Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Jgħallimna għall-Ġid Tagħna

Jehovah Jgħallimna għall-Ġid Tagħna

Kapitlu Disgħa

Jehovah Jgħallimna għall-​Ġid Tagħna

Isaija 48:1-22

1. Min hu għaref kif jirreaġixxi meta jitkellem Jehovah?

 META jitkellem Jehovah, min hu għaref jismaʼ b’rispett kbir u jagħmel dak li jgħidlu, għax kulma jgħid Jehovah hu għall-​ġid tagħna. Barra minn hekk, hu interessat ferm fil-​benesseri tagħna. Per eżempju, kemm iqawwilna qalbna meta nqisu l-​mod kif Jehovah kellem lill-​poplu li kien f’patt miegħu fil-​qedem: “Li kieku tajt widen għall-​kmandamenti tiegħi”! (Isaija 48:18) Il-​fatt li t-​tagħlim t’Alla hu taʼ valur—u bil-​provi—għandu jqanqalna biex nagħtuh widen u nimxu wara l-​gwida tiegħu. Il-​profeziji mwettqin ma jħallu l-​ebda dubju dwar kemm Jehovah hu determinat li jwettaq il-​wegħdi tiegħu.

2. Il-​kliem taʼ Isaija 48 għal min inkiteb, u min iktar jistaʼ jibbenefika minnu?

2 Jidher ċar li l-​kliem li nsibu f’kapitlu 48 tal-​ktieb taʼ Isaija nkiteb għal-​Lhud li kienu se jiġu eżiljati f’Babilonja. Iżjed minn hekk, dan il-​kliem fih messaġġ li ma jistax jiġi injorat mill-​Kristjani llum. F’Isaija kapitlu 47, il-​Bibbja bassret il-​waqgħa taʼ Babilonja. Issa Jehovah jiddeskrivi dak li għandu f’moħħu għall-​eżiljati Lhud li qegħdin f’din il-​belt. Jehovah hu mnikket minħabba l-​ipokrisija tal-​poplu magħżul tiegħu u minħabba l-​fatt li b’mod stinat m’emmnux il-​wegħdi tiegħu. Imma xorta waħda, hu jrid jgħallimhom għall-​ġid tagħhom. Hu jara bil-​quddiem perijodu taʼ rfinar li jwassal biex fdal leali jmur lura lejn art twelidu.

3. X’kien hemm ħażin dwar il-​qima taʼ Ġuda?

3 Kemm tbiegħed il-​poplu taʼ Jehovah mill-​qima safja! Il-​kliem li jibda bih Isaija jġagħalna naħsbu: “Isimgħu dan, dar Ġakobb, intom li ġġibu isem Iżrael, intom li ħriġtu mill-​ġewwieni taʼ Ġuda, intom li taħilfu b’isem il-​Mulej, u tfaħħru l-​isem taʼ Alla taʼ Iżrael, imma mhux bis-​sinċerità u lanqas bis-​sewwa. Mill-​belt qaddisa jissemmew, u fuq Alla taʼ Iżrael iserrħu, Jaħweh taʼ l-​eżerċti jismu.” (Isaija 48:1, 2) X’ipokrisija! Li ‘jaħilfu b’isem il-​Mulej’ biċ-​ċar m’hu xejn ħlief li jużaw isem Alla sempliċement għall-​vizzju. (Sofonija 1:5) Qabel ma ġew eżiljati f’Babilonja, il-​Lhud qiemu lil Jehovah f’Ġerusalemm, il-​“belt qaddisa.” Imma l-​qima tagħhom ma kinitx sinċiera. Qlubhom kienu mbegħdin ferm minn Alla, u l-​atti taʼ qima tagħhom la saru “bis-​sinċerità u lanqas bis-​sewwa.” Ma kellhomx il-​fidi li kellhom il-​patrijarki.—Malakija 3:7.

4. Liema tip taʼ qima jogħġob lil Jehovah?

4 Kliem Jehovah jfakkarna li l-​qima tagħna m’għandhiex tkun superfiċjali. Trid tkun ġejja mill-​qalb. Servizz b’nofs qalb—li forsi jsir sempliċement biex nogħġbu jew nimpressjonaw lil ħaddieħor—ma jifformax “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:11, NW) Il-​fatt li wieħed jgħid li hu Kristjan ma jfissirx fih innifsu li Alla qed jaċċetta l-​qima tiegħu. (2 Timotju 3:5) Huwa vitali li nirrikonoxxu li Jehovah jeżisti, imma dan hu biss il-​bidu. Jehovah jrid li min iqimu jagħmel dan b’ruħu kollha u jkun imqanqal minn imħabba kbira u apprezzament profond.—Kolossin 3:23.

Ibassar Affarijiet Ġodda

5. X’inhuma xi ftit mill-​“ġrajjiet” taʼ qabel imbassrin minn Jehovah?

5 Forsi dawn il-​Lhud f’Babilonja għandhom bżonn jiġu mfakkrin xi affarijiet. Għaldaqstant, Jehovah jfakkarhom mill-​ġdid li hu dak Alla tal-​profezija vera: “Minn żmien il-​qedem ħabbart il-​ġrajjiet, ħarġu minn fommi, u jien semmajthom, u jien għamilthom minnufih, u seħħu lkoll.” (Isaija 48:3) “Il-​ġrajjiet” taʼ qabel huma affarijiet li diġà twettqu minn Alla, bħal meta ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu u tahom l-​Art Imwiegħda bħala wirt. (Ġenesi 13:14, 15; 15:13, 14) Dan it-​tbassir joħroġ minn fomm Alla; l-​oriġini tiegħu hija divina. Alla jġiegħel lill-​bnedmin jisimgħu d-​digrieti tiegħu, u dak li jisimgħu għandu jqanqalhom biex jobduh. (Dewteronomju 28:15) Hu jaġixxi mill-​ewwel biex iwettaq dak li jkun bassar. Il-​fatt li Jehovah hu Dak li jistaʼ kollox jassigurana li l-​iskop tiegħu jitwettaq.—Ġożwè 21:45; 23:14.

6. Il-​Lhud sa liema punt saru ‘rashom iebsa u ribellużi’?

6 In-​nies taʼ Jehovah saru ‘rashom iebsa u ribellużi.’ (Salm 78:8) Hu jgħidilhom ċar u tond: “Int rasek iebsa, għonqok għerq tal-​ħadid, u ġbinek bronż.” (Isaija 48:4) Il-​Lhud ma jċedux, bħal ċerti metalli li huma ibsin biex tgħawwiġhom. Din hi raġuni waħda għala Jehovah jirrivela l-​affarijiet qabel ma jseħħu. Inkella, in-​nies tiegħu se jgħidu dwar l-​affarijiet li għamel Jehovah: “L-​idolu tiegħi għamilhom, ix-​xbieha minquxa u mdewwba ordnathom.” (Isaija 48:5) Dak li Jehovah qed jgħid issa se jkollu xi effett fuq il-​Lhud żleali? Jgħidilhom Alla: “Int smajt u rajt dan kollu, u issa ma tridx ixxandru? Minn issa ’l quddiem insemmgħek ħwejjeġ ġodda, ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx. Nħolqu issa, u mhux żmien ilu; u qabel żmienhom int ma smajtx bihom, li ma tmurx tgħid: ‘Arani, jien kont naf bihom.’”—Isaija 48:6, 7.

7. Il-​Lhud eżiljati x’se jkollhom jammettu, u x’jistgħu jistennew?

7 Isaija niżżel bil-​miktub it-​tbassira dwar il-​waqgħa taʼ Babilonja ferm qabel ma seħħet. Issa li qegħdin fl-​eżilju ġewwa Babilonja, il-​Lhud jiġu kmandati b’mod profetiku biex iġibu quddiem għajnejhom it-​twettiq tat-​tbassira. Jistgħu huma jiċħdu li Jehovah hu dak Alla tal-​profezija mwettqa? U ladarba l-​abitanti taʼ Ġuda raw u semgħu li Jehovah hu Alla tal-​verità, m’għandhomx huma wkoll ixandru din il-​verità lil ħaddieħor? Il-​kelma rivelata taʼ Jehovah tbassar affarijiet ġodda li għadhom ma seħħewx, bħal per eżempju li Ċiru se jikkonkwista lil Babilonja u li l-​Lhud se jiġu meħlusin. (Isaija 48:14-16) Dawn il-​ġrajjiet li jaħsduk donnhom iseħħu ħabta u sabta u bla mistenni. Ħadd ma setaʼ jarahom minn qabel sempliċement billi jinnota kif jiżviluppaw il-​kundizzjonijiet tad-​dinja. Jaslu bħallikieku nħolqu mix-​xejn. Min jikkaġunahom dawn il-​ġrajjiet? Ladarba Jehovah jbassarhom xi 200 sena qabel, ir-​risposta hi ovvja.

8. Il-​Kristjani llum għal liema affarijiet ġodda jittamaw, u għala għandhom fiduċja sħiħa fil-​kelma profetika taʼ Jehovah?

8 Iktar minn hekk, Jehovah jwettaq kelmtu skond l-​iskeda tiegħu stess. Il-​profeziji mwettqin jagħtu prova tad-​Divinità tiegħu mhux biss lil-​Lhud tal-​qedem imma wkoll lill-​Kristjani llum. Il-​fatt li għadd taʼ profeziji twettqu fil-​passat—“il-​ġrajjiet” taʼ qabel—jassigurana li l-​affarijiet ġodda mwegħdin minn Jehovah żgur se jseħħu. Fost dawn hemm it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja, il-​fatt li “kotra kbira” tibqaʼ ħajja wara li tgħaddi minn ġo din it-​tribulazzjoni, l-​“art ġdida,” u ħafna iktar. (Apokalissi 7:9, 14, 15; 21:4, 5; 2 Pietru 3:13) Din l-​assiguranza tqanqal lil nies taʼ qalb retta biex jitkellmu dwar Alla b’mod żeluż. Dawn iħossuhom bħalma ħassu s-​salmista meta qal: “Xandart il-​ġustizzja f’ġemgħa kbira; xufftejja ma żammejthomx magħluqa.”—Salm 40:10 [40:9, NW].

Jehovah Jikkontrolla Lilu Nnifsu

9. Il-​ġens taʼ Iżrael kif kien ‘xewwiex sa mill-​ġuf’?

9 Peress li l-​Lhud m’emmnuhomx il-​profeziji taʼ Jehovah, huma naqsu li jagħtu kas it-​twissijiet tiegħu. Huwa għalhekk li hu jissokta jgħidilhom: “Int qatt ma smajt, int qatt m’għaraft; lanqas qatt ma ftaħt widnejk. Kont naf li int qarrieq, u sa mill-​ġuf sejjħulek: ‘Xewwiex.’” (Isaija 48:8) Ġuda saddet widnejha għall-​bxajjar taʼ ferħ li taha Jehovah. (Isaija 29:10) Il-​mod kif aġixxa l-​poplu f’patt m’Alla juri li l-​ġens kien ‘xewwiex sa mill-​ġuf.’ Minn twelidu u fl-​istorja tiegħu kollha kemm hi, il-​ġens taʼ Iżrael kien magħruf bħala li kien ribelluż. Il-​ksur tal-​liġi u t-​tradiment huma difetti serji fin-​nies, mhux sempliċi dnubiet li jsiru kultant.—Salm 95:10; Malakija 2:11.

10. Jehovah għala se jrażżan lilu nnifsu?

10 Ifisser dan li ntilfet kull tama? Le. Avolja Ġuda kienet ribelluża u qarrieqa, Jehovah hu dejjem rett u leali. Minħabba l-​unur taʼ l-​isem kbir tiegħu, hu se jillimita l-​korla tiegħu. Hu jgħid: “Minħabba f’ismi ma nżommx [jew, nikkontrolla] għadbi, u minħabba ġieħi nitrażżan għalik, biex ma neqirdekx.” (Isaija 48:9) X’kuntrast! In-​nies taʼ Jehovah, kemm Iżrael kif ukoll Ġuda, ma kinux leali lejh. Imma Jehovah se jqaddes lil ismu, billi jaġixxi b’tali mod li jġiblu tifħir u unur. Għal din ir-​raġuni, hu mhux se jeqred lill-​poplu magħżul tiegħu.—Ġoel 2:13, 14.

11. Alla għala mhux se jippermetti li l-​poplu tiegħu jinqered għalkollox?

11 Individwi taʼ qalb retta fost il-​Lhud eżiljati jiġu mqajmin miċ-​ċanfira t’Alla u jsiru determinati li jagħtu kas it-​tagħlim tiegħu. Għal dawn l-​uħud id-​dikjarazzjoni li ġejja hi rassiguranti ferm: “Arani, jien saffejtek mhux bħall-​fidda; ippruvajtek fil-​forn tan-​niket. Minħabba fija, minħabba fija nagħmel dan. Għax għandu jitkasbar ismi? Is-​sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx.” (Isaija 48:10, 11) Il-​provi u l-​għawġ—bħal “fil-​forn tan-​niket”—li Jehovah ppermetta li jiġu fuq in-​nies tiegħu ttestjawhom u rfinawhom, u b’hekk wera x’hemm f’qalbhom. Xi ħaġa simili ġrat sekli qabel meta Mosè qal lill-​antenati tagħhom: “Mexxiek il-​Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-​erbgħin sena fid-​deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek.” (Dewteronomju 8:2) Minkejja l-​attitudni ribelluża tagħhom, Jehovah ma qerdux il-​ġens dakinhar, u lanqas ma se jeqirdu għalkollox issa. B’hekk, ismu u unuru se jinżammu fl-​għoli. Kieku l-​poplu tiegħu kellu jgħib taħt idejn il-​Babiloniżi, Jehovah ma jkunx qed jonora l-​patt tiegħu u b’hekk, ismu jiġi mmaqdar. Ikun qisu li dak Alla taʼ Iżrael m’għandux il-​qawwa li jsalva lill-​poplu tiegħu.—Eżekjel 20:9.

12. Il-​Kristjani veri kif ġew irfinuti matul l-​ewwel gwerra dinjija?

12 Il-​poplu taʼ Jehovah kellu bżonn jiġi rfinut fi żmienna wkoll. Lura fil-​bidu tas-​seklu 20, ħafna mill-​grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja qdew lil Alla għax kellhom xewqa sinċiera li jogħġbuh, imma xi wħud kellhom motivi ħżiena, bħal per eżempju xewqa li jkunu prominenti. Qabel setaʼ jieħu t-​tmexxija fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba madwar id-​dinja profetizzat għaż-​żmien taʼ l-​aħħar, dan il-​grupp żgħir kellu bżonn jitnaddaf. (Mattew 24:14) Il-​profeta Malakija pprofetizza li preċiż dan ix-​xogħol taʼ rfinar kien se jitwettaq f’konnessjoni mal-​miġja taʼ Jehovah fit-​tempju tiegħu. (Malakija 3:1-4) Kliemu twettaq fl-​1918. Il-​Kristjani veri kienu għaddew minn perijodu taʼ provi jaħarqu fin-​nar jikwi taʼ l-​ewwel gwerra dinjija u dan kollu laħaq il-​quċċata tiegħu bit-​tfigħ il-​ħabs taʼ Joseph F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society, u xi wħud mill-​uffiċjali ewlenin tagħha. Dawn il-​Kristjani sinċieri bbenefikaw mill-​proċess taʼ rfinar billi ħarġu mill-​Ewwel Gwerra Dinjija iktar determinati minn qatt qabel li jaqdu lill-​kbir Alla tagħhom ikun x’ikun dak li jitlob minnhom.

13. In-​nies taʼ Jehovah kif irreaġixxew għall-​persekuzzjoni fis-​snin taʼ wara l-​ewwel gwerra dinjija?

13 Minn dak in-​nhar ’l hawn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ffaċċjaw għal darba wara l-​oħra l-​iktar persekuzzjoni ħarxa. Dan ma ġagħalhomx jiddubitaw fil-​kelma tal-​Ħallieq tagħhom. Pjuttost, huma taw kas il-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru lil Kristjani persegwitati taʼ żmienu: “Jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi . . . Hekk tgħaddi mill-​prova l-​fidi tagħkom . . . biex ikun jistħoqqilha tasal għat-​tifħir, għall-​glorja, u għall-​ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu.” (1 Pietru 1:6, 7) Il-​persekuzzjoni qalila ma teqridx l-​integrità tal-​Kristjani veri. Minflok, tikxef kemm huma ġenwini l-​motivi tagħhom. Tagħmel il-​fidi tagħhom taʼ l-​aqwa kwalità u turi l-​profondità tad-​devozzjoni u l-​imħabba tagħhom.—Proverbji 17:3.

“Jiena l-​Ewwel, u Jiena l-​Aħħar”

14. (a) Jehovah b’liema mod hu “l-​ewwel” u “l-​aħħar”? (b) Jehovah liema xogħlijiet setgħanin wettaq b’‘idejh’?

14 Issa Jehovah jagħmel sejħa mill-​qalb lill-​poplu li qiegħed f’patt miegħu: “Ġakobb, ismagħni, u int Iżrael, li jien sejjaħt. Jiena hu, Jiena l-​ewwel, u Jiena l-​aħħar. Idejja sejjsu l-​art, u leminti firxet is-​smewwiet. Jiena nsejjħilhom, u huma jfeġġu lkoll flimkien.” (Isaija 48:12, 13) Kuntrarju għall-​bniedem, Alla hu etern u ma jinbidilx. (Malakija 3:6) F’Apokalissi, Jehovah jiddikjara: “Jiena l-​Alfa u l-​Omega, l-​Ewwel u l-​Aħħar, il-​Bidu u t-​Tmiem!” (Apokalissi 22:13) Qabel Jehovah ma kien hemm l-​ebda Alla li jistaʼ kollox, u warajh ma se jkun hemm ħadd. Hu s-​Suprem u l-​Etern, il-​Ħallieq. Uża l-​qawwa tiegħu, ‘idejh,’ biex jistabbilixxi l-​art u jifrex is-​smewwiet mimlijin stilel. (Ġob 38:4; Salm 102:26 [102:25, NW]) Meta jsejjaħ lill-​ħolqien tiegħu, dan ikun pront jaqdih.—Salm 147:4.

15. Jehovah b’liema mod u għal liema skop ‘ħabb’ lil Ċiru?

15 Stedina importanti hi indirizzata kemm lil-​Lhud kif ukoll lil dawk li m’humiex Lhud: “Inġabru lkoll u isimgħu! Min minnhom ħabbar dan? Il-​Mulej iħobbu u hu jagħmel ir-​rieda tiegħu fuq Babilonja u nisel il-​Kaldin. Jiena, jiena tkellimt u sejjaħtlu wkoll, jiena ġibtu u nġiblu r-​riżq fi triqtu.” (Isaija 48:14, 15) Jehovah biss għandu l-​qawwa kollha u kapaċi jbassar il-​ġrajjiet bl-​eżatt. Ħadd “minnhom,” l-​idoli li ma jiswew xejn, m’għandu l-​ħila jgħid dawn l-​affarijiet. Mhux l-​idoli, iżda Jehovah ‘ħabbu,’ lil Ċiru—jiġifieri, Jehovah għażlu għal skop speċifiku. (Isaija 41:2; 44:28; 45:1, 13; 46:11) Hu ra bil-​quddiem il-​wasla taʼ Ċiru fuq ix-​xena dinjija u nnominah bħala dak li fil-​futur se jegħleb lil Babilonja.

16, 17. (a) Għala jistaʼ jingħad li Alla ma tax it-​tbassir tiegħu fis-​sigriet? (b) Jehovah kif semmagħhom pubblikament l-​iskopijiet tiegħu llum?

16 B’ton li jħajrek, Jehovah jkompli: “Ersqu lejja u isimgħu dan: Sa mill-​bidu ma tkellimtx bil-​moħbi, u meta seħħu l-​ġrajja jien kont hemm.” (Isaija 48:16a) It-​tbassir minn Jehovah ma ngħatax fis-​sigriet jew ġie mgħarraf biss lil xi wħud tal-​qalba. Il-​profeti taʼ Jehovah tkellmu bla tlaqliq għan-​nom t’Alla. (Isaija 61:1) Huma ddikjaraw pubblikament ir-​rieda t’Alla. Per eżempju, ġrajjiet marbutin maʼ Ċiru ma kinux ġodda għal Alla jew li ma setax jarahom bil-​quddiem. Xi 200 sena qabel, Alla bassarhom pubblikament permezz taʼ Isaija.

17 Bl-​istess mod illum, Jehovah ma jżommhomx fis-​sigriet l-​iskopijiet tiegħu. Miljuni taʼ nies f’mijiet taʼ pajjiżi u gżejjer tal-​baħar ixandru minn dar għal dar, fit-​toroq, u kulfejn jistgħu t-​twissija dwar it-​tmiem li ġej fuq din is-​sistema t’affarijiet u l-​aħbar tajba taʼ barkiet li se jiġu taħt is-​Saltna t’Alla. Verament, Jehovah hu Alla li jikkomunika l-​iskopijiet tiegħu.

‘Agħti Widen għall-​Kmandamenti Tiegħi!’

18. X’inhi x-​xewqa taʼ Jehovah għall-​poplu tiegħu?

18 Bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, il-​profeta jiddikjara: “Sidi l-​Mulej bagħat lili u l-​ispirtu tiegħu. Dan jgħid il-​Mulej, il-​feddej tiegħek, il-​Qaddis taʼ Iżrael: ‘Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.’” (Isaija 48:16b, 17) Din l-​espressjoni kollha mħabba taʼ kif Jehovah jieħu ħsiebhom għandha tassigura lin-​nies tal-​ġens taʼ Iżrael li Alla se jeħlishom minn Babilonja. Hu l-​Feddej tagħhom. (Isaija 54:5) Ix-​xewqa taʼ qalb Jehovah hi li l-​Iżraelin jistabbilixxu mill-​ġdid ir-​relazzjoni tagħhom miegħu u joqogħdu attenti għall-​kmandamenti tiegħu. Il-​qima vera hi bbażata fuq l-​ubbidjenza lejn l-​istruzzjonijiet divini. L-​Iżraelin m’għandhomx il-​ħila jimxu fit-​triq it-​tajba jekk ma jiġux mgħallmin ‘it-​triq fejn għandhom jimxu.’

19. Jehovah liema sejħa mill-​qalb jagħmel?

19 Ix-​xewqa taʼ Jehovah li l-​poplu tiegħu jevita l-​gwaj u jgawdi l-​ħajja hi espressa b’mod sabiħ: “Li kieku tajt widen għall-​kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-​baħar.” (Isaija 48:18) X’sejħa mill-​qalb mingħand il-​Ħallieq li jistaʼ kollox! (Dewteronomju 5:29; Salm 81:14 [81:13, NW]) Minflok ma jidħlu fil-​jasar, l-​Iżraelin jistgħu jgawdu s-​sliem li se jkun kotran daqs l-​ilma taʼ xmara. (Salm 119:165) L-​atti taʼ tjieba tagħhom jistgħu jkunu bla għadd daqs il-​mewġ tal-​baħar. (Għamos 5:24) Bħala dak li verament hu interessat fihom, Jehovah jagħmel sejħa mill-​qalb lill-​Iżraelin, billi b’imħabba jurihom it-​triq li minnha għandhom jgħaddu. O, li kieku biss jagħtuh widen!

20. (a) X’inhi x-​xewqa t’Alla għal Iżrael minkejja r-​ribelljoni tagħhom? (b) X’nitgħallmu dwar Jehovah mill-​mod kif aġixxa mal-​poplu tiegħu? (Ara l-​kaxxa f’paġna 133.)

20 X’barkiet jirriżultaw jekk Iżrael jindem? Jgħid Jehovah: “In-​nisel tiegħek bħar-​ramel, l-​għelejjel taʼ ġewwenik bħat-​trab, u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi.” (Isaija 48:19) Jehovah jfakkar lill-​poplu dwar il-​wegħda Tiegħu li nisel Abraham se jsir ħafna, “bħall-​kwiekeb tas-​sema u bħar-​ramel f’xatt il-​baħar.” (Ġenesi 22:17; 32:13 [32:12, NW]) Madankollu, dawn id-​dixxendenti t’Abraham kienu ribellużi, u għalhekk m’għandhomx id-​dritt li jirċievu t-​twettiq tal-​wegħda. Fil-​fatt, il-​kondotta tagħhom tant kienet ħażina li skond il-​Liġi taʼ Jehovah stess, huma jixirqilhom li isimhom bħala ġens ma jibqax jeżisti. (Dewteronomju 28:45) Xorta waħda, Jehovah ma jixtieqx li l-​poplu tiegħu jinġieb fix-​xejn, u ma jridx li jabbandunahom għalkollox.

21. X’barkiet nistgħu nesperjenzaw illum jekk infittxu l-​istruzzjoni taʼ Jehovah?

21 Il-​prinċipji li hemm f’din is-​silta qawwija japplikaw għall-​adoraturi taʼ Jehovah li jgħixu llum. Jehovah hu s-​Sors tal-​ħajja, u jaf iktar minn kulħadd kif għandna nużaw ħajjitna. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Hu jiggwidana, mhux biex ma jħalliniex ingawdu l-​ħajja, imma għall-​benefiċċju tagħna. Il-​Kristjani veri jwieġbu billi jfittxu li jiġu istruwiti minn Jehovah. (Mikea 4:2) Id-​direzzjonijiet tiegħu jipproteġu l-​ispiritwalità tagħna u r-​relazzjoni tagħna miegħu, u jħarsuna mill-​influwenza ħażina taʼ Satana. Meta napprezzaw il-​prinċipji li hemm wara l-​liġijiet t’Alla, naraw li Jehovah jgħallimna għall-​ġid tagħna. Aħna nirrealizzaw li “l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” U m’aħniex se niġu maqtugħin.—1 Ġwann 2:17; 5:3.

“Oħorġu minn Babilonja!”

22. Il-​Lhud leali x’inhuma mħeġġin jagħmlu, u liema assiguranzi jingħataw?

22 Meta taqaʼ Babilonja, se jkun hemm xi Lhud li juru li qalbhom tqanqalhom biex jobdu? Se jieħdu huma vantaġġ mill-​ħelsien provdut minn Alla, imorru lura lejn art twelidhom, u jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima safja? Iva. Il-​kliem taʼ Jehovah li ġej juri kemm hu fiduċjuż li dan se jseħħ. “Oħorġu minn Babilonja, aħarbu mill-​Kaldin. B’leħen l-​għana ħabbruha, u xandruha; xandruha sa truf l-​art u għidu: ‘Feda l-​Mulej lil Ġakobb, il-​qaddej tiegħu. Għaddiehom mid-​deżert u ma ħadhomx l-​għatx; ilma mill-​blat nixxielhom, xaqqilhom il-​blat u gelglilhom l-​ilma.’” (Isaija 48:20, 21) In-​nies taʼ Jehovah huma mħeġġin b’mod profetiku biex jitilqu bla dewmien minn Babilonja. (Ġeremija 50:8) Il-​fidwa tagħhom trid tiġi mgħarrfa sa l-​istess trufijiet taʼ l-​art. (Ġeremija 31:10) Wara li ħariġhom mill-​Eġittu, Jehovah pprovda għall-​ħtiġijiet tan-​nies tiegħu hekk kif għaddew bil-​mixi minn ġod-​deżert. Bl-​istess mod, hu se jipprovdi għan-​nies tiegħu hekk kif jivvjaġġaw lejn pajjiżhom minn Babilonja.—Dewteronomju 8:15, 16.

23. Min mhux se jgawdi s-​sliem mogħti minn Alla?

23 Il-​Lhud iridu jżommu f’moħħhom prinċipju vitali ieħor rigward l-​atti taʼ salvazzjoni minn Jehovah. It-​twajbin għandhom mnejn isofru minħabba dnubiethom, imma mhux se jinqerdu. Iżda, għal dawk li m’humiex twajbin, ir-​riżultat se jkun differenti. “Għall-​ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-​Mulej.” (Isaija 48:22) Midinbin li ma jindmux mhux se jirċievu s-​sliem merfugħ minn Alla għal dawk li jħobbuh. L-​atti taʼ salvazzjoni m’humiex intenzjonati għal dawk li b’ras iebsa jagħmlu l-​ħażen jew għal dawk li ma jemmnux. Atti bħal dawn huma biss għal dawk li għandhom il-​fidi. (Titu 1:15, 16; Apokalissi 22:14, 15) Is-​sliem mingħand Alla m’huwiex għal dawk li huma mill-​agħar.

24. Fi żmienna, liema ħaġa ġabet ferħ kbir lin-​nies t’Alla?

24 Fis-​sena 537 Q.E.K., l-​opportunità biex jitilqu minn Babilonja ġabitilhom ferħ kbir lill-​Iżraelin leali. Fl-​1919, in-​nies t’Alla tgħidx kemm ferħu meta ġew meħlusin mill-​jasar taʼ Babilonja. (Apokalissi 11:11, 12) Huma mtlew bit-​tama, u ħatfu l-​opportunità biex ikabbru l-​attività tagħhom. Huwa minnu li dan il-​grupp żgħir taʼ Kristjani kellhom bżonn il-​kuraġġ biex jieħdu vantaġġ mis-​sitwazzjoni taʼ toroq ġodda biex jippridkaw f’dinja ħarxa. Imma bl-​għajnuna taʼ Jehovah, huma ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. L-​istorja tixhed li Jehovah berikhom.

25. Għala huwa importanti li noqogħdu attenti ferm għad-​digrieti taʼ tjieba t’Alla?

25 Din il-​parti mill-​profezija taʼ Isaija tenfasizza l-​fatt li Jehovah jgħallimna għall-​ġid tagħna. Huwa importanti ħafna li noqogħdu attenti ferm għad-​digrieti taʼ tjieba t’Alla. (Apokalissi 15:2-4) Jekk infakkru lilna nfusna dwar l-​għerf u l-​imħabba t’Alla, dan se jgħinna ngħixu fi qbil maʼ dak li Jehovah jgħid li hu sewwa. Il-​kmandi kollha tiegħu huma għall-​benefiċċju tagħna.—Isaija 48:17, 18.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 133]

Alla li Jistaʼ Kollox Irażżan Lilu Nnifsu

“Ma nżommx [jew, nikkontrolla] għadbi, . . . nitrażżan,” qal Jehovah lill-​Iżraelin apostati. (Isaija 48:9) Stqarrijiet bħal dawn jgħinuna naraw kif Alla jagħti eżempju perfett f’li qatt ma jabbuża mill-​poter. Huwa minnu li ħadd m’għandu qawwa akbar minn dik t’Alla. Huwa għalhekk li nirreferu għalih bħala Dak li għandu kull qawwa, l-​Omnipotenti. Hu għandu d-​dritt japplika t-​titlu “Jistaʼ kollox” għalih innifsu. (Ġenesi 17:1, ) Mhux biss għandu saħħa bla limitu imma wkoll għandu l-​awtorità kollha minħabba l-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers, li ġie maħluq minnu. Huwa għalhekk li ħadd ma jistaʼ jissogra jrażżanlu idu jew jgħidlu, “X’qiegħed tagħmel?”—Danjel 4:32 [4:35, NW].

Madankollu, Alla bil-​mod biex jagħdab anki meta jkollu bżonn jesprimi l-​qawwa tiegħu kontra l-​għedewwa tiegħu. (Naħum 1:3) Jehovah jistaʼ ‘jikkontrolla għadbu’ u jiġi deskritt b’mod korrett bħala li hu “tqil biex jagħdab” għaliex l-​imħabba—mhux l-​għadab—hija l-​kwalità dominanti tiegħu. L-​għadab tiegħu, meta jintwera, huwa dejjem taʼ tjieba, dejjem ġustifikat, dejjem kontrollat.—Eżodu 34:6; 1 Ġwann 4:8.

Jehovah għala jaġixxi hekk? Għaliex jibbilanċja b’mod perfett il-​qawwa assoluta tiegħu mat-​tliet attributi ewlenin l-​oħrajn tiegħu—l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​imħabba. Il-​qawwa jużaha dejjem b’mod konsistenti maʼ dawn il-​kwalitajiet l-​oħrajn.

[Stampa f’paġna 122]

Il-​messaġġ taʼ Isaija dwar it-​twaqqif mill-​ġdid tal-​qima safja jipprovdi raġġ taʼ tama għal-​Lhud leali li qegħdin fl-​eżilju

[Stampi f’paġna 124]

Il-​Lhud kellhom it-​tendenza li lill-​idoli jagħtuhom il-​kredtu għall-​atti li kien jagħmel Jehovah

1. Ixtar 2. Plakka taċ-​ċeramika mit-​Triq tal-​Purċissjoni taʼ Babilonja 3. Simbolu taʼ Marduk forma taʼ dragun

[Stampa f’paġna 127]

“Forn tan-​niket” jistaʼ juri jekk il-​motivi tagħna f’li naqdu lil Jehovah humiex ġenwini jew le

[Stampi f’paġna 128]

Il-​Kristjani veri ffaċċjaw l-​iktar persekuzzjoni ħarxa