Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Profeta t’Alla Jġib Dawl għall-Bnedmin

Profeta t’Alla Jġib Dawl għall-Bnedmin

Kapitlu Wieħed

Profeta t’Alla Jġib Dawl għall-​Bnedmin

1, 2. Liema ċirkustanzi fi żmienna jikkaġunaw ansjetà kbira għal ħafna nies?

 AĦNA ngħixu fi żmien meta l-​bniedem jistaʼ jagħmel kważi kulma jistaʼ jimmaġina. Il-​vjaġġi fl-​ispazju, it-​teknoloġija tal-​kompjuter, l-​inġinerija ġenetika, u żviluppi xjentifiċi oħrajn fetħu orizzonti ġodda għar-​razza umana u ġabu t-​tama taʼ ħajja aħjar—forsi saħansitra ħajja itwal.

2 Għenuk dawn l-​avvanzi biex ma tibqax issakkar il-​bieb taʼ barra minħabba l-​ħallelin? Eliminawh it-​theddid tal-​gwerer? Fejquh il-​mard jew neħħewh in-​niket li jiġi meta jmutlek xi ħadd maħbub? Ma tantx! Jidher kemm jidher li hu taʼ l-​għaġeb, il-​progress uman huwa limitat. Rapport mill-​Worldwatch Institute jispjega li aħna skoprejna kif nivvjaġġaw lejn il-​qamar, noħolqu kompjuters iktar sofistikati, u nagħmlu trapjanti fil-​ġisem uman. “Imma għad m’għandniex il-​ħila nipprovdu ilma tajjeb lil xi biljun ruħ, innaqqsu l-​qerda t’eluf taʼ speċi, jew nissodisfaw il-​ħtiġijiet għall-​enerġija mingħajr ma niżbilanċjaw l-​atmosfera.” Wieħed jistaʼ jifhem għala ħafna jħarsu b’ansjetà lejn il-​futur u m’humiex ċerti lejn min iridu jduru biex jiksbu faraġ u tama.

3. Liema sitwazzjoni eżistiet f’Ġuda matul it-​tmien seklu Q.E.K.?

3 Is-​sitwazzjoni li għandna quddiemna llum hija simili għal dik tan-​nies t’Alla matul it-​tmien seklu Q.E.K. F’dak iż-​żmien, Alla inkariga lill-​qaddej tiegħu Isaija biex iġib messaġġ taʼ faraġ lill-​abitanti taʼ Ġuda, u dan il-​faraġ kien preċiż dak li kellhom bżonn. Il-​ġens kien mheżżeż minn ġrajjiet taʼ taqlib kbir. Dalwaqt l-​Imperu Assirjan kiefer kien se jhedded il-​pajjiż u jkexkex lil ħafna nies. In-​nies t’Alla lejn min setgħu jduru biex isalvaw? Bil-​kliem kienu jgħidu li Jehovah kien Alla tagħhom, imma bil-​fatti ppreferew ipoġġu l-​fiduċja tagħhom fil-​bnedmin.—2 Slaten 16:7; 18:21.

Dawl Jiddi fid-​Dlam

4. Isaija liema messaġġ doppju kien inkarigat ixandar?

4 Minħabba li Ġuda rribellat, Ġerusalemm kellha tinqered, u l-​abitanti taʼ Ġuda kellhom jittieħdu lsiera f’Babilonja. Iva, kien ġej żmien ikrah. Jehovah inkariga lill-​profeta tiegħu Isaija biex ibassar dan il-​perijodu diżastruż, imma qallu wkoll biex ixandar aħbar tajba. Wara 70 sena t’eżilju, il-​Lhud kienu se jinħelsu mill-​jasar taʼ Babilonja! Fdal ferrieħi kellu jmur lura lejn Sijon u jkollu l-​privileġġ li jwaqqaf mill-​ġdid il-​qima vera hemmhekk. B’dan il-​messaġġ hieni, Jehovah, permezz tal-​profeta tiegħu, ikkaġuna li dawl jiddi fid-​dlam.

5. Jehovah għala rrivelahom daqshekk minn qabel l-​iskopijiet tiegħu?

5 Ġuda saret ħerba meta kien għadda iktar minn seklu wara li Isaija kiteb il-​profeziji tiegħu. Allura, Jehovah għala rrivelahom daqshekk minn qabel l-​iskopijiet tiegħu? Meta wasal iż-​żmien biex jitwettqu l-​profeziji, ma kinux se jkunu ilhom mejtin dawk li kienu semgħu b’widnejhom il-​proklamazzjonijiet taʼ Isaija? Dan huwa veru. Iżda, grazzi għar-​rivelazzjonijiet li Jehovah ta lil Isaija, dawk li kienu ħajjin fi żmien il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. kien se jkollhom bil-​miktub il-​messaġġi profetiċi taʼ Isaija. Dan kien se jagħti prova li ħadd ma setaʼ jiċħad li Jehovah ‘sa mill-​bidu jgħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.’—Isaija 46:10; 55:10, 11.

6. Liema huma xi modi li bihom Jehovah hu superjuri għall-​bassara umani kollha?

6 Jehovah biss jistaʼ bi dritt jgħid dan il-​kliem. Bniedem jistaʼ jkun kapaċi jbassar il-​futur qarib billi jibbaża fuq il-​fehma tiegħu dwar is-​sitwazzjoni politika jew soċjali tal-​ġurnata. Imma Jehovah biss jistaʼ jara minn qabel b’ċertezza assoluta dak li se jseħħ fi kwalunkwe żmien, saħansitra fil-​futur imbiegħed. Hu jistaʼ wkoll jagħti l-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu biex ibassru ġrajjiet ferm qabel ma jseħħu. Il-​Bibbja tgħid: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-​Mulej, jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.”—Għamos 3:7.

Kemm-il “Isaija” Hemm?

7. Ħafna studjużi kif joħolqu dubju dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija, u għala?

7 Il-​kwistjoni tal-​profezija hija raġuni waħda għala ħafna studjużi joħolqu dubju dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija. Dawn il-​kritiċi jinsistu li t-​tieni nofs tal-​ktieb bilfors li nkiteb minn xi ħadd li kien jgħix fis-​sitt seklu Q.E.K., matul jew wara l-​eżilju f’Babilonja. Skond dawn, il-​profeziji dwar il-​ħerba taʼ Ġuda nkitbu wara li twettqu, u għaldaqstant ma kinux tassew tbassiriet. Dawn il-​kritiċi jinnotaw ukoll li wara kapitlu 40, il-​ktieb taʼ Isaija jitkellem bħallikieku Babilonja kienet il-​qawwa dominanti u l-​Iżraelin kienu fil-​jasar hemmhekk. Għalhekk, huma jirraġunaw li min kiteb it-​tieni nofs taʼ Isaija bilfors li kitbu matul dan il-​perijodu—is-​sitt seklu Q.E.K. Hemm xi bażi soda għal dan ir-​raġunar? Assolutament le!

8. Meta beda jinħoloq dubju dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija, u dan kif infirex?

8 Kien fit-​12-il seklu E.K. li beda jinħoloq dubju dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija. Dan sar mill-​kummentatur Lhudi Abraham Ibn Ezra. L-​Encyclopaedia Judaica tgħid: “Fil-​kummentarju tiegħu fuq Isaija, [Abraham Ibn Ezra] jistqarr li t-​tieni nofs, minn kapitlu 40, kien ix-​xogħol taʼ profeta li għex matul l-​Eżilju f’Babilonja u l-​perijodu bikri tar-​Ritorn Lejn Sijon.” Matul is-​sekli 18 u 19 l-​ideat taʼ Ibn Ezra ġew adottati minn għadd taʼ studjużi. Fost dawn kien hemm Johann Christoph Doederlein, teologu Ġermaniż li ppubblika xogħol li kien fih spjegazzjoni fuq Isaija fl-​1775, u t-​tieni edizzjoni fl-​1789. In-​New Century Bible Commentary jinnota dan: “Ħlief l-​istudjużi l-​iktar konservattivi, kulħadd issa sar jaċċetta l-​argument preżentat minn Doederlein . . . li l-​profeziji li hemm f’kapitli 40-66 tal-​ktieb taʼ Isaija ma ġewx mingħand il-​profeta Isaija tat-​tmien seklu imma ġejjin minn żmien iktar tard.”

9. (a) Liema tbiċċir tal-​ktieb taʼ Isaija seħħ? (b) Wieħed kummentatur tal-​Bibbja kif jiġbor fil-​qosor il-​kontroversja dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija?

9 Madankollu, il-​kontroversji dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija ma waqfux hawnhekk. It-​teorija dwar it-​tieni Isaija—jew Dewtero-Isaija—nisslet l-​idea li setaʼ kien involut it-​tielet kittieb. a Imbagħad il-​ktieb taʼ Isaija kompla jiġi mbiċċer, billi studjuż wieħed jgħid li kapitli 15 u 16 inkitbu minn profeta mhux magħruf, waqt li studjuż ieħor joħloq dubji dwar min kiteb kapitli 23 sa 27. Jerġaʼ studjuż ieħor jgħid li Isaija ma setax kiteb il-​kliem li nsibu f’kapitli 34 u 35. Għala? Għaliex il-​materjal jixbah ħafna lil dak li nsibu f’kapitli 40 sa 66, li diġà kien intqal dwarhom li nkitbu minn xi ħadd li m’huwiex Isaija tat-​tmien seklu! Il-​kummentatur Bibliku Charles C. Torrey jolqot il-​musmar fuq rasu meta jiġbor fil-​qosor ir-​riżultat taʼ dan ir-​raġunar. Hu jgħid li lil dak li darba kien ‘Profeta kbir taʼ l-​Eżilju’ għamluh insinifikanti u kważi minsi għalkollox minħabba l-​mod kif ħarbtu dan il-​ktieb. Madankollu, l-​istudjużi mhux kollha jaqblu maʼ dan it-​tbiċċir tal-​ktieb taʼ Isaija.

Evidenza li Hemm Kittieb Wieħed

10. Agħti eżempju wieħed taʼ kif il-​konsistenza f’dik li hi espressjoni tipprovdi evidenza taʼ kittieb wieħed għall-​ktieb taʼ Isaija.

10 Hemm raġuni soda għala nsostnu li l-​ktieb taʼ Isaija huwa x-​xogħol taʼ kittieb wieħed biss. Linja waħda taʼ evidenza għandha x’taqsam mal-​konsistenza f’dik li hi espressjoni. Per eżempju, il-​frażi “l-​Qaddis taʼ Iżrael” tinsab 12-il darba f’Isaija kapitli 1 sa 39 u 13-il darba f’Isaija kapitli 40 sa 66, u madankollu din id-​deskrizzjoni taʼ Jehovah tidher biss 6 darbiet fil-​bqija taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. L-​użu ripetut taʼ din l-​espressjoni li ma tantx tintuża f’kotba oħrajn tal-​Bibbja jargumenta favur kittieb wieħed għall-​ktieb taʼ Isaija.

11. Liema affarijiet simili jeżistu f’kapitli 1 sa 39 u kapitli 40 sa 66 taʼ Isaija?

11 Hemm affarijiet simili oħrajn bejn Isaija kapitli 1 sa 39 u kapitli 40 sa 66. Fiż-​żewġ porzjonijiet jintuża spiss l-​istess tixbih distintiv, bħalma huma l-​mara bl-​uġigħ tal-​ħlas u t-​“triq” jew “mogħdija.” b Hemm ukoll referenza ripetuta għal “Sijon,” kelma li tintuża 29 darba f’kapitli 1 sa 39 u 18-il darba f’kapitli 40 sa 66. Fil-​fatt, Sijon issir referenza għaliha f’Isaija iktar milli fi kwalunkwe ktieb ieħor tal-​Bibbja. The International Standard Bible Encyclopedia tinnota li dawn l-​evidenzi “jittimbraw il-​ktieb bħala uniku, u din ħaġa li jkun diffiċli li tispjegaha” kieku l-​ktieb inkiteb minn tnejn jew tlieta min-​nies, jew iktar.

12, 13. L-​Iskrittura Griega Kristjana kif tindika li l-​ktieb taʼ Isaija kien ix-​xogħol taʼ kittieb wieħed?

12 L-​aqwa evidenza li l-​ktieb taʼ Isaija kellu biss kittieb wieħed tinstab fl-​Iskrittura Griega Kristjana li hi ispirata. Din tindika b’mod ċar li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kienu jemmnu li l-​ktieb taʼ Isaija kien ix-​xogħol taʼ kittieb wieħed. Per eżempju, Luqa jitkellem dwar fizzjal Etjopjan li kien qed jaqra materjal li issa nsibuh f’Isaija kapitlu 53, l-​istess porzjon li l-​kritiċi taʼ żmienna jgħidu li nkiteb minn Dewtero-Isaija. Madankollu, Luqa jgħid li l-​Etjopjan kien “qiegħed jaqra l-​ktieb tal-​profeta Isaija.”—Atti 8:26-28.

13 Issa kkunsidra lil Mattew, wieħed mill-​kittieba taʼ l-​Evanġelju, li jispjega kif il-​ministeru taʼ Ġwanni l-​Għammied wettaq il-​kliem profetiku li llum insibuh f’Isaija 40:3. Mattew min jgħid li kitibha din il-​profezija? Xi Dewtero-Isaija mhux magħruf? Le, hu jidentifika l-​kittieb sempliċement bħala “l-​profeta Isaija.” c (Mattew 3:1-3) F’okkażjoni oħra, Ġesù qara minn romblu l-​kliem li llum insibuh f’Isaija 61:1, 2. Meta jirrakkonta dwar din il-​ġrajja, Luqa jgħid: “Tawh f’idejh il-​ktieb taʼ Isaija l-​profeta.” (Luqa 4:17) Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu jirreferi kemm għall-​bidu tal-​ktieb taʼ Isaija u kemm għat-​tmiem tiegħu, u madankollu qatt ma jindika li l-​kittieb ma kienx l-​istess wieħed, Isaija. (Rumani 10:16, 20; 15:12) Jidher ċar li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ma kinux jemmnu li l-​ktieb taʼ Isaija kien ix-​xogħol taʼ tnejn jew tlieta min-​nies, jew iktar.

14. Ir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet kif jixħtu dawl fuq il-​kwistjoni dwar min kiteb il-​ktieb taʼ Isaija?

14 Ikkunsidra wkoll l-​evidenza tar-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet, dokumenti antiki li ħafna minnhom kienu jeżistu minn qabel żmien Ġesù. Manuskritt wieħed taʼ Isaija, magħruf bħala r-​Romblu taʼ Isaija, ilu jeżisti mit-​tieni seklu Q.E.K., u dan igiddeb dak li jgħidu l-​kritiċi li xi Dewtero-Isaija ħa f’idejh il-​kitba f’kapitlu 40. Dan kif? F’dan id-​dokument antik, dak li llum nafuh bħala kapitlu 40 jibda fl-​aħħar linja taʼ kolonna u l-​ewwel sentenza tispiċċa fil-​kolonna li jmiss. Jidher ċar li min ikkopjah ma kienx konxju taʼ xi bidla fil-​kittieb jew diviżjoni fil-​ktieb f’dan il-​punt, kif qed jgħidu li hemm.

15. Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja Lhudi fl-​ewwel seklu, x’kiteb dwar il-​profeziji taʼ Isaija li jikkonċernaw lil Ċiru?

15 Fl-​aħħarnett, ikkunsidra l-​evidenza taʼ Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja Lhudi fl-​ewwel seklu. Hu ma jindikax biss li l-​profeziji fil-​ktieb taʼ Isaija li għandhom x’jaqsmu maʼ Ċiru nkitbu fit-​tmien seklu Q.E.K., imma jgħid ukoll li Ċiru kien konxju taʼ dawn il-​profeziji. Ġużeppi Flavju jikteb li “dawn l-​affarijiet Ċiru kien jafhom għax qara l-​ktieb tal-​profezija li Isaija kien ħalla warajh mitejn u għaxar snin qabel.” Skond Ġużeppi Flavju, l-​għarfien taʼ dawn il-​profeziji setaʼ wkoll ikkontribwixxa biex Ċiru jkun irid jibgħat lil-​Lhud lura lejn art twelidhom, għax Ġużeppi Flavju jikteb li Ċiru kien “maħkum minn xewqa kbira u ambizzjoni li jagħmel dak li kien inkiteb.”—Jewish Antiquities, il-​ħdax-il Ktieb, kapitlu 1, paragrafu 2.

16. X’jistaʼ jingħad dwar dak li jgħidu l-​kritiċi li Babilonja hija deskritta fit-​tieni nofs tal-​ktieb taʼ Isaija bħala l-​qawwa li qed tiddomina?

16 Bħalma ssemma qabel, ħafna kritiċi jindikaw li minn Isaija kapitlu 40 ’il quddiem, Babilonja hija deskritta bħala l-​qawwa li qed tiddomina, u l-​Iżraelin jissemmew bħallikieku diġà qegħdin fl-​eżilju. Ma jindikax dan li l-​kittieb għex matul is-​sitt seklu Q.E.K.? Mhux bilfors. Il-​fatt hu li anki qabel kapitlu 40 taʼ Isaija, Babilonja kultant tiġi deskritta bħala l-​qawwa dinjija li qed tiddomina. Per eżempju, f’Isaija 13:19, Babilonja tissejjaħ “il-​ġawhra taʼ l-​imperi” jew, bħalma tittraduċiha t-​Today’s English Version, “l-​isbaħ saltna minnhom kollha.” Jidher ċar li dan il-​kliem huwa profetiku, ladarba kellu jgħaddi iktar minn seklu qabel ma Babilonja ssir qawwa dinjija. Kritiku wieħed “isolvi” din l-​hekk imsejħa problema billi sempliċement isostni li kapitlu 13 taʼ Isaija huwa x-​xogħol taʼ kittieb ieħor! Iżda huwa fatt li fil-​profezija tal-​Bibbja kemm-il darba jissemmew ġrajjiet futuri bħallikieku jkunu diġà seħħew. Din it-​teknika tal-​kitba tenfasizza b’mod effettiv iċ-​ċertezza tat-​twettiq taʼ xi profezija. (Apokalissi 21:5, 6) Tabilħaqq, huwa biss dak Alla tal-​profezija vera li jistaʼ jagħmel din l-​istqarrija: “Jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda, u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu.”—Isaija 42:9.

Ktieb taʼ Profezija taʼ Min Joqgħod Fuqha

17. Kif tistaʼ tiġi spjegata l-​bidla fl-​istil minn Isaija kapitlu 40 ’il quddiem?

17 Allura, l-​evidenza lejn liema konklużjoni tipponta? Li l-​ktieb taʼ Isaija huwa x-​xogħol taʼ kittieb ispirat wieħed. Dan il-​ktieb kollu kemm hu wasal għandna matul is-​sekli bħala xogħol wieħed, mhux bħala tnejn jew iktar. Huwa minnu li xi wħud jistgħu jgħidu li l-​istil tal-​ktieb taʼ Isaija jinbidel xi ftit minn kapitlu 40 ’il quddiem. Iżda, ftakar li Isaija qeda bħala l-​profeta t’Alla għal xejn inqas minn 46 sena. Wieħed jistenna li matul dan iz-​żmien il-​kontenut tal-​messaġġ tiegħu, flimkien mal-​mod kif hu jesprimih, x’aktarx li jinbidel. Tabilħaqq, l-​inkarigu li Alla ta lil Isaija ma kienx biss biex jagħti twissijiet ħorox taʼ ġudizzju. Kellu wkoll iwassal il-​kliem taʼ Jehovah: “Farrġu, farrġu l-​poplu tiegħi.” (Isaija 40:1) Il-​poplu f’patt m’Alla verament li kien se jitfarraġ bil-​wegħda li għamillu li, wara 70 sena t’eżilju, il-​Lhud kienu se jitħallew imorru lura lejn art twelidhom.

18. Liema hi t-​tema fil-​ktieb taʼ Isaija li se tiġi diskussa f’din il-​pubblikazzjoni?

18 Il-​ħelsien tal-​Lhud mill-​jasar f’Babilonja huwa t-​tema taʼ ħafna mill-​kapitli taʼ Isaija diskussi f’dan il-​ktieb. d Għadd mhux ħażin minn dawn il-​profeziji se jitwettqu wkoll fi żmienna, bħalma se naraw. Iżjed minn hekk, fil-​ktieb taʼ Isaija nsibu profeziji kommoventi li twettqu fil-​ħajja u l-​mewt taʼ l-​Iben uniġenitu t’Alla. Ċertament, studju tal-​profeziji vitali li hemm fil-​ktieb taʼ Isaija se jkun taʼ benefiċċju għall-​qaddejja t’Alla u għal oħrajn madwar id-​dinja. Tabilħaqq, dawn il-​profeziji huma dawl għall-​bnedmin kollha.

[Noti taʼ taħt]

a Dak li l-​istudjużi jqisuh bħala t-​tielet kittieb taʼ kapitli 56 sa 66 huwa magħruf bħala Trito-Isaija.

c Fir-rakkonti taʼ pariġġhom, Mark, Luqa, u Ġwanni jużaw l-​istess frażi.—Mark 1:2; Luqa 3:4; Ġwann 1:23.

d L-ewwel 40 kapitlu taʼ Isaija huma diskussi fil-​ktieb Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha I, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 9]

Evidenza minn Analisi Lingwistika

L-​istudji lingwistiċi, li jfittxu bidliet żgħar li jseħħu fil-​lingwa matul ħafna snin, jipprovdu iktar evidenza li l-​ktieb taʼ Isaija huwa x-​xogħol taʼ kittieb wieħed. Jekk parti minn Isaija nkitbet fit-​tmien seklu Q.E.K. u parti oħra 200 sena wara, għandu jkun hemm differenza fit-​tip taʼ Ebrajk użat f’kull sezzjoni. Imma skond studju pubblikat fil-​Westminster Theological Journal, “l-​evidenza minn analisi lingwistika tappoġġa bil-​kbir data qabel l-​eżilju għal Isaija 40-66.” Dak li kiteb dan l-​istudju jikkonkludi: “Jekk l-​istudjużi li jikkritikaw ikomplu jinsistu li l-​ktieb taʼ Isaija nkiteb matul l-​eżilju jew warajh, se jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ evidenza kuntrarja provduta minn analisi lingwistika.”

[Stampa f’paġna 11]

Parti mir-​Romblu taʼ Isaija, wieħed mir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet. It-​tmiem taʼ kapitlu 39 huwa indikat bi vleġġa

[Stampi f’paġna 12, 13]

Xi 200 sena minn qabel, Isaija jbassar ħelsien għal-​Lhud