Jehovah Jerġaʼ Jqawwi l-Ispirtu taʼ l-Umlin
Kapitlu Tmintax
Jehovah Jerġaʼ Jqawwi l-Ispirtu taʼ l-Umlin
1. Jehovah liema assiguranza ta, u kliemu liema mistoqsijiet iqajjem?
“DAN jgħid min qiegħed merfugħ fl-għoli, li jgħix għal dejjem u qaddis ismu: ‘Jien ngħammar fl-għoli u f’post qaddis, imma l-istess jien qiegħed mal-bniedem b’qalb maqsuma u umiljat f’ruħu; biex naħji r-ruħ umiljata, nqawwi l-qalb miksura.’” (Isaija 57:15) Hekk kiteb il-profeta Isaija fit-tmien seklu Q.E.K. X’kien qed jiġri f’Ġuda li minħabba fih dan il-messaġġ sar daqshekk inkuraġġanti? Dan il-kliem ispirat kif jgħinhom lill-Kristjani llum? Isaija kapitlu 57 jgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
‘Intom, Ersqu ’l Hawn’
2. (a) Il-kliem taʼ Isaija kapitlu 57 meta donnu japplika? (b) X’inhi s-sitwazzjoni tat-twajbin fi żmien Isaija?
2 Din il-parti mill-profezija taʼ Isaija donnha tapplika fi żmien Isaija stess. Ikkunsidra kemm niżlu fil-fond l-għeruq tal-ħażen f’dan iż-żmien: “Il-ġust jinqered, imma ħadd ma jħoss għalih. In-nies twajba jinġabru, iżda ħadd ma jagħti kas. Iva, il-ġust jinġabar minħabba l-ħażen; jidħol fis-sliem, jistrieħ fuq friexu kull min jimxi dritt.” (Isaija 57:1, 2) Jekk jaqaʼ raġel twajjeb, ħadd ma jimpurtah. Il-mewt tiegħu qabel il-waqt ħadd ma jinduna biha. Il-fatt li jorqod fil-mewt iġiblu s-sliem, jeħilsu mis-sofferenza miġjuba fuqu minn dawk li jiċħdu ’l Alla, u jiskansah mill-gwaj. Il-ġens magħżul t’Alla waqaʼ fi stat tal-biki. Imma min jaf kemm jiġu inkuraġġiti dawk li jibqgħu leali għax jafu li Jehovah mhux biss jara x’ikun għaddej imma wkoll se jwiżinhom!
3. Jehovah kif jindirizzaha lill-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ Ġuda, u għala?
3 Jehovah jsejjaħ lill-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ Ġuda, billi jgħid: “Imma intom, ulied is-saħħara, ersqu ’l hawn, nisel l-adultera u l-prostituta.” (Isaija 57:3) Kien jistħoqqilhom li jingħataw dawn id-deskrizzjonijiet t’għajb bħala wlied is-saħħara u nisel l-adultera u l-prostituta. Il-qima falza li daru lejha tinkludi atti moqżieża taʼ idolatrija u spiritiżmu kif ukoll prattiċi sesswali immorali. Għaldaqstant, Jehovah jistaqsi lil dawn il-midinbin: “B’min qegħdin tiddieħku? Kontra min qegħdin tfettħu ħalqkom, u toħorġu lsienkom? Jaqaw m’intomx ulied id-dnub, ulied il-qerq? Intom tmorru b’demmkom ibaqbaq taħt il-ballut; taħt kull siġra tħaddar; toqtlu t-trabi fil-widien, fi xquq l-irdumijiet.”—Isaija 57:4, 5.
4. L-uħud mill-agħar f’Ġuda taʼ liema ħaġa huma ħatjin?
4 L-uħud mill-agħar f’Ġuda jipprattikaw il-qima pagana u skandaluża tagħhom fil-beraħ, waqt li ‘jiddieħqu’ b’ħaddieħor. Lill-profeti t’Alla li ntbagħtu biex jikkoreġuhom, huma jgħajbuhom u jżebilħuhom bi stmerrija, bla mistħija u rispett taʼ xejn. Għalkemm huma wlied Abraham, l-atti ribellużi tagħhom jagħmluhom ulied id-dnub u nisel il-qerq. (Isaija 1:4; 30:9; Ġwann 8:39, 44) Hemm barra fil-kampanja qalb il-ballut, huma jqanqlu l-ħrara reliġjuża fil-qima idolatruża tagħhom. U x’qima kiefra! Saħansitra jissagrifikaw u joqtlu lil uliedhom stess, bħall-ġnus li l-atti moqżieża tagħhom wasslu lil Jehovah biex ikeċċihom minn arthom!—1 Slaten 14:23; 2 Slaten 16:3, 4; Isaija 1:29.
Iferrgħu Offerta tax-Xorb lill-Ġebel
5, 6. (a) L-abitanti taʼ Ġuda x’għażlu li jagħmlu minflok ma jqimu lil Jehovah? (b) Kemm hi ovvja u mifruxa l-qima taʼ l-idoli f’Ġuda?
5 Ara kemm waqgħu fil-baxx l-abitanti taʼ Ġuda f’dik li hi idolatrija: “Fil-ġebel lixx tal-wied sehmek; dan, dan xortik. Lilhom sawwabt [“offerta tax-xorb,” “NW”], ġibt l-offerta tas-sagrifiċċju. Nistaʼ jien noqgħod bi kwieti b’dan?” (Isaija 57:6) Il-Lhud huma l-poplu f’patt m’Alla, u madankollu minflok ma jqimu lilu, huma jiġbru l-ġebel minn qiegħ ix-xmara u jagħmluh allat. David xandar li Jehovah kien sehmu, imma dawn il-midinbin għażlu idoli tal-ġebel bla ħajja bħala xortihom u ferrgħulhom l-offerti tax-xorb. (Salm 16:5; Ħabakkuk 2:19) Jehovah x’faraġ jistaʼ jsib f’din il-qima mħassra tal-poplu li jġorr ismu?
6 Ġuda tikkommetti l-idolatrija kullimkien—taħt il-ballut, fil-widien, fuq l-għoljiet, u fil-bliet. Imma Jehovah jara kollox, u permezz taʼ Isaija jikxef it-taħsir morali tagħha: “Fuq muntanja għolja u wieqfa, int poġġejt friexek, u hemm fuq tlajt toffri s-sagrifiċċju. U wara l-bieb u l-koxox tiegħu, l-arma tiegħek dendilt.” (Isaija 57:7, 8a) Ġuda tifrex is-sodda tagħha taʼ ħmieġ spiritwali fuq il-postijiet għoljin, u hemmhekk toffri sagrifiċċji lil allat barranin. a Saħansitra fid-djar privati hemm l-idoli wara l-bibien u l-koxox tal-bibien.
7. Ġuda b’liema spirtu tieħu sehem fil-qima immorali?
7 Xi wħud jistgħu jistagħġbu għala Ġuda involviet ruħha daqshekk fil-qima mniġġsa. Kien hemm xi qawwa iktar b’saħħitha minnha li sforzatha biex tabbanduna lil Jehovah? Ir-risposta hi le. Dan tagħmlu minn jeddha, bil-ħerqa. Jgħid Jehovah: “Mbiegħda minni xaqlibt il-friex u tlajt; wassajt soddtok u ftehemt magħhom, maʼ dawk li ħabbejt friexhom, u lejn għerithom ħarist ċassa.” (Isaija 57:8b) Ġuda għamlet patt maʼ l-allat foloz tagħha, u tħobb ir-relazzjoni projbita li għandha magħhom. Imma l-iktar li tħobb huma l-prattiċi sesswali u immorali—x’aktarx inkluż l-użu taʼ simboli falliċi—li jikkaratterizzaw il-qima taʼ dawn l-allat!
8. Taħt liema sultan iffjorixxiet b’mod partikulari l-idolatrija f’Ġuda?
8 Id-deskrizzjoni li tingħata dwar il-qima kiefra u immorali għall-aħħar taʼ l-idoli taqbel maʼ dak li nafu dwar diversi slaten mill-agħar taʼ Ġuda. Per eżempju, Manassi bena l-postijiet għoljin, waqqaf artali lil Bagħal, u poġġa artali taʼ reliġjon falza f’żewġ btieħi tat-tempju. Lil uliedu għaddiehom min-nar, ipprattika l-maġija u s-seħer, u ħeġġeġ lin-nies għall-prattiċi spiritistiċi. Fit-tempju taʼ Jehovah, is-Sultan Manassi poġġa wkoll ix-xbieha mnaqqxa taʼ l-arblu sagru li kien għamel hu. b Hu qarraq b’Ġuda biex tagħmel “agħar mill-ġnus li Alla kien qered.” (2 Slaten 21:2-9) Xi wħud jemmnu li Manassi ordna l-qtil taʼ Isaija, għalkemm isem Manassi ma jidhirx f’Isaija 1:1.
‘Bgħatt il-Messaġġiera Tiegħek’
9. Ġuda għala tibgħathom “’il bogħod” lill-messaġġiera tagħha?
9 In-nuqqas taʼ Ġuda ma jinkludix biss il-fatt li qdiet lil allat foloz. Billi juża lil Isaija bħala l-kelliemi tiegħu, Jehovah jgħid: “Rsaqt lejn [“Melek,” “NW”] biż-żejt midluka, u żidt il-fwejjaħ tiegħek. Bgħatt ’il bogħod il-messaġġiera tiegħek, sa tbaxxejt sa l-Art l-Imwiet.” (Isaija 57:9) Is-saltna infidila taʼ Ġuda tersaq lejn “Melek,” “is-sultan” bl-Ebrajk—x’aktarx is-sultan taʼ xi qawwa barranija—biex toffrilu rigali sbieħ li jiswew il-flus, bħalma huma ż-żejt u ingwenti jfuħu. Ġuda tibgħat messaġġiera f’postijiet imbegħdin. Għala? Biex tipperswadi lil ġnus Ġentili ħalli jagħmlu alleanzi politiċi magħha. Lil Jehovah tatu daharha u tpoġġi l-fiduċja tagħha fi slaten barranin.
10. (a) Is-Sultan Aħaż kif ifittex alleanza mas-sultan taʼ l-Assirja? (b) Ġuda b’liema mod ‘titbaxxa sa Art l-Imwiet’?
10 Eżempju wieħed taʼ dan iseħħ fi żmien is-Sultan Aħaż. Billi jħossu mhedded minn alleanza li hemm bejn Iżrael u s-Sirja, dan is-sultan infidil taʼ Ġuda jibgħat xi messaġġiera għand Tiglat-pileser III taʼ l-Assirja, u jgħidlu: “Jiena l-qaddej tiegħek u ibnek. Itlaʼ, u ejja eħlisni minn id is-sultan taʼ Aram, u minn id is-sultan taʼ Iżrael, għax qamu għalija.” Aħaż jibgħat fidda u deheb biex ixaħħam lis-sultan taʼ l-Assirja, u dan iwieġeb billi jiftaħ attakk qerriedi kontra s-Sirja. (2 Slaten 16:7-9) Fl-aġir tagħha mal-ġnus Ġentili, Ġuda ‘titbaxxa sa Art l-Imwiet.’ Minħabba dan l-aġir, hi se tmut, jew ma tibqax teżisti bħala ġens indipendenti bis-sultan tiegħu.
11. Ġuda liema sens falz taʼ sigurtà turi?
11 Jehovah jkompli jindirizza lil Ġuda: “Minkejja li nkeddejt bl-imġiba tiegħek, qatt ma għedt: ‘Qtajt qalbi!’ Sibt il-qawwa għal ħajtek, għalhekk qatt ma nfnejt.” (Isaija 57:10) Iva, bħala ġens, Ġuda ħadmet iebes bħala apostata, u ma jirnexxilhiex tara kemm hu għalxejn it-taħbit tagħha. Għall-kuntrarju, hi tqarraq biha nfisha għax taħseb li qed ikollha suċċess bil-qawwa tagħha stess. Tħossha mimlija ħeġġa u saħħa. Xi bluha!
12. Liema kundizzjonijiet li hemm fil-Kristjaneżmu huma preċiż bħal dawk f’Ġuda?
12 Illum hemm organizzazzjoni li l-kondotta tagħha tfakkarna f’dik taʼ Ġuda fi żmien Isaija. Din l-organizzazzjoni hija l-Kristjaneżmu. Għalkemm tuża l-isem taʼ Ġesù, din tfittex alleanzi mal-ġnus u timla l-postijiet taʼ qima tagħha bl-idoli. Il-membri tagħha saħansitra jagħmlu xbihat idolatrużi fid-djar privati tagħhom. Ir-reliġjon tal-Kristjaneżmu tissagrifika liż-żgħażagħ tagħha fil-gwerer tal-ġnus. Żgur li dan kollu joffendih lil dak Alla veru, li jikkmanda lill-Kristjani: “Aħarbu l-allat foloz”! (1 Korintin 10:14) Billi tinvolvi ruħha fil-politika, din l-organizzazzjoni ‘waqgħet fiż-żína mas-slaten taʼ l-art.’ (Apokalissi 17:1, 2) Fil-fatt, hija tagħti appoġġ qawwi lill-Ġnus Magħquda. X’hemm fil-futur għal din il-mara żienja reliġjuża? Sewwa, Jehovah x’jgħidilha lil Ġuda infidila, il-mudell ewlieni tagħha, speċjalment kif rappreżentata mill-belt kapitali tagħha, Ġerusalemm?
‘L-Idoli Miġmugħa Tiegħek Mhux Se Jsalvawk’
13. Ġuda kif ‘tħassret,’ u kif tirreaġixxi għall-paċenzja taʼ Jehovah?
13 ‘Minn min twerwirt u bżajt, biex tħassart daqshekk?’ jistaqsi Jehovah. Mistoqsija xierqa! Żgur li Ġuda ma turi ebda biżaʼ bnin minn Alla Jehovah. Kieku kienet tibżaʼ, ma kinitx issir ġens taʼ giddibin, adoraturi t’allat foloz. Jehovah jissokta jgħid: ‘Anqas fija biss ma ftakart, u anqas biss ma ħsibt. M’hux għax jiena bqajt sieket u għalaqt għajnejja li inti bżajt minni?’ (Isaija 57:11) Jehovah baqaʼ sieket; ma kkastigax immedjatament lil Ġuda. Tapprezzah dan Ġuda? Le, minflok hi tqis is-sabar t’Alla bħala indifferenza. Tilfet kull biżaʼ li kellha minnu.
14, 15. Jehovah x’jgħid dwar l-għemil taʼ Ġuda u “l-idoli miġmugħa” tagħha?
14 Madankollu, il-perijodu tas-sabar t’Alla se jintemm. Waqt li jħares lejn dak iż-żmien, Jehovah jiddikjara: “Jien għad inxandar is-sewwa tiegħek u għemilek, imma dawn xejn ma jiswewlek. Ħa jsalvawk l-idoli miġmugħa tiegħek, meta ssejjħilhom. Ir-riħ għad itajjarhom, u ż-żiffa ġġorrhom.” (Isaija 57:12, 13a) Jehovah se jikxef it-tjieba falza taʼ Ġuda. L-ipokrisija tagħha ma se tiswielha xejn. “L-idoli miġmugħa” tagħha, l-għadd taʼ idoli li għandha, m’humiex se jsalvawha. Meta jiġi l-gwaj, l-allat li tafda fihom se jittajru mar-riħ.
15 Kliem Jehovah jitwettaq fis-sena 607 Q.E.K., meta s-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja jeqred lil Ġerusalemm, jaħraq it-tempju, u jieħu fil-jasar lill-biċċa l-kbira min-nies tagħha. ‘Hekk Ġuda kienet itturufnata ’l bogħod minn artha.’—2 Slaten 25:1-21.
16. X’hemm jistenniehom lill-Kristjaneżmu u lill-bqija taʼ “Babilonja l-Kbira”?
16 Bl-istess mod, l-għadd kbir taʼ idoli li hemm fl-organizzazzjoni tal-Kristjaneżmu mhux se jsalvawha f’jum ir-rabja taʼ Jehovah. (Isaija 2:19-22; 2 Tessalonikin 1:6-10) Flimkien mal-bqija taʼ “Babilonja l-Kbira”—l-imperu dinji taʼ reliġjon falza—l-organizzazzjoni tal-Kristjaneżmu se tinġieb fix-xejn. Il-bhima salvaġġa simbolika lewn aħmar dagħmieni u l-għaxart iqran tagħha se “jagħmluha [lil Babilonja l-Kbira] bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar.” (Apokalissi 17:3, 16, 17) Kemm aħna henjin li obdejna l-kmand: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem”! (Apokalissi 18:4, 5) Jalla qatt ma nirritornaw lejha jew lejn id-drawwiet tagħha.
‘Min Jistkenn Fija Jiret l-Art’
17. X’wegħda ssirlu lil ‘min jistkenn f’Jehovah,’ u din meta titwettaq?
17 Iżda, xi ngħidu għall-kliem li jmiss tal-profezija taʼ Isaija? “Min jitma [“jistkenn,” “KŻ”] fija jiret l-art, u jiret il-muntanja mqaddsa tiegħi.” (Isaija 57:13b) Jehovah issa lil min qed ikellem? Hu qed iħares lil hinn mid-diżastru li ġej u qed ibassar il-ħelsien tal-poplu tiegħu minn Babilonja u l-fatt li l-qima safja tiġi stabbilita mill-ġdid fuq il-muntanja qaddisa tiegħu, Ġerusalemm. (Isaija 66:20; Danjel 9:16) X’sors taʼ inkuraġġiment bilfors li hu dan għal-Lhud kollha li jibqgħu leali! Iżjed minn hekk, Jehovah jgħid: “Għad jgħid: ‘Iftħu, iftħu t-triq, wittuha! Neħħu t-tfixkil minn triq il-poplu tiegħi!’” (Isaija 57:14) Meta jasal iż-żmien biex Alla jeħles lill-poplu tiegħu, it-triq se tkun lesta, bl-ostakli kollha mneħħijin min-nofs.—2 Kronaki 36:22, 23.
18. Kif inhi deskritta l-pożizzjoni għolja taʼ Jehovah, u madankollu liema tħassib b’imħabba juri lejna?
18 Huwa f’dan il-punt li Isaija jlissen il-kliem li ġie kwotat fil-bidu taʼ dan il-kapitlu: “Dan jgħid min qiegħed merfugħ fl-għoli, li jgħix għal dejjem u qaddis ismu: ‘Jien ngħammar fl-għoli u f’post qaddis, imma l-istess jien qiegħed mal-bniedem b’qalb maqsuma u umiljat f’ruħu; biex naħji r-ruħ umiljata, nqawwi l-qalb miksura.’” (Isaija 57:15) It-tron taʼ Jehovah qiegħed fl-ogħla smewwiet. M’hemmx pożizzjoni oħra li hi ogħla jew iktar superjuri minn tiegħu. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li minn hemmhekk jara kollox—mhux biss id-dnubiet tan-nies mill-agħar imma wkoll l-atti taʼ tjieba taʼ dawk li jipprovaw jaqduh! (Salm 102:20 [102:19, NW]; 103:6) Iktar minn hekk, hu jismaʼ t-tnehid taʼ l-umiljati u jqawwi lil dawk taʼ qalbhom maqsuma. Dan il-kliem bilfors li qanqal il-qlub tal-Lhud li nidmu fil-qedem, u ċertament li jqanqal lil qlubna llum.
19. Meta jieqaf l-għadab taʼ Jehovah?
19 Taʼ faraġ ukoll huwa l-kliem li jkompli jgħid Jehovah: “Ma nitlewwimx għal dejjem, u lanqas ma ninkorla għalkollox; għax kieku tinfena r-ruħ quddiemi, u nifs il-ħajja li jiena ħlaqt.” (Isaija 57:16) Ħadd mill-ħlejjaq t’Alla ma kien jibqaʼ ħaj kieku l-korla taʼ Jehovah kienet kontinwa, mingħajr tmiem. B’ferħ, iżda, l-għadab t’Alla huwa biss għal żmien limitat. Meta jkun wettaq l-iskop tiegħu, jieqaf. Dan id-dehen ispirat jgħinna niżviluppaw apprezzament profond għall-imħabba li għandu Jehovah lejn il-ħolqien tiegħu.
20. (a) Jehovah kif jittrattah lil min ma jindimx minn ħżunitu? (b) Jehovah b’liema mod ifarrġu lis-sogħbien?
20 Niksbu iktar dehen hekk kif Jehovah jissokta jitkellem. L-ewwel hu jgħid: “Minħabba ħżunitu għal ftit għadabt, u sawwattu u nħbejt inkurlat, imma xorta waħda baqaʼ miexi għal rajh fit-triq taʼ qalbu.” (Isaija 57:17) Il-ħażen li jsir minħabba r-regħba ċertament li jistieden fuqu l-korla t’Alla. Sakemm dak li jkun jibqaʼ miexi għal rajh f’qalbu, Jehovah jibqaʼ mgħaddab għalih. Imma x’jiġri jekk dan l-individwu jwieġeb għad-dixxiplina? Imbagħad Jehovah juri kif l-imħabba u l-mogħdrija tiegħu jqanqluh biex jaġixxi: “Jiena rajt triqatu, u rrid infejjqu, mmexxih u nroddlu l-faraġ, u lil dawk li jibkuh.” (Isaija 57:18a [57:18, “NW”]) Wara li jkun iddixxiplinah, Jehovah jfejjaq lis-sogħbien u jfarraġ kemm lilu u kemm lil dawk li jkunu qed jitnikktu miegħu. Huwa għalhekk li fis-sena 537 Q.E.K., il-Lhud setgħu jirritornaw lejn arthom. Huwa minnu li Ġuda qatt ma reġgħet saret saltna indipendenti taħt sultan mil-linja taʼ David. Xorta waħda, it-tempju f’Ġerusalemm inbena mill-ġdid, u l-qima vera reġgħet ġiet stabbilita.
21. (a) Jehovah kif reġaʼ qawwa l-ispirtu tal-Kristjani midlukin fl-1919? (b) Aħna bħala individwi liema kwalità nagħmlu tajjeb li rrawmu fina?
21 Jehovah, li “qiegħed merfugħ fl-għoli,” wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-benesseri tal-membri tal-fdal midluk fl-1919. Minħabba l-ispirtu sogħbien u umli tagħhom, dak Alla l-kbir, Jehovah, innota b’qalb tajba kemm kienu maħqurin u ħelishom mill-jasar taħt Babilonja. Hu neħħa kull ostaklu minn quddiemhom u mexxiehom lejn il-libertà sabiex ikunu jistgħu jqimuh b’mod safi. B’hekk, il-kliem li Jehovah lissen permezz taʼ Isaija twettaq dakinhar. U wara dan il-kliem hemm prinċipji eterni li japplikaw għal kull wieħed u waħda minna. Jehovah jaċċetta l-qima biss mingħand dawk li huma umlin. U jekk wieħed mill-qaddejja t’Alla jidneb, għandu jkun ħafif biex jirrikonoxxi l-iżball tiegħu, jaċċetta t-twiddib, u jikkoreġi triqatu. Jalla qatt ma ninsew li Jehovah jfejjaq u jfarraġ lill-umlin imma ‘jieqaf lill-kburin.’—Ġakbu 4:6.
‘Sliem lil Dawk fil-Bogħod u fil-Qrib’
22. Jehovah liema futur ibassar għal (a) dak li jindem? (b) dak li hu mill-agħar?
22 Waqt li jagħmel kuntrast bejn il-futur taʼ dawk li jindmu u l-futur taʼ dawk li jibqgħu fit-triqat mill-agħar tagħhom, Jehovah jiddikjara: “Noħolqilhom kelma frott ix-xufftejn: Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-bogħod u fil-qrib, . . . nfejjaqhom ilkoll. Imma l-ħżiena bħal baħar imqanqal, li ma jistaʼ jsib kwiet b’xejn, u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn. M’hemmx sliem għall-ħżiena.”—Isaija 57:18b-21 [57:19-21, “NW”].
23. X’inhu l-frott tax-xofftejn, u Jehovah b’liema mod qed ‘joħloq’ dan il-frott?
23 Il-frott tax-xofftejn hu s-sagrifiċċju taʼ tifħir offrut lil Alla—id-dikjarazzjoni pubblika għal ismu. (Lhud 13:15) Jehovah kif qed ‘joħloq’ din id-dikjarazzjoni pubblika? Sabiex joffri sagrifiċċju taʼ tifħir, individwu jrid l-ewwel isir jaf lil Alla u mbagħad ipoġġi fidi fih. Il-fidi, li hi frotta taʼ l-ispirtu t’Alla, tqanqal lill-individwu biex jgħid lil oħrajn dak li jkun semaʼ. Fi kliem ieħor, hu jagħmel dikjarazzjoni pubblika. (Rumani 10:13-15; Galatin 5:22) Għandna niftakru wkoll, li hu Jehovah li fl-aħħar mill-aħħar jinkariga lill-qaddejja tiegħu biex ixandru t-tifħir tiegħu. U Jehovah hu dak li jeħles lin-nies tiegħu, u b’hekk isir possibbli għalihom li joffru dawn is-sagrifiċċji taʼ tifħir. (1 Pietru 2:9) Għaldaqstant, jistaʼ jingħad sew li Jehovah joħloq dan il-frott tax-xofftejn.
24. (a) Min huma dawk li jsiru jafu s-sliem t’Alla, u b’liema riżultat? (b) Min huma dawk li ma jsirux jafu s-sliem, u x’inhu r-riżultat għalihom?
24 Min jaf xi frott mill-isbaħ tax-xofftejn qegħdin joffru l-Lhud hekk kif jirritornaw lejn art twelidhom ikantaw it-tifħir lil Jehovah! Bilfors li huma mimlijin ferħ peress li jafu bis-sliem t’Alla, kemm jekk qegħdin “fil-bogħod”—imbegħdin minn Ġuda, għadhom jistennew li jirritornaw—jew “fil-qrib”—diġà f’art twelidhom. B’kuntrast qawwi, kemm huma differenti l-affarijiet għal dawk li huma mill-agħar! Kulmin ma jweġibx għad-dixxiplina taʼ Jehovah, jiġifieri, in-nies mill-agħar, huma min huma u qegħdin fejn qegħdin, m’għandhom assolutament ebda sliem. Peress li bħall-baħar imqalleb m’għandhomx kwiet, huma ma jibqgħux jipproduċu l-frott tax-xofftejn, imma “ħama u tajn,” kulma hu maħmuġ.
25. Ħafna fil-bogħod u fil-qrib kif qegħdin isiru jafu s-sliem?
25 Illum ukoll, l-adoraturi taʼ Jehovah kullimkien ixandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Il-Kristjani fil-bogħod u fil-qrib f’iktar minn 230 pajjiż joffru l-frott taʼ xofftejhom, billi jsemmgħu t-tifħir taʼ l-uniku Alla veru. It-tifħir li jkantaw jinstemaʼ “minn truf l-art.” (Isaija 42:10-12) Dawk li jisimgħuhom u jaċċettaw qegħdin iħaddnu l-verità tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Dawn l-uħud qegħdin isiru jafu s-sliem li jiġi meta jaqdu lil “Alla tas-sliem.”—Rumani 16:20.
26. (a) X’hemm fil-futur għal dawk li huma mill-agħar? (b) X’wegħda grandjuża ssirilhom lill-ġwejdin, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
26 Huwa minnu li dawk li huma mill-agħar ma jagħtux kas il-messaġġ tas-Saltna. Iżda, dalwaqt, m’humiex se jitħallew ifixklu s-sliem tat-twajbin. “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar,” iwiegħed Jehovah. Dawk li qegħdin jistkennu f’Jehovah se jirtu l-art b’mod meraviljuż. “Il-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11, 29) X’post sabiħ se tkun l-art tagħna f’dak iż-żmien! Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li qatt ma nitilfu s-sliem t’Alla, sabiex inkunu nistgħu nkantaw it-tifħir t’Alla għall-eternità kollha.
[Noti taʼ taħt]
a X’aktarx li t-terminu “friex” jirreferi għall-artal jew għall-post taʼ qima pagana. Il-fatt li jissejjaħ friex, jew sodda, ifakkarna li qima bħal din hija prostituzzjoni spiritwali.
b L-arbli sagri forsi kienu jirrappreżentaw l-element femminili, u l-plieri sagri forsi kienu simboli falliċi. It-tnejn li huma ntużaw mill-abitanti infidili taʼ Ġuda.—2 Slaten 18:4; 23:14.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 263]
Ġuda tipprattika l-qima immorali taħt kull siġra tħaddar
[Stampa f’paġna 267]
Ġuda tibni artali mal-pajjiż kollu
[Stampa f’paġna 275]
“Noħolqilhom kelma frott ix-xufftejn”