Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Jbierek il-Qima Safja

Jehovah Jbierek il-Qima Safja

Kapitlu Sebgħa u Għoxrin

Jehovah Jbierek il-​Qima Safja

Isaija 66:1-14

1. Liema temi huma enfasizzati fl-​aħħar kapitlu taʼ Isaija, u liema mistoqsijiet jitwieġbu?

 FL-​AĦĦAR kapitlu taʼ Isaija, ftit mit-​temi ewlenin taʼ dan il-​ktieb profetiku jitwasslu għal quċċata drammatika, u jitwieġbu għadd taʼ mistoqsijiet importanti. Fost it-​temi li huma enfasizzati nsibu l-​pożizzjoni għolja ferm taʼ Jehovah, il-​mibegħda li jħoss għall-​ipokrisija, id-​determinazzjoni tiegħu li jikkastiga lil dawk li huma mill-​agħar, u l-​imħabba u l-​attenzjoni li jagħti lil dawk li huma leali. Iktar minn hekk, jitwieġbu l-​mistoqsijiet li ġejjin: X’inhu li jiddistingwi l-​qima vera minn dik falza? Kif nistgħu nkunu ċerti li Jehovah se jagħti l-​ħlas li ħaqqhom lill-​ipokriti li jippretendu li huma qaddisin waqt li jaħqru lill-​poplu t’Alla? U Jehovah kif se jbierek lil dawk li jibqgħu leali lejh?

Il-​Muftieħ għall-​Qima Safja

2. Jehovah liema dikjarazzjoni jagħmel dwar il-​maestà tiegħu, u din id-​dikjarazzjoni x’ma tfissirx?

2 Il-​profezija tibda billi tenfasizza l-​maestà taʼ Jehovah: “Dan jgħid il-​Mulej: ‘Is-​smewwiet it-​tron tiegħi, l-​art mirfes riġlejja! X’dar tistgħu tibnuli? Fejn hu l-​post tal-​mistrieħ tiegħi?’” (Isaija 66:1) Xi wħud jemmnu li l-​profeta qed jaqtaʼ qalb il-​Lhud biex ma jerġgħux jibnu t-​tempju lil Jehovah meta l-​ġens jittieħed lura lejn artu. Dan m’huwiex minnu; Jehovah nnifsu se jikkmanda li t-​tempju jinbena mill-​ġdid. (Esdra 1:1-6; Isaija 60:13; Ħaggaj 1:7, 8) Allura, xi tfisser din is-​silta?

3. Għala huwa xieraq li l-​art tiġi deskritta bħala ‘mirfes riġlejn’ Jehovah?

3 L-​ewwel, nistgħu nikkunsidraw għala l-​art tiġi deskritta bħala ‘mirfes riġlejn’ Jehovah. Dan ma jintqalx b’xi disprezz. Fost il-​biljuni kollha taʼ pjaneti u affarijiet oħra li hemm fl-​univers, l-​art biss tingħata dan it-​titlu speċjali. Il-​pjaneta tagħna se tibqaʼ unika għal dejjem, għax huwa hawnhekk li l-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah ħallas il-​prezz tal-​fidwa, u huwa hawnhekk li Jehovah se jivvindika s-​sovranità tiegħu permezz tas-​Saltna Messjanika. Kemm huwa xieraq li l-​art tissejjaħ mirfes riġlejn Jehovah! Sultan għandu mnejn juża mirfes ir-​riġlejn bħal dan biex jitlaʼ fuq it-​tron maestuż tiegħu u mbagħad jużah biex iserraħ riġlejh fuqu.

4. (a) Għala huwa impossibbli li xi bini fuq l-​art ikun il-​post tal-​mistrieħ għal Alla Jehovah? (b) Xi tfisser il-​frażi “dawn kollha,” u x’irridu nikkonkludu dwar il-​qima lejn Jehovah?

4 M’għandniex xi ngħidu, sultan ma jgħammarx fuq mirfes riġlejh, u lanqas Jehovah ma jgħammar fuq din l-​art. Fuq kollox, lanqas saħansitra s-​smewwiet fiżiċi vasti ma jesgħuh! Aħseb u ara kemm jistaʼ xi bini fuq l-​art jakkomoda lil Jehovah sabiex iservi letteralment bħala dar għalih. (1 Slaten 8:27) It-​tron taʼ Jehovah u l-​post tal-​mistrieħ tiegħu jinsabu fil-​qasam taʼ l-​ispirti, li huwa s-​sens taʼ l-​espressjoni “s-​smewwiet” kif użata f’Isaija 66:1. Il-​vers li jmiss jgħinna nifhmu ċar dak li għadu kif intqal: “‘Dawn kollha jdejja għamluhom, dawn kollha tiegħi!’ Oraklu tal-​Mulej.” (Isaija 66:2a) Ġib quddiem għajnejk lil Jehovah qed jagħmel ġest li bih jifrex idu u jiġbdilna l-​attenzjoni lejn “dawn kollha”—kulma hemm fis-​sema u fuq l-​art. (Isaija 40:26; Apokalissi 10:6) Bħala l-​Ħallieq Grandjuż taʼ l-​univers kollu, jixraq li jkollu iktar minn sempliċi bini dedikat lilu. Jixraqlu iktar minn sempliċement għamla taʼ qima fuq barra.

5. Kif nuru li aħna ‘msejknin u nedmin f’qalbna’?

5 Liema tip taʼ qima huwa xieraq għas-​Sovran Universali? Hu nnifsu jgħidilna: “Imma fuq dan jien nixħet ħarsti: fuq l-​imsejken u n-​niedem f’qalbu, u fuq min jitriegħed għal kelmti.” (Isaija 66:2b) Iva, attitudni xierqa tal-​qalb min-​naħa taʼ l-​adoratur hija essenzjali għall-​qima safja. (Apokalissi 4:11) Min iqim lil Jehovah jrid ikun ‘imsejken u niedem f’qalbu.’ Ifisser dan li Jehovah jridna nkunu mdejqin? Le, hu “Alla hieni,” u jrid li l-​adoraturi tiegħu jkunu henjin ukoll. (1 Timotju 1:11, NW; Filippin 4:3b [4:4, NW]) Madankollu, ilkoll kemm aħna nidinbu sikwit, u meta nonqsu m’għandniex inħossuna qisu qatt ma ġara xejn. Għandna nħossuna ‘msejknin’ meta nidinbu, qalbna sewda li ma lħaqniex il-​grad tal-​livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Salm 51:19 [51:17, NW]) Għandna nuru li aħna ‘nedmin f’qalbna’ billi jisgħobbina, niġġieldu kontra t-​tendenzi midinbin tagħna, u nitolbu lil Jehovah għall-​maħfra.—Luqa 11:3b [11:4, NW]; 1 Ġwann 1:8-10.

6. L-​adoraturi veri f’liema sens għandhom ‘jitriegħdu għall-​kelma t’Alla’?

6 Iżjed minn hekk, Jehovah jixħet ħarstu fuq dawk li ‘jitriegħdu għal kelmtu.’ Ifisser dan li hu jridna nitriegħdu bil-​biżaʼ kulmeta naqraw id-​dikjarazzjonijiet tiegħu? Le, minflok, hu jridna li dak li jgħid hu nqisuh b’ġieħ u b’rispett profond. Aħna nfittxu bis-​sinċerità l-​pariri tiegħu, u nużawhom biex jiggwidawna f’kulma nagħmlu fil-​ħajja. (Salm 119:105) Nistgħu ‘nitriegħdu,’ ukoll, fis-​sens li jbeżżagħna l-​istess ħsieb li ma nobdux lil Alla, li nniġġsu l-​verità tiegħu bi tradizzjonijiet tal-​bniedem, jew li nuru nuqqas t’apprezzament għaliha. Attitudni umlija bħal din hija essenzjali għall-​qima safja—imma, jisgħobbina ngħidu, hija rari ferm fid-​dinja taʼ llum.

Jehovah Jobgħod il-​Qima Ipokritika

7, 8. Jehovah kif iqisha l-​qima formali mill-​ipokriti reliġjużi?

7 Hekk kif Isaija jimmedita fuq in-​nies taʼ żmienu, hu jirrealizza li ftit huma dawk li għandhom id-​dispożizzjoni li Jehovah jfittex fl-​adoraturi tiegħu. Għal din ir-​raġuni, Ġerusalemm apostata jixirqilha l-​ġudizzju li ġej fuqha dalwaqt. Innota kif iqisha Jehovah l-​qima li qed tiġi prattikata fiha: “Hawn min joqtol gendus, mbagħad jidrob bniedem; hawn min joffri n-​nagħaġ, mbagħad jifga kelb. Jagħmel l-​offerti tal-​qmuħ, u joffri demm il-​ħanżir; jaħraq l-​inċens, u jbierek l-​idoli. Dawn in-​nies għażlu triqathom, u qalbhom għoġbuha qżiżijiethom.”—Isaija 66:3.

8 Dan il-​kliem ifakkarna fil-​kliem taʼ Jehovah li nsibu fl-​ewwel kapitlu taʼ Isaija. Hemmhekk Jehovah qal lin-​nies stinati tiegħu li l-​atti formali taʼ qima tagħhom mhux biss ma kinux jogħġbuh imma attwalment ħarrxu r-​rabja ġusta tiegħu għaliex l-​adoraturi kienu ipokriti. (Isaija 1:11-17) B’mod simili, Jehovah issa jxebbah l-​offerti tagħhom m’atti kriminali faħxin. Il-​fatt li jissagrifikaw gendus li jiswa l-​flus ma kien jogħġbu xejn lil Jehovah daqskemm ma kienx jogħġbu kieku qatlu lil xi bniedem! Sagrifiċċji oħrajn jitqiesu bħallikieku qed jiġi offrut xi kelb jew xi ħanżir, annimali mniġġsin taħt il-​Liġi Mosajka u ċertament li m’humiex xierqa għas-​sagrifiċċju. (Levitiku 11:7, 27) Iħalliha għaddejja Jehovah ipokrisija reliġjuża bħal din bla ma tiġi kastigata?

9. Il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud kif wieġbu għat-​tfakkiriet li tahom Jehovah permezz taʼ Isaija, u x’se jkun żgur ir-​riżultat?

9 Jehovah issa jgħid: “Jien ukoll nagħżel l-​hemm għalihom, u dak li jibżgħu minnu nixħtu fuqhom. Għax jien sejjaħt, u ħadd ma wieġeb, tkellimt u ma semgħux. Għamlu l-​ħażin f’għajnejja u għażlu dak li ma jogħġobnix.” (Isaija 66:4) Bla dubju, Isaija jistaʼ jlissen dan il-​kliem b’konvinzjoni li ġejja mill-​qalb. Għal ħafna snin hu kien l-​istrument taʼ Jehovah, ‘isejjaħ’ u ‘jkellem’ lill-​poplu Tiegħu. Il-​profeta jaf mill-​esperjenza persunali li, ġeneralment, ħadd ma kien qed jagħti widen. Peress li baqgħu jagħmlu dak li hu ħażin, żgur li se jieħdu l-​ħlas li ħaqqhom. Jehovah tabilħaqq li se jagħżel il-​kastig li ħaqqhom u jġib ġrajjiet tal-​biżaʼ fuq in-​nies apostati tiegħu.

10. Il-​mod kif Jehovah aġixxa maʼ Ġuda x’jgħidilna dwar kif hu jqis lill-​Kristjaneżmu?

10 Fi żmienna, il-​Kristjaneżmu bl-​istess mod ipprattika affarijiet li ma jogħġbuhx lil Jehovah. L-​idolatrija tiffjorixxi fil-​knejjes tiegħu, il-​filosofiji u t-​tradizzjonijiet mhux skritturali jiġu eżaltati minn fuq il-​pulpti tiegħu, u l-​għatx li għandu għall-​poter politiku daħħlu iktar u iktar fil-​fond f’relazzjoni adulteruża spiritwalment mal-​ġnus tad-​dinja. (Mark 7:13; Apokalissi 18:4, 5, 9) Bħalma ġara fil-​każ taʼ Ġerusalemm tal-​qedem, il-​Kristjaneżmu se jieħu l-​ħlas li ħaqqu—ħaġa ‘tal-​biżaʼ’—u dan il-​ħlas ġej fuqu b’ċertezza. Fost ir-​raġunijiet għall-​kastig ċert tiegħu hemm il-​mod kif ittratta lill-​poplu t’Alla.

11. (a) Id-​dnub taʼ l-​apostati fi żmien Isaija b’liema ħaġa jsir iktar gravi? (b) In-​nies taʼ żmien Isaija f’liema sens ikeċċu lil uħud leali ‘minħabba isem Alla’?

11 Ikompli Isaija: “Isimgħu l-​kelma tal-​Mulej, intom li titriegħdu għal kelmtu: ‘Qalu ħutkom, li jobogħdukom, li keċċewkom minħabba ismi: “Ħa jissebbaħ il-​Mulej, ħalli naraw il-​ferħ tagħkom.” Iżda huma għad jiregħxu.’” (Isaija 66:5) ‘Ħut’ Isaija, in-​nies taʼ pajjiżu, għandhom ir-​responsabbiltà mogħtija minn Alla li jirrappreżentaw lil Alla Jehovah u li jissottomettu ruħhom għas-​sovranità tiegħu. Peress li dan m’għamluhx, dnubhom huwa gravi tabilħaqq. Imma jsir iktar gravi għaliex huma jobogħdu lil nies li huma leali u umlin, bħalma hu Isaija. Dawn l-​apostati jobogħdu u jkeċċu lil uħud leali għaliex dawn jirrappreżentaw lil Alla Jehovah fi qbil mal-​verità. F’dan is-​sens it-​tkeċċija ssir ‘minħabba isem Alla.’ Fl-​istess ħin, dawn il-​qaddejja foloz taʼ Jehovah jsostnu li jirrappreżentawh, u b’devozzjoni jużaw frażijiet reliġjużi bħal “Ħa jissebbaħ il-​Mulej”! a

12. X’inhuma xi eżempji taʼ persekuzzjoni fuq qaddejja leali taʼ Jehovah minn ipokriti reliġjużi?

12 Il-​mibegħda li r-​reliġjon falza għandha għas-​segwaċi tal-​qima safja mhix xi ħaġa ġdida. Din tkompli twettaq il-​profezija li nsibu f’Ġenesi 3:15, li bassret mibegħda fit-​tul bejn in-​nisel taʼ Satana u n-​Nisel tal-​mara t’Alla. Ġesù qal lis-​segwaċi midlukin tiegħu fl-​ewwel seklu li huma wkoll kellhom isofru taħt idejn in-​nies taʼ pajjiżhom—tkeċċija mis-​sinagogi u persekuzzjoni saħansitra sal-​punt tal-​mewt. (Ġwann 16:2) U xi ngħidu għal żmienna? Fil-​bidu taʼ “l-​aħħar tad-​dinja,” in-​nies t’Alla raw li kienet ġejja fuqhom persekuzzjoni simili. (2 Timotju 3:1) Lura fl-​1914, The Watch Tower ikkwota Isaija 66:5, u nnota: “Kważi l-​persekuzzjonijiet kollha li ġew fuq il-​poplu t’Alla ġew minn dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani.” L-​istess artiklu qal ukoll: “Ma nafux jekk humiex se jaslu sa l-​estrem fi żmienna—joqtluna soċjalment, bħala organizzazzjoni, u forsi anki fiżikament.” Kemm wera li kien minnu dan il-​kliem! Ftit wara li ġie pubblikat, il-​persekuzzjoni mxewxa mill-​kleru ħraxet b’saħna kbira matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Imma l-​Kristjaneżmu ġie mriegħex, sewwa sew bħalma tbassar. Kif?

Tiġdid bil-​Ħeffa u f’Daqqa

13. Fit-​twettiq oriġinali, x’inhu l-​“ħoss taʼ għagħa mill-​belt”?

13 Isaija jipprofetizza: “Isimgħu! Ħoss taʼ għagħa mill-​belt, ħoss mit-​tempju, ħoss il-​Mulej, li jrodd il-​ħlas lill-​għedewwa tiegħu!” (Isaija 66:6) Fit-​twettiq oriġinali taʼ dan il-​kliem, il-​“belt” hija Ġerusalemm, fejn hemm it-​tempju taʼ Jehovah. Il-​“ħoss taʼ għagħa” jimplika l-​għagħa tal-​gwerra, li tinstemaʼ fil-​belt meta tiġi attakkata mill-​eżerċti Babiloniżi li jinvaduha fis-​sena 607 Q.E.K. Iżda, xi ngħidu għat-​twettiq fi żmienna?

14. (a) X’bassar Malakija dwar li Jehovah ġie fit-​tempju Tiegħu? (b) Skond il-​profezija t’Eżekjel, x’irriżulta meta Jehovah ġie fit-​tempju? (ċ) Jehovah u Ġesù meta spezzjonaw it-​tempju spiritwali, u kif ġew effettwati dawk li kienu jsostnu li jirrappreżentaw il-​qima safja?

14 Dan il-​kliem f’Isaija jaqbel maʼ żewġ stqarrijiet profetiċi oħrajn, waħda mniżżla f’Eżekjel 43:4, 6-9 u l-​oħra f’Malakija 3:1-5. Kemm Eżekjel kif ukoll Malakija jbassru żmien meta Alla Jehovah jiġi fit-​tempju tiegħu. Il-​profezija taʼ Malakija turi li Jehovah jiġi biex jispezzjona d-​dar tiegħu taʼ qima safja u biex jaġixxi bħala Rfinitur, u b’hekk jiċħad lil dawk li jirrappreżentawh ħażin. Il-​viżjoni t’Eżekjel tagħti stampa taʼ Jehovah bħala li dieħel fit-​tempju u jesiġi li titneħħa kull traċċa taʼ immoralità u idolatrija. b Fi żmienna, fit-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji kien hemm żvilupp spiritwali importanti fl-​1918 f’konnessjoni mal-​qima taʼ Jehovah. Jehovah u Ġesù b’mod evidenti spezzjonaw lil dawk kollha li kienu jsostnu li jirrappreżentaw il-​qima safja. Din l-​ispezzjoni wasslet biex il-​Kristjaneżmu korrott jiġi abbandunat b’mod finali. Għas-​segwaċi midlukin taʼ Kristu, l-​ispezzjoni kienet tfisser perijodu qasir taʼ rfinar segwit minn tiġdid spiritwali mgħaġġel fl-​1919.—1 Pietru 4:17.

15. Liema twelid huwa mbassar, u dan kif jitwettaq fis-​sena 537 Q.E.K.?

15 Dan it-​tiġdid huwa ffigurat b’mod xieraq fil-​versi li ġejjin taʼ Isaija: “Qabel stess ma tkagħwġet, ħelset; qabel ma ġieha wġigħ il-​ħlas, wildet iben. Min qatt samaʼ b’dan? Min qatt ra ħaġa bħal din? Jistaʼ pajjiż isir f’jum wieħed? Jistaʼ poplu jitwieled f’waqt wieħed? Iva, Sijon, malli ħasset uġigħ il-​ħlas, wildet lil uliedha!” (Isaija 66:7, 8) Għal-​Lhud eżiljati f’Babilonja, dan il-​kliem jitwettaq l-​ewwel darba b’mod kommoventi. Sijon, jew Ġerusalemm, hija ffigurata mill-​ġdid bħala mara li qed tiled, imma xi twelid mhux tas-​soltu! Tant isir bil-​ħeffa, tant isir f’daqqa, li jseħħ qabel ma jkun jistaʼ jibda l-​uġigħ tal-​ħlas! Din hija stampa xierqa. It-​twelid mill-​ġdid tal-​poplu t’Alla bħala ġens distint fis-​sena 537 Q.E.K. tant isir bil-​ħeffa u f’daqqa li donnu jidher li hu mirakoluż. Iva, minn meta Ċiru jeħles lil-​Lhud mill-​jasar sa dakinhar li membri tal-​fdal leali jkunu lura f’arthom jgħaddu biss ftit xhur! X’kuntrast mal-​ġrajjiet li wasslu għat-​twelid oriġinali tal-​ġens taʼ Iżrael! Fis-​sena 537 Q.E.K., m’hemmx bżonn li ssir petizzjoni għall-​ħelsien lil xi sultan li jirreżisti, m’hemmx bżonn li jaħarbu minn xi eżerċtu ostili, m’hemmx bżonn li jqattgħu 40 sena fid-​deżert.

16. Fit-​twettiq taʼ żmienna taʼ Isaija 66:7, 8, Sijon lil min tiffigura, u n-​nisel tagħha kif twieled mill-​ġdid?

16 Fit-​twettiq taʼ żmienna, Sijon tirrappreżenta lill-​“mara” taʼ Jehovah fis-​sema, l-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti tiegħu fis-​sema. Fl-​1919, din il-​“mara” ferħet meta rat it-​twelid taʼ wliedha midlukin fuq l-​art bħala poplu organizzat, bħala ġens. Dan it-​twelid mill-​ġdid sar bil-​ħeffa u f’daqqa. c F’temp taʼ ftit xhur, il-​midlukin bħala grupp għaddew minn stat taʼ inattività bħall-​mewt għal stat taʼ ħajja mimlija enerġija u ħidma fil-​“pajjiż” tagħhom, il-​qasam t’attività spiritwali li tahom Alla. (Apokalissi 11:8-12) Sal-​ħarifa taʼ l-​1919, huma saħansitra ħabbru l-​pubblikazzjoni taʼ rivista ġdida biex takkumpanja lil The Watch Tower. Din il-​pubblikazzjoni l-​ġdida, imsejħa The Golden Age (issa Stenbaħ!), kienet evidenza li n-​nies t’Alla ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid u reġgħu organizzaw ruħhom għas-​servizz.

17. Jehovah kif jassigura lin-​nies tiegħu li xejn ma jistaʼ jżommu milli jwettaq l-​iskop tiegħu rigward Iżrael spiritwali?

17 L-​ebda forza fl-​univers ma setgħet twaqqaf dan it-​twelid mill-​ġdid spiritwali. Il-​vers li jmiss jesprimi dan il-​ħsieb b’mod ċar: “‘Jien li niftaħ il-​ġuf, ma nwellidx?’ Jgħid il-​Mulej. ‘Jien li nwelled, nagħlaq il-​ġuf?’ Jgħid Alla tiegħek.” (Isaija 66:9) Sewwa sew bħalma l-​proċess tat-​twelid ma tistax twaqqfu ladarba jkun beda, hekk ukoll it-​twelid mill-​ġdid taʼ Iżrael spiritwali, ladarba beda, ma setax jitwaqqaf. Huwa minnu li kien hemm l-​oppożizzjoni, u x’aktarx li se jkun hemm iktar oppożizzjoni fil-​futur. Imma Jehovah biss jistaʼ jwaqqaf xi ħaġa li jkun bdieha hu, u dan qatt u qatt ma jagħmlu! Iżda Jehovah kif jittrattahom lin-​nies tiegħu li reġgħu ngħataw il-​ħajja?

Jehovah Jieħu Ħsieb il-​Poplu Tiegħu b’Tenerezza

18, 19. (a) Jehovah liema tixbiha kommoventi juża, u kif tapplika għall-​poplu eżiljat tiegħu? (b) Illum, il-​membri tal-​fdal midluk kif ibbenefikaw minn nutriment u attenzjoni bl-​imħabba?

18 L-​erbaʼ versi li jmiss jagħtu stampa kommoventi taʼ kif Jehovah jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu b’tenerezza. L-​ewwel, Isaija jgħid: “Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha! Aqbżu bil-​ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-​qalb magħha! Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider il-​faraġ tagħha; terdgħu u titgħaxxqu mis-​sider mimli tagħha.” (Isaija 66:10, 11) Jehovah hawnhekk juża t-​tixbiha taʼ mara li qed treddaʼ lit-​tarbija tagħha. Meta tarbija tkun bil-​għatx, tibda tibki u twerżaq bla ma tieqaf. Imma meta titressaq qrib sider ommha biex tixrob, id-​dwejjaq li jkollha jinbidlu f’kuntentizza u sodisfazzjon. B’mod simili, il-​membri tal-​fdal taʼ Lhud leali f’Babilonja se jgħaddu b’ħeffa kbira minn stat taʼ niket għal wieħed taʼ hena u sodisfazzjon meta jasal iż-​żmien tal-​ħelsien u t-​tiġdid. Se jkunu tassew ferħanin. Il-​glorja taʼ Ġerusalemm se tiġġedded hekk kif tinbena mill-​ġdid u terġaʼ tiġi abitata. Mill-​banda l-​oħra, il-​glorja tal-​belt se tħaddan lill-​abitanti leali tagħha. Għal darb’oħra, dawn se jingħataw nutriment spiritwalment permezz taʼ saċerdozju attiv.—Eżekjel 44:15, 23.

19 Iżrael spiritwali wkoll kien imbierek b’nutriment abbundanti wara t-​tiġdid li seħħ fl-​1919. Minn dakinhar ’l hawn, il-​provvista taʼ ikel spiritwali mqassam permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret” kienet regulari. (Mattew 24:45-47, NW) Dan tabilħaqq li kien żmien taʼ konsolazzjoni u ferħ għall-​fdal midluk. Imma kien hemm iktar barkiet.

20. Ġerusalemm kif tbierket bi “xmara tfur,” kemm fil-​qedem u kemm fi żmienna?

20 Tkompli l-​profezija: “Dan jgħid il-​Mulej: ‘Arani! Se nifrex fuqha s-​sliem bħal xmara, u bħal xmara tfur il-​ġid tal-​ġnus. U intom terdgħu u fuq id-​dirgħajn tintrefgħu, u jżiegħlu bikom fuq l-​irkubbtejn.’” (Isaija 66:12) Hawnhekk it-​tixbiha t’omm li treddaʼ lit-​tarbija tagħha tiġi marbuta maʼ l-​istampa taʼ provvista abbundanti taʼ barkiet—“xmara” u “xmara tfur.” Ġerusalemm ma titberikx biss bi sliem abbundanti mingħand Jehovah imma wkoll bil-​“ġid tal-​ġnus,” li jgelgel għal għand in-​nies t’Alla u jberikhom. Dan ifisser li nies tal-​ġnus se jiġru bi ħġarhom għand il-​poplu taʼ Jehovah. (Ħaggaj 2:7) Fit-​twettiq tal-​qedem, għadd taʼ nies minn diversi ġnus fil-​fatt intrabtu maʼ Iżrael, u b’hekk saru proseliti Lhud. Madankollu, fi żmienna seħħ twettiq ferm akbar meta “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien”—verament xmara tfur taʼ bnedmin—intrabtet mal-​fdal taʼ Lhud spiritwali.—Apokalissi 7:9; Żakkarija 8:23.

21. Liema tip taʼ faraġ jitbassar permezz taʼ kliem li jiġbdek?

21 Isaija 66:12 ukoll jitkellem dwar espressjonijiet taʼ l-​imħabba taʼ omm li żżiegħel bit-​tarbija fuq irkobbtejha u ġġorrha f’dirgħajha. Fil-​vers li jmiss, jiġi espress ħsieb simili imma minn angolu ieħor ferm interessanti. “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom u f’Ġerusalemm titfarrġu.” (Isaija 66:13) It-​tarbija issa saret ‘iben’ adult. Imma ommu xorta għadha tixtieq tfarrġu fi żmien taʼ niket.

22. Jehovah kif juri kemm hi tenera u qawwija mħabbtu?

22 B’dan il-​mod li jiġbdek, Jehovah jagħti stampa taʼ kemm hi qawwija u tenera l-​imħabba li għandu għall-​poplu tiegħu. Saħansitra l-​iktar imħabba qawwija t’omm hija insinifikanti meta mqabbla maʼ l-​imħabba profonda li għandu Jehovah għall-​poplu leali tiegħu. (Isaija 49:15) Kemm hu vitali li l-​Kristjani kollha jirriflettu din il-​kwalità taʼ Missierhom tas-​sema! L-​appostlu Pawlu hekk għamel, u b’hekk ħalla eżempju mill-​aħjar għall-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Tessalonikin 2:7) Ġesù qal li l-​imħabba taʼ l-​aħwa kellha tkun il-​marka ewlenija li tidentifika lis-​segwaċi tiegħu.—Ġwann 13:34, 35.

23. Iddeskrivi l-​istat hieni tal-​poplu taʼ Jehovah li nġieb lura f’pajjiżu.

23 Jehovah jesprimi mħabbtu permezz taʼ għemilu. B’hekk, hu jkompli: “Taraw u tifraħ qalbkom, u għadamkom bħal ħaxix iħaddar; u jagħrfu fil-​qaddejja tiegħu id il-​Mulej, u l-​korla tiegħu fuq l-​għedewwa tiegħu.” (Isaija 66:14) Espert fil-​grammatika tal-​lingwa Ebrajka jissuġġerixxi li l-​espressjoni “taraw” timplika li kulfejn iħarsu fil-​pajjiż imġedded tagħhom, l-​eżiljati li qegħdin jirritornaw, “ferħ biss se jaraw.” Huma tabilħaqq li se jtiru bil-​ferħ u m’għandhomx biżżejjed kliem biex jesprimu l-​ferħ tagħhom issa li reġgħu ttieħdu lejn il-​maħbuba arthom. Se jħossuhom żgħażagħ mill-​ġdid, bħallikieku għadamhom qed jerġaʼ jissaħħaħ, mogħti s-​saħħa bħall-​ħaxix fir-​rebbiegħa. Kulħadd se jkun jaf li dan l-​istat imbierek ma ġiex permezz taʼ xi sforz uman imma permezz taʼ “id il-​Mulej.”

24. (a) Liema konklużjoni tasal għaliha int meta tikkunsidra l-​ġrajjiet li jeffettwaw lill-​poplu taʼ Jehovah llum? (b) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

24 Illum, tirrikonoxxiha int l-​id taʼ Jehovah li qed taħdem fost il-​poplu tiegħu? Ebda bniedem ma setaʼ ġab it-​tiġdid tal-​qima safja. Ebda bniedem ma setaʼ possibbilment ikkaġuna x-​xmara tfur taʼ miljuni taʼ nies prezzjużi mill-​ġnus kollha li ssieħbu mal-​fdal leali fil-​pajjiż spiritwali tagħhom. Alla Jehovah biss jistaʼ jagħmel affarijiet bħal dawn. Dawn l-​espressjonijiet taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah jagħtuna raġuni biex nifirħu profondament. Jalla qatt ma nonqsu li napprezzaw dejjem l-​imħabba tiegħu. Ejja nkomplu ‘nitriegħdu għal kelmtu.’ Ejja nkunu determinati li ngħixu fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja u li nsibu l-​għaxqa f’li naqdu lil Jehovah.

[Noti taʼ taħt]

a Illum ħafna fil-​Kristjaneżmu jirrifjutaw li jużaw l-​isem persunali taʼ Jehovah, u saħansitra neħħewh minn għadd taʼ traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Xi wħud jiddieħqu bin-​nies t’Alla għax dawn jużaw l-​isem persunali tiegħu. Madankollu, ħafna minn dawn l-​individwi jużaw b’devozzjoni l-​espressjoni “Hallelujah,” li tfisser “Faħħru lil Jah.”

b L-​espressjoni l-​“iġsma mejta tas-​slaten tagħhom,” użata f’Eżekjel 43:7, 9, tirreferi għall-​idoli. Il-​mexxejja u n-​nies ribellużi taʼ Ġerusalemm kienu niġġsu t-​tempju t’Alla bl-​idoli u, fil-​fatt, kienu għamluhom slaten.

c It-​twelid profetizzat hawnhekk m’huwiex l-​istess bħal dak deskritt f’Apokalissi 12:1, 2, 5. F’dan il-​kapitlu taʼ l-​Apokalissi, l-​“iben, tifel,” jiffigura s-​Saltna Messjanika, li bdiet topera fl-​1914. Madankollu, il-​“mara” li tissemma fiż-​żewġ profeziji hija l-​istess waħda.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 395]

“Dawn kollha jdejja għamluhom”

[Stampa f’paġna 402]

Jehovah se jagħti lil Sijon “il-​ġid tal-​ġnus”