʼ min jaħdem it-tajn! Jaqaw jgħid it-tafal lill-fuħħari: ‘X’inti tagħmel?’ Jew inkella ‘xogħlok bla fejda’? Ħażin għalih min jgħid lill-missier: ‘X’inti tnissel?’ jew lil xi mara: ‘X’inti tiled?’” (Isaija 45:9, 10) Milli jidher, ulied Iżrael joġġezzjonaw għal dak li jbassar Jehovah. Forsi ma jemmnux li Jehovah se jippermetti li l-poplu tiegħu jmur fl-eżilju. Jew jistaʼ jkun li ddejjaqhom l-idea li Iżrael se jinħeles minn sultan taʼ ġens pagan minflok minn sultan tad-dar taʼ David. Biex juri kemm huma bla sens dawn l-oġġezzjonijiet, Isaija jqabbel lil dawk li joġġezzjonaw maʼ bċejjeċ tat-tafal mormijin u maʼ tilqit tal-fuħħar li jażżardaw jiddubitaw dwar l-għerf taʼ min għamilhom. Dik l-istess ħaġa msawra mill-fuħħari issa qiegħda ssostni li l-fuħħari la għandu idejn u lanqas qawwa biex isawwar. Xi bluha! Dawk li joġġezzjonaw huma bħal tfal ċkejknin li jissograw jikkritikaw l-awtorità tal-ġenituri tagħhom.
14, 15. L-espressjonijiet “il-Qaddis” u ‘Dak li jsawwar’ x’jirrivelaw dwar Jehovah?
14 Isaija jagħti r-risposta taʼ Jehovah lil dawn l-uħud li joġġezzjonaw: “Dan jgħid il-Mulej, il-Qaddis taʼ Iżrael u Dak li sawwru: ‘Jaqaw tridu tistaqsuni x’ġej fuq uliedi; jew tordnawli fuq xogħol idejja? Jiena għamilt l-art, u ħlaqt il-bniedem fuqha. Jiena, idejja firxu s-smewwiet, u l-qtajjaʼ kollha tagħhom nikkmanda. Jiena qajjimt ’il Ċiru biex jagħmel il-ġustizzja, u wittejtlu triqtu kollha. Hu jibni belti, u jeħles lill-ilsiera tiegħi, bla ħlas u bla għotjiet,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.”—Isaija 45:11-13.
15 Il-fatt li Jehovah jiġi deskritt bħala “l-Qaddis” jenfasizza l-qdusija tiegħu, u l-fatt li jissejjaħ ‘Dak li jsawwar’ jenfasizza d-dritt li għandu bħala l-Ħallieq li jiddeċiedi kif se jiżvolġu l-affarijiet. Jehovah kapaċi jinforma lil ulied Iżrael dwar l-affarijiet li ġejjin u jieħu ħsieb xogħol idejh, jiġifieri, il-poplu tiegħu. Għal darb’oħra hawnhekk jintwera li l-prinċipji tal-ħolqien u tar-rivelazzjoni huma marbutin flimkien. Bħala l-Ħallieq taʼ l-univers kollu kemm hu, Jehovah għandu d-dritt li jiggwida l-ġrajjiet skond kif jiddeċiedi hu. (1 Kronaki 29:11, 12) F’dan il-każ li qegħdin niddiskutu, il-Ħakkiem Sovran iddeċieda li jqajjem lil Ċiru, bniedem pagan, bħala l-ħellies taʼ Iżrael. Il-miġja taʼ Ċiru, għalkemm għadha ma seħħitx, hija ċerta daqskemm jeżistu s-sema u l-art. Għalhekk, liema iben taʼ Iżrael se jażżarda jikkritika lill-Missier, Jehovah l-“Mulej taʼ l-eżerċti”?
16. Il-qaddejja taʼ Jehovah għala għandhom ikunu suġġetti lejh?
16 Dawn l-istess versi taʼ Isaija fihom jerġaʼ raġuni oħra għala l-qaddejja t’Alla għandhom ikunu suġġetti lejh. Id-deċiżjonijiet li jieħu jkunu dejjem fl-aħjar interess tal-qaddejja tiegħu. (Ġob 36:3) Hu għamel liġijiet biex jgħin lin-nies tiegħu jibbenefikaw minnhom huma stess. (Isaija 48:17) Fi żmien Ċiru, il-Lhud li jaċċettaw is-sovranità taʼ Jehovah jsibu li dan huwa veru. Waqt li jaġixxi f’armonija mat-tjieba taʼ Jehovah, Ċiru jibgħathom lura lejn arthom minn Babilonja sabiex ikunu jistgħu jibnu t-tempju mill-ġdid. (Esdra 6:3-5) Bl-istess mod illum, dawk li japplikaw il-liġijiet t’Alla fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum u jissottomettu ruħhom għas-sovranità tiegħu jesperjenzaw barkiet kbar.—Salm 1:1-3; 19:8 [19:7, NW]; 119:105; Ġwann 8:31, 32.
Barkiet għal Ġnus Oħrajn
17. Minbarra Iżrael, min se jibbenefika mill-atti taʼ salvazzjoni taʼ Jehovah, u kif?
17 Iżrael mhux se jkun l-uniku ġens li jibbenefika mill-waqgħa taʼ Babilonja. Jgħid Isaija: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Il-ġid [“ħaddiema mhux imħallsin,” “NW”] taʼ l-Eġittu u l-qligħ [“merkanti,” “NW”] taʼ Kus [“Etjopja,” “KŻ”], u tas-Sabajin, nies twal, jgħaddu għal għandek u jsiru tiegħek. Jimxu warajk u jgħaddu mxekkla, u quddiemek jinxteħtu fl-art, u jitolbuk u jgħidulek: “Għandek biss hemm Alla, u m’hemmx ieħor għajru, m’hemmx Alla ħliefu.”’” (Isaija 45:14) Fi żmien Mosè, “kotra kbira taʼ nies” li ma kinux Iżraelin akkumpanjaw lill-Iżraelin fil-Ħruġ tagħhom mill-Eġittu. (Eżodu 12:37, 38) B’mod simili, l-eżiljati Lhud li jmorru lura lejn arthom minn Babilonja se jkunu akkumpanjati minn xi barranin. Dawn l-uħud li m’humiex Lhud mhux se jiġu sforzati biex imorru imma se jiġu minn rajhom. Meta Jehovah jgħid, “quddiemek jinxteħtu fl-art” u “jitolbuk,” ikun qed jirreferi għall-fatt li dawn il-barranin minn jeddhom se juru sottomissjoni u lealtà lejn Iżrael. Jekk jintrabtu bil-ktajjen, dan se jagħmluh volontarjament, u b’hekk jissinjifikaw ir-rieda tagħhom li jaqdu lill-poplu f’patt m’Alla. Lil dan il-poplu huma se jgħidulu: “Għandek biss hemm Alla.” Huma se jqimu lil Jehovah bħala proseliti, kif hemm provdut għalihom fil-patt tiegħu maʼ Iżrael.—Isaija 56:6.
18. Illum min huma dawk li bbenefikaw mill-fatt li Jehovah ħeles lil “Iżrael taʼ Alla,” u b’liema modi?
18 Minn meta “Iżrael taʼ Alla” ġie meħlus mill-jasar spiritwali fl-1919, kliem Isaija kellu twettiq akbar milli kellu fi żmien Ċiru. Miljuni sħaħ madwar id-dinja juru minn rajhom li jridu jaqdu lil Jehovah. (Galatin 6:16; Żakkarija 8:23) B’mod ferrieħi, dawn joffru s-saħħa fiżika u r-riżorsi finanzjarji tagħhom biex jappoġġaw il-qima vera, bħalma għamlu l-“ħaddiema” u “l-merkanti” msemmijin minn Isaija. (Mattew 25:34-40; Mark 12:30) Huma jiddedikaw ruħhom lil Alla u jimxu fit-triqat tiegħu, u huma kuntenti li jsiru l-ilsiera tiegħu. (Luqa 9:23) Huma jqimu biss lil Jehovah, u b’hekk igawdu l-benefiċċji taʼ sħubija mal-membri taʼ l-“ilsir leali u diskret” taʼ Jehovah, li qegħdin f’relazzjoni taʼ patt speċjali m’Alla. (Mattew 24:45-47, NW; 26:28; Lhud 8:8-13) Waqt li ma jipparteċipawx f’dan il-patt, dawn il-“ħaddiema” u l-“merkanti” jibbenefikaw minnu u jobdu l-liġijiet assoċjati miegħu, billi jipproklamaw bi qlubija: “M’hemmx Alla ħliefu.” Illum kemm huwa eċċitanti li naraw b’għajnejna stess iż-żjieda grandjuża fl-għadd taʼ dawn l-uħud li minn rajhom jappoġġaw il-qima vera!—Isaija 60:22.
19. X’se jiġrilhom dawk li jinsistu li jqimu l-idoli?
19 Wara li jirrivela li nies tal-ġnus se jissieħbu f’li jqimu lil Jehovah, il-profeta jgħajjat: “Tassew int Alla moħbi, Alla taʼ Iżrael, salvatur”! (Isaija 45:15) Għalkemm fil-preżent Jehovah ma jridx li juri l-qawwa tiegħu, fil-ġejjieni mhux se jibqaʼ jinħeba. Se juri ruħu li hu dak Alla taʼ Iżrael, is-Salvatur tal-poplu tiegħu. Madankollu, Jehovah mhux se jkun is-Salvatur taʼ dawk li jafdaw fl-idoli. Dwar dawn Isaija jgħid: “Lkoll imtlew bil-mistħija u l-għajb, telqu lkoll flimkien imriegħxa dawk li jsawwru l-idoli.” (Isaija 45:16) L-umiljazzjoni tagħhom ma tkunx biss li għal ftit taż-żmien iħossuhom fl-għajb u l-mistħija. Se tkun tfisser mewt—l-oppost taʼ dak li Jehovah mbagħad iwiegħed lil Iżrael.
20. Iżrael b’liema mod se jesperjenza “salvazzjoni għal dejjem”?
20 “Iżrael salva bis-saħħa tal-Mulej [“f’għaqda maʼ Jehovah,” “NW”], b’salvazzjoni għal dejjem; qatt ma jkollkom m’niex tistħu u tiregħxu, għal dejjem taʼ dejjem.” (Isaija 45:17) Jehovah jwegħdu salvazzjoni eterna lil Iżrael, imma taħt kundizzjoni. Iżrael irid jibqaʼ “f’għaqda maʼ Jehovah.” Meta Iżrael jikser din l-għaqda għax ma jaċċettax lil Ġesù bħala l-Messija, il-ġens se jitlef il-prospett li għandu taʼ “salvazzjoni għal dejjem.” Madankollu, hemm xi wħud f’Iżrael li se juru fidi f’Ġesù, u dawn se jsiru l-pedament taʼ l-Iżrael t’Alla, li se jieħu post Iżrael naturali. (Mattew 21:43; Galatin 3:28, 29; 1 Pietru 2:9) Iżrael spiritwali qatt ma se jkun umiljat imma se jiddaħħal f’“patt taʼ dejjem.”—Lhud 13:20.
Fil-Ħolqien u fir-Rivelazzjoni Jehovah taʼ Min Joqgħod Fuqu
21. Jehovah kif juri li hu taʼ min joqgħod fuqu għalkollox fil-ħolqien u fir-rivelazzjoni?
21 Jistgħu l-Lhud jistrieħu fuq il-wegħda taʼ Jehovah dwar salvazzjoni eterna għal Iżrael? Iwieġeb Isaija: “Dan jgħid il-Mulej li ħalaq is-smewwiet; Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha: ‘Jien hu l-Mulej, u m’hemm ħadd ħliefi! Ma tkellimtx bil-moħbi f’xi mkien mudlam taʼ l-art. Ma għedtx lil nisel Ġakobb: “Fittixni fil-baħħ.” Jiena hu l-Mulej li ngħid is-sewwa, u d-dritt inxandar.’” (Isaija 45:18, 19) Għar-rabaʼ u l-aħħar darba f’dan il-kapitlu, Isaija jibda silta profetika qawwija bil-frażi: “Dan jgħid il-Mulej.” (Isaija 45:1, 11, 14) X’jgħid Jehovah? Li kemm fil-ħolqien kif ukoll fir-rivelazzjoni, hu taʼ min joqgħod fuqu. Hu ma ħalaqx l-art “għall-baħħ.” Bl-istess mod, hu ma jitlobx lill-poplu tiegħu, Iżrael, biex ifittxu “fil-baħħ.” Sewwa sew bħalma se jitwettaq l-iskop t’Alla għall-art, hekk ukoll se jitwettaq l-iskop t’Alla għall-poplu magħżul tiegħu. B’kuntrast mal-kliem misterjuż taʼ dawk li jaqdu lil allat foloz, il-kliem taʼ Jehovah jingħad fil-pubbliku. Kliemu hu ġust, u se jseħħ. Dawk li jaqduh mhux se jaqduh għalxejn.
22. (a) Il-Lhud eżiljati f’Babilonja dwar liema ħaġa jistgħu jkunu ċerti? (b) Il-Kristjani llum liema ċertezza għandhom?
22 Meta n-nies t’Alla li jinsabu eżiljati f’Babilonja jisimgħu dan il-kliem, jaċċertaw ruħhom li l-Art Imwiegħda mhix se tibqaʼ ħerba. Se tkun abitata mill-ġdid. U l-wegħdi li għamlilhom Jehovah jseħħu. Bl-istess mod, illum kliem Isaija jaċċerta lill-poplu t’Alla li l-art mhix se ssir ħerba—maħruqa bin-nar, bħalma jemmnu xi wħud, jew meqruda bil-bombi nukleari, bħalma jibżgħu oħrajn. Alla għandu l-iskop li l-art tibqaʼ għal dejjem, imlibbsa bi ġmiel taʼ ġenna u mimlija b’abitanti twajbin. (Salm 37:11, 29; 115:16; Mattew 6:9, 10; Apokalissi 21:3, 4) Iva, bħalma ġara fil-każ taʼ Iżrael, kliem Jehovah se jkun taʼ min joqgħod fuqu.
Jehovah Jkabbar il-Ħniena Tiegħu
23. X’inhu r-riżultat għal dawk li jqimu l-idoli, u dawk li jqimu lil Jehovah kif se jaħbtilhom?
23 Is-salvazzjoni taʼ Iżrael tiġi enfasizzata fil-kliem li jmiss taʼ Jehovah: “Inġemgħu, ejjew, ersqu flimkien, intom il-maħrubin mill-ġnus! M’għandhomx għaqal dawk li jġorru l-idoli tagħhom taʼ l-għuda, dawk li jitolbu lil Alla li ma jsalvax. Xandru u ressqu l-kawża tagħkom; ħa jieħdu l-parir taʼ xulxin. Min qalu dan żmien ilu? Min xandru fi żmien il-qedem? M’hux jien il-Mulej? U ma hemm ebda Alla ħliefi; Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri.” (Isaija 45:20, 21) Jehovah jsejjaħ lill-“maħrubin” biex iqabblu s-salvazzjoni tagħhom maʼ dak li jiġrilhom dawk li jqimu l-idoli. (Dewteronomju 30:3; Ġeremija 29:14; 50:28) L-idolatri “m’għandhomx għaqal” għaliex jitolbu u jaqdu lil allat bla qawwa li ma jistgħux isalvawhom. Il-qima tagħhom hi fiergħa—sempliċement għalxejn. Madankollu, dawk li jqimu lil Jehovah jsibu li hu għandu l-qawwa li jwettaq ġrajjiet imbassrin minnu “żmien ilu,” inkluż is-salvazzjoni tal-poplu tiegħu li jinsab eżiljat f’Babilonja. Din il-qawwa u s-setgħa li jkun jaf minn qabel jagħmlu lil Jehovah superjuri għall-allat l-oħrajn kollha. Verament, hu “Alla ġust u salvatur.”
“Is-Salvazzjoni Nafuha lil Alla Tagħna”
24, 25. (a) Jehovah liema stedina jagħmel, u l-wegħda tiegħu għala titwettaq żgur? (b) Jehovah x’jitlob bi dritt?
24 Il-ħniena taʼ Jehovah tqanqlu biex jagħmel din l-istedina: “Duru lejja mill-ġdid, truf kollha taʼ l-art, u intom tkunu salvi! għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi! Bija nnifsi ħlift, minn fommi ħarġet il-ġustizzja, u l-kelma ma terġax lura: għax quddiemi tiltewa kull irkobba, bija jaħlef kull ilsien; għalija għad jgħidu: ‘Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq [“tjieba sħiħa,” “NW”] u l-qawwa; għandu għad jiġu, kollhom mistħija, dawk kollha li nkurlaw għalih. Fil-Mulej isib il-ġustizzja u jitfaħħar in-nisel kollu taʼ Iżrael.’”—Isaija 45:22-25.
25 Jehovah jwiegħed lil Iżrael li se jsalva lil dawk f’Babilonja li jduru Lejh. Il-profezija tiegħu ma tistax tfalli għaliex Jehovah mhux biss għandu x-xewqa imma wkoll l-abbiltà li jeħles lill-poplu tiegħu. (Isaija 55:11) Il-kliem t’Alla fih innifsu hu taʼ min joqgħod fuqu, iktar u iktar meta Jehovah jżid il-ħalfa tiegħu biex jikkonfermah. (Lhud 6:13) Hu bi dritt jitlob sottomissjoni (“tiltewa kull irkobba”) u rabta (“jaħlef kull ilsien”) min-naħa taʼ dawk li jixtiequ li jkollhom il-favur tiegħu. L-Iżraelin li jippersistu fil-qima tagħhom lejn Jehovah se jiġu salvati. Se jkunu jistgħu jiftaħru b’dak li Jehovah jagħmel għalihom.—2 Korintin 10:17.
26. “Kotra kbira” minn kull ġens kif qed twieġeb għall-istedina taʼ Jehovah biex iddur lejh?
26 Madankollu, l-istedina t’Alla biex iduru lejh m’hijiex limitata għall-eżiljati li qegħdin f’Babilonja tal-qedem. (Atti 14:14, 15; 15:19; 1 Timotju 2:3, 4) Din l-istedina għadha miftuħa, u “kotra kbira . . . minn kull ġens” twieġeb u xxandar: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna . . . u lill-Ħaruf [Ġesù].” (Apokalissi 7:9, 10; 15:4) Kull sena, mijiet t’eluf taʼ wħud ġodda jiżdiedu mal-kotra kbira billi jduru lejn Alla, jirrikonoxxu bis-sħiħ is-sovranità tiegħu u jiddikjaraw pubblikament il-lealtà tagħhom lejh. Iżjed minn hekk, huma jappoġġaw lealment lil Iżrael spiritwali, “nisel Abraham.” (Galatin 3:29) Huma jesprimu mħabbithom lejn il-ħakma taʼ Jehovah mimlija tjieba billi jxandru madwar id-dinja: “Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq [“tjieba sħiħa,” NW] u l-qawwa.” a Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu kkwota Isaija 45:23 skond it-traduzzjoni tas-Settanta biex juri li maż-żmien kulmin ikun ħaj se jirrikonoxxi s-sovranità t’Alla u se jfaħħarlu ismu kontinwament.—Rumani 14:11; Filippin 2:9-11; Apokalissi 21:22-27.
27. Illum il-Kristjani għala jistaʼ jkollhom fiduċja assoluta fil-wegħdi taʼ Jehovah?
27 Il-membri tal-kotra kbira għala jistgħu jkunu fiduċjużi li jkun ifisser salvazzjoni għalihom jekk iduru lejn Alla? Għaliex il-wegħdi taʼ Jehovah huma taʼ min joqgħod fuqhom, bħalma juri tant ċar il-kliem profetiku li nsibu f’Isaija kapitlu 45. Sewwa sew bħalma Jehovah kellu l-qawwa u l-għerf biex joħloq is-smewwiet u l-art, hekk ukoll għandu l-qawwa u l-għerf biex iġiegħel li jseħħu l-profeziji tiegħu. U sewwa sew bħalma wettaq il-profezija dwar Ċiru, hekk ukoll se jwettaq kwalunkwe profezija Biblika oħra li għadha ma twettqitx. Għalhekk, dawk li jqimu lil Jehovah jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah dalwaqt se jerġaʼ jagħti prova li hu “Alla ġust u salvatur.”
[Nota taʼ taħt]
a In-New World Translation tuża l-espressjoni “tjieba sħiħa” għaliex it-test Ebrajk għandu l-kelma “tjieba” fil-plural. Il-plural jintuża hawnhekk biex jesprimi l-ammont abbundanti tat-tjieba taʼ Jehovah.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 80, 81]
Jehovah, li jsawwar id-dawl u joħloq id-dlam, jistaʼ jagħmel is-sliem u joħloq il-gwaj
[Stampa f’paġna 83]
Jehovah se jġiegħel is-“smewwiet” jitfgħu barkiet bħax-xita u “l-art” tnibbet is-salvazzjoni
[Stampa f’paġna 84]
Għandhom il-bċejjeċ tat-tafal mormijin jiddubitaw dwar l-għerf taʼ min għamilhom?
[Stampa f’paġna 89]
Jehovah ma ħalaqx l-art għall-baħħ