Kliem Profetiku taʼ Faraġ li Jinvolvi Lilek
Kapitlu Tnejn
Kliem Profetiku taʼ Faraġ li Jinvolvi Lilek
1. Għala għandna nkunu interessati fil-profezija taʼ Isaija?
GĦALKEMM Isaija kiteb il-ktieb li jġorr ismu kważi 3,000 sena ilu, dan xorta waħda għandu valur siewi għalina llum. Nistgħu nitgħallmu prinċipji vitali mill-ġrajjiet storiċi li kiteb dwarhom. U nistgħu nibnu l-fidi tagħna jekk nistudjaw il-profeziji li hu kiteb f’isem Jehovah. Iva, Isaija kien profeta t’Alla l-ħaj. Jehovah ispirah biex jikteb l-istorja bil-quddiem—biex jiddeskrivi ġrajjiet qabel ma seħħew. Jehovah b’hekk wera li hu jistaʼ kemm ibassar il-futur kif ukoll isawru. Wara li jistudjaw il-ktieb taʼ Isaija, il-Kristjani veri jsiru konvinti li Jehovah se jwettaq dak kollu li wiegħed.
2. X’kienet is-sitwazzjoni f’Ġerusalemm meta Isaija kiteb il-ktieb profetiku tiegħu, u x’bidla kellha sseħħ?
2 Sa dakinhar li Isaija kien spiċċa jikteb il-profezija tiegħu, Ġerusalemm kienet irreżistiet it-theddida mill-Assirja. It-tempju kien għadu wieqaf, u n-nies kienu għaddejjin bil-ħajja tagħhom taʼ kuljum bħalma kienu għamlu għal mijiet taʼ snin. Madankollu, din is-sitwazzjoni kellha tinbidel. Kellu jiġi żmien meta l-għana tas-slaten Lhud kellu jinġarr lejn Babilonja u ż-żgħażagħ Lhud kellhom isiru uffiċjali tal-palazz irjali f’din il-belt. a (Isaija 39:6, 7) Dan kellu jseħħ iktar minn 100 sena wara.—2 Slaten 24:12-17; Danjel 1:19.
3. X’messaġġ insibu f’Isaija kapitlu 41?
3 Madankollu, il-messaġġ t’Alla permezz taʼ Isaija m’huwiex biss messaġġ taʼ kundanna. Kapitlu 40 tal-ktieb tiegħu jibda bil-kelma “Farrġu.” b Il-Lhud kellhom jitfarrġu biċ-ċertezza li huma jew uliedhom kienu se jkunu jistgħu jirritornaw lejn art twelidhom. Kapitlu 41 jissokta b’dan il-messaġġ taʼ faraġ u jbassar li Jehovah kellu jqajjem sultan taʼ qawwa kbira biex iwettaq ir-rieda divina. Fih insibu affarijiet li jqawwu l-qalb u jinkuraġġixxi l-fiduċja f’Alla. Jikxef ukoll li l-allat foloz li n-nies tal-ġnus jafdaw fihom huma bla saħħa. F’dan kollu, hemm ħafna biex tissaħħaħ il-fidi, kemm fi żmien Isaija kif ukoll fi żmienna.
Jehovah Jisfida lill-Ġnus
4. Jehovah b’liema kliem jisfidahom lill-ġnus?
4 Permezz tal-profeta tiegħu, Jehovah jgħid: “Isktu quddiemi, intom xtut; u ħalli l-popli jitqawwew mill-ġdid! Ħa jersqu l-ewwel, mbagħad jitkellmu: u nersqu għall-ħaqq flimkien!” (Isaija 41:1) B’dan il-kliem Jehovah jisfida lill-ġnus li jiħduha kontra l-poplu tiegħu. Ħa jieqfu quddiemu u jitħażżmu biex jitkellmu! Bħalma se naraw iktar tard, Jehovah jesiġi, bħallikieku kien xi mħallef f’qorti, li dawn il-ġnus jagħtu prova li l-idoli tagħhom huma verament allat. Jistgħu dawn l-allat ibassru atti taʼ salvazzjoni għal dawk li jqimuhom jew ġudizzji kontra l-għedewwa tagħhom? Jekk iva, jistgħu huma jwettqu dawn il-profeziji? Ir-risposta hi le. Jehovah biss jistaʼ jagħmilhom dawn l-affarijiet.
5. Spjega kif il-profeziji taʼ Isaija għandhom iktar minn twettiq wieħed.
5 Aħna u nikkunsidraw il-profezija taʼ Isaija, ejja nżommu f’moħħna li, bħal fil-każ taʼ ħafna profeziji Bibliċi, kliemu għandu iktar minn twettiq wieħed. Fis-sena 607 Q.E.K., il-poplu taʼ Ġuda se jittieħed fl-eżilju ġo Babilonja. Madankollu, il-profezija taʼ Isaija turi li Jehovah se jeħles lill-Iżraelin li huma mjassrin hemmhekk. Dan iseħħ fis-sena 537 Q.E.K. Dan il-ħelsien kellu xebh fil-bidu tas-seklu 20. Matul l-ewwel gwerra dinjija, il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah fuq l-art għaddew minn perijodu taʼ tribulazzjoni. Fl-1918, l-ippridkar organizzat taʼ l-aħbar tajba kważi waqaf għalkollox minħabba pressjoni mid-dinja taʼ Satana, li ġiet imxewxa mill-Kristjaneżmu bħala l-parti ewlenija taʼ Babilonja l-Kbira. (Apokalissi 11:5-10) Xi uffiċjali responsabbli mill-Watch Tower Society ġew mitfugħin il-ħabs fuq akkużi foloz. Donnu kien jidher li d-dinja kienet ittrijonfat fil-battalja tagħha kontra l-qaddejja t’Alla. Imbagħad, bħalma ġara lura fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah bla mistenni ħelishom. Fl-1919, l-uffiċjali ġew meħlusin mill-ħabs, u iktar tard l-akkużi kontrihom ġew irtirati. Konvenzjoni li saret f’Cedar Point, Ohio, f’Settembru taʼ l-1919 tat il-ħajja mill-ġdid lill-qaddejja taʼ Jehovah biex jerġgħu jibdew jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Apokalissi 11:11, 12) Minn dakinhar sa llum, dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar infirex b’mod taʼ l-għaġeb. Iktar minn hekk, ħafna mill-kliem taʼ Isaija se jitwettaq b’mod meraviljuż fil-futur fuq l-art magħmula Ġenna. Għaldaqstant, kliem Isaija taʼ żmien twil ilu jinvolvi lill-ġnus u l-popli kollha llum.
Jissejjaħ Ħellies
6. Il-profeta kif jiddeskrivi lil konkwistatur li għad irid jiġi?
6 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jbassar konkwistatur li mhux biss se jsalva lin-nies t’Alla minn Babilonja imma wkoll se jġib ġudizzju fuq l-għedewwa tagħhom. Jistaqsi Jehovah:“Min qajjem mil-lvant lil dak, li r-rebħ jiġri wara riġlejh? Rħielu l-ġnus f’idejh, biex irażżan is-slaten? Li b’sejf jagħmilhom trab, u b’qawsu karfa ttir mar-riħ? Jiġri warajhom, u jibqaʼ għaddej fis-sliem, lanqas biss b’riġlejh ma jmiss it-triq. Min għamlu u temmu dan? Min sejjaħ il-ġenerazzjonijiet mill-bidu? Jiena, il-Mulej, Jiena l-ewwel, u maʼ taʼ l-aħħar, jiena hu!”—Isaija 41:2-4.
7. Min hu l-konkwistatur li ġej, u x’iwettaq?
7 Min hu dak li se jitqajjem mil-lvant, minn tlugħ ix-xemx? Il-pajjiżi tal-Medo-Persja u Għelam jinsabu lejn il-lvant taʼ Babilonja. Minn hemmhekk jimmarċja Ċiru l-Persjan, flimkien maʼ l-eżerċti setgħanin tiegħu. (Isaija 41:25; 44:28; 45:1-4, 13; 46:11) Għalkemm Ċiru ma jqimx lil Jehovah, hu jaġixxi bit-tjieba, jiġifieri, fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah, Alla taʼ tjieba. Ċiru jrażżan ħafna slaten, u dawn jiġu mxerrdin bħal trab quddiemu. Biex iwettaq il-konkwisti tiegħu, hu jgħaddi “fis-sliem,” jew qawwi u sħiħ, minn toroq li s-soltu ħadd ma jgħaddi minnhom, u jegħleb kull ostaklu li jiġi quddiemu. Sas-sena 539 Q.E.K., Ċiru jasal ħdejn il-belt setgħana taʼ Babilonja u jegħlibha. B’riżultat taʼ dan, in-nies t’Alla jiġu meħlusin sabiex ikunu jistgħu jirritornaw lejn Ġerusalemm biex jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja.—Esdra 1:1-7. c
8. Liema ħaġa jistaʼ jagħmilha Jehovah biss?
8 B’hekk, permezz taʼ Isaija, Jehovah jbassar il-kobor taʼ Ċiru ferm qabel ma twieled dan is-sultan. Il-veru Alla biss jistaʼ jipprofetizza bl-eżatt ħaġa bħal din. M’hemm ħadd li hu daqs Jehovah fost l-allat foloz tal-ġnus. B’raġuni tajba, hu jistqarr: “Ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi.” Jehovah biss għandu dritt jgħid: “Jien l-ewwel u Jiena l-aħħar, u ħliefi m’hemmx alla ieħor.”—Isaija 42:8; 44:6, 7.
Popli Mwerwrin Jafdaw fl-Idoli
9-11. Il-ġnus kif jirreaġixxu meta jaraw lil Ċiru ġej għalihom?
9 Isaija issa jiddeskrivi r-reazzjoni tal-ġnus għal dan il-konkwistatur li għad irid jiġi: “Jaraw ix-xtut u jibżgħu, truf l-art jitriegħdu. Huma resqu u ġew. Jgħinu ’l xulxin sieħeb lil ieħor, u l-aħwa jgħidu lil xulxin: ‘Agħmel il-ħila!’ Il-ħaddied jagħmel il-ħila lil tad-deheb; min jaħfi bil-martell lil min iħabbat fuq l-inkwina, u jgħidu: ‘Tajba s-saldatura.’ U mbagħad jissudah bl-imsiemer, biex ma jitħarrikx.”—Isaija 41:5-7.
10 Jehovah jeżamina x-xena dinjija, billi jħares xi 200 sena fil-futur. Eżerċti setgħanin taħt Ċiru javanzaw b’ħeffa kbira u jikkonkwistaw lil kulmin jopponihom. Il-popli jitriegħdu malli jaraw lil Ċiru ġej, saħansitra dawk in-nies li joqogħdu fix-xtut tal-gżejjer, fl-iktar postijiet imbegħdin. Bil-biżaʼ li jaqbadhom huma jingħaqdu flimkien biex jopponu lil dak li lilu Jehovah sejjaħ mil-lvant biex jagħmel il-ħaqq. Huma jipprovaw jinkuraġġixxu lil xulxin, billi jgħidu: “Agħmel il-ħila!”
11 Nies tas-sengħa jaħdmu flimkien biex isawru allat f’għamla taʼ idoli ħalli jeħilsu lin-nies. Il-mastrudaxxa jagħmel qafas taʼ l-injam u mbagħad jinkuraġġixxi lill-arġentier biex jiksih bil-metall, forsi bid-deheb. Skultur jillixxa l-metall bil-martell u jgħid li s-saldatura hi tajba. Jistaʼ jkun li huwa bi ftit sarkażmu li jissemma l-fatt li l-qafas jiġi ssodat bl-imsiemer sabiex ma jitħarrikx jew juri dgħjufija, bħalma għamel l-idolu taʼ Dagon li waqaʼ wiċċu fl-art quddiem l-arka taʼ Jehovah.—1 Samwel 5:4.
La Tibżax!
12. Jehovah kif iqawwi qalb Iżrael?
12 Jehovah issa jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-poplu tiegħu. Kuntrarju għall-ġnus li jafdaw f’idoli bla ħajja, dawk li jafdaw fil-veru Alla qatt m’għandhom għalfejn jibżgħu. Jehovah jibda jqawwilhom qalbhom billi jfakkarhom li Iżrael huwa n-nisel tal-ħabib tiegħu Abraham. F’silta li tesprimi tenerezza kbira, Isaija jirrapporta l-kliem taʼ Jehovah: “Imma int Iżrael, il-qaddej tiegħi, Ġakobb, jien ħtartek, nisel Abraham, ħabibi. Lilek jien qbadtek minn truf l-art, u sejjaħtlek minn l-ibgħad inħawi tagħha, u għedtlek: ‘Int il-qaddej tiegħi, jiena ħtartek, u ma rmejtikx.’ La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!”—Isaija 41:8-10.
13. Il-kliem taʼ Jehovah għala se jkun taʼ faraġ għal-Lhud li huma fil-jasar?
13 Kemm se jkun taʼ faraġ dan il-kliem għal-Lhud leali li huma miżmumin fil-jasar f’pajjiż barrani! Kemm se jkun inkuraġġanti li jisimgħu lil Jehovah jsejħilhom “il-qaddej tiegħi” fiż-żmien meta jinsabu eżiljati, qaddejja tas-sultan taʼ Babilonja! (2 Kronaki 36:20) Għalkemm Jehovah se jiddixxiplinahom minħabba n-nuqqas taʼ fedeltà tagħhom, hu mhux se jiċħadhom. Iżrael hu taʼ Jehovah, mhux taʼ Babilonja. Il-qaddejja t’Alla mhux se jkollhom għalfejn jitriegħdu malli jarawh ġej lil Ċiru l-konkwistatur. Jehovah se jkun mal-poplu tiegħu biex jgħinu.
14. Il-kliem li Jehovah qal lil Iżrael kif ifarraġ lill-qaddejja t’Alla llum?
14 Dan il-kliem qawwa qalb il-qaddejja t’Alla u saħħaħhom saħansitra sa żmienna. Lura fl-1918 huma kienu ħerqanin biex ikunu jafu x’ried Jehovah minnhom. Kienu jixtiequ ħafna li jinħelsu mill-jasar spiritwali li kienu fih. Illum aħna ħerqanin biex ninħelsu mill-pressjonijiet li jġibu fuqna Satana, id-dinja, u l-imperfezzjoni tagħna stess. Imma napprezzaw il-fatt li Jehovah jaf preċiżament meta u kif għandu jaġixxi għan-nom tal-poplu tiegħu. Bħal tfal żgħar, aħna naqbdulu idu u ma nitilquhiex għax nafu li idu setgħana. Aħna fiduċjużi li hu se jgħinna nkampaw. (Salm 63:8, 9 [63:7, 8, New World Translation]) Jehovah jgħożżhom lil dawk li jaqduh. Hu jwiżinna llum sewwa sew bħalma wieżen lill-poplu tiegħu meta għadda mill-perijodu diffiċli taʼ l-1918-19 u sewwa sew bħalma wieżen lill-Iżraelin leali tal-qedem.
15, 16. (a) X’se jiġrilhom l-għedewwa taʼ Iżrael, u Iżrael b’liema mod jixbah lil dudu? (b) Minħabba liema attakk li riesaq bil-ħeffa huwa l-kliem taʼ Jehovah inkuraġġanti b’mod partikulari llum?
15 Ikkunsidra x’jgħid Jehovah issa permezz taʼ Isaija: “Ara, għad jistħu u jitriegħxu, dawk kollha li nkurlaw għalik; jiġu fix-xejn u jintemmu n-nies li jħaqquha miegħek. Tfittixhom u ma ssibhomx, in-nies li jeħduha miegħek, jiġu fix-xejn u jintemmu n-nies li jitqabdu miegħek. Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, nwieżnek minn idek il-leminija, u ngħidlek: ‘La tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek.’ Tibżax, Ġakobb, daqsxejn taʼ dudu fl-art, intom, bnedmin taʼ Iżrael! Jiena l-għajnuna tiegħek, oraklu tal-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael!”—Isaija 41:11-14.
16 L-għedewwa taʼ Iżrael m’humiex se jirbħu. Dawk li jinkorlaw għal Iżrael se jistħu. Dawk li jitqabdu miegħu se jintemmu. Għalkemm l-Iżraelin li qegħdin fil-jasar jidhru li huma dgħajfin u bla difiża bħal daqsxejn taʼ dudu jitmiegħek fit-trab, Jehovah se jgħinhom. Kemm qed iservi taʼ inkuraġġiment dan matul “l-aħħar tad-dinja” hekk kif il-Kristjani veri jiffaċċjaw l-ostilità deċiża taʼ tant u tant individwi fid-dinja! (2 Timotju 3:1) U kemm issaħħaħna l-wegħda taʼ Jehovah meta tqis l-attakk li riesaq bil-ħeffa minn Satana, li fil-profezija jissejjaħ ‘Gog taʼ l-art taʼ Magog’! Taħt l-attakk feroċi taʼ Gog, in-nies taʼ Jehovah se jkunu jidhru qishom bla difiża bħal dudu—“nies bla swar” u li “bibien u żbarri ma għandhomx.” Madankollu, dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah mhux se jkollhom għalfejn jitriegħdu bil-biżaʼ. Dak stess li jistaʼ kollox se jiġġieled biex jeħlishom.—Eżekjel 38:2, 11, 14-16, 21-23; 2 Korintin 1:3.
Faraġ għal Iżrael
17, 18. Isaija kif jiddeskrivih l-għoti taʼ setgħa lil Iżrael, u dwar liema twettiq nistgħu nkunu żguri?
17 Jehovah jkompli jfarraġ lill-poplu tiegħu: “Arani! Jien nagħmel minnek romblu tad-dris ġdid, jaqtaʼ u kollu snien. Int tidres il-muntanji u tfarrakhom, u l-għoljiet tagħmilhom tlief; int idderrihom u r-riħ iġorrhom, u r-riefnu jxerridhom. Mbagħad int tifraħ fil-Mulej, u tiftaħar bil-Qaddis taʼ Iżrael.”—Isaija 41:15, 16.
18 Iżrael se jingħata s-saħħa biex joħroġ fuq l-attakk u, f’sens spiritwali, irażżan lill-għedewwa tiegħu li qishom muntanji. Meta Iżrael jirritorna mill-eżilju, se jittrijonfa fuq għedewwa li jipprovaw iżommu lura l-bini mill-ġdid tat-tempju u tas-swar taʼ Ġerusalemm. (Esdra 6:12; Neħemija 6:16) Madankollu, il-kliem taʼ Jehovah se jitwettaq fuq skala kbira maʼ l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Lill-Kristjani midlukin, Ġesù jwegħedhom: “Lir-rebbieħ, lil dak li jħares sa l-aħħar l-opri tiegħi, nagħtih setgħa fuq il-ġnus, biex imexxihom b’xettru tal-ħadid bħal min ifarrak il-bwieqi tal-fuħħar, l-istess kif jien ukoll ħadt is-setgħa mingħand Missieri.” (Apokalissi 2:26, 27) Żgur li se jiġi ż-żmien meta ħut Kristu rxoxtati għall-glorja tas-sema se jieħdu sehem fil-qerda taʼ l-għedewwa t’Alla Jehovah.—2 Tessalonikin 1:7, 8; Apokalissi 20:4, 6.
19, 20. Isaija x’jikteb dwar li Iżrael jiġi restawrat għal post taʼ sbuħija, u dan kif jitwettaq?
19 B’lingwaġġ figurattiv, Jehovah issa jsaħħaħ il-wegħda li għamel li jagħti l-għajnuna lill-poplu tiegħu. Isaija jikteb: “Il-foqra u l-imsejknin ifittxu l-ilma u ma jsibux! Lsienhom niexef bil-għatx. Jiena, il-Mulej, nismagħhom, Jiena, Alla taʼ Iżrael, ma ninsihomx. Xmajjar taʼ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja, u għejun f’nofs il-widien. Nibdel id-deżert f’għadira ilma, u l-art niexfa f’għejun taʼ ilma. Nxettel iċ-ċedri fid-deżert, il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ; ntellaʼ ċ-ċipress fix-xagħri, u magħhom id-dolf u l-bux; biex hekk jaraw u jagħrfu, jaħsbu u jifhmu ukoll, li id il-Mulej għamlet dan, u l-Qaddis taʼ Iżrael ħalqu.”—Isaija 41:17-20.
20 Għalkemm l-Iżraelin li qegħdin fl-eżilju jgħammru fil-belt kapitali taʼ qawwa dinjija għanja, għalihom hi bħal deżert bla ilma. Iħossuhom bħal David meta kien qed jistaħba mis-Sultan Sawl. Fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah jiftħilhom it-triq biex jirritornaw lejn Ġuda u jibnu mill-ġdid it-tempju tiegħu f’Ġerusalemm, u b’hekk jerġgħu jistabbilixxu l-qima safja. Jehovah, mill-banda l-oħra, iberikhom. Fi profezija li tlissnet iktar tard, Isaija jbassar: “Il-Mulej iħenn għal Sijon; iħenn għall-ħrieb kollha tagħha. Jagħmel Għeden mid-deżert u ġnien tal-Mulej mix-xagħri tagħha.” (Isaija 51:3) Dan fil-fatt tassew iseħħ wara li l-Lhud jirritornaw lejn art twelidhom.
21. Liema tiġdid seħħ fi żmienna, u x’se jiġri fil-futur?
21 Xi ħaġa simili ġrat fi żmienna meta Ċiru Akbar, Kristu Ġesù, ħeles lis-segwaċi midlukin tiegħu mill-jasar spiritwali biex ikunu jistgħu jaħdmu ħalli jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja. Dawn l-uħud leali tbierku b’ġenna spiritwali għanja, ġnien taʼ Għeden figurattiv. (Isaija 11:6-9; 35:1-7) F’qasir żmien, meta Alla jeqred lill-għedewwa tiegħu, l-art kollha kemm hi se tiġi mibdula f’ġenna taʼ l-art letterali, sewwa sew bħalma Ġesù wiegħed lill-kriminal li kien maġenbu fuq iz-zokk.—Luqa 23:43.
Sfida għall-Għedewwa taʼ Iżrael
22. Jehovah b’liema kliem jerġaʼ jisfidahom lill-ġnus?
22 Jehovah issa jmur lura għall-kontroversja li għandu mal-ġnus u maʼ l-allat tagħhom f’għamla taʼ idoli: “‘Ressqu l-kawża tagħkom,’ jgħid il-Mulej, ‘Ġibu l-provi tagħkom,’ jgħid is-sultan taʼ Ġakobb. Ħa jersqu u jgħarrfuna x’se jiġri; jgħidulna l-imgħoddi x’kien, biex aħna naħsbu fuqu. Jew semmgħuna l-ġejjieni sabiex nagħrfu t-tmiem. Għidulna x’se jiġri fl-aħħar, u nkunu nafu jekk intomx allat. Agħmlu xi ħaġa, tajba jew ħażina, u aħna nistagħġbu u nibżgħu fl-istess waqt. M’intom xejn u xogħolkom ħrafa; mistmerr hu min jaħtarkom.” (Isaija 41:21-24) Kapaċi l-allat tal-ġnus jipprofetizzaw bl-eżatt, u b’hekk juru li għandhom għarfien soprannaturali? Jekk huma kapaċi, żgur li għandu jkun hemm xi riżultati, tajbin jew ħżiena, biex jappoġġaw dak li jsostnu huma. Iżda, fil-fatt, l-allat f’għamla taʼ idoli m’huma kapaċi jagħmlu xejn u huma bħal xi ħaġa li ma teżistix.
23. Jehovah, permezz tal-profeti tiegħu, għala kien daqshekk persistenti f’li jikkundanna l-idoli?
23 Fi żmienna xi wħud jistgħu jiskantaw għala Jehovah, permezz taʼ Isaija u sħabu l-profeti, qattaʼ daqshekk żmien jikkundanna l-bluha taʼ l-idolatrija. Li l-idoli magħmulin mill-bniedem ma jiswew għalxejn jistaʼ jidher li huwa ovvju għal ħafna nies illum. Madankollu, ladarba sistema falza taʼ twemmin tkun ġiet stabbilita u aċċettata minn ħafna nies, ikun diffiċli ferm li tneħħiha minn moħħ dawk li jemmnuha. Illum, ħafna mit-twemmin huwa bla sens daqs it-twemmin li xbihat bla ħajja huma tassew allat. Madankollu, in-nies jiggranfaw maʼ dan it-twemmin minkejja l-argumenti persważivi li jinġiebu kontrih. Huwa biss billi jisimgħu l-verità darba wara l-oħra li xi wħud jitqanqlu biex jaraw l-għerf taʼ li wieħed jafda f’Jehovah.
24, 25. Jehovah kif jerġaʼ jirreferi għal Ċiru, u dan ifakkarna f’liema profezija oħra?
24 Jehovah jerġaʼ jirreferi għal Ċiru: “Jien qajjimt bniedem mit-tramuntana u hu ġej; sejjaħtlu b’ismu minn tlugħ ix-xemx: u jgħaffeġ il-ħakkiema bħalma jgħaffġu t-tajn, bħalma l-fuħħari jgħaffeġ it-tafal taħt saqajh.” (Isaija 41:25) d B’kuntrast maʼ l-allat tal-ġnus, Jehovah kapaċi jwettaq li jrid. Meta joħroġ lil Ċiru mil-lvant, minn “tlugħ ix-xemx,” Alla se juri l-abbiltà tiegħu li jbassar u mbagħad isawwar il-futur biex iwettaq it-tbassir tiegħu.
25 Dan il-kliem ifakkarna fid-deskrizzjoni profetika taʼ l-appostlu Ġwanni dwar is-slaten li kellhom iqumu għall-azzjoni fi żmienna. F’Apokalissi 16:12 naqraw li t-triq se tinfetaħ “għas-slaten tal-lvant.” Dawn is-slaten m’huma ħadd ħlief Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Sewwa sew bħalma Ċiru ħeles lin-nies t’Alla żmien twil ilu, dawn is-slaten, li huma ferm iktar setgħanin, se jġibu fix-xejn lill-għedewwa taʼ Jehovah u jirgħu lin-nies tiegħu biex jgħaddu mit-tribulazzjoni l-kbira għal ġo dinja ġdida taʼ tjieba.—Salm 2:8, 9; 2 Pietru 3:13; Apokalissi 7:14-17.
Jehovah Hu Suprem!
26. Jehovah liema mistoqsija jistaqsi issa, u titwieġeb din?
26 Mill-ġdid, Jehovah jiddikjara l-verità li hu biss hu l-veru Alla. Fil-fatt, hu jistaqsi: “Min qatt ħabbar sa mill-bidu, biex aħna nkunu nafu? Sa minn qabel, biex ngħidu: ‘Veru’? Qatt ħadd ma qalu; qatt ħadd ma semmgħu; qatt ħadd ma samaʼ kliemkom.” (Isaija 41:26) Ebda alla f’għamla taʼ idolu ma ħabbar il-miġja taʼ konkwistatur biex jeħles lil dawk li qegħdin jafdaw fih. Dawn l-allat kollha huma bla ħajja, siekta. M’huma allat xejn assolutament.
27, 28. Liema verità vitali tiġi enfasizzata fl-aħħar versi taʼ Isaija kapitlu 41, u min biss jipproklamaha din?
27 Wara li jirrapporta dan il-kliem profetiku u kommoventi taʼ Jehovah, Isaija jenfasizza verità vitali: “Dan l-ewwel għarraftu lil Sijon; u ’l Ġerusalemm tajtha ħabbâr. Jien ħarist, ma kien hemm ħadd; ħadd minnhom biex jagħti parir, biex nistaqsihom u jwieġbu kelma. Lkoll kemm huma m’huma xejn, xogħolhom frugħa, riħ u baħħ xbihat allathom.”—Isaija 41:27-29.
28 Jehovah hu l-ewwel. Hu s-suprem! Hu l-veru Alla li jħabbar il-ħelsien għan-nies tiegħu, billi jġibilhom aħbar tajba. U huma x-Xhieda tiegħu biss li jipproklamaw il-kobor tiegħu lill-ġnus. Bi stmerrija, Jehovah jikkundanna lil dawk li jafdaw fil-qima taʼ l-idoli, billi jittimbra lill-idoli tagħhom bħala “riħ u baħħ.” X’raġuni qawwija din biex niggranfaw mal-veru Alla! Jehovah biss jistħoqqlu li nafdawh bil-fiduċja kollha tagħna.
[Noti taʼ taħt]
a Ara kapitlu 29 taʼ Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I.
b Ara kapitlu 30 taʼ Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I.
c Ċiru Akbar, li fl-1919 ħeles lil “Iżrael taʼ Alla” mill-jasar spiritwali, m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu, li ilu bil-qiegħda fuq it-tron bħala Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema mill-1914 ’l hawn.—Galatin 6:16.
d Għalkemm art twelid Ċiru kienet lejn il-lvant taʼ Babilonja, meta għamel l-attakk finali tiegħu fuq il-belt, hu niżel mit-tramuntana, mill-Asja Minuri.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 19]
Ċiru, għalkemm pagan, jintgħażel biex jagħmel ix-xogħol t’Alla
[Stampa f’paġna 21]
Il-ġnus jafdaw f’idoli bla ħajja
[Stampi f’paġna 27]
Iżrael, bħal “romblu tad-dris ġdid,” se ‘jfarrak il-muntanji’