Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jerġgħu Lura Lejn il-Qima taʼ Jehovah

Jerġgħu Lura Lejn il-Qima taʼ Jehovah

Kapitlu Sebgħa

Jerġgħu Lura Lejn il-​Qima taʼ Jehovah

Isaija 46:1-13

1. X’inhuma l-​ismijiet taʼ tnejn mill-​allat prinċipali taʼ Babilonja, u x’inhu mbassar dwarhom?

 META Iżrael jiġi eżiljat f’Babilonja, se jkun imdawwar bil-​qima falza. Fi żmien Isaija, in-​nies taʼ Jehovah għadhom f’pajjiżhom, u għandhom it-​tempju u s-​saċerdozju. Madankollu, ħafna mill-​ġens dedikat t’Alla ċedew għall-​idolatrija. Għalhekk, huwa vitali li jitħejjew minn qabel sabiex ma jiġux imsaħħrin mill-​allat foloz taʼ Babilonja jew jiġu ttantati biex jaqduhom. Għaldaqstant, meta jitkellem profetikament dwar tnejn mill-​allat prinċipali taʼ Babilonja, Isaija jgħid: “Iltewa Bel, tgħawweġ Nebu! Saru xbihathom tagħbija għall-​bhejjem, tagħbija għad-​dbejjeb; tagħbijietkom tagħbija għall-​bhejjem mifnija.” (Isaija 46:1) Bel huwa l-​alla ewlieni, f’għamla taʼ statwa, adorat mill-​Kaldin. Nebu huwa meqjum bħala alla taʼ għerf u tagħlim. Ir-​rispett gawdut minn dawn iż-​żewġ allat jidher mill-​fatt li ismijiethom huma inklużi f’għadd taʼ ismijiet persunali tal-​Babiloniżi—Beltassar, Nabopolassar, Nabukodonosor, u Nebużaradan, biex insemmu ftit minnhom.

2. Kif inhu enfasizzat kemm ma jiswew xejn l-​allat taʼ Babilonja?

2 Isaija jgħid li Bel “iltewa” u Nebu “tgħawweġ.” Dawn l-​allat foloz se jiġu mitfugħin maʼ l-​art. Meta Jehovah jwettaq l-​atti taʼ ġudizzju tiegħu kontra Babilonja, dawn l-​allat mhux se jkunu jistgħu jgħinu lil dawk li jqimuhom. Lanqas ma se jkunu jistgħu saħansitra jsalvaw lilhom infushom! Bel u Nebu mhux se jkunu jistgħu jinġarru iktar fil-​post onorat fil-​purċissjonijiet, bħal per eżempju f’nhar il-​festa Babiloniża taʼ Jum l-​Ewwel tas-​Sena. Minflok, se jkollhom jiġu mkaxkrin bħal xkora minn dawk li jqimuhom. Minflok tifħir u qima se jirċievu tmaqdir u twaqqigħ għaċ-​ċajt.

3. (a) X’se jaħsadhom lill-​Babiloniżi? (b) Illum x’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom l-​allat taʼ Babilonja?

3 Kif se jinħasdu l-​Babiloniżi meta jsiru jafu li l-​idoli għeżież tagħhom m’humiex ħlief tagħbija li trid tinġarr minn bhejjem għajjenin! Bl-​istess mod illum, l-​allat tad-​dinja—l-​affarijiet li jafdaw fihom in-​nies u li għalihom jaħlu l-​enerġija tagħhom u saħansitra jagħtu ħajjithom—huma biss frugħa. L-​għana, l-​armamenti, il-​pjaċiri, il-​ħakkiema, il-​pajjiż jew is-​simboli li jirrappreżentawh, u bosta affarijiet oħrajn saru oġġetti taʼ devozzjoni. Il-​frugħa taʼ dawn l-​allat se tintwera fiż-​żmien stabbilit minn Jehovah.—Danjel 11:38; Mattew 6:24; Atti 12:22; Filippin 3:19; Kolossin 3:5; Apokalissi 13:14, 15.

4. L-​allat taʼ Babilonja f’liema sens ‘jitgħawġu’ u ‘jiltwew’?

4 Biex tkompli tenfasizza kif l-​allat taʼ Babilonja fallew għalkollox, il-​profezija tkompli: “Tgħawwġu u ltwew flimkien, ma jifilħux isalvaw lil min iġorrhom; u huma nfushom imorru fil-​jasar.” (Isaija 46:2) L-​allat taʼ Babilonja donnhom qegħdin ‘jitgħawġu’ u ‘jiltwew’ bħallikieku ġew feruti fil-​battalja jew tgħakksu bix-​xjuħija. Lanqas biss jistgħu jħaffu t-​tagħbija jew isalvaw lill-​povri bhejjem li jġorruhom. Għalhekk, għandu l-​poplu f’patt maʼ Jehovah, avolja jinsab fil-​jasar f’Babilonja, jagħtihom xi unur? Le! B’mod simili, il-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah, anki meta kienu fil-​jasar spiritwali, m’onorawhomx lill-​allat foloz taʼ “Babilonja l-​Kbira.” Dawn l-​allat ma kellhomx il-​ħila jżommu lura l-​waqgħa tagħha fl-​1919 u mhux se jkollhom il-​ħila jsalvawha mill-​gwaj li ġej fuqha matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.—Apokalissi 18:2, 21; Mattew 24:21.

5. Illum il-​Kristjani kif jevitaw li jirrepetu l-​iżbalji tal-​Babiloniżi li kienu jqimu l-​idoli?

5 Illum il-​Kristjani veri ma jmilu quddiem ebda tip taʼ idolu. (1 Ġwann 5:21) Il-​kurċifissi, il-​kuruni tar-​rużarju, u x-​xbihat tal-​qaddisin mhux se jagħmluha iktar faċli biex iressquna għand il-​Ħallieq. Ma jistgħux jidħlu għalina quddiem Alla. Fl-​ewwel seklu, Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu kif għandhom iqimu lil Alla b’mod xieraq meta qal: “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi. Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.”—Ġwann 14:6, 14.

“Rfajtkom sa mill-​Ġuf”

6. Jehovah kif inhu differenti mill-​allat tal-​ġnus?

6 Wara li kixef il-​frugħa tal-​qima lill-​allat f’għamla taʼ statwi f’Babilonja, Jehovah jgħid lill-​poplu tiegħu: “Isimgħuni, dar Ġakobb, u l-​fdal kollu taʼ dar Iżrael; ġarrejtkom sa mit-​twelid, rfajtkom sa mill-​ġuf.” (Isaija 46:3) Kemm hu differenti Jehovah mix-​xbihat minquxin taʼ Babilonja! L-​allat taʼ Babilonja ma jistgħu jagħmlu xejn affattu għal dawk li jqimuhom. Jekk se jiċċaqalqu, iridu jinġarru minn xi bhima tat-​tagħbija. B’kuntrast, Jehovah ilu jerfaʼ lin-​nies tiegħu. Hu sostniehom “sa mill-​ġuf,” minn dak in-​nhar li ssawwar il-​ġens. Memorji għeżież taʼ meta Jehovah refagħhom għandhom jinkuraġġixxu lil-​Lhud biex jaħarbu l-​qima taʼ l-​idoli u jpoġġu l-​fiduċja tagħhom fih bħala l-​Missier u l-​Ħabib tagħhom.

7. Il-​mod kif Jehovah jieħu ħsieb b’mod teneru lil dawk li jqimuh kif inhu saħansitra akbar minn kif il-​ġenituri umani jieħdu ħsieb uliedhom?

7 Jehovah għandu iktar kliem ħelu għall-​poplu tiegħu: “Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom. Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom; u jien inġorrkom u nsalvakom.” (Isaija 46:4) Il-​mod kif Jehovah jieħu ħsieb in-​nies tiegħu jisboq lil dak taʼ xi ġenitur uman l-​iktar attent. Hekk kif it-​tfal jibdew jikbru, il-​ġenituri għandhom mnejn iħossu inqas u inqas responsabbiltà lejhom. Meta l-​ġenituri jixjieħu, ikunu t-​tfal li spiss jieħdu ħsiebhom. Fil-​każ taʼ Jehovah, dan qatt ma jistaʼ jseħħ. Hu qatt ma jieqaf jieħu ħsieb it-​tfal umani tiegħu—saħansitra fi xjuħithom. Illum dawk li jqimu lil Alla jafdaw u jħobbu lill-​Ħallieq tagħhom u jsibu faraġ kbir f’dan il-​kliem tal-​profezija taʼ Isaija. M’għandhomx għalfejn ikunu ansjużi dwar il-​jiem jew is-​snin li baqgħalhom iqattgħu f’din is-​sistema t’affarijiet. Jehovah jwiegħed li ‘jibqaʼ jġorr’ lil dawk li huma mdaħħlin fiż-​żmien, billi jagħtihom is-​saħħa li għandhom bżonn biex jissaportu u jibqgħu leali. Hu se jerfagħhom, isaħħaħhom, u jsalvahom.—Lhud 6:10.

Oqgħod Attent mill-​Idoli taʼ Żmienna

8. Xi nies minn pajjiż Isaija għamlu liema dnub li ma jistax jiġi skużat?

8 Immaġina d-​diżappunt li hemm maħżun għall-​Babiloniżi li jpoġġu l-​fiduċja tagħhom fl-​idoli, meta dawn se juru li huma inutli għall-​aħħar! Għandu Iżrael jemmen li dawn l-​allat jistgħu jitqabblu maʼ Jehovah? Dażgur li le. Jehovah jagħmel sew li jistaqsi: “Maʼ min se xxebbhuni u ddaqqsuni, tqabbluni bħallikieku ndaqs?” (Isaija 46:5) Kemm ma jistax jiġi skużat il-​fatt li xi nies minn pajjiż Isaija daru biex iqimu l-​istatwi li la jitkellmu, la għandhom ħajja, u lanqas jiċċaqalqu! Għal ġens li jaf lil Jehovah, huwa tabilħaqq bluha li jistrieħ fuq xbihat bla ħajja u bla difiża magħmulin mill-​bniedem.

9. Iddeskrivi r-​raġunar vojt taʼ xi wħud li jqimu l-​idoli.

9 Ikkunsidra r-​raġunar vojt taʼ dawk li jqimu l-​idoli. Il-​profezija tkompli: “Dawk li joħorġu d-​deheb mill-​ħorġa u jiżnu l-​fidda bil-​miżien, jikru l-​arġentier biex jagħmilhielhom alla, li mbagħad quddiemu jmilu u jqimuh wiċċhom maʼ l-​art!” (Isaija 46:6) L-​adoraturi lesti li jonfqu flejjes kbar biex jagħmlu alla ħa jadurawh, bħallikieku idolu li jiswa ħafna flus għandu iktar qawwa li jsalvahom minn idolu taʼ l-​injam. Xorta waħda, ikun kemm ikun kbir l-​isforz li jsir jew iqum kemm iqum il-​materjal li jintuża, idolu bla ħajja jibqaʼ idolu bla ħajja, xejn iktar u xejn inqas.

10. Kif inhi deskritta l-​frugħa assoluta tal-​qima lill-​idoli?

10 Biex tkompli tenfasizza l-​bluha tal-​qima lill-​idoli, il-​profezija tkompli: “Jerfgħuh fuq l-​ispallejn u jġorruh, u jqegħduh f’postu u jibqaʼ hemm, u minn postu ma jiċċaqlaqx. Jekk xi ħadd isejjaħlu, ma jweġibx, u minn hemmu ma jeħilsux.” (Isaija 46:7) Kemm hu taċ-​ċajt li titlob lil xi xbieha li la għandha l-​ħila tismaʼ u lanqas taġixxi! Is-​salmista jiddeskrivi tajjeb kemm huma inutli dawn l-​oġġetti taʼ qima: “Fidda u deheb huma l-​allat tagħhom, xogħol taʼ jdejn il-​bniedem. Għandhom il-​fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-​għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-​widnejn, u ma jisimgħux; għandhom l-​imnieħer, u ma jxommux; għandhom l-​idejn, u ma jmissux; għandhom ir-​riġlejn, u ma jimxux; ebda leħen ma joħroġ minn fommhom. Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, u dawk kollha li jittamaw fihom.”—Salm 115:4-8.

“Kunu Rġiel”

11. Lil dawk li jkunu bejn ħalltejn x’se jgħinhom biex juru l-​kuraġġ?

11 Wara li wriehom il-​frugħa tal-​qima lill-​idoli, Jehovah issa jagħti lin-​nies tiegħu raġunijiet għala għandhom jaqduh: “Ftakru f’dan u kunu rġiel; aħsbu fih, ja midinbin. Ftakru fl-​ibgħad żminijiet, għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali.” (Isaija 46:8, 9) Dawk li jkunu bejn ħalltejn jekk għandhomx iħaddnu l-​qima vera jew l-​idolatrija għandhom jiftakru fil-​ġrajjiet taʼ l-​imgħoddi. Għandhom iżommu f’moħħhom l-​affarijiet li għamel Jehovah. Dan se jgħinhom biex juru l-​kuraġġ u jagħmlu dak li hu xieraq. Se jgħinhom biex jerġgħu lura lejn il-​qima taʼ Jehovah.

12, 13. Il-​Kristjani f’liema taqbid qegħdin jissaraw, u kif jistgħu joħorġu rebbiħin?

12 Illum dan l-​inkuraġġiment għadu meħtieġ. Bħall-​Iżraelin, Kristjani sinċieri jridu jiġġieldu kontra t-​tentazzjonijiet li jkollhom u l-​imperfezzjonijiet tagħhom stess. (Rumani 7:21-24) Iżjed minn hekk, huma qegħdin jitqabdu f’battalja spiritwali maʼ għadu li, għalkemm ma jidhirx, huwa b’saħħtu immensament. L-​appostlu Pawlu jgħid: “Il-​ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-​demm u l-​laħam, imma kontra s-​Setgħat, kontra l-​Qawwiet, kontra l-​Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet, kontra l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet.”—Efesin 6:12.

13 Satana u d-​demonji tiegħu se jagħmlu kulma hu possibbli biex jiżvijaw lill-​Kristjani mill-​qima vera. Biex ikollhom suċċess fil-​ġlieda tagħhom, il-​Kristjani jeħtieġ li jsegwu l-​pariri taʼ Jehovah u juru l-​kuraġġ. Kif? Jispjega l-​appostlu Pawlu: “Ilbsu l-​armatura taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-​tnassis tax-​Xitan.” Lill-​qaddejja tiegħu Jehovah ma jibgħathomx biex jiġġieldu b’nofs armar. L-​armatura spiritwali tagħhom tinkludi ‘t-​tarka tal-​fidi; li biha jistgħu jitfu l-​vleġeġ kollha tan-​nar tal-​ħażin.’ (Efesin 6:11, 16) L-​Iżraelin dinbu għaliex injoraw il-​provvedimenti spiritwali li Jehovah kien għamel għalihom. Kieku mmeditaw fuq l-​atti setgħana li Jehovah wettaq ripetutament għan-​nom tagħhom, qatt u qatt ma kienu se jduru lejn il-​qima moqżieża lill-​idoli. Jalla nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom u nkunu determinati li qatt ma nċedu fil-​ġlieda biex nagħmlu dak li hu sewwa.—1 Korintin 10:11.

14. Jehovah liema abbiltà jsemmi sabiex juri li hu l-​uniku Alla veru?

14 Jehovah jiddikjara: “Sa mill-​bidu ngħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx, u ngħid: ‘Il-​ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid.’” (Isaija 46:10) Liema alla ieħor jistaʼ jitqabbel maʼ Jehovah f’dan ir-​rigward? L-​abbiltà li jbassar il-​futur hija prova li tispikka tad-​Divinità tal-​Ħallieq. Madankollu, biex it-​twettiq taʼ l-​affarijiet li jitbassru jkun żgurat, li jkun jafhom qabel ma jseħħu mhux biżżejjed. Id-​dikjarazzjoni “l-​ħsieb tiegħi għad iseħħ” tenfasizza kemm l-​iskop stabbilit minn Alla ma jinbidilx. Ladarba Jehovah għandu qawwa bla limitu, m’hemm xejn fl-​univers li jistaʼ jżommu milli jwettaq ir-​rieda tiegħu. (Danjel 4:32 [4:35, NW]) Għalhekk, nistgħu nibqgħu ċerti li l-​profeziji kollha li għadhom ma twettqux tabilħaqq li se jseħħu fiż-​żmien stabbilit minn Alla.—Isaija 55:11.

15. L-​attenzjoni tagħna tinġibed lejn liema eżempju mill-​aqwa taʼ l-​abbiltà taʼ Jehovah li jbassar il-​futur?

15 Il-​profezija taʼ Isaija issa tiġbdilna l-​attenzjoni lejn eżempju eċċellenti taʼ l-​abbiltà taʼ Jehovah li jbassar ġrajjiet fil-​futur u mbagħad iġiegħel li kliemu jseħħ: “Insejjaħ tajra tal-​priża mil-​lvant, mill-​art imbiegħda l-​bniedem li jtemm ħsiebi. Hekk tkellimt u hekk nagħmel; hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.” (Isaija 46:11) Bħala Dak li ‘sa mill-​bidu jgħarraf it-​tmiem,’ Alla Jehovah se jsawwar iċ-​ċirkustanzi fil-​ġrajjiet tad-​dinja sabiex iwettaq il-​ħsieb tiegħu. Hu se jsejjaħ lil Ċiru biex jiġi minfejn titlaʼ x-​xemx, jew il-​Persja fil-​“lvant,” fejn se jkun hemm Pasargade, il-​belt kapitali favorita taʼ Ċiru. Dan se jkun bħal “tajra tal-​priża,” billi jaqbeż ħabta u sabta u bla mistenni għal fuq Babilonja.

16. Jehovah kif jikkonferma li t-​tbassir tiegħu dwar Babilonja hu ċert?

16 Li t-​tbassir taʼ Jehovah dwar Babilonja huwa ċert jiġi konfermat bil-​kliem, “Hekk tkellimt u hekk nagħmel.” Waqt li l-​bniedem imperfett għandu t-​tendenza li jagħmel wegħdi bl-​addoċċ, il-​Ħallieq qatt ma jonqos li jwettaq kelmtu. Peress li Jehovah hu dak Alla “li ma jigdibx,” nistgħu nibqgħu ċerti li jekk ‘iddeċieda hekk,’ ‘hekk se jagħmel.’—Titu 1:2.

Qlub bla Fidi

17, 18. Min jistaʼ jiġi deskritt bħala “taʼ qalb iebsa” (a) fil-​qedem? (b) illum?

17 Għal darb’oħra, Jehovah jdawwar l-​attenzjoni tiegħu b’mod profetiku lejn il-​Babiloniżi, billi jgħid: “Isimgħuni intom taʼ qalb iebsa, intom l-​imbegħdin mis-​sewwa.” (Isaija 46:12) L-​espressjoni “intom taʼ qalb iebsa” tiddeskrivi lil dawk li huma stinati u determinati f’li jopponu r-​rieda t’Alla. Bla dubju, il-​Babiloniżi huma mbegħdin sew minn Alla. Il-​mibegħda tagħhom għal Jehovah u l-​poplu tiegħu tqanqalhom biex jeqirdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha u biex iġorru lill-​abitanti tagħha fl-​eżilju.

18 Illum dawk li għandhom qalb iebsa li ma temminx jirrifjutaw b’mod stinat li jagħtu widen għall-​messaġġ tas-​Saltna, li qed jiġi pridkat fl-​art abitata kollha. (Mattew 24:14) Ma jridux jirrikonoxxu lil Jehovah bħala Dak li għandu d-​dritt li jkun Sovran. (Salm 83:19 [83:18, NW]; Apokalissi 4:11) Peress li qlubhom huma “mbegħdin mis-​sewwa,” huma jirreżistu u jopponu r-​rieda tiegħu. (2 Timotju 3:1-5) Bħall-​Babiloniżi, huma jirrifjutaw li jagħtu widen lil Jehovah.

Is-​Salvazzjoni minn Alla Mhix Se Tiddawwar

19. Jehovah b’liema mod se jwettaq att taʼ tjieba għal Iżrael?

19 L-​aħħar kliem taʼ Isaija kapitlu 46 jenfasizza xi aspetti mill-​personalità taʼ Jehovah: “Nqarreb il-​ġustizzja tiegħi: m’hijiex fil-​bogħod, u s-​salvazzjoni tiegħi ma tiddawwarx. U nqiegħed is-​salvazzjoni f’Sijon għal Iżrael, il-​foħrija tiegħi.” (Isaija 46:13) Meta Alla jeħles lil Iżrael, dan se jkun att taʼ ġustizzja u tjieba. Hu mhux se jippermetti li l-​eżilju tal-​poplu tiegħu jiġbed fit-​tul. Is-​salvazzjoni taʼ Sijon se tiġi fiż-​żmien xieraq, mhix se ‘tiddawwar.’ Wara li jinħelsu mill-​jasar, l-​Iżraelin se jsiru spettaklu għall-​ġnus taʼ madwarhom. Meta Jehovah jeħles lill-​ġens tiegħu, din se tkun xiehda tal-​qawwa li għandu biex isalva. Kulħadd se jkun jistaʼ jara kemm Bel u Nebu, l-​allat taʼ Babilonja, ma jiswew għalxejn. Se jiġi rivelat kemm huma bla saħħa.—1 Slaten 18:39, 40.

20. Il-​Kristjani kif jistgħu jkunu ċerti li ‘s-​salvazzjoni taʼ Jehovah mhix se tiddawwar’?

20 Fis-​sena 1919, Jehovah ħeles lill-​poplu tiegħu mill-​jasar spiritwali. Ma ddawwarx. Din il-​ġrajja, kif ukoll il-​ġrajjiet li seħħew fil-​qedem meta Babilonja waqgħet taħt idejn Ċiru, jinkuraġġuna llum. Jehovah wiegħed li se jtemm din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar, inkluż il-​qima falza tagħha. (Apokalissi 19:1, 2, 17-21) Mill-​mod kif jaraha l-​bniedem, xi Kristjani għandhom mnejn iħossu li s-​salvazzjoni tagħhom iddawret. Madankollu, il-​fatt li Jehovah juri l-​paċenzja sakemm jasal iż-​żmien stabbilit minnu biex iwettaq din il-​wegħda huwa tassew att taʼ tjieba. Wara kollox, “[Jehovah] ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Għalhekk, kun ċert li sewwa sew bħalma ġara fi żmien Iżrael tal-​qedem, ‘is-​salvazzjoni ma tiddawwarx.’ Tabilħaqq, hekk kif jum is-​salvazzjoni jersaq eqreb, Jehovah b’imħabba jkompli jistieden lin-​nies: “Fittxu l-​Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-​qrib! Ħa jħalli triqtu l-​midneb, u l-​bniedem il-​ħażin fehmietu; ħa jerġaʼ lura għand il-​Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.”—Isaija 55:6, 7.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 94]

L-​allat taʼ Babilonja ma jipproteġuhiex mill-​qerda

[Stampi f’paġna 98]

Illum il-​Kristjani jridu joqogħdu attenti mill-​idoli taʼ żmienna

[Stampi f’paġna 101]

Uri l-​kuraġġ biex tagħmel dak li hu sewwa