Jehovah Jgħolli lill-Qaddej Messjaniku Tiegħu fuq Kulħadd
Kapitlu Erbatax
Jehovah Jgħolli lill-Qaddej Messjaniku Tiegħu fuq Kulħadd
1, 2. (a) Agħti stampa tas-sitwazzjoni li ffaċċjaw ħafna Lhud fil-bidu taʼ l-ewwel seklu E.K. (b) Jehovah liema provvediment kien għamel biex jgħin lil-Lhud leali jagħrfu lill-Messija?
IMMAĠINA li għandek tiltaqaʼ maʼ xi persunaġġ importanti. Il-ħin u l-post fejn se tiltaqgħu huma stabbiliti. Imma għandek problema: M’għandekx idea min hu. Se jivvjaġġa bla skorta, mingħajr daqq taʼ trumbetti. Kif se tagħrfu? Ikun t’għajnuna jekk ikollok deskrizzjoni dettaljata tiegħu.
2 Fil-bidu taʼ l-ewwel seklu E.K., ħafna Lhud iffaċċjaw sitwazzjoni bħal din. Kienu qegħdin jistennew lill-Messija—l-iktar bniedem importanti li qatt kellu jidher fuq l-art. (Danjel 9:24-27; Luqa 3:15) Imma l-Lhud leali kif kienu se jagħrfuh? Jehovah, permezz tal-profeti Ebrej, kien iddeskriva bid-dettall il-ġrajjiet dwar il-Messija. Bis-saħħa taʼ din id-deskrizzjoni, uħud li kellhom id-dehen setgħu jagħrfuh b’mod ċar.
3. Liema deskrizzjoni tal-Messija hi provduta għalina f’Isaija 52:13–53:12?
3 Fost il-profeziji Ebrajċi dwar il-Messija, forsi ebda waħda ma tipprovdi stampa iktar ċara minn dik li nsibu f’Isaija 52:13–53:12. Iktar minn 700 sena bil-quddiem, Isaija ma ddeskriviex l-apparenza fiżika tal-Messija, imma ddeskriva dettalji li kienu iktar sinifikanti—l-iskop u l-manjiera tat-tbatija tiegħu, dettalji dwar il-mewt u d-difna tiegħu, u kif Jehovah għollieh fuq kulħadd. Il-fatt li nikkunsidraw din il-profezija u t-twettiq tagħha se jqawwilna qlubna u jsaħħilna l-fidi.
“Il-Qaddej Tiegħi”—Min Hu?
4. Liema opinjonijiet dwar l-identità tal-“qaddej” offrew xi studjużi Lhud, imma dawn għala ma jaqblux mal-profezija taʼ Isaija?
4 Isaija għadu kif irrakkonta dwar il-ħelsien tal-Lhud mill-eżilju f’Babilonja. Waqt li jħares ’il quddiem lejn ġrajja ferm akbar, hu jikteb il-kliem taʼ Jehovah: “Araw! il-qaddej tiegħi jsib ir-riżq [“jimxi bil-għaqal,” “KŻ”], jintrefaʼ, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd.” (Isaija 52:13) Sewwa sew min hu dan “il-qaddej”? Matul is-sekli, studjużi Lhud offrew diversi opinjonijiet. Xi wħud sostnew li dan kien jirrappreżenta lill-ġens taʼ Iżrael kollu kemm hu matul l-eżilju tiegħu f’Babilonja. Imma din l-ispjegazzjoni ma taqbilx mal-profezija. Il-Qaddej t’Alla jbati minn rajh. Għalkemm innoċenti, hu jbati minħabba d-dnubiet taʼ ħaddieħor. Dan ma tantx jiddeskrivi lill-ġens Lhudi li mar fl-eżilju minħabba d-drawwiet midinbin tiegħu. (2 Slaten 21:11-15; Ġeremija 25:8-11) Oħrajn sostnew li l-Qaddej irrappreżenta lil uħud devoti f’Iżrael u li dawn sofrew għan-nom taʼ l-Iżraelin midinbin. Madankollu, matul iż-żminijiet taʼ niket f’Iżrael, ma kien hemm ebda grupp speċifiku li sofra għan-nom taʼ grupp ieħor.
5. (a) Xi studjużi Lhud kif applikawha l-profezija taʼ Isaija? (Ara n-nota taʼ taħt.) (b) Il-Qaddej kif jiġi identifikat b’mod ċar fil-ktieb Bibliku taʼ l-Atti?
5 Qabel ma bdiet il-Kristjanità u sa ċertu punt matul is-sekli tal-bidu taʼ l-Era Komuni, kien hemm xi ftit studjużi Lhud li qalu li din il-profezija tapplika għall-Messija. Mill-Iskrittura Griega Kristjana nistgħu naraw li dan huwa korrett. Il-ktieb taʼ l-Atti jirrapporta li meta l-ewnuku Etjopjan qal li ma kienx jaf min hu l-Qaddej tal-profezija taʼ Isaija, Filippu ‘xandarlu l-Evanġelju taʼ Ġesù.’ (Atti 8:26-40; Isaija 53:7, 8) Bl-istess mod, kotba Bibliċi oħrajn jidentifikaw lil Ġesù Kristu bħala l-Qaddej Messjaniku tal-profezija taʼ Isaija. a Hekk kif niddiskutu din il-profezija, se naraw ix-xebh li ħadd ma jistaʼ jiċħdu bejn dak li Jehovah jsejjaħlu “l-qaddej tiegħi” u Ġesù taʼ Nazaret.
6. Il-profezija taʼ Isaija kif tindika li l-Messija se jwettaq b’suċċess ir-rieda divina?
6 Il-profezija tibda billi tiddeskrivi s-suċċess aħħari li se jkollu l-Messija meta jwettaq ir-rieda divina. Il-kelma “qaddej” tindika li se jissottometti ruħu għar-rieda t’Alla, bħalma jagħmel qaddej għal sidu. Peress li jagħmel hekk, hu se “jimxi bil-għaqal.” L-għaqal huwa l-abbiltà li wieħed jeżamina s-sitwazzjoni. Li timxi bil-għaqal ifisser li timxi kif jixraq. Rigward il-verb Ebrajk użat hawnhekk, xogħol taʼ referenza jgħid: “Fil-qalba tiegħu hemm il-ħsieb taʼ aġir prudenti u għaref. Dak li jaġixxi bl-għerf se jikseb suċċess.” Li l-Messija se jkollu suċċess tabilħaqq jidher mill-fatt li l-profezija tgħid li hu se “jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd.”
7. Ġesù Kristu kif ‘mexa bil-għaqal,’ u kif ‘tgħolla u ġie li jkun ’il fuq minn kulħadd’?
7 Ġesù fil-fatt ‘mexa bil-għaqal,’ billi fehem il-profeziji tal-Bibbja li applikaw għalih u ħalliehom jiggwidawh biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Ġwann 17:4; 19:30) X’kien ir-riżultat? Wara l-irxoxt taʼ Ġesù u t-tlugħ tiegħu fis-sema, “Alla għollieh sas-smewwiet u żejjnu bl-Isem li hu fuq kull isem.” (Filippin 2:9; Atti 2:34-36) Imbagħad, fl-1914, Ġesù glorifikat ġie mgħolli ’l fuq saħansitra iktar. Jehovah poġġieh fuq it-tron tas-Saltna Messjanika. (Apokalissi 12:1-5) Iva, Ġesù ‘tgħolla u ġie li jkun ’il fuq minn kulħadd.’
‘Jistagħġbu Minħabba Fih’
8, 9. Meta Ġesù mgħolli fuq kulħadd jiġi biex iwettaq il-ġudizzju, il-ħakkiema taʼ l-art kif se jirreaġixxu, u għala?
8 Il-ġnus u l-ħakkiema tagħhom kif se jirreaġixxu għall-fatt li l-Messija tgħolla fuq kulħadd? Jekk għal mument inħallu barra l-kumment li hemm fil-parentesi fit-tieni parti taʼ vers 14, il-profezija tinqara: “Bħalma ħafna ndiehxu minnu, . . . hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih. Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom, għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet, u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.” (Isaija 52:14a, 15) B’dan il-kliem Isaija ma jiddeskrivix l-ewwel dehra tal-Messija, imma l-ġlieda finali tiegħu mal-ħakkiema taʼ l-art.
9 Meta Ġesù mgħolli fuq kulħadd jiġi biex jesegwixxi ġudizzju kontra din is-sistema t’affarijiet li ċaħdet lil Alla, il-ħakkiema taʼ l-art se ‘jistagħġbu minħabba fih.’ Huwa veru li l-ħakkiema umani m’humiex se jarawh letteralment lil Ġesù glorifikat. Imma se jaraw il-provi viżibbli tal-qawwa tiegħu bħala Dak li fis-sema jiġġieled għal Jehovah. (Mattew 24:30) Se jiġu mġagħlin jibdew jikkunsidraw dak li qatt ma semgħu mingħand il-mexxejja reliġjużi—li Ġesù hu dak li se jwettaq il-ġudizzji t’Alla! Il-Qaddej, mgħolli fuq kulħadd, li se jiltaqgħu miegħu se jaġixxi b’tali mod li ma jistennewx.
10, 11. B’liema mod jistaʼ jingħad li Ġesù ġie sfigurat fl-ewwel seklu, u dan kif sar ukoll illum?
10 Skond il-kumment li hemm fil-parentesi fil-vers 14, Isaija jgħid: “Għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha taʼ bniedem.” (Isaija 52:14b) Kien Ġesù sfigurat fiżikament b’xi mod? Le. Għalkemm il-Bibbja ma tagħtix dettalji dwar id-dehra fiżika taʼ Ġesù, l-Iben perfett t’Alla bla dubju kellu sura attraenti u kien gustuż. B’mod evidenti, kliem Isaija jirreferi għall-umiljazzjoni li ġarrab Ġesù. Hu kixef bil-qlubija lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu bħala ipokriti, giddibin, u qattilin; u dawn irreaġixxew billi għajruh. (1 Pietru 2:22, 23) Huma akkużawh li kien jikser il-liġi, li kien jidgħi, li kien qarrieq u xewwiex kontra Ruma. B’hekk dawn, bl-akkużi foloz tagħhom taw stampa kerha għall-aħħar taʼ Ġesù.
11 Illum Ġesù jkompli jiġi rappreżentat ħażin. Il-biċċa l-kbira min-nies jimmaġinaw lil Ġesù bħala tarbija f’maxtura jew bħala bniedem li jġiblek ħasra msallab fuq salib, wiċċu sfigurat bl-agunija minħabba l-kuruna tax-xewk li għandu fuq rasu. Il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu inkuraġġew dawn l-ideat. Huma ma rrappreżentawx lil Ġesù bħala s-Sultan setgħan tas-sema li lilu l-ġnus iridu jagħtuh kont. Meta fil-futur qarib il-ħakkiema umani se jiġġieldu kontra Ġesù li ġie mgħolli fuq kulħadd, huma se jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ Messija li għandu “kull setgħa fis-sema u fl-art”!—Mattew 28:18.
Min Se Jemmen f’Din l-Aħbar Tajba?
12. Il-kliem taʼ Isaija 53:1 iqajjem liema mistoqsijiet interessanti?
12 Wara li jiddeskrivi l-bidla taʼ l-għaġeb li sseħħ fil-Messija—minn sfigurat għal wieħed li ġie ‘mgħolli fuq kulħadd’—Isaija jistaqsi: “Min kien jemmen dak li smajna, u f’min intwera driegħ il-Mulej?” (Isaija 53:1) Dan il-kliem taʼ Isaija jqajjem mistoqsijiet interessanti: Se titwettaq din il-profezija? Sejjer “driegħ il-Mulej,” li jirrappreżenta l-abbiltà li juża l-qawwa tiegħu, jirrivela lilu nnifsu u jagħmel li jseħħ dan il-kliem?
13. Pawlu kif wera li l-profezija taʼ Isaija twettqet f’Ġesù, u x’rispons kien hemm?
13 Bla dubju r-risposta hija iva! Fl-ittra li kiteb lir-Rumani, Pawlu jikkwota kliem Isaija biex juri li l-profezija mismugħa u miktuba minn Isaija seħħet f’Ġesù. Il-fatt li Ġesù ġie glorifikat wara s-sofferenzi tiegħu fuq l-art kienet aħbar tajba. “Iżda,” jgħid Pawlu b’referenza għal-Lhud li m’emmnux, “mhux kulħadd qagħad għall-kelma taʼ l-Evanġelju. Isaija ħabbar: ‘Mulej, min emmen il-kelma li samaʼ mingħandna?’ Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma taʼ Kristu.” (Rumani 10:16, 17) B’sogħba, iżda, ftit kienu dawk li fi żmien Pawlu emmnu fl-aħbar tajba dwar il-Qaddej t’Alla. Għala?
14, 15. Il-Messija taħt liema ċirkustanzi se jidħol fix-xena dinjija?
14 Il-profezija mbagħad tispjega lill-Iżraelin ir-raġunijiet għall-mistoqsijiet li hemm fl-ewwel vers, u waqt li tagħmel dan, titfaʼ dawl fuq għala ħafna m’humiex se jaċċettaw lill-Messija: “Bħal xitla kiber quddiem [min josservah], u bħal għerq minn art niexfa. Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.” (Isaija 53:2) Hawnhekk naraw iċ-ċirkustanzi li bihom il-Messija se jidħol fix-xena dinjija. Se jkollu bidu umli, u għal min josservah se jkun jidher li mhux probabbli li dan se jkun xi bniedem importanti. Iktar minn hekk, se jkun jidher qisu sempliċi xitla, rimja fraġli, li toħroġ minn ġo zokk jew fergħa taʼ siġra. Se jkun ukoll bħal għerq li jiddependi mill-ilma u li qiegħed f’ħamrija niexfa li ma tagħtix frott. U mhux se jiġi b’ħafna ċerimonji u xinxilli—la liebes taʼ xi re u lanqas b’xi kuruna tleqq fuq rasu. Minflok, il-bidu tiegħu se jkun umli, mhux taʼ xi wieħed li jippretendiha.
15 Kemm hu deskritt tajjeb hawnhekk il-bidu umli taʼ Ġesù bħala bniedem! Ix-xebba Lhudija Marija wilditu fi stalla f’belt ċkejkna magħrufa bħala Betlehem. b (Luqa 2:7; Ġwann 7:42) Marija u żewġha, Ġużeppi, kienu foqra. Xi 40 jum wara li twieled Ġesù, ġabu l-offerta għad-dnub kif kienet titlob il-Liġi fil-każ tal-foqra, “par gamiem jew żewġ bċieċen.” (Luqa 2:24; Levitiku 12:6-8) Maż-żmien, Marija u Ġużeppi marru joqogħdu f’Nazaret, fejn Ġesù kiber ġo familja kbira, x’aktarx f’ħajja sempliċi.—Mattew 13:55, 56.
16. Kif inhu minnu li Ġesù ma kellux “sura” dinjituża jew “ġmiel”?
16 Kien donnu jidher li bħala bniedem, Ġesù ma kellux għeruqu fil-ħamrija t-tajba. (Ġwann 1:46; 7:41, 52) Għalkemm kien bniedem perfett u dixxendent tas-Sultan David, iċ-ċirkustanzi umlin tiegħu ma tawhx xi “sura” dinjituża jew “ġmiel”—għallinqas mhux f’għajnejn dawk li kienu qegħdin jistennew li l-Messija jiġi minn ambjent iktar impressjonanti. Ħafna spiċċaw biex jinjorawh u saħansitra jżebilħuh, wara li ġew imxewxin mill-mexxejja reliġjużi Lhud. Fl-aħħar mill-aħħar il-folol ma raw xejn taʼ min jixtiequ fl-Iben perfett t’Alla.—Mattew 27:11-26.
“Imżeblaħ u Mwarrab mill-Bnedmin”
17. (a) Isaija x’jibda jiddeskrivi, u għala jikteb fil-passat? (b) Min kienu dawk li ‘żebilħu’ u ‘warrbu’ lil Ġesù, u dan kif għamluh?
17 Isaija issa jibda jiddeskrivi bid-dettall kif se jkun meqjus u trattat il-Messija: “Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.” (Isaija 53:3) Peress li kien ċert li kliemu se jseħħ, Isaija jikteb fil-passat, bħallikieku diġà seħħ. Kien Ġesù Kristu tassew imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin? Tabilħaqq li kien! Il-mexxejja reliġjużi, li kienu jriduha taʼ qaddisin, u s-segwaċi tagħhom qisuh bħala l-iktar bniedem vili. Qalu li kien ħabib tal-pubblikani (dawk li kienu jiġbru t-taxxi) u tan-nisa żienja. (Luqa 7:34, 37-39) Beżqulu f’wiċċu. Tawh bil-ponn u kasbruh. Iddisprezzawh u ddieħqu bih. (Mattew 26:67) Billi kienu influwenzati minn dawn l-għedewwa tal-verità, “niesu [stess] ma laqgħuhx” lil Ġesù.—Ġwann 1:10, 11.
18. Ladarba Ġesù qatt ma marad, kif kien “bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard”?
18 Bħala bniedem perfett, Ġesù ma maradx. Madankollu, kien “bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.” Dan l-uġigħ u l-mard ma kinux tiegħu. Ġesù niżel mis-sema għal ġo dinja marida. Għex fost is-sofferenza u l-uġigħ, imma ma warrabhomx lil dawk li kienu batuti fiżikament jew spiritwalment. Bħal tabib li jagħti kas, hu sar midħla b’mod intimu tas-sofferenza taʼ dawk taʼ madwaru. Iktar minn hekk, hu setaʼ jagħmel dak li l-ebda bniedem komuni li hu tabib ma jistaʼ jagħmel.—Luqa 5:27-32.
19. Wiċċ min kien ‘moħbi,’ u l-għedewwa taʼ Ġesù kif urew li ‘ma qisuh xejn’?
19 Minkejja dan, l-għedewwa taʼ Ġesù qiesu lilu bħala l-wieħed marid u ma ridux jaċċettawh. Wiċċu kien ‘moħbi’ mill-vista tagħhom imma mhux għaliex hu ħeba wiċċu minnhom. Meta tittraduċi Isaija 53:3, The New English Bible tuża l-frażi “ħaġa li l-bnedmin idawru għajnejhom lil hinn minnha.” Dawk li opponew lil Ġesù tant ħarsu lejh bi stmerrija li huma, fil-fatt, tbiegħdu minnu bħallikieku kien moqżież wisq biex iħarsu lejh. Huma kkalkulaw li ma kienx jiswa iktar mill-prezz taʼ lsir. (Eżodu 21:32; Mattew 26:14-16) Stmawh inqas milli stmaw lill-qattiel Barabba. (Luqa 23:18-25) X’setgħu għamlu iktar biex juru kemm kellhom opinjoni baxxa taʼ Ġesù?
20. Kliem Isaija liema faraġ joffri għan-nies taʼ Jehovah llum?
20 Illum il-qaddejja taʼ Jehovah jistgħu jiksbu faraġ kbir minn kliem Isaija. Kultant, dawk li jopponu jistgħu jżebilħu lill-adoraturi leali taʼ Jehovah jew jittrattawhom bħallikieku ma jiswew xejn. Madankollu, bħalma kien veru fil-każ taʼ Ġesù, dak li tassew jgħodd huwa kif jistmana Alla Jehovah. Wara kollox, avolja n-nies ‘lil Ġesù ma qisuh xejn,’ dan ċertament li ma biddilx il-fatt li hu kien taʼ valur kbir f’għajnejn Alla!
“Miġruħ Minħabba fi Dnubietna”
21, 22. (a) Il-Messija x’refaʼ fuqu u biex tgħabba għan-nom taʼ ħaddieħor? (b) Ħafna kif qisuh il-Messija, u s-sofferenza tiegħu f’liema ħaġa laħqet il-quċċata?
21 Il-Messija għala kellu jbati u jmut? Jispjega Isaija: “Iżda hu rafaʼ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqaʼ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.”—Isaija 53:4-6.
22 Il-Messija refaʼ fuqu l-mard taʼ ħaddieħor u tgħabba bl-uġigħ t’oħrajn. Hu refaʼ t-tagħbijiet tagħhom, biex ngħidu hekk, poġġiehom fuq spallejh, u ġarrhom. U ladarba l-mard u l-uġigħ ġew bħala riżultat taʼ l-istat midneb tal-bnedmin, il-Messija refaʼ fuqu d-dnubiet taʼ ħaddieħor. Ħafna ma fehmuhiex ir-raġuni għas-sofferenza tiegħu u ħasbu li Alla kien qed jikkastigah billi jagħtih marda moqżieża. c Is-sofferenza tal-Messija laħqet il-quċċata meta hu ġie minfud, imfarrak, u ferut—kliem qawwi li jindika mewt vjolenti u taʼ wġigħ. Imma mewtu għandha l-qawwa li tpatti għad-dnub; tipprovdi l-bażi biex tfejjaq lil dawk li jiġġerrew fl-iżball u fid-dnub, billi tgħinhom isibu s-sliem m’Alla.
23. Ġesù kif tgħabba bis-sofferenza taʼ ħaddieħor?
23 Ġesù kif tgħabba bis-sofferenza taʼ ħaddieħor? Waqt li jikkwota Isaija 53:4, l-Evanġelju taʼ Mattew jgħid: “Ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq lill-morda kollha. Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal, ‘Hu rafaʼ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna.’” (Mattew 8:16, 17) Billi fejjaq lil dawk li marru għandu b’kull tip taʼ mard Ġesù, fil-fatt, ħa s-sofferenza tagħhom fuqu nnifsu. U dan il-fejqan ittieħed mill-enerġija tiegħu. (Luqa 8:43-48) L-abbiltà tiegħu li jfejjaq kull xorta taʼ mard—fiżiku u spiritwali—uriet li hu ngħata l-qawwa li jnaddaf lin-nies mid-dnub.—Mattew 9:2-8.
24. (a) Għal ħafna nies, għala kien donnu jidher li Ġesù kien “ikkastigat” minn Alla? (b) Ġesù għala sofra u miet?
24 Madankollu, għal ħafna kien donnu jidher li Ġesù kien “ikkastigat” minn Alla. Wara kollox, hu bata minħabba t-tixwix taʼ mexxejja reliġjużi rispettati. Iżda ftakar li hu ma batiex minħabba xi dnubiet li għamel hu. “Kristu . . . bata għalikom,” jgħid Pietru, “u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.” (1 Pietru 2:21, 22, 24) Ilkoll kemm aħna konna darba mitlufin fid-dnub, “bħan-nagħaġ mitlufa.” (1 Pietru 2:25) Madankollu, permezz taʼ Ġesù, Jehovah pprovda fidwa mill-istat midneb tagħna. Hu ġiegħel li l-iżball tagħna jiġi ‘mixħut fuq’ Ġesù, jistrieħ fuqu. Ġesù, li ma kellu ebda dnub, kien lest li minn jeddu jsofri l-piena għal dnubietna. Għalkemm dan ma kienx jixraqlu, hu sofra mewt tal-mistħija fuq zokk, u b’hekk għamilha possibbli għalina li nerġgħu ninħabbu m’Alla.
“Qagħad Għalihom”
25. Kif nafu li l-Messija kien lest li jsofri u jmut?
25 Kien il-Messija lest li jsofri u jmut? Jgħid Isaija: “Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.” (Isaija 53:7) Fl-aħħar lejl taʼ ħajtu, Ġesù setaʼ sejjaħ lil “aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli” biex jgħinuh. Imma hu qal: “Iżda mbagħad kif isseħħ l-iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” (Mattew 26:53, 54) Minflok, “il-Ħaruf taʼ Alla” m’offra ebda reżistenza. (Ġwann 1:29) Meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ għamlu akkużi foloz kontrih quddiem Pilatu, Ġesù “ma wieġeb xejn.” (Mattew 27:11-14) Ma riedx li jgħid xi ħaġa li setgħet tfixkel it-twettiq tar-rieda t’Alla għalih. Ġesù kien lest li jmut bħala Ħaruf tas-sagrifiċċju, għax kien jaf tajjeb li l-mewt tiegħu kienet se tifdi lill-bnedmin ubbidjenti mid-dnub, mill-mard, u mill-mewt.
26. Ir-“rażna” kif intużat minn dawk li opponew lil Ġesù?
26 Isaija issa jagħti iktar dettalji dwar is-sofferenza u l-umiljazzjoni tal-Messija. Il-profeta jikteb: “[“Bir-rażna,” “NW”] u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq [“id-dettalji tal-ġenerazzjoni tiegħu,” “NW”]? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.” (Isaija 53:8) Meta fl-aħħarnett Ġesù ttieħed mill-għedewwa tiegħu, dawn l-opponenti reliġjużi applikaw ir-“rażna” fil-mod kif ittrattaw miegħu. Dan ma kienx ifisser li huma żammew lura milli jesprimu l-mibegħda tagħhom imma li rażżnu, jew żammew lura, il-ġustizzja. Meta tittraduċi Isaija 53:8, is-Settanta Griega tgħid “umiljazzjoni” minflok “rażna.” L-għedewwa taʼ Ġesù umiljawh billi żammew lura t-trattament ġust li saħansitra kriminal komuni kien intitolat għalih. Meta Ġesù deher quddiem il-qorti, il-ġustizzja twaqqgħet għaċ-ċajt. Kif?
27. Meta l-mexxejja reliġjużi Lhud kienu qegħdin jikkonduċu l-proċess taʼ Ġesù, liema regoli injoraw, u kif kisruha l-Liġi t’Alla?
27 Il-mexxejja reliġjużi Lhud tant kienu determinati li jeħilsu minn Ġesù li kisru r-regoli tagħhom stess. Skond it-tradizzjoni, l-uniku post fejn is-Sinedriju setaʼ jismaʼ każ li fih kienet tidħol il-piena kapitali kien biss fis-sala tal-ġebel minġur fil-limiti tat-tempju, mhux fid-dar tal-qassis il-kbir. Każ bħal dan setaʼ jinstemaʼ matul il-jum, mhux wara nżul ix-xemx. U f’każ li fih tidħol il-piena kapitali, jekk kien ikun hemm verdett taʼ ħtija, dan kellu jitħabbar l-għada li jispiċċa s-smigħ tal-każ. Għaldaqstant, ma setgħux jinbdew proċessi fil-qrati lejliet xi Sabat jew xi festa. Dawn ir-regoli ġew injorati kollha fil-każ tal-proċess taʼ Ġesù. (Mattew 26:57-68) Jerġaʼ agħar, il-mexxejja reliġjużi kisru l-Liġi t’Alla b’mod skandaluż bil-mod kif ittrattaw dan il-każ. Per eżempju, huma rrikorrew għat-tixħim biex jaqbdu lil Ġesù f’nassa. (Dewteronomju 16:19; Luqa 22:2-6) Taw kas taʼ dawk li xehdu falz. (Eżodu 20:16; Mark 14:55, 56) U kkonfoffaw biex jeħilsu lil wieħed qattiel, u b’hekk ġabu ħtija tad-demm fuqhom u fuq pajjiżhom. (Numri 35:31-34; Dewteronomju 19:11-13; Luqa 23:16-25) Għaldaqstant, ma kienx hemm “ġudizzju,” ma kienx hemm proċess ġust li jirriżulta f’verdett korrett u imparzjali.
28. L-għedewwa taʼ Ġesù x’ma qisux?
28 Investigaw l-għedewwa taʼ Ġesù biex jaraw min tassew kien ir-raġel proċessat quddiemhom? Isaija jistaqsi mistoqsija simili: “Min qagħad jaħseb fuq id-dettalji tal-ġenerazzjoni tiegħu?” Il-kelma “ġenerazzjoni” tistaʼ tirreferi għad-dixxendenza, jew iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, taʼ persuna. Meta Ġesù kien akkużat quddiemhom, il-membri tas-Sinedriju ma qisuhomx iċ-ċirkustanzi taʼ ħajtu—li hu wettaq il-ħtiġijiet għall-Messija mwiegħed. Minflok, akkużawh li kien qed jidgħi u qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. (Mark 14:64) Iktar tard, il-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu ċeda għall-pressjoni u ssentenzja lil Ġesù biex jiġi msammar maʼ zokk. (Luqa 23:13-25) B’hekk Ġesù, meta kellu biss 33 sena u nofs, ‘tqaċċat,’ jew inqatel, fl-aqwa taʼ ħajtu.
29. Kif kien li d-difna taʼ Ġesù kienet “mal-ħżiena” u “maʼ l-għonja”?
29 Dwar il-mewt u d-difna tal-Messija, Isaija mbagħad jikteb: “Tawh qabar mal-ħżiena, u maʼ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.” (Isaija 53:9) Fil-mewt u d-difna tiegħu, Ġesù kif kien mal-ħżiena kif ukoll maʼ l-għonja? Nhar l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., hu miet fuq iz-zokk taʼ l-esekuzzjoni barra s-swar taʼ Ġerusalemm. Ladarba hu ġie msammar maʼ zokk bejn żewġ ħatjin, nistgħu ngħidu li l-post tad-difna tiegħu kien mal-ħżiena. (Luqa 23:33) Madankollu, wara li miet Ġesù, Ġużeppi, raġel għani minn Arimatija, rabba l-kuraġġ u talab permess mingħand Pilatu ħalli jniżżel il-ġisem taʼ Ġesù u jidfnu. Flimkien maʼ Nikodemu, Ġużeppi ħejja l-ġisem għad-difna u mbagħad poġġieh fil-qabar tiegħu li kien għadu kif ġie mħaffer. (Mattew 27:57-60; Ġwann 19:38-42) Mela l-post tad-difna taʼ Ġesù kien ukoll maʼ l-għonja.
“Il-Mulej Għoġbu Jgħakksu”
30. Jehovah f’liema sens ħa pjaċir jgħakkes lil Ġesù?
30 Imbagħad Isaija jgħid xi ħaġa li taħsdek: “Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju taʼ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixbaʼ bit-tagħrif tiegħu. Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.” (Isaija 53:10, 11) Kif jistaʼ jkun li Jehovah jieħu pjaċir jara lil dan il-qaddej leali tiegħu mgħakkes? Jidher ċar li ma kienx Jehovah personalment li kkastiga bis-sofferenza lil Ibnu l-għażiż. L-għedewwa taʼ Ġesù kienu responsabbli għalkollox għal dak li għamlulu. Imma Jehovah ħalliehom jaġixxu b’kefrija. (Ġwann 19:11) Għal liema raġuni? Hija ħaġa ċerta li dak Alla li jħoss u li jagħder b’mod teneru tgħidx kemm weġġaʼ meta ra lil Ibnu innoċenti jsofri. (Isaija 63:9; Luqa 1:77, 78) Jehovah ċertament li ma kienx b’xi mod diżappuntat b’Ġesù. Xorta waħda, Jehovah ħa pjaċir meta ra li Ibnu kien lest li jsofri minħabba l-barkiet kollha li kellhom jiġu minn dan.
31. (a) Jehovah b’liema mod poġġa ruħ Ġesù bħala “sagrifiċċju taʼ riparazzjoni”? (b) Wara l-inkwiet kollu li għadda minnu Ġesù bħala bniedem, x’inhu li żgur huwa partikolarment taʼ sodisfazzjon kbir għalih?
31 L-ewwel barka li tirriżulta hija li Jehovah poġġa ruħ Ġesù bħala “sagrifiċċju taʼ riparazzjoni.” Għaldaqstant, meta Ġesù telaʼ lura fis-sema, daħal fil-preżenza taʼ Jehovah jġorr il-mertu tal-ħajja umana tiegħu li ġiet offruta bħala sagrifiċċju għad-dnub, u Jehovah għoġbu jaċċettah għan-nom tal-bnedmin kollha. (Lhud 9:24; 10:5-14) Permezz tas-sagrifiċċju li offra għad-dnub, Ġesù kiseb “nisel.” Bħala “Missier għal dejjem,” hu jistaʼ jagħti l-ħajja—ħajja eterna—lil dawk li jeżerċitaw fidi fid-demm imxerred tiegħu. (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Wara l-inkwiet kollu li Ġesù għadda minnu meta kien bniedem, kemm se jkun taʼ sodisfazzjon kbir għalih li jkollu l-prospett li jeħles lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt! M’għandniex xi ngħidu, żgur li hu saħansitra iktar taʼ sodisfazzjon għalih il-fatt li jaf li l-integrità tiegħu pprovdiet tweġiba lil Missieru tas-sema għat-tinbix taʼ l-Avversarju Tiegħu, Satana x-Xitan.—Proverbji 27:11.
32. Ġesù permezz taʼ liema “tagħrif” iġib waqfa taʼ tjieba lil ħafna, u min jiksibha din il-waqfa?
32 Barka oħra li tirriżulta mill-mewt taʼ Ġesù hija li, saħansitra issa, hu jġib waqfa taʼ tjieba lil ħafna. Dan jagħmlu, jgħid Isaija, “bit-tagħrif tiegħu.” B’mod evidenti, dan huwa tagħrif li kiseb Ġesù billi sar bniedem u sofra b’mod inġust minħabba li obda lil Alla. (Lhud 4:15) Billi sofra sal-punt tal-mewt, Ġesù setaʼ jipprovdi s-sagrifiċċju meħtieġ biex jgħin lil oħrajn jiksbu waqfa taʼ tjieba. Din il-waqfa taʼ tjieba min jiksibha? L-ewwel, is-segwaċi midlukin tiegħu. Peress li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Jehovah jiddikjarahom twajbin bl-għan li jadottahom bħala wliedu u jagħmilhom werrieta mseħbin maʼ Ġesù. (Rumani 5:19; 8:16, 17) Imbagħad, “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra” jeżerċitaw fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù u jgawdu waqfa taʼ tjieba bl-għan li jkunu ħbieb m’Alla u jibqgħu ħajjin wara Armageddon.—Apokalissi 7:9; 16:14, 16; Ġwann 10:16; Ġakbu 2:23, 25.
33, 34. (a) X’nitgħallmu dwar Jehovah li jiswa biex iqawwilna qalbna? (b) Min huma “l-kotra” li fosthom il-Qaddej Messjaniku jirċievi ‘sehem’?
33 Fl-aħħarnett, Isaija jiddeskrivi s-suċċessi tal-Messija: “Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.”—Isaija 53:12.
34 L-aħħar kliem taʼ din il-parti mill-profezija taʼ Isaija jgħallem xi ħaġa li tqawwi l-qalb dwar Jehovah: Hu jistma lil dawk li jibqgħu leali lejh. Dan huwa indikat mill-wegħda li lill-Qaddej Messjaniku se ‘jagħtih il-kotra b’sehmu.’ Milli jidher dan il-kliem ġej mid-drawwa li kulħadd jingħata sehem mill-priża tal-gwerra. Jehovah japprezzaha l-lealtà tal-“kotra” taʼ wħud leali tal-qedem, inkluż Noè, Abraham, u Ġob, u refgħalhom ‘sehem’ fid-dinja l-ġdida li ġejja tiegħu. (Lhud 11:13-16) Bl-istess mod, hu se jagħti sehem lill-Qaddej Messjaniku tiegħu. Tabilħaqq, Jehovah mhux se jippermetti li l-integrità taʼ Ġesù ma tiġix premjata. Aħna wkoll nistgħu nserrħu rasna li Jehovah mhux se ‘jinsa dak li nagħmlu u l-imħabba li nuru lejn ismu.’—Lhud 6:10.
35. Min huma l-“qalbenin” li magħhom Ġesù jaqsam il-priża, u x’inhi l-priża?
35 Il-Qaddej t’Alla se jikseb ukoll il-priża tal-gwerra billi jirbaħ lill-għedewwa tiegħu. Hu se jaqsam din il-priża “mal-qalbenin.” Fit-twettiq, min huma l-“qalbenin”? Huma l-ewwel dixxipli taʼ Ġesù li rebħu lid-dinja bħalma għamel hu—il-144,000 ċittadin taʼ “Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Ġwann 16:33; Apokalissi 3:21; 14:1) X’inhi, mela, il-priża? B’mod evidenti, din tinkludi ‘d-doni fil-bnedmin.’ Lil dawn Ġesù jaħtafhom, bħallikieku, minn taħt il-kontroll taʼ Satana u jagħtihom lill-kongregazzjoni Kristjana. (Efesin 4:8-12) Il-144,000 “qalbenin” jingħataw ukoll sehem minn priża oħra. Permezz tar-rebħa tagħhom fuq id-dinja, lil Satana ma jħallulu ebda bażi biex jinbex lil Alla. Id-devozzjoni li ma titkissirx tagħhom lejn Jehovah tigglorifikah u tferraħlu qalbu.
36. Kien jaf Ġesù li kien qed iwettaq il-profezija dwar il-Qaddej t’Alla? Spjega.
36 Ġesù kien jaf li kien qed iwettaq il-profezija dwar il-Qaddej t’Alla. Fil-lejl meta ġie arrestat, hu kkwota l-kliem li nsibu f’Isaija 53:12 u applikah għalih innifsu: “Ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, ‘li kien magħdud mal-ħżiena.’ Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ.” (Luqa 22:36, 37) B’sogħba, Ġesù tabilħaqq li kien trattat bħal wieħed ħażin. Hu nqatel bħal wieħed li kiser il-liġi, imsammar maʼ zokk bejn żewġ ħallelin. (Mark 15:27) Madankollu, hu kien lest li jġorr dan it-tmaqdir, billi kien jaf tajjeb li kien qed jidħol għalina. Fil-fatt, hu qagħad bejn il-midinbin u d-daqqa tal-piena tal-mewt, u hu nnifsu ħadha d-daqqa.
37. (a) Bis-saħħa tal-kitba storika dwar il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù x’nistgħu nagħrfu b’mod ċar? (b) Għala għandna nkunu grati lejn Alla Jehovah u lejn Ġesù Kristu, il-Qaddej tiegħu li ġie mgħolli fuq kulħadd?
37 Bis-saħħa tal-kitba storika dwar il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù nistgħu nagħrfu b’mod ċar li Ġesù Kristu hu l-Qaddej Messjaniku tal-profezija taʼ Isaija. Kemm għandna nkunu grati li Jehovah kien lest li jħalli lil Ibnu l-għażiż iwettaq l-irwol profetiku tal-Qaddej, billi jbati u jmut biex aħna nkunu nistgħu niġu mifdijin mid-dnub u l-mewt! Jehovah b’hekk wera mħabba kbira għalina. Rumani 5:8 jgħid: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.” Kemm għandna nkunu grati wkoll lejn Ġesù Kristu, il-Qaddej li ġie mgħolli fuq kulħadd, li kien lest li joffri ruħu għall-mewt!
[Noti taʼ taħt]
a Fit-traduzzjoni tiegħu taʼ Isaija 52:13, it-Targum taʼ Jonathan ben Uzziel (l-ewwel seklu E.K.), kif tradott minn J. F. Stenning, jistqarr: “Ara, il-qaddej tiegħi, il-Wieħed Midluk (jew, il-Messija), se jkollu r-riżq.” Bl-istess mod, it-Talmud taʼ Babilonja (ċ. t-tielet seklu E.K.) jgħid: “Il-Messija—x’jismu? . . . [; dawk] tad-dar tar-Rabbi [jgħidu, Il-marid], bħalma jintqal, ‘Żgur li refaʼ fuqu l-mardiet tagħna.’”—Sinedriju 98b; Isaija 53:4.
b Il-profeta Mikea rrefera għal Betlehem bħala “ċkejkna fost il-familji taʼ Ġuda.” (Mikea 5:1 [5:2, NW]) Madankollu, iċ-ċkejkna Betlehem kellha l-unur uniku li tkun il-belt li fiha twieled il-Messija.
c Il-kelma Ebrajka tradotta “kkastigat” tintuża wkoll f’konnessjoni mal-ġdiem. (2 Slaten 15:5) Skond ċerti studjużi, minn Isaija 53:4 xi Lhud ħadu l-idea li l-Messija kellu jkun imġiddem. It-Talmud taʼ Babilonja japplika dan il-vers għall-Messija, billi jsejjaħlu “l-istudjuż imġiddem.” Id-Douay Version Kattolika, li tirrifletti l-Vulgata Latina, tittraduċi dan il-vers hekk: “Aħna ħsibnieh bħallikieku kien imġiddem.”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Tabella f’paġna 212]
IL-QADDEJ TAʼ JEHOVAH
Kif Ġesù Wettaq l-Irwol
PROFEZIJA ĠRAJJA TWETTIQ
Is. 52:13 Merfugħ u mgħolli Atti 2:34-36; Flp. 2:8-11;
fuq kulħadd 1 Pt. 3:22
Is. 52:14 Rappreżentat ħażin Mt. 11:19; 27:39-44, 63, 64;
u ma ġiex emmnut Ġw. 8:48; 10:20
Is. 52:15 Għaġġeb lil Mt. 24:30;
ħafna ġnus 2 Tess. 1:6-10; Apk. 1:7
Is. 53:1 M’emmnux fih Ġw. 12:37, 38;
Is. 53:2 Bidu bħala bniedem Lq. 2:7; Ġw. 1:46
umli u ma
jippretendihiex
Is. 53:3 Imżeblaħ u mwarrab Mt. 26:67; Lq. 23:18-25;
Is. 53:4 Refaʼ fuqu Mt. 8:16, 17;Lq. 8:43-48
l-mard tagħna
Is. 53:6 Sofra għall-iżbalji 1 Pt. 2:21-25
taʼ ħaddieħor
Is. 53:7 Kwiet u ma Mt. 27:11-14;
lmentax quddiem Mk. 14:60, 61; Atti 8:32, 35
dawk li akkużawh
Is. 53:8 Misjub ħati Mt. 26:57-68; 27:1, 2, 11-26;
u kundannat Lhud 9:24; 10:5-14
b’mod inġust Ġw. 18:12-14, 19-24, 28-40
Is. 53:9 Midfun maʼ l-għonja Mt. 27:57-60; Ġw. 19:38-42
Is. 53:10 Ruħu offruta bħala Lhud 9:24; 10:5-14
sagrifiċċju taʼ
riparazzjoni
Is. 53:11 Fetaħ it-triq għal Rum. 5:18, 19; 1 Pt. 2:24;
ħafna biex jiksbu Apk. 7:14
waqfa taʼ tjieba
Is. 53:12 Magħdud Mt. 26:55, 56; 27:38;
mal-midinbin Lq. 22:36, 37
[Stampa f’paġna 203]
‘Kien imżeblaħ mill-bnedmin’
[Stampa f’paġna 206]
‘Ma fetaħx fommu’
[Sors]
Dettall mill-“Ecce Homo” taʼ Antonio Ciseri
[Stampa f’paġna 211]
“Offra ruħu għall-mewt”