Jehovah Jagħmel Isem Glorjuż Għalih Innifsu
Kapitlu Erbgħa u Għoxrin
Jehovah Jagħmel Isem Glorjuż Għalih Innifsu
1, 2. (a) Il-Kristjani liema interess persunali għandhom fil-‘jum taʼ Alla’ li ġej? (b) Liema kwistjoni superjuri hija involuta fil-miġja taʼ jum Jehovah?
GĦAL kważi elfejn sena, il-Kristjani ilhom ‘jistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-jum taʼ Alla.’ (2 Pietru 3:12; Titu 2:13) Wieħed jistaʼ jifhem għala huma ansjużi biex jiġi dan il-jum. Wara kollox, dan se jkun il-bidu tas-serħan tagħhom mill-effetti distruttivi taʼ l-imperfezzjoni. (Rumani 8:22) Se jkun ifisser ukoll it-tmiem tal-pressjonijiet li jsofru matul dan iż-“żmien iebes.”—2 Timotju 3:1.
2 Madankollu, waqt li l-jum taʼ Jehovah se jġib serħan lit-twajbin, se jkun ifisser ukoll qerda għal “dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:7, 8) Għandna bżonn nirriflettu serjament fuq dan. Huwa minnu li Alla se jġib il-qerda tal-ħżiena sempliċement biex jeħles lill-poplu tiegħu minn kundizzjonijiet taʼ niket? Kapitlu 63 taʼ Isaija juri li hemm involuta kwistjoni li hi ferm iktar superjuri, jiġifieri, it-taqdis taʼ l-isem t’Alla.
Jimmarċja l-Gwerrier Vittorjuż
3, 4. (a) X’inhu l-isfond għall-profezija li hemm f’Isaija kapitlu 63? (b) Isaija lil min jara qed jimmarċja lejn Ġerusalemm, u xi studjużi min jgħidu li hu?
3 F’Isaija kapitlu 62 qrajna kif il-Lhud ġew meħlusin mill-jasar f’Babilonja u kif reġgħu ġew stabbiliti f’arthom. Naturalment, tqum il-mistoqsija: Il-membri tal-fdal tal-Lhud li marru lura lejn arthom għandhom għalfejn jibżgħu li jerġgħu jitkissru minn ġnus għedewwa oħrajn? Il-viżjoni taʼ Isaija tgħin ħafna biex ittaffilhom il-biżaʼ li għandhom. Il-profezija tibda hekk: “Min hu dan li ġej minn Edom, bi ħwejġu ħomor minn Bosra? Hu mżejjen bi lbiesu, miexi fil-milja tal-qawwa tiegħu.”—Isaija 63:1a.
4 Isaija jara gwerrier, enerġetiku u trijonfanti, jimmarċja lejn Ġerusalemm. L-ilbies meraviljuż tiegħu jindika li hu għandu l-ogħla grad. Hu ġej min-naħa taʼ Bosra, l-iktar belt prominenti t’Edom, u dan jissuġġerixxi li hu kellu rebħa kbira fuq dan il-pajjiż taʼ l-għadu. Min jistaʼ jkun dan il-gwerrier? Xi studjużi jgħidu li hu Ġesù Kristu. Oħrajn jemmnu li hu l-mexxej militari Lhudi Ġuda l-Makkabi. Madankollu, il-gwerrier innifsu jindika min hu meta jwieġeb il-mistoqsija t’hawn fuq billi jgħid: “Jiena hu li nxandar il-ħelsien, jiena l-qawwi biex ngħin.”—Isaija 63:1b.
5. Min hu l-gwerrier li jara Isaija, u għala twieġeb hekk?
5 M’hemm ebda dubju li dan il-gwerrier hu Alla Jehovah nnifsu. F’postijiet oħrajn jiġi deskritt bħala li għandu ‘abbundanza taʼ enerġija dinamika’ u bħala li ‘jgħid is-sewwa.’ (Isaija 40:26, NW; 45:19, 23) L-ilbies meraviljuż tal-gwerrier ifakkarna fi kliem is-salmista: “Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta! Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes.” (Salm 104:1) Waqt li Jehovah hu dak Alla taʼ mħabba, il-Bibbja turi li meta jkun hemm bżonn hu jagħmilha taʼ gwerrier.—Isaija 34:2; 1 Ġwann 4:16.
6. Jehovah għala ġej lura minn battalja f’Edom?
6 Iżda, Jehovah għala ġej lura minn battalja f’Edom? L-Edumin, li għadhom iżommu f’qalbhom mibegħda mibdija minn Għesaw, missierhom tal-qedem, ilhom minn żmien żemżem għedewwa tal-poplu f’patt m’Alla. (Ġenesi 25:24-34; Numri 20:14-21) Kemm kienet profonda l-mibegħda li Edom kellu għal Ġuda sar evidenti b’mod partikulari fi żmien il-ħerba taʼ Ġerusalemm meta l-Edumin bdew jifirħulhom lis-suldati Babiloniżi. (Salm 137:7) Din il-mibegħda Jehovah jiħodha bħala offiża kontrih personalment. Mhux taʼ b’xejn li qatagħha li jxejjer is-sejf taʼ vendetta tiegħu kontra Edom!—Isaija 34:5-15; Ġeremija 49:7-22.
7. (a) Il-profezija kontra Edom kif twettqet fil-bidu? (b) Edom lil min jissimbolizza?
7 Għalhekk, il-viżjoni taʼ Isaija hija taʼ inkuraġġiment kbir għal-Lhud li qed jirritornaw lejn Ġerusalemm. Tassigurahom li se joqogħdu bi kwiethom u b’rashom mistrieħa fid-dar il-ġdida tagħhom. Tabilħaqq, sa żmien il-profeta Malakija, ‘il-muntanji taʼ Edom kienu saru xagħra, u l-art li wiret tħallietlu għax-xakalli tad-deżert.’ Dan kollu sar minn Alla. (Malakija 1:3) Ifisser dan, allura, li l-profezija taʼ Isaija twettqet għalkollox sa żmien Malakija? Le, għax minkejja li kien ħerba, Edom kien determinat li jibni mill-ġdid il-postijiet imġarrfin tiegħu, u lil Edom, Malakija baqaʼ jsejjaħlu “Art il-ħażen” u l-“poplu li l-Mulej hu dejjem inkurlat għalih.” a (Malakija 1:4, 5) Madankollu, b’mod profetiku, Edom jiġbor fih iktar mid-dixxendenti t’Għesaw. Jissimbolizza lill-ġnus kollha li juru li huma għedewwa taʼ l-adoraturi taʼ Jehovah. Il-ġnus tal-Kristjaneżmu kienu prominenti b’mod partikulari f’dan ir-rigward. X’se jiġrilu dan l-Edom taʼ żmienna?
Il-Magħsar taʼ l-Inbid
8, 9. (a) Il-gwerrier li ra Isaija b’liema attività kien qed jokkupa ruħu? (b) Meta u kif jitgħaffeġ il-magħsar simboliku taʼ l-inbid?
8 Isaija jistaqsi lill-gwerrier li ġie lura: “Għaliex hemm l-aħmar fi lbiesek, u ħwejġek bħal min jgħaffeġ fil-magħsar?” Jehovah jwieġeb: “Fil-magħsar għaffiġt jien waħdi, mill-poplu ma kien hemm ħadd miegħi: għaffiġthom fl-għadab tiegħi, sħaqthom fil-qilla tiegħi. U traxxax demmhom fuq ħwejġi, u ħammiġt ilbiesi kollu.”—Isaija 63:2, 3.
9 Dan il-kliem simboliku jiddeskrivi massakru. Saħansitra l-ilbies eleganti t’Alla hu mċappas, bħall-ilbies taʼ wieħed li qed jgħaffeġ fil-magħsar taʼ l-inbid! Il-magħsar taʼ l-inbid huwa simbolu xieraq tan-nassa li jsibu ruħhom fiha l-għedewwa t’Alla Jehovah meta jaġixxi biex jeqridhom. Meta se jitgħaffeġ dan il-magħsar simboliku taʼ l-inbid? Il-profeziji taʼ Ġoel u taʼ l-appostlu Ġwanni wkoll jitkellmu dwar magħsar simboliku taʼ l-inbid. Il-magħsar taʼ l-inbid taʼ dawn il-profeziji se jitgħaffeġ meta Jehovah jgħaffeġ lill-għedewwa tiegħu biex jeqridhom f’Armageddon. (Ġoel 4:13 [3:13, NW]; Apokalissi 14:18-20; 16:16) Il-magħsar profetiku taʼ l-inbid f’Isaija jipponta ’l quddiem lejn l-istess żmien.
10. Jehovah għala jgħid li kien waħdu meta għaffeġ fil-magħsar taʼ l-inbid?
10 Iżda, Jehovah għala jgħid li kien waħdu meta għaffeġ f’dan il-magħsar taʼ l-inbid, waqt li ma kien hemm ħadd miegħu minn fost il-popli? Bħala r-rappreżentant t’Alla, ma kienx Ġesù Kristu se jieħu t-tmexxija f’idejh biex jgħaffeġ fil-magħsar taʼ l-inbid? (Apokalissi 19:11-16) Iva, imma Jehovah qed jirreferi għall-bnedmin, mhux għall-ħlejjaq spirti. Hu qed jgħid li ebda bniedem m’għandu l-ħila jeħles lill-art mis-segwaċi taʼ Satana. (Isaija 59:15, 16) Qed jitħalla f’idejn Alla li Jistaʼ Kollox biex ikompli jgħaffiġhom fir-rabja tiegħu, sakemm ikunu tfarrku kompletament.
11. (a) Jehovah għala jġib “jum taʼ vendetta”? (b) Min kienu l-“mifdijin” fil-qedem, u min huma llum?
11 Jehovah jkompli jispjega għala jwettaqha hu stess din il-biċċa xogħol, billi jgħid: “Kien jum taʼ vendetta f’qalbi, u s-sena tal-[“mifdijin,” “KŻ”] tiegħi waslet.” (Isaija 63:4) b Huwa Jehovah biss li għandu d-dritt jesegwixxi vendetta fuq dawk li jweġġgħu lill-poplu tiegħu. (Dewteronomju 32:35) Fil-qedem, il-“mifdijin” kienu l-Lhud li sofrew taħt idejn il-Babiloniżi. (Isaija 35:10; 43:1; 48:20) Fi żmienna huma l-membri tal-fdal midluk. (Apokalissi 12:17) Dawn ġew mifdijin mill-jasar reliġjuż, bħal dawk li kienu pariġġhom fil-qedem. U bħal dawk il-Lhud, il-midlukin, flimkien maʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra,” kienu u għadhom il-vittmi taʼ persekuzzjoni u oppożizzjoni. (Ġwann 10:16) B’hekk, il-profezija taʼ Isaija tassigura lill-Kristjani llum li fiż-żmien stabbilit minn Alla, Hu se jaġixxi għan-nom tagħhom.
12, 13. (a) B’liema mod m’hemm ħadd min jgħinu lil Jehovah? (b) Id-driegħ taʼ Jehovah kif iġib is-salvazzjoni, u għadbu kif jappoġġah?
12 Ikompli Jehovah: “Ħarist, u ma kien hemm ħadd min jgħinni: skantajt li ma kien hemm ħadd li jieqaf miegħi; imma għenni driegħi biex irbaħt, u waqaf miegħi l-għadab tiegħi. Għaffiġt il-popli f’għadbi, tħanthom fis-saħna tiegħi, u demmhom xerridt maʼ l-art.”—Isaija 63:5, 6.
13 Ebda bniedem ma jistaʼ jagħtih l-għajnuna u jieħu l-kredtu għall-jum grandjuż taʼ vendetta taʼ Jehovah. Lanqas m’għandu bżonn l-appoġġ taʼ xi bniedem biex iwettaq ir-rieda tiegħu. c Driegħu taʼ saħħa u setgħa bla qjies huwa biżżejjed biex iwettaq din il-biċċa xogħol. (Salm 44:4 [44:3, NW]; 98:1; Ġeremija 27:5) Iktar minn hekk, għadbu jappoġġah. Kif? Għax l-għadab t’Alla m’huwiex xi emozzjoni mhix kontrollata imma rabja ġusta. Peress li Jehovah jaġixxi dejjem fuq prinċipji taʼ tjieba, għadbu jappoġġah u jqanqlu biex ‘ixerred maʼ l-art’ id-‘demm’ iċarċar taʼ l-għedewwa tiegħu, u b’hekk jumiljahom u jegħlibhom.—Salm 75:9 [75:8, NW]; Isaija 25:10; 26:5.
Atti taʼ Qalb Tajba bl-Imħabba minn Alla
14. Isaija liema tfakkiriet xierqa jagħti issa?
14 Fl-imgħoddi, il-Lhud spiss tilfu l-apprezzament lejn l-affarijiet li Jehovah għamel għalihom. Għalhekk, b’mod xieraq Isaija jfakkarhom għala Jehovah għamel dawn l-affarijiet. Jiddikjara Isaija: “Irrid infakkar il-grazzji tal-Mulej, nsammaʼ għanja taʼ tifħir lill-Mulej, għal dak kollu li għamel magħna, għax kbira kienet il-ħniena tiegħu maʼ dar Iżrael; mexa magħna skond l-imħabba tiegħu, skond it-tjieba kbira tiegħu. Hu qal: ‘Iva, huma l-poplu tiegħi, wliedi li ma jimxux wiċċ b’ieħor.’ U hu sar għalihom is-Salvatur fid-dwejjaq kollha tagħhom. Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu, imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena tiegħu. Hu ħelishom, refagħhom, u ġarrhom dejjem fl-imgħoddi.”—Isaija 63:7-9.
15. Jehovah kif u għala wera qalb tajba bl-imħabba lin-nisel t’Abraham fl-Eġittu?
15 X’eżempju li jispikka jagħtina Jehovah meta juri l-qalb tajba bl-imħabba, imħabba leali! (Salm 36:8; 62:13 [36:7; 62:12, NW]) Jehovah fforma rabta taʼ mħabba m’Abraham. (Mikea 7:20) Lill-patrijarka wiegħdu li permezz taż-żerriegħa, jew nisel tiegħu, il-ġnus kollha taʼ l-art kienu se jitbierku. (Ġenesi 22:17, 18) Jehovah żamm maʼ din il-wegħda, billi wera tjubija abbundanti lid-dar taʼ Iżrael. Fost l-atti leali tiegħu spikkat l-okkażjoni meta ħeles lin-nisel t’Abraham mill-jasar fl-Eġittu.—Eżodu 14:30.
16. (a) Jehovah x’opinjoni kellu meta għamel il-patt tiegħu maʼ l-Iżraelin? (b) Alla kif jaġixxi man-nies tiegħu?
16 Wara li ħariġhom mill-Eġittu, Jehovah ġab lill-Iżraelin lejn il-Muntanja Sinaj u għamlilhom din il-wegħda: “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi . . . Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Kien Jehovah qed iqarraq bihom meta għamel din il-proposta? Le, għax Isaija jirrivela li Jehovah qal bejnu u bejn ruħu: “Iva, huma l-poplu tiegħi, wliedi li ma jimxux wiċċ b’ieħor.” Wieħed studjuż josserva: “L-‘iva’ m’hijiex digriet ibbażat fuq is-sovranità jew l-għarfien minn qabel: hija t-tama u l-fiduċja bbażati fuq l-imħabba.” Iva, Jehovah kien onest meta għamel il-patt tiegħu, billi ried sinċerament li n-nies tiegħu jirnexxu. Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom li kienu ovvji, hu wera fiduċja fihom. Kemm hi ħaġa taʼ l-għaġeb li nqimu lil Alla bħal dan li għandu din il-fiduċja fl-adoraturi tiegħu! L-anzjani llum jgħinu ħafna biex isaħħu lil dawk li huma fdati f’idejhom meta juru fiduċja bħal din fin-nies t’Alla, li dawn bażikament huma tajbin.—2 Tessalonikin 3:4; Lhud 6:9, 10.
17. (a) Jehovah liema evidenza taʼ mħabbtu wera għall-Iżraelin? (b) Illum liema fiduċja jistaʼ jkollna?
17 Minkejja dan, is-salmista jgħid dwar l-Iżraelin: “Nsew ’l Alla, li salvahom, li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu.” (Salm 106:21) Minħabba l-attitudni tagħhom taʼ diżubbidjenza u kburija huma spiss daħlu f’ċirkustanzi mwiegħra. (Dewteronomju 9:6) Ma baqax Jehovah jurihom qalb tajba bl-imħabba? Għal kuntrarju, Isaija jirrakkonta li “fid-dwejjaq kollha tagħhom” kien jitnikket. Kemm iħoss Jehovah għall-qaddejja tiegħu! Bħalma jiġri fil-każ taʼ missier li jħobb, Alla tgħidx kemm ħass meta ra lil uliedu jsofru, saħansitra meta s-sofferenza kienet ir-riżultat tal-bluha tagħhom stess. Bħalma tbassar u biex juri mħabbtu, hu bagħat lill-“messaġġier” persunali tiegħu, li x’aktarx hu Ġesù fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, biex idaħħalhom fl-Art Imwiegħda. (Eżodu 23:20) Hekk Jehovah refaʼ u ġarr lill-ġens, “bħalma bniedem jerfaʼ lil ibnu.” (Dewteronomju 1:31; Salm 106:10) Illum nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah hu konxju bl-istess mod tas-sofferenzi tagħna u li jħoss għalina meta nkunu f’xi sitwazzjoni diffiċli. Nistgħu bil-fiduċja kollha ‘nixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħna għax hu jaħseb fina.’—1 Pietru 5:7.
Alla Jsir Għadu
18. Jehovah għala sar l-għadu tal-poplu tiegħu?
18 Iżda, qatt m’għandna nonqsu li napprezzaw il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla. Ikompli Isaija: “Huma ħaduha kontrieh, u nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu, u sar għadu għalihom u tqabad kontriehom.” (Isaija 63:10) Jehovah wissa li għalkemm hu Alla li jagħder u jħenn, “ma jħalli xejn għaddej” mingħajr ma jikkastigah. (Eżodu 34:6, 7) L-Iżraelin poġġew lilhom infushom f’pożizzjoni biex jiġu kastigati billi ħaduha drawwa li jirribellaw. “Ftakar u tinsiex kemm inkurlajt lill-Mulej, Alla tiegħek, fid-deżert,” fakkarhom Mosè. “Minn dakinhar li ħriġt mill-art taʼ l-Eġittu sakemm wasaltu hawn, dejjem ħadtuha kontra l-Mulej.” (Dewteronomju 9:7) Billi rreżistew l-effetti bnien taʼ l-ispirtu t’Alla, huma weġġgħuh, jew nikktuh. (Efesin 4:30) Lil Jehovah ġagħluh isir l-għadu tagħhom.—Levitiku 26:17; Dewteronomju 28:63.
19, 20. Il-Lhud f’liema affarijiet jiftakru, u għala?
19 Fin-niket tagħhom, xi Lhud jitqanqlu biex jirriflettu fuq l-imgħoddi. Jgħid Isaija: “Ftakru f’jiem l-imgħoddi: Mosè, il-qaddej tiegħu. ‘Fejn hu dak li ħeles mill-baħar, ir-ragħaj tal-poplu tiegħu? Fejn hu dak li qiegħed f’nofshom, l-ispirtu qaddis tiegħu? Hu li kien jimxi fuq il-leminija taʼ Mosè bid-driegħ imsebbaħ tiegħu? Li feraq il-baħar quddiemhom biex jagħmel għalih isem li jibqaʼ għal dejjem? Li mexxiehom qalb il-mewġ u ma għotrux bħal żiemel fid-deżert? Bħal annimal li nieżel fil-wied, mmexxi mill-ispirtu tal-Mulej.’”—Isaija 63:11-14a. d
20 Iva, waqt li jsofru r-riżultati tad-diżubbidjenza tagħhom, il-Lhud jixxennqu għal dawk il-jiem meta Jehovah kien il-Ħellies tagħhom u mhux l-għadu tagħhom. Huma jiftakru kif ir-‘rgħajja’ tagħhom, Mosè u Aron, għaddewhom qawwijin u sħaħ minn ġol-Baħar l-Aħmar. (Salm 77:21 [77:20, NW]; Isaija 51:10) Jiftakru fi żmien meta minflok ma nikktu l-ispirtu t’Alla, tmexxew minnu permezz tal-gwida mogħtija minn Mosè u minn irġiel ixjeħ oħrajn maħturin bl-ispirtu. (Numri 11:16, 17) Jiftakru wkoll li raw id-“driegħ imsebbaħ” tas-saħħa taʼ Jehovah meta ntuża għan-nom tagħhom permezz taʼ Mosè! Maż-żmien, Alla ħariġhom mid-deżert kbir u tal-biżaʼ u daħħalhom f’art li tnixxi ħalib u għasel—post taʼ mistrieħ. (Dewteronomju 1:19; Ġożwè 5:6; 22:4) Iżda issa l-Iżraelin isofru għaliex tilfu r-relazzjoni favorevoli li kellhom m’Alla!
‘Isem Glorjuż Għalih Innifsu’
21. (a) L-Iżraelin xi privileġġ kbir setaʼ jkollhom f’konnessjoni maʼ l-isem t’Alla? (b) X’kienet ir-raġuni ewlenija t’Alla meta ħeles lid-dixxendenti t’Abraham mill-Eġittu?
21 Xorta waħda, it-telf materjali taʼ l-Iżraelin m’hu xejn meta jitqabbel mat-telf tal-privileġġ li kellhom u li tawh bis-sieq, jiġifieri, il-privileġġ li jkollhom sehem f’li jigglorifikaw l-isem t’Alla. Mosè wiegħed lill-Iżraelin: “Il-Mulej jagħmel minnek poplu kkonsagrat għalih, skond ma ħaliflek, jekk int tħares l-ordnijiet tal-Mulej, Alla tiegħek, u timxi fi triqatu. U jaraw il-ġnus kollha taʼ l-art li int iġġib isem il-Mulej, u jibżgħu minnek.” (Dewteronomju 28:9, 10) Meta Jehovah aġixxa biex jiddefendi lid-dixxendenti t’Abraham, billi ħelishom mill-jasar fl-Eġittu, dan ma kienx qed jagħmlu sempliċement biex il-ħajja ssir iktar konvenjenti jew pjaċevoli għalihom. Hu kien qed jaġixxi għan-nom taʼ xi ħaġa ferm iktar importanti—ismu. Iva, hu kien qed jaċċerta ruħu li ismu “jixxandar maʼ l-art kollha.” (Eżodu 9:15, 16) U meta Alla wera l-ħniena wara l-irvell taʼ l-Iżraelin fid-deżert, ir-raġuni għala għamel hekk ma kinitx biss għax ħass għalihom. Jehovah nnifsu qal: “Kelli nagħmel mod ieħor minħabba ismi; li ma jkunx imżeblaħ f’għajnejn il-ġnus.”—Eżekjel 20:8-10.
22. (a) Fil-futur, Alla għala se jiġġieled mill-ġdid għan-nom tal-poplu tiegħu? (b) L-imħabba li għandna għall-isem t’Alla b’liema modi teffettwa dak li nagħmlu?
22 X’konklużjoni qawwija jagħtiha Isaija mbagħad lil din il-profezija! Hu jgħid: “Hekk int mexxejt il-poplu tiegħek biex tagħmel għalik isem glorjuż.” (Isaija 63:14b) Issa jistaʼ jidher ċar għala Jehovah jiġġieled b’setgħa kbira għall-interess tal-poplu tiegħu. Huwa biex jagħmel isem glorjuż għalih innifsu. B’hekk, il-profezija taʼ Isaija sservi bħala tfakkira qawwija illi li wieħed iġorr l-isem taʼ Jehovah m’huwiex biss privileġġ taʼ l-għaġeb imma wkoll responsabbiltà kbira. Il-Kristjani veri llum iħobbu l-isem taʼ Jehovah iktar milli jħobbu lil ħajjithom stess. (Isaija 56:6; Lhud 6:10) Ma jridux li jagħmlu xi ħaġa li għandha mnejn iġġib tmaqdir fuq dan l-isem sagru. Huma jwieġbu għall-imħabba leali t’Alla billi jibqgħu leali lejh. U peress li jħobbu l-isem glorjuż taʼ Jehovah, jixxennqu għal dak il-jum meta hu se jgħaffeġ lill-għedewwa tiegħu fil-magħsar taʼ l-inbid tar-rabja tiegħu—mhux sempliċement għaliex dan se jgawdu minnu imma għaliex se jwassal għall-glorifikazzjoni taʼ l-isem taʼ dak Alla li huma tant iħobbu.—Mattew 6:9.
[Noti taʼ taħt]
a L-Erodijiet taʼ l-ewwel seklu E.K. kienu Edumin.
b L-espressjoni ‘s-sena tal-mifdijin tiegħi’ tistaʼ tirreferi għall-istess perijodu taʼ żmien bħall-frażi “jum taʼ vendetta.” Innota kif frażijiet simili jintużaw f’xebh perfett f’Isaija 34:8.
c Jehovah jibqaʼ skantat kif ħadd m’offra li jappoġġah. Illum għandna mnejn naħsbu li huwa tabilħaqq taʼ l-iskantament kif kważi 2,000 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, is-setgħanin mill-bnedmin għadhom jopponu r-rieda t’Alla.—Salm 2:2-12; Isaija 59:16.
d Dan il-vers jistaʼ jibda hekk ukoll: “Hu beda jiftakar.” (Isaija 63:11, nota taʼ taħt fin-NW) Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li Jehovah hu dak li qed jiftakar. Il-kliem taʼ wara dan jesprimi s-sentimenti tal-poplu t’Alla u mhux taʼ Jehovah nnifsu. Is-Soncino Books of the Bible hekk jittraduċuh dan il-kliem: “Imbagħad in-nies Tiegħu ftakru f’jiem l-imgħoddi.”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 359]
Jehovah kellu stennijiet kbar għall-poplu tiegħu