Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“La Tittamawx fil-Kbarat”

“La Tittamawx fil-Kbarat”

Kapitlu Ħdax

“La Tittamawx fil-​Kbarat”

Isaija 50:1-11

1, 2. (a) Liema parir imnebbaħ ma jagħtux kasu l-​Lhud, u b’liema riżultat? (b) Jehovah għala jistaqsi: “Fejn hi l-​kitba tad-​divorzju?”

 “LA TITTAMAWX fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx. . . . Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib l-​għajnuna tiegħu, min għandu t-​tama fil-​Mulej, Alla tiegħu, li għamel is-​sema, l-​art u l-​baħar.” (Salm 146:3-6) O li kieku l-​Lhud li jgħixu fi żmien Isaija jagħtu kas il-​parir tas-​salmista! O li kieku ma jpoġġux il-​fiduċja tagħhom fl-​Eġittu jew f’xi ġens pagan ieħor, imma jpoġġuha “f’Alla taʼ Ġakobb”! Kieku Jehovah jaġixxi biex jipproteġiha l-​art taʼ Ġuda meta l-​għedewwa tagħha jitilgħu kontriha. Madankollu, Ġuda rrifjutat li ddur lejn Jehovah għall-​għajnuna. B’riżultat taʼ dan, Jehovah se jippermetti li Ġerusalemm tinqered u l-​abitanti taʼ Ġuda jittieħdu fil-​jasar f’Babilonja.

2 Ġuda ma tistaʼ tagħti tort lil ħadd ħlief lilha nfisha għal dak li ġralha. Ma tistax bir-​raġun issostni li l-​qerda tagħha ġiet għaliex Jehovah aġixxa bil-​qerq magħha jew għax warrab il-​patt li għandu mal-​ġens. Il-​Ħallieq m’huwiex xi wieħed li jħobb jikser il-​pattijiet. (Ġeremija 31:32; Danjel 9:27; Rivelazzjoni 15:4, NW) Biex jenfasizza dan il-​fatt, Jehovah jistaqsi lil-​Lhud: “Fejn hi l-​kitba tad-​divorzju, li biha keċċejt lil ommkom?” (Isaija 50:1a) Taħt il-​Liġi taʼ Mosè, raġel li jiddivorzja lil martu jrid jagħtiha kitba tad-​divorzju. B’hekk, hi tkun ħielsa li tiżżewweġ lil raġel ieħor. (Dewteronomju 24:1, 2) F’sens figurattiv, Jehovah ta kitba bħal din lil oħt Ġuda, is-​saltna taʼ Iżrael, imma m’għamilx hekk fil-​każ taʼ Ġuda. a Hu għadu ‘sidha’ bħala żewġha. (Ġeremija 3:8, 14) Ċertament li Ġuda m’hijiex ħielsa biex tissieħeb maʼ ġnus pagani. Ir-​relazzjoni li Jehovah għandu magħha se tkompli “sakemm jiġi Silo,” il-​Messija.—Ġenesi 49:10, NW.

3. Jehovah għal liema raġuni ‘jbigħu’ lill-​poplu tiegħu?

3 Lil Ġuda, Jehovah jistaqsiha wkoll: “Min hu dak li jien imdejjen miegħu u li begħtkom lilu?” (Isaija 50:1b) Il-​Lhud mhux se jintbagħtu fil-​jasar f’Babilonja biex ipattu għal xi dejn immaġinarju li Jehovah setaʼ waqaʼ fih. Jehovah mhux bħal xi Iżraeli fqir li jkollu jbigħ lil uliedu sabiex jissetilja l-​kontijiet maʼ dak li jkun sellfu. (Eżodu 21:7) Minflok, Jehovah jindika r-​raġuni vera għala l-​poplu tiegħu se jmur fil-​jasar: “Arawni, minħabba ħżunitkom begħtkom, u minħabba dnubietkom keċċejt lil ommkom.” (Isaija 50:1ċ) Huma l-​Lhud li abbandunaw lil Jehovah; hu m’abbandunahomx.

4, 5. Jehovah kif juri mħabbtu għall-​poplu tiegħu, imma Ġuda kif twieġeb?

4 Il-​mistoqsija li Jehovah jistaqsi issa tenfasizza biċ-​ċar l-​imħabba li għandu għall-​poplu tiegħu: “Għaliex meta ġejt ma kien hemm ħadd? Meta sejjaħt ma kien hemm ħadd li jwieġeb?” (Isaija 50:2a) Permezz tal-​qaddejja tiegħu l-​profeti, Jehovah daħal, bħallikieku, fid-​dar tan-​nies tiegħu biex jitlobhom bil-​ħniena ħalli jirritornaw lejh b’qalbhom kollha. Imma huma ma jwiġbuhx. Il-​Lhud jippreferu l-​appoġġ tal-​bniedem taʼ l-​art, u kultant saħansitra jduru lejn l-​Eġittu.—Isaija 30:2; 31:1-3; Ġeremija 37:5-7.

5 Huwa l-​Eġittu iktar taʼ min joqgħod fuqu bħala salvatur milli hu Jehovah? Dawk il-​Lhud infidili milli jidher insewhom il-​ġrajjiet li wasslu biex jitwieled il-​ġens tagħhom sekli qabel. Jehovah jistaqsihom: “Jaqaw idi qsaret li ma tistax tifdi? M’għandix forsi qawwa biex neħles? Arawni, b’tehdida jien innixxef il-​baħar, nagħmel deżert mix-​xmajjar; il-​ħut irejjaħ bin-​nuqqas taʼ ilma, u jmut bil-​għatx. Nlibbes is-​smewwiet bis-​swied, u bl-​ixkejjer niksihom.”—Isaija 50:2b, 3.

6, 7. Jehovah kif wera l-​qawwa tiegħu bħala salvatur meta kien iffaċċjat bit-​theddida mill-​Eġizzjani?

6 Fis-​sena 1513 Q.E.K., l-​Eġittu kien l-​oppressur tan-​nies t’Alla, mhux il-​ħellies li kienu jittamaw fih. L-​Iżraelin kienu lsiera f’dan il-​pajjiż pagan. Imma Jehovah ħelishom, u x’ħelsien meraviljuż kien dan! L-​ewwel hu bagħat Għaxar Kastigi fuq il-​pajjiż. Wara l-​għaxar kastig, li kien partikolarment qerriedi, il-​Fargħun taʼ l-​Eġittu ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jitilqu mill-​pajjiż. (Eżodu 7:14–​12:31) Madankollu, ftit wara li telqu, il-​Fargħun biddel fehemtu. Ġabar it-​truppi tiegħu u rħielha biex iġiegħel lill-​Iżraelin jirritornaw lejn l-​Eġittu. (Eżodu 14:5-9) B’eżerċtu taʼ suldati Eġizzjani warajhom u bil-​Baħar l-​Aħmar quddiemhom, l-​Iżraelin kienu daħlu f’nassa! Imma Jehovah kien hemmhekk biex jiġġieled għalihom.

7 Jehovah waqqaf lill-​Eġizzjani fil-​post fejn kienu billi poġġa kolonna tas-​sħab bejnhom u l-​Iżraelin. Fuq in-​naħa taʼ l-​Eġizzjani wara s-​sħaba kien hemm id-​dlam; fuq in-​naħa taʼ l-​Iżraelin kien hemm id-​dawl. (Eżodu 14:20) Imbagħad, waqt li żamm lill-​eżerċti Eġizzjani ’l bogħod, Jehovah “reġġaʼ lura l-​baħar b’riħ qawwi mil-​lvant matul il-​lejl kollu; il-​baħar ixxotta u l-​ilmijiet inferqu.” (Eżodu 14:21) Ladarba l-​ilmijiet ġew mifruqin, in-​nies kollha—l-​irġiel, in-​nisa, u t-​tfal—setgħu jaqsmu għan-​naħa l-​oħra tal-​Baħar l-​Aħmar biex ikunu fis-​sigurtà. Meta n-​nies tiegħu kienu kważi waslu fuq ix-​xatt tan-​naħa l-​oħra, Jehovah neħħa s-​sħaba. B’ġirja qawwija għal warajhom, l-​Eġizzjani rħewlha b’għaġla kbira għal fuq qiegħ il-​baħar. Meta n-​nies tiegħu kienu fis-​sigurtà fuq ix-​xatt, Jehovah telaq l-​ilmijiet, u b’hekk il-​Fargħun u l-​eżerċti tiegħu għerqu. B’hekk, Jehovah ġġieled għan-​nies tiegħu. X’inkuraġġiment dan għall-​Kristjani llum!—Eżodu 14:23-28.

8. L-​abitanti taʼ Ġuda fl-​aħħarnett imorru fl-​eżilju talli injoraw liema twissijiet?

8 Sa żmien Isaija għaddew sebaʼ mitt sena minn din ir-​rebħa divina. Ġuda issa tikkwalifika bħala nazzjon għaliha nfisha. Kultant, din tidħol f’negozjati diplomatiċi maʼ gvernijiet barranin, bħalma huma l-​Assirja u l-​Eġittu. Imma l-​mexxejja taʼ dawn il-​ġnus pagani ma jistgħux jiġu fdati. Huma dejjem se jpoġġu l-​interessi tagħhom qabel kwalunkwe patt li jagħmlu maʼ Ġuda. Waqt li jitkellmu f’isem Jehovah, il-​profeti jwissu lin-​nies biex ma jittamawx fi bnedmin bħal dawn, imma kliem il-​profeti jaqaʼ fuq widnejn torox. Fl-​aħħarnett, il-​Lhud se jiġu eżiljati f’Babilonja biex iqattgħu 70 sena fil-​jasar. (Ġeremija 25:11) Madankollu, Jehovah mhux se jinsiehom lin-​nies tiegħu, lanqas ma se jabbandunahom għal dejjem. Fiż-​żmien stabbilit, hu se jiftakar fihom, u se jiftħilhom it-​triq biex jirritornaw lejn art twelidhom ħalli jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima safja. Għal liema skop? Biex jippreparaw għall-​miġja taʼ Silo, dak li lejh se jkunu ubbidjenti n-​nies kollha!

Jiġi Silo

9. Min hu Silo, u x’tip t’għalliem hu?

9 Jgħaddu s-​sekli, tasal “il-​milja taż-​żmien,” u fuq ix-​xena dinjija jidher dak li hu msejjaħ Silo, il-​Mulej Ġesù Kristu. (Galatin 4:4; Lhud 1:1, 2) Il-​fatt li Jehovah nnomina lill-​eqreb imsieħeb tiegħu bħala l-​Kelliemi tiegħu għal-​Lhud juri kemm Jehovah jħobb lill-​poplu tiegħu. Ġesù x’tip taʼ kelliemi jirriżulta li hu? Kelliemi mill-​aqwa! Fil-​fatt, Ġesù hu iktar minn kelliemi, hu għalliem—Għalliem Prim. Ma niskantawx b’dan għax hu għandu Istruttur meraviljuż—Alla Jehovah nnifsu. (Ġwann 5:30; 6:45; 7:15, 16, 46; 8:26) Dan hu konfermat minn dak li jgħid Ġesù b’mod profetiku permezz taʼ Isaija: “Sidi l-​Mulej tani lsien taʼ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-​għajjien b’xi kelma. Taʼ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti, biex nismaʼ bħal wieħed jitgħallem.”—Isaija 50:4. b

10. Ġesù kif jirrifletti l-​imħabba taʼ Jehovah għall-​poplu Tiegħu, u n-​nies kif jilqgħuh lil Ġesù?

10 Qabel ma ġie fid-​dinja, Ġesù ħadem maġenb Missieru fis-​sema. Ir-​relazzjoni mill-​qrib li hemm bejn il-​Missier u l-​Iben hi deskritta b’mod poetiku fi Proverbji 8:30 (Saydon): “Kont [maġenb Jehovah] bħala mgħallem; . . . nitliegħeb quddiemu kull ħin.” Il-​fatt li jismaʼ minn Missieru ġablu ferħ kbir lil Ġesù. Hu kellu l-​istess imħabba għal “ulied il-​bnedmin” bħalma kellu Missieru. (Proverbji 8:31) Meta jiġi fuq l-​art, Ġesù jwieġeb “lill-​għajjien b’xi kelma.” Hu jibda l-​ministeru tiegħu billi jaqra silta taʼ faraġ mill-​profezija taʼ Isaija: “L-​Ispirtu tal-​Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni . . . nwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, . . . nrodd il-​ħelsien lill-​maħqurin.” (Luqa 4:18; Isaija 61:1) Bxara tajba lill-​fqajrin! Serħan għall-​għajjien! X’ferħ għandha ġġibilhom lin-​nies din l-​aħbar! Xi wħud fil-​fatt jithennew—imma mhux kulħadd. Fl-​aħħar, ħafna minnhom ma jkunux iridu jaċċettaw il-​kredenzjali taʼ Ġesù bħala wieħed mgħallem minn Jehovah.

11. Min huma dawk li jidħlu taħt il-​madmad maʼ Ġesù, u x’jesperjenzaw?

11 Madankollu, xi wħud iridu jisimgħu iktar. Huma jwieġbu bil-​ferħ għall-​istedina taʼ Ġesù li tqawwi l-​qalb: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.” (Mattew 11:28, 29) Fost dawk li jersqu qrib Ġesù hemm l-​irġiel li mbagħad isiru l-​appostli tiegħu. Huma jafu li biex jidħlu taħt il-​madmad maʼ Ġesù jridu jaħdmu iebes. Dan ix-​xogħol jinvolvi, fost affarijiet oħrajn, l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna sa truf l-​art. (Mattew 24:14) Hekk kif l-​appostli u d-​dixxipli l-​oħrajn jinvolvu ruħhom f’dan ix-​xogħol, huma jsibu li dan tassew iġibilhom serħan għal ruħhom. Illum, l-​istess xogħol qed jitwettaq minn Kristjani leali, u l-​fatt li jieħdu sehem fih iġibilhom l-​istess riżultati taʼ ferħ.

M’Huwiex Ribelluż

12. Ġesù b’liema mod juri l-​ubbidjenza tiegħu lejn Missieru tas-​sema?

12 Ġesù qatt ma jinsieh l-​iskop għala ġie fuq l-​art—biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. L-​atteġġjament tiegħu huwa mbassar: “Sidi l-​Mulej fetaħli widinti, u jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.” (Isaija 50:5) Ġesù dejjem jobdih lil Alla. Tabilħaqq, hu saħansitra jgħid: “L-​Iben ebda ħaġa ma jistaʼ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha.” (Ġwann 5:19) Qabel ma ġie fid-​dinja, Ġesù x’aktarx li ħadem maġenb Missieru għal miljuni, saħansitra biljuni, taʼ snin. Wara li jiġi fuq l-​art, hu jkompli jsegwi l-​istruzzjonijiet taʼ Jehovah. Kemm iktar għandna aħna, is-​segwaċi imperfetti taʼ Kristu, noqogħdu attenti li nagħmlu dak li jgħidilna Jehovah!

13. X’hemm lest għal Ġesù, u madankollu kif juri li hu kuraġġuż?

13 Xi wħud minn dawk li jiċħdu lill-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah jippersegwitawh, u dan ukoll huwa mbassar: “Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-​tagħjir u l-​bżieq.” (Isaija 50:6) Skond din il-​profezija, il-​Messija se jsofri l-​uġigħ u l-​umiljazzjoni minn idejn dawk li jopponuh. Ġesù jafu dan, u jaf ukoll safejn se tasal din il-​persekuzzjoni. Madankollu, hekk kif iż-​żmien tiegħu fuq l-​art ikun wasal biex jintemm, hu ma juri l-​ebda biżaʼ. B’determinazzjoni qawwija daqs l-​azzar hu jerħilha lejn Ġerusalemm, fejn se tintemm il-​ħajja tiegħu bħala bniedem. Hu u sejjer hemmhekk, Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​qassisin il-​kbar u l-​kittieba, li jaqtgħuhielu għall-​mewt u jerħuh f’idejn il-​pagani, dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-​swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-​mewt.” (Mark 10:33, 34) Dan it-​trattament ħażin u mill-​agħar kollu huwa mqanqal minn bnedmin li jmisshom jafu aħjar—il-​qassisin il-​kbar u l-​kittieba.

14, 15. Kif jitwettaq kliem Isaija li Ġesù kellu jiġi msawwat u umiljat?

14 Fil-​lejl taʼ l-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., Ġesù jinsab fil-​ġnien tal-​Ġetsemani maʼ ftit mis-​segwaċi tiegħu. Qiegħed jitlob. Ħabta u sabta, titfaċċa ġemgħa kbira taʼ nies u jiġi arrestat. Imma ma jibżax, għax jaf li Jehovah qiegħed miegħu. Ġesù jassigura lill-​appostli mwerwrin illi kieku jrid, jistaʼ jitlob lil Missieru biex jibgħat iktar minn tnax-il leġjun t’anġli biex jeħilsuh, imma jżid: “Iżda mbagħad kif isseħħ l-​iskrittura?”—Mattew 26:36, 47, 53, 54.

15 Kulma tbassar dwar it-​tiġrib u l-​mewt tal-​Messija jseħħ. Wara li jiġi akkużat u kundannat b’mod qarrieq mis-​Sinedriju, Ġesù jiġi interrogat minn Ponzju Pilatu. Dan jordna li jissawwat bil-​frosta. Is-​suldati Rumani ‘jaqbdu jagħtuh b’qasba fuq rasu u jobżqulu fuqu.’ B’hekk, jitwettaq kliem Isaija. (Mark 14:65; 15:19; Mattew 26:67, 68) Għalkemm il-​Bibbja ma ssemmix li ftit mix-​xagħar tad-​daqna taʼ Ġesù jiġi mnittef letteralment—ġest li juri stmerrija għall-​aħħar—bla dubju dan iseħħ, sewwa sew bħalma bassar Isaija. cNeħemija 13:25.

16. Ġesù kif iġib ruħu waqt li jkun taħt pressjoni qawwija, u għala m’għandux mniex jistħi?

16 Meta jidher quddiem Pilatu, Ġesù ma jitlobx li ħajtu tiġi meħlusa imma juri dinjità u jibqaʼ kalm, billi jaf li jrid imut sabiex titwettaq l-​Iskrittura. Meta l-​gvernatur Ruman jindika li għandu l-​poter li jikkundannah għall-​mewt jew li jeħilsu, Ġesù jwieġbu bla biżaʼ: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq.” (Ġwann 19:11) Is-​suldati taʼ Pilatu jittrattaw lil Ġesù bi ħruxija kbira, imma ma jirnexxilhomx iġagħluh jistħi. Għalfejn għandu jistħi? M’huwiex qed jiġi kastigat b’mod ġust minħabba xi nuqqas. Minflok, qed jiġi persegwitat minħabba t-​tjieba. F’dan ir-​rigward, qed jitwettaq dak li jkompli jgħid Isaija: “Sidi l-​Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-​żnied: jien naf li ma jkollix mniex nistħi.”—Isaija 50:7.

17. Jehovah b’liema mod kien maʼ Ġesù matul il-​ministeru kollu tiegħu?

17 Il-​kuraġġ taʼ Ġesù għandu l-​għeruq tiegħu fil-​fiduċja sħiħa li għandu f’Jehovah. Il-​mod kif iġib ruħu juri li hu jaqbel eżatt maʼ kliem Isaija: “Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-​qrib. Min se jeħodha miegħi? Ħa noqogħdu għall-​ħaqq flimkien! Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja! Ara, Sidi l-​Mulej jgħinni: min se jagħtini t-​tort? Arahom ilkoll kemm huma jitmermru bħal libsa, u tikolhom il-​kamla.” (Isaija 50:8, 9) Dak in-​nhar li jitgħammed Ġesù, Jehovah jiddikjarah bħala iben spiritwali tiegħu li jimxi fit-​tjieba. Fil-​fatt, f’din l-​okkażjoni jinstemaʼ l-​leħen t’Alla stess, li jgħid: “Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.” (Mattew 3:17) Qrib it-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art, waqt li Ġesù jinsab għarkobbtejh jitlob fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, ‘jidhirlu anġlu mis-​sema biex jagħmillu l-​qalb.’ (Luqa 22:41-43) Għalhekk, Ġesù jaf li Missieru kuntent bih. Dan l-​Iben perfett t’Alla m’għamel ebda dnub. (1 Pietru 2:22) L-​għedewwa tiegħu jakkużawh b’mod falz li jikser is-​Sabat, li hu sakranazz, u li għandu demonju, imma Ġesù ma jiġix diżonorat bil-​gideb tagħhom. Alla qiegħed miegħu, u għalhekk min jistaʼ jkun kontra tiegħu?—Luqa 7:34; Ġwann 5:18; 7:20; Rumani 8:31; Lhud 12:3.

18, 19. Il-​Kristjani midlukin għaddew minn liema esperjenzi li huma simili għal dawk li għadda minnhom Ġesù?

18 Ġesù jwissi lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwann 15:20) Il-​ġrajjiet li jseħħu malajr juru li dan hu minnu. Nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​ispirtu qaddis jinżel fuq id-​dixxipli leali taʼ Ġesù, u b’hekk titwieled il-​kongregazzjoni Kristjana. Kważi immedjatament, il-​mexxejja reliġjużi jipprovaw joħonqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ dawn l-​irġiel u n-​nisa leali li issa huma assoċjati maʼ Ġesù bħala parti minn “nisel Abraham” u adottati bħala wlied spiritwali t’Alla. (Galatin 3:26, 29; 4:5, 6) Mill-​ewwel seklu sa llum, il-​Kristjani midlukin, waqt li jieħdu waqfa soda favur it-​tjieba, kellhom jissieltu maʼ propaganda giddieba u persekuzzjoni ħarxa mill-​għedewwa taʼ Ġesù.

19 Xorta waħda, huma jiftakru l-​kliem taʼ Ġesù li jqawwilhom qalbhom: “Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-​smewwiet.” (Mattew 5:11, 12) Għaldaqstant, saħansitra meta jiġu attakkati bl-​iktar mod aħrax, il-​Kristjani midlukin iżommu rashom ’il fuq. Jgħidu x’jgħidu dawk taʼ kontrihom, huma jafu li ġew approvati minn Alla. Fil-​ħarsa tiegħu huma “safja u bla għajb.”—Kolossin 1:21, 22.

20. (a) Min huma dawk li jappoġġaw lill-​Kristjani midlukin, u x’esperjenzaw? (b) Il-​Kristjani midlukin u n-​“nagħaġ oħra” kif jiksbu l-​ilsien taʼ dawk mgħallmin?

20 Illum il-​Kristjani midlukin għandhom l-​appoġġ taʼ “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.” Dawn ukoll jieħdu l-​waqfa tagħhom favur it-​tjieba. Għaldaqstant, huma sofrew flimkien maʼ ħuthom il-​midlukin u “l-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.” Jehovah approvahom bl-​għan li jħallihom ħajjin fit-​tribulazzjoni l-​kbira. (Apokalissi 7:9, 14, 15; Ġwann 10:16; Ġakbu 2:23) Anki jekk dawk li jopponuhom jidhru li huma b’saħħithom bħalissa, il-​profezija taʼ Isaija tgħid li fiż-​żmien stabbilit minn Alla, dawn li jopponu se jispiċċaw bħal libsa mikula mill-​kamla, tajba biss biex tintrema. Sadanittant, kemm il-​Kristjani midlukin kif ukoll in-​“nagħaġ oħra” jibqgħu b’saħħithom billi jitolbu regolarment, jistudjaw il-​Kelma t’Alla, u jattendu għal-​laqgħat biex iqimu lil Alla. B’hekk, jiġu mgħallmin minn Jehovah u jitgħallmu jitkellmu bl-​ilsien taʼ dawk mgħallmin.

Afda f’Isem Jehovah

21. (a) Min huma dawk li jimxu fid-​dawl, u x’riżultat hemm għalihom? (b) X’jiġrilhom dawk li jimxu fid-​dlam?

21 Issa innota dan il-​kuntrast impressjonanti: “Min minnkom jibżaʼ mill-​Mulej, ħa jismaʼ l-​kelma tal-​qaddej tiegħu. Min jimxi fid-​dlam b’ebda dawl fih, ħa jittama fil-​Mulej, u jistrieħ fuq Alla tiegħu.” (Isaija 50:10) Dawk li jagħtu widen għal leħen il-​Qaddej t’Alla, Ġesù Kristu, jimxu fid-​dawl. (Ġwann 3:21) Dawn mhux biss jużaw l-​isem divin, Jehovah, imma wkoll ipoġġu l-​fiduċja tagħhom f’dak li jġorr dan l-​isem. Anki jekk darba kienu jimxu fid-​dlam, issa ma jibżgħux mill-​bniedem. Huma jistrieħu fuq Alla. Madankollu, dawk li jridu jibqgħu jimxu fid-​dlam huma maħkumin mill-​biżaʼ mill-​bniedem. Hekk jiġrilu Ponzju Pilatu. Għalkemm jaf li Ġesù hu innoċenti mill-​akkużi foloz li nġiebu kontrih, il-​biżaʼ jżomm lil dan l-​uffiċjal Ruman milli jeħles lil Ġesù. Is-​suldati Rumani joqtlu lill-​Iben t’Alla, imma Jehovah jirxoxtah u jinkurunah bi glorja u unur. Xi ngħidu għal Pilatu? Skond Ġużeppi Flavju, kittieb Lhudi taʼ l-​istorja, erbaʼ snin biss wara l-​mewt taʼ Ġesù, Pilatu tneħħa minn postu bħala gvernatur Ruman u ġie ordnat imur lura lejn Ruma biex iwieġeb akkużi taʼ nuqqasijiet serji. Xi ngħidu għal-​Lhud li kkaġunaw il-​mewt taʼ Ġesù? Inqas minn erbgħin sena wara, l-​eżerċti taʼ Ruma qerdu lil Ġerusalemm, u lill-​abitanti tagħha qatluhom jew ħaduhom ilsiera. M’hemm ebda dawl jiddi għal dawk li jippreferu d-​dlam!—Ġwann 3:19.

22. Għala hu l-​akbar bluha li tittama fil-​bnedmin biex isalvawk?

22 Li tittama fil-​bnedmin biex isalvawk hu l-​akbar bluha. Il-​profezija taʼ Isaija tispjega għala: “Araw, intom ilkoll tkebbsu n-​nar, u tqabbdu l-​vleġeġ mixgħula. Imxu mela, fid-​dawl taʼ narkom, qalb il-​vleġeġ li qabbadtu. Dan jiġrilkom minn idejja: fl-​uġigħ għad timteddu.” (Isaija 50:11) Il-​mexxejja umani jiġu u jmorru. Individwu b’qawwa li jiġbed lin-​nies għal warajh għandu mnejn jinfluwenzahom għal ftit żmien. Imma saħansitra l-​iktar bniedem sinċier huwa limitat f’dak li jistaʼ jwettaq. Minflok ma jkebbes nar iħeġġeġ, bħalma jistennew dawk li jappoġġawh, forsi jirnexxilu jqabbad biss ftit “vleġeġ,” jew xrar li jagħtu ftit dawl u sħana imma li jintfew malajr. Mill-​banda l-​oħra, dawk li jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’Silo, il-​Messija mwiegħed minn Alla, qatt ma se jiġu diżappuntati.

[Noti taʼ taħt]

a Fl-​ewwel tliet versi taʼ Isaija kapitlu 50, Jehovah jiddeskrivi l-​art taʼ Ġuda kollettivament bħala martu u l-​abitanti individwali tagħha bħala wliedha.

b Mir-​rabaʼ vers sat-​tmiem tal-​kapitlu, il-​kittieb jidher li qed jitkellem dwaru nnifsu. Għandu mnejn li Isaija ġarrab ftit mill-​provi li hu jsemmi f’dawn il-​versi. Madankollu, fis-​sens l-​iktar sħiħ, il-​profezija titwettaq f’Ġesù Kristu.

c Huwa interessanti li fis-​Settanta, Isaija 50:6 jinqara hekk: “Jien tajt dahri għall-​flaġelli, u ħaddejja għad-​daqqiet.”

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 155]

Il-​Lhud jittamaw f’ħakkiema umani minflok ma jittamaw f’Jehovah

[Stampa f’paġna 156, 157]

Ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar Jehovah pproteġa lin-​nies tiegħu billi poġġa kolonna tas-​sħab bejnhom u l-​Eġizzjani