Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Talba taʼ Ndiema

Talba taʼ Ndiema

Kapitlu Ħamsa u Għoxrin

Talba taʼ Ndiema

Isaija 63:15–64:11 [63:15–64:12, NW]

1, 2. (a) X’inhu l-​iskop tad-​dixxiplina divina? (b) Il-​Lhud liema għażla se jkollhom quddiemhom wara li jirċievu d-​dixxiplina taʼ Jehovah?

 IL-​QERDA taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha fis-​sena 607 Q.E.K. kienet dixxiplina mingħand Jehovah, espressjoni tad-​diżapprovazzjoni estrema tiegħu. Il-​ġens diżubbidjenti taʼ Ġuda kien jistħoqqlu dan il-​kastig aħrax. Madankollu, Jehovah ma kellux f’moħħu li l-​Lhud jinqerdu għalkollox. L-​appostlu Pawlu rrefera għall-​iskop tad-​dixxiplina taʼ Jehovah meta qal: “Tassew li bħalissa kull [“dixxiplina,” NW] ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-​frott taʼ ħajja mimlija bis-​sliem u l-​ġustizzja.”—Lhud 12:11.

2 Il-​Lhud kif se jirreaġixxu għal din l-​esperjenza iebsa? Se jobogħduha d-​dixxiplina taʼ Jehovah? (Salm 50:16, 17) Jew se jaċċettawha bħala taħriġ? Se jindmu huma u jitfejqu? (Isaija 57:18; Eżekjel 18:23) Il-​profezija taʼ Isaija tissuġġerixxi li għall-​inqas ftit minn dawk li qabel kienu jgħixu f’Ġuda se jwieġbu sew għad-​dixxiplina. Mill-​aħħar versi taʼ kapitlu 63 u jkompli f’kapitlu 64, il-​ġens taʼ Ġuda jiġi rappreżentat bħala poplu sogħbien li jersaq lejn Jehovah bi tħannin mill-​qalb. Il-​profeta Isaija jlissen talba taʼ ndiema għan-​nom tan-​nies taʼ pajjiżu meta fil-​futur ikunu fl-​eżilju. Waqt li jagħmel dan, hu jitkellem dwar ġrajjiet li ġejjin bħallikieku kienu qegħdin iseħħu dak il-​ħin stess.

Missier li Jagħder

3. (a) It-​talba profetika taʼ Isaija kif tgħolli u tfaħħar lil Jehovah? (b) It-​talba taʼ Danjel kif turi li t-​talba profetika taʼ Isaija tirrappreżenta l-​ħsibijiet tal-​Lhud li nidmu f’Babilonja? (Ara l-​kaxxa f’paġna 362.)

3 Isaija jitlob lil Jehovah: “Ħares mis-​sema u ara, ħares mill-​għamara mqaddsa u glorjuża tiegħek.” Il-​profeta qed jitkellem dwar is-​smewwiet spiritwali, fejn jgħammru Jehovah u l-​ħlejjaq spirti tiegħu li ma jidhrux. Waqt li jesprimi l-​ħsibijiet tal-​Lhud fl-​eżilju, Isaija jkompli: “Fejn hi l-​ħeġġa u l-​qawwa tiegħek? Fejn hi l-​ħerqa u l-​ħniena taʼ qalbek? Tonqosx mill-​ħniena tiegħek għalina.” (Isaija 63:15) Jehovah żamm lura l-​qawwa tiegħu u kkontrolla s-​sentimenti profondi tiegħu—‘il-​ħerqa u l-​ħniena taʼ qalbu’—lejn il-​poplu tiegħu. Madankollu, Jehovah hu ‘Missier’ il-​ġens Lhudi. Abraham u Iżrael (Ġakobb) kienu l-​missirijiet tal-​qedem u naturali tagħhom, imma kieku dawn kellhom jerġgħu jingħataw il-​ħajja, għandhom mnejn iħossu li għandhom jiċħdu lin-​nisel apostat tagħhom. Jehovah għandu mogħdrija akbar. (Salm 27:10) Isaija jgħid bi gratitudni: “Int, Mulej, missierna, ismek il-​Feddej tagħna sa minn dejjem.”—Isaija 63:16.

4, 5. (a) Jehovah f’liema sens iġiegħel lin-​nies tiegħu jwarrbu minn triqatu? (b) Jehovah x’tip taʼ qima jrid?

4 Isaija jkompli b’espressjoni mill-​qalb: “Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek, u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek? Erġaʼ lura, minħabba l-​qaddejja tiegħek, it-​tribujiet li huma wirtek.” (Isaija 63:17) Iva, Isaija jitlob li Jehovah jerġaʼ jdawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​qaddejja tiegħu. Iżda Jehovah f’liema sens iġiegħel lil-​Lhud iwarrbu minn triqatu? Hu Jehovah responsabbli għall-​ebusija taʼ qlubhom li twassalhom biex ma jibżgħux minnu? Le, imma jippermettiha, u fid-​disprament tagħhom il-​Lhud jilmentaw li Jehovah tahom din il-​libertà. (Eżodu 4:21; Neħemija 9:16) Huma jixtiequ li kieku Jehovah ndaħal biex ma jħallihomx jagħmlu l-​ħażen.

5 M’għandniex xi ngħidu, Alla ma jittrattax hekk mal-​bnedmin. Aħna għandna l-​libertà taʼ l-​għażla, u Jehovah jħallina niddeċiedu għalina nfusna jekk nobduhx jew le. (Dewteronomju 30:15-19) Jehovah jrid qima li tiġi minn qlub u mħuħ imqanqlin minn imħabba ġenwina. Għaldaqstant, lil-​Lhud ħalliehom jeżerċitaw il-​libertà taʼ l-​għażla tagħhom, avolja dan ippermettielhom li jirribellaw kontrih. Huwa b’dan il-​mod li hu webbes lil qlubhom.—2 Kronaki 36:14-21.

6, 7. (a) X’jirriżulta mill-​fatt li l-​Lhud jitilqu t-​triqat taʼ Jehovah? (b) Liema xewqa fiergħa tiġi espressa, imma l-​Lhud x’m’għandhomx id-​dritt jistennew?

6 X’inhu r-​riżultat? Isaija jgħid b’mod profetiku: [“Il-​poplu tal-​qdusija tiegħek kellu s-​santwarju għal ftit,” “KŻ”]. Għaliex rifsu l-​ħżiena fis-​santwarju tiegħek, u l-​għedewwa tagħna middu riġlejhom fit-​tempju tiegħek? Sirna bħall-​ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom, u lanqas ismek ma jissejjaħ fuqhom.” (Isaija 63:18, 19a [63:18, 19, “NW”]) Għal ftit, in-​nies taʼ Jehovah kellhom il-​pussess tas-​santwarju tiegħu. Imbagħad Jehovah ppermetta li dan jinqered u l-​ġens Tiegħu jittieħed fl-​eżilju. Meta ġara dan, kien bħallikieku ma kienx hemm patt bejnu u n-​nisel t’Abraham u bħallikieku ismu ma kienx issejjaħ fuqhom. Issa li kienu lsiera f’Babilonja, il-​Lhud jgħajtu ddisprati: “M’hux li kont iċċarrat is-​smewwiet u tinżel minn hemm, u jitheżhżu l-​muntanji quddiemek! Bħalma n-​nar iqabbad il-​ħatab, bħalma n-​nar jgħalli l-​ilma; hekk tgħarraf ismek lill-​għedewwa tiegħek, u l-​ġnus jitriegħdu quddiemek.” (Isaija 63:19b–64:1 [Is 64:1, 2, “NW”]) Jehovah tabilħaqq li għandu l-​qawwa biex isalvahom. Hu ċertament li setaʼ niżel u ġġieled għan-​nies tiegħu, billi jċarrat is-​sistemi governattivi li qishom smewwiet u jfarrak l-​imperi li qishom muntanji. Jehovah setaʼ għarraf ismu billi juri ż-​żelu jaħraq tiegħu għan-​nom tal-​poplu tiegħu.

7 Jehovah kien għamel affarijiet bħal dawn fl-​imgħoddi. Isaija jirrakkonta: “Meta int għamilt ħwejjeġ tal-​biżaʼ, li aħna ma konniex nistennewhom, int inżilt, u l-​muntanji triegħdu quddiem il-​preżenza tiegħek.” (Isaija 64:3, “KŻ”) Dawn l-​atti kbar urew il-​qawwa u d-​Divinità taʼ Jehovah. Madankollu, il-​Lhud infidili taʼ żmien Isaija m’għandhom ebda dritt jistennew li Jehovah jaġixxi b’dan il-​mod għall-​benefiċċju tagħhom.

Jehovah Biss Jistaʼ Jsalvahom

8. (a) Liema hu mod wieħed kif Jehovah hu differenti mill-​allat foloz tal-​ġnus? (b) Jehovah għala ma jaġixxix biex isalva lin-​nies tiegħu għalkemm hu kapaċi jagħmel dan? (ċ) Pawlu kif jikkwota u japplika Isaija 64:2b, 3 [64:4, NW]? (Ara l-​kaxxa f’paġna 366.)

8 L-​allat foloz ma jwettqux atti setgħana taʼ salvazzjoni għall-​adoraturi tagħhom. Jikteb Isaija: “Sa mill-​qedem qatt ma smajna bihom! Widna qatt ma semgħet, għajn qatt ma rat Alla bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih. Int tilqaʼ lil min jagħmel is-​sewwa bil-​ferħ, lil dawk li jiftakru fi triqatek.” (Isaija 64:2b-4a [64:4, 5a, “NW”]) Jehovah biss “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Hu jaġixxi biex jipproteġi lil dawk li jagħmlu s-​sewwa u lil dawk li jiftakruh. (Isaija 30:18) Aġixxew il-​Lhud b’dan il-​mod? Le. Isaija jgħid lil Jehovah: “Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna. Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.” (Isaija 64:4b [64:5b, “NW”]) Peress li n-​nies t’Alla għandhom storja twila dwar kif dinbu kontinwament, m’hemm ebda raġuni għala Jehovah għandu jżomm lura għadbu u jaġixxi biex isalvahom.

9. Il-​Lhud li jindmu għalxiex jistgħu jittamaw, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

9 Il-​Lhud ma jistgħux jikkanċellaw il-​passat, imma jekk jindmu u jirritornaw lejn il-​qima safja, jistgħu jittamaw għall-​maħfra u ħafna barkiet fil-​futur. Fiż-​żmien stabbilit minnu, Jehovah se jippremja lil dawk li jindmu billi jeħlishom mill-​jasar f’Babilonja. Xorta waħda, jeħtieġ li jieħdu paċenzja. Minkejja li nidmu, Jehovah mhux se jbiddel l-​iskeda tiegħu. Madankollu, jekk joqogħdu attenti u jwieġbu għar-​rieda taʼ Jehovah jiġu assigurati li maż-​żmien se jiġu meħlusin. B’mod simili, il-​Kristjani llum jistennew bil-​paċenzja lil Jehovah. (2 Pietru 3:11, 12) Aħna ndaħħlu f’qalbna l-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu, li qal: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—Galatin 6:9.

10. Liema nuqqas taʼ ħila huwa mistqarr b’mod sinċier fit-​talba taʼ Isaija?

10 It-​talba profetika taʼ Isaija m’hijiex biss xi qrara formali tad-​dnubiet. Din tesprimi rikonoxximent sinċier taʼ kemm il-​ġens m’għandux il-​ħila jsalva lilu nnifsu. Jgħid il-​profeta: “Tniġġisna lkoll kemm aħna, bħal ċarruta maħmuġa l-​aħjar għemejjel tagħna; bħal werqa lkoll dbilna u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.” (Isaija 64:5 [64:6, “NW”]) Jistaʼ jkun li sakemm spiċċa l-​eżilju, il-​Lhud li nidmu ma baqgħux jipprattikaw l-​apostasija. Għandhom mnejn daru lejn Jehovah b’atti taʼ tjieba. Imma xorta għadhom imperfetti. Waqt li l-​għemejjel tajbin tagħhom huma taʼ min ifaħħarhom, dawn m’humiex aħjar minn ċarruta maħmuġa fejn għandha x’taqsam it-​tpattija għad-​dnubiet. Il-​maħfra taʼ Jehovah hija għotja mhix mistħoqqa mqanqla mill-​ħniena tiegħu. M’hijiex xi ħaġa li tistaʼ tiksibha bħala ħlas tax-​xogħol.—Rumani 3:23, 24.

11. (a) Liema kundizzjoni spiritwali fqira teżisti fost il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud li qegħdin fl-​eżilju, u dan għala għandu mnejn hu l-​każ? (b) Min huma dawk li kienu eżempji eċċellenti taʼ fidi matul l-​eżilju?

11 Hekk kif iħares ’il quddiem, Isaija x’jara? Jitlob il-​profeta: “Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek, li jitħarrek biex iżomm miegħek. Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna.” (Isaija 64:6 [64:7, “NW”]) Il-​kundizzjoni spiritwali tal-​ġens hija fqira għall-​aħħar. In-​nies ma kinux qegħdin isejħu isem Alla fit-​talb. Waqt li m’għadhomx ħatjin tad-​dnub gravi taʼ l-​idolatrija, huwa evidenti li huma traskurati fil-​qima tagħhom, u m’hemm ħadd “li jitħarrek biex iżomm” maʼ Jehovah. Jidher ċar li ma jgawdux relazzjoni tajba mal-​Ħallieq. Forsi hemm xi wħud li jħossuhom m’humiex denji li jitkellmu maʼ Jehovah fit-​talb. Oħrajn għandhom mnejn li jibqgħu għaddejjin bir-​rutina tagħhom taʼ kuljum mingħajr ma jagħtu kasu. M’għandniex xi ngħidu, fost l-​eżiljati hemm individwi bħalma huma Danjel, Ħananija, Misaèl, Għażarija, u Eżekjel, li huma eżempji mill-​aħjar f’dik li hi fidi. (Lhud 11:33, 34) Hekk kif il-​perijodu taʼ 70 sena fil-​jasar jersaq lejn it-​tmiem, irġiel bħalma huma Ħaggaj, Żakkarija, Żerubbabel, u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè jinsabu għal-​lest ħalli b’mod eċċellenti jkunu minn taʼ quddiem biex isejħu l-​isem taʼ Jehovah. Xorta waħda, it-​talba profetika taʼ Isaija donnha tiddeskrivi l-​kundizzjoni tal-​maġġuranza taʼ l-​eżiljati.

“L-​Ubbidjenza Hi Aqwa mis-​Sagrifiċċji”

12. Isaija kif jesprimih il-​fatt li l-​Lhud li jindmu huma lesti li jibdlu ħajjithom?

12 Il-​Lhud li jindmu huma lesti li jibdlu ħajjithom. Waqt li jirrappreżentahom, Isaija jitlob lil Jehovah: “Madankollu, Mulej, int missierna; aħna t-​tafal, u inti l-​fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.” (Isaija 64:7 [64:8, “NW”]) Dan il-​kliem jirrikonoxxi mill-​ġdid l-​awtorità taʼ Jehovah bħala Missier, jew Donatur tal-​Ħajja. (Ġob 10:9) Il-​Lhud li jindmu huma mqabblin maʼ tafal artab. Dawk li jwieġbu għad-​dixxiplina taʼ Jehovah jistgħu b’mod figurattiv jiġu msawrin, jew ifformati, fi qbil mal-​livelli t’Alla. Imma dan jistaʼ jitwettaq biss jekk Jehovah, il-​Fuħħari, jaħfer. Għaldaqstant, Isaija darbtejn jitolbu mill-​qalb biex jiftakar li l-​Lhud huma l-​poplu tiegħu: “La tinkurlax iżżejjed, Mulej; la tiftakarx fil-​ħażen tagħna għal dejjem. Ara, ħares, aħna lkoll il-​poplu tiegħek.”—Isaija 64:8 [64:9, “NW”].

13. X’inhi l-​kundizzjoni tal-​pajjiż taʼ Iżrael waqt li n-​nies t’Alla qegħdin fl-​eżilju?

13 Matul l-​eżilju, il-​Lhud jissaportu ferm iktar minn sempliċi jasar f’art pagana. Il-​kundizzjoni taʼ ħerba taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha ġġib tmaqdir fuqhom u fuq Alla tagħhom. Fit-​talba taʼ ndiema, Isaija jsemmi xi ftit mill-​affarijiet li jikkaġunaw dan it-​tmaqdir: “Il-​bliet imqaddsa tiegħek mitluqa, Sijon saret xagħra u Ġerusalemm ħerba. It-​tempju qaddis u glorjuż tagħna, fejn missirijietna kienu jfaħħruk, maħruq bin-​nar, u kull ma kellna għażiż sar ħerba.”—Isaija 64:9, 10 [64:10, 11, “NW”].

14. (a) Jehovah kif wissa dwar is-​sitwazzjoni li teżisti issa? (b) Waqt li Jehovah tgħaxxaq bit-​tempju tiegħu u bis-​sagrifiċċji li saru hemmhekk, x’inhu iktar importanti?

14 M’għandniex xi ngħidu, Jehovah hu konxju sew taʼ kif sejrin l-​affarijiet fil-​pajjiż taʼ l-​antenati tal-​Lhud. Madwar 420 sena qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm, hu wissa lin-​nies tiegħu li jekk iduru lil hinn mill-​kmandamenti tiegħu u jaqdu lil allat oħrajn, hu kien se ‘jqaċċathom minn wiċċ l-​art,’ u t-​tempju sabiħ kien se “jsir ħerba.” (1 Slaten 9:6-9) Huwa minnu li Jehovah tgħaxxaq bil-​pajjiż li kien ta lin-​nies tiegħu, bit-​tempju meraviljuż mibni għall-​unur tiegħu, u bis-​sagrifiċċji li sarulu. Imma l-​lealtà u l-​ubbidjenza huma iktar importanti mill-​affarijiet materjali, saħansitra mis-​sagrifiċċji. Il-​profeta Samwel qal b’mod xieraq lis-​Sultan Sawl: “Jaqaw il-​Mulej jogħġbuh il-​vittmi tal-​ħruq u s-​sagrifiċċji aktar mis-​smigħ tal-​kelma tal-​Mulej? Ara, l-​ubbidjenza hi aqwa mis-​sagrifiċċji; is-​smigħ, aħjar mix-​xaħam tal-​muntun.”—1 Samwel 15:22.

15. (a) Isaija liema talba bil-​ħrara jagħmel b’mod profetiku lil Jehovah, u din kif titwieġeb? (b) Liema ġrajjiet wasslu biex Jehovah fl-​aħħar ċaħad lil Iżrael bħala ġens?

15 Minkejja dan, jistaʼ dak Alla taʼ Iżrael iħares lejn il-​gwaj tan-​nies tiegħu li nidmu u ma jitqanqalx biex jitħassarhom? Din hi l-​mistoqsija li biha Isaija jtemm it-​talba profetika tiegħu. Għan-​nom tal-​Lhud eżiljati, hu jitlob bil-​ħrara: “Quddiem dan kollu ma tiċċaqlaqx, Mulej, se tibqaʼ sieket u tgħakkisna sa l-​aħħar?” (Isaija 64:11 [64:12, “NW”]) Fl-​aħħar mill-​aħħar, Jehovah fil-​fatt jaħfrilhom lin-​nies tiegħu, u fis-​sena 537 Q.E.K., iġibhom lura lejn pajjiżhom sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima safja hemmhekk. (Ġoel 2:13) Madankollu, sekli wara, Ġerusalemm u t-​tempju tagħha reġgħu nqerdu, u l-​ġens f’patt m’Alla ġie finalment miċħud minnu. Għala? Għaliex in-​nies taʼ Jehovah kienu abbandunaw il-​kmandamenti tiegħu u ċaħdu lill-​Messija. (Ġwann 1:11; 3:19, 20) Meta ġara dan, Jehovah warrab lil Iżrael u minfloku għażel ġens ġdid, ġens spiritwali, jiġifieri, l-​“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9.

Jehovah, “Semmiegħ it-​Talb”

16. Il-​Bibbja x’tgħallimna dwar il-​maħfra taʼ Jehovah?

16 Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti minn dak li ġralu Iżrael. Naraw li Jehovah hu ‘twajjeb u jaħfer.’ (Salm 86:5) Bħala ħlejjaq imperfetti, aħna niddependu mill-​ħniena u l-​maħfra tiegħu biex nirċievu s-​salvazzjoni. L-​għemejjel tagħna ma jistgħux jgħinuna niksbu dawn il-​barkiet bħala ħlas taʼ xogħolna. Madankollu, Jehovah ma jaħfirx bl-​addoċċ. Dawk biss li jindmu minn dnubiethom u jduru lura qegħdin f’pożizzjoni li jirċievu l-​maħfra divina.—Atti 3:19.

17, 18. (a) Kif nafu li Jehovah hu interessat ġenwinament fil-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħna? (b) Jehovah għala jieħu paċenzja bil-​bnedmin midinbin?

17 Nitgħallmu wkoll li Jehovah hu interessat ferm fil-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħna meta nesprimuhomlu fit-​talb. Hu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2, 3, NW) L-​appostlu Pietru jassigurana: “Għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.” (1 Pietru 3:12) Iżjed minn hekk, nitgħallmu li talba taʼ ndiema trid tinkludi li wieħed jistqarr b’umiltà dnubietu. (Proverbji 28:13) Iżda dan ma jfissirx li nistgħu bl-​arja nippretendu l-​ħniena mingħand Alla. Il-​Bibbja twissi lill-​Kristjani ‘biex ma jirċivux il-​grazzja t’Alla’ u jitilfu l-​iskop tagħha.—2 Korintin 6:1.

18 Fl-​aħħarnett, nitgħallmu x’inhu l-​iskop tal-​paċenzja t’Alla lejn il-​poplu midneb tiegħu. L-​appostlu Pietru spjega li Jehovah qed jieħu paċenzja “għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Minkejja dan, dawk li jibqgħu jabbużaw mill-​paċenzja t’Alla se jiġu kastigati f’waqtu. Dwar dan naqraw: “[Jehovah] jħallas lil kulħadd skond ma jkun għamel; jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li jipperseveraw sa l-​aħħar fl-​għemil it-​tajjeb, u jkunu fittxew il-​glorja u l-​ġieħ u l-​ħajja li ma tintemmx; imma jerfaʼ l-​korla u l-​qilla għal dawk li ma jridu jisimgħu b’xejn; u jirvellaw kontra l-​verità biex imbagħad joqogħdu għall-​ħażen.”—Rumani 2:6-8.

19. Jehovah liema kwalitajiet li ma jinbidlux se juri dejjem?

19 Hekk aġixxa Alla maʼ Iżrael tal-​qedem. Illum ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hi gwidata mill-​istess prinċipji għaliex hu ma jinbidilx. Waqt li ma jżommx lura l-​kastig li jkun mistħoqq, hu se jkun dejjem “Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà. Iħares it-​tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-​ħażen, id-​dnub u l-​ħtija.”—Eżodu 34:6, 7.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 362]

It-​Talba taʼ Ndiema taʼ Danjel

Il-​profeta Danjel għex f’Babilonja matul il-​perijodu taʼ 70 sena li l-​Lhud damu fil-​jasar. F’xi żmien matul is-​sena 68 taʼ l-​eżilju, Danjel induna mill-​profezija taʼ Ġeremija li ż-​żmien temporanju li Iżrael kellu jqattaʼ hemmhekk kien qed joqrob lejn tmiemu. (Ġeremija 25:11; 29:10; Danjel 9:1, 2) Danjel dar lejn Jehovah fit-​talb—talba taʼ ndiema għan-​nom tal-​ġens Lhudi kollu kemm hu. Jirrakkonta Danjel: “Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi biex infittxu bit-​talb umli tiegħi u bis-​sawm, tfajt fuqi libsa tax-​xkejjer u xerridt l-​irmied fuq rasi. Tlabt lill-​Mulej Alla tiegħi, stqarrejt [id-dnubiet].”—Danjel 9:3, 4.

Danjel lissen it-​talba tiegħu xi mitejn sena wara li Isaija kiteb it-​talba profetika li nsibu f’kapitli 63 u 64 tal-​ktieb tiegħu. Bla dubju, kien hemm ħafna Lhud sinċieri li talbu lil Jehovah matul is-​snin diffiċli taʼ l-​eżilju. Madankollu, il-​Bibbja tenfasizza t-​talba taʼ Danjel, li b’mod evidenti rrappreżentat is-​sentimenti taʼ ħafna Lhud leali. B’hekk, it-​talba tiegħu turi li s-​sentimenti tat-​talba profetika taʼ Isaija kienu tabilħaqq is-​sentimenti tal-​Lhud leali li kienu f’Babilonja.

Innota xi similaritajiet bejn it-​talba taʼ Danjel u dik taʼ Isaija.

Isaija 63:16 Danjel 9:15

Isaija 63:18 Danjel 9:17

Isaija 63:19b–64:2a

[Is 64:1-3, NW] Danjel 9:15

Isaija 64:2b-6

[64:4-7, NW] Danjel 9:4-7

Isaija 64:5

[64:6, NW] Danjel 9:9, 10

Isaija 64:9, 10

[64:10, 11, NW] Danjel 9:16-18

[Kaxxa f’paġna 366]

“Għajn Qatt Ma Rat”

Meta kiteb lill-​Korintin, l-​appostlu Pawlu kkwota mill-​ktieb taʼ Isaija meta qal: “Bħalma hu miktub, aħna nħabbru ‘dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet’, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-​bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.” (1 Korintin 2:9) a La dak li qal Pawlu u lanqas dak li esprima Isaija ma jirreferi għall-​affarijiet li ħejja Jehovah għan-​nies tiegħu f’wirt fis-​sema jew f’ġenna taʼ l-​art fil-​futur. Pawlu qed japplika l-​kliem taʼ Isaija għall-​barkiet li diġà kienu qegħdin jitgawdew mill-​Kristjani fl-​ewwel seklu, bħal li jifhmu l-​affarijiet profondi t’Alla u li jirċievu tidwil spiritwali mingħand Jehovah.

Aħna nkunu nistgħu nifhmu l-​affarijiet spiritwali profondi biss meta jasal iż-​żmien stabbilit minn Alla biex jirrivelahomlna—u anki dakinhar, nifhmuhom biss jekk inkunu nies spiritwali b’relazzjoni mill-​qrib maʼ Jehovah. Il-​kliem taʼ Pawlu japplika għal dawk li għandhom ftit jew xejn spiritwalità. Għajnhom ma tistax tara, jew tagħraf, il-​veritajiet spiritwali, u widnithom ma tistax tismaʼ, jew tifhem, dawn l-​affarijiet. L-​għarfien dwar l-​affarijiet li ħejja Alla għal dawk li jħobbuh lanqas biss jidħol fil-​qlub taʼ dawn il-​bnedmin. Imma lil dawk li huma dedikati lil Alla, bħalma kien Pawlu, Alla rrivelalhom dawn l-​affarijiet permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu.—1 Korintin 2:1-16.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kliem taʼ Pawlu ma jinstabx fl-​Iskrittura Ebrajka preċiż kif ikkwotah. Donnu qed jgħaqqad il-​ħsibijiet taʼ Isaija 52:15; 64:2b, 3 [64:4, NW]; u 65:17.

[Stampa f’paġna 367]

In-​nies t’Alla kellhom il-​pussess taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha “għal ftit”