Tinkixef l-Ipokrisija!
Kapitlu Dsatax
Tinkixef l-Ipokrisija!
1. Ġesù u Jehovah kif iħarsu lejn l-ipokrisija, u din kif tidher fi żmien Isaija?
“MINN barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin,” qal Ġesù lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, “waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!” (Mattew 23:28) Il-fatt li Ġesù qed jikkundanna l-ipokrisija jirrifletti l-opinjoni taʼ Missieru tas-sema. Kapitlu 58 tal-profezija taʼ Isaija jitfaʼ l-attenzjoni speċifikament fuq l-ipokrisija li hi abbundanti f’Ġuda. It-taqbid, il-moħqrija, u l-vjolenza huma komuni ferm, u l-ħarsien tas-Sabat spiċċa biss f’ritwal li ma jfisser xejn. In-nies qed jagħtu servizz b’nofs qalb lil Jehovah u jagħtu l-impressjoni li huma devoti billi jsumu, imma f’qalbhom m’hemmx sinċerità. Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jikxef l-ipokrisija tagħhom!
‘Urih Dnubu lill-Poplu’
2. Isaija xi spirtu juri hekk kif jiddikjara l-messaġġ taʼ Jehovah, u min illum hu bħalu?
2 Għalkemm Jehovah hu mdejjaq bil-kondotta taʼ Ġuda, Kliemu jinkludi appell mill-qalb lill-ġens biex jindem. Xorta waħda, Jehovah ma jridx li t-twiddib tiegħu ma jkunx ċar. Għaldaqstant, hu jikkmanda lil Isaija: “Iftaħ garġik, għajjat u la tiskotx! Għolli leħnek bħal tromba! Dnubhom uri lill-poplu tiegħi, u ħtijiethom lil dar Ġakobb!” (Isaija 58:1) Peress li jxandar bil-qlubija l-kliem taʼ Jehovah, Isaija għandu mnejn jiġi mibgħud mill-poplu, imma hu ma jżommx lura. Hu għad għandu l-istess spirtu taʼ dedikazzjoni li wera meta qal: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) X’eżempju mill-aħjar taʼ sabar hu Isaija għax-Xhieda taʼ Jehovah taʼ żmienna, li wkoll huma inkarigati li jippridkaw il-Kelma t’Alla u jikxfu l-ipokrisija reliġjuża!—Salm 118:6; 2 Timotju 4:1-5.
3, 4. (a) In-nies fi żmien Isaija liema dehra falza jagħtu? (b) X’inhi s-sitwazzjoni vera f’Ġuda?
3 Il-Lhud fi żmien Isaija jfittxu lil Jehovah u jesprimu l-għaxqa tagħhom fil-ġudizzji taʼ tjieba tiegħu għal għajn in-nies biss. Naqraw il-kliem taʼ Jehovah: “Lili kuljum ifittxu, jixtiequ jagħrfu triqati, bħallikieku ġens li jagħmel is-sewwa, u li ma ħalliex l-ordnijiet ġusti taʼ Alla tiegħu. Jitolbuni ġudizzji fis-sewwa, jixtiequ jersqu lejn Alla.” (Isaija 58:2) Hija ġenwina din l-għaxqa li qed jgħidu li għandhom bit-triqat taʼ Jehovah? Le. Huma “bħallikieku ġens li jagħmel is-sewwa,” imma x-xebh huwa biss superfiċjali. Fil-verità, dan il-ġens telaq “l-ordnijiet ġusti taʼ Alla tiegħu.”
4 Is-sitwazzjoni tixbah ferm lil dik li iktar tard ġiet rivelata lill-profeta Eżekjel. Jehovah qal lil Eżekjel li l-Lhud kienu qegħdin jgħidu lil xulxin: “Ejjew ħa nisimgħu x’inhi l-kelma ħierġa mingħand il-Mulej.” Imma Alla wissa lil Eżekjel li huma ma kinux sinċieri: “Jiġu għandek . . . u jisimgħu kliemek u ma jagħmluhx; għax jitgħaxxqu bihom b’fommhom, imma qalbhom tiġri wara l-qligħ. Int bħal għannej l-imħabba għalihom, b’vuċi ħelwa u daqq jagħtik pjaċir; jisimgħu kliemek, u ma jagħmluhx.” (Eżekjel 33:30-32) In-nies taʼ żmien Isaija wkoll isostnu li qegħdin kontinwament ifittxu lil Jehovah, imma kliemu ma jobduhx.
Sawm Mhux Sinċier
5. Il-Lhud kif jipprovaw jiksbu l-favur divin, u Jehovah kif jirreaġixxi?
5 Biex jipprovaw jiksbu l-favur divin, il-Lhud fil-fatt isumu, imma t-taparsi devozzjoni tagħhom isservi biss biex tbegħedhom minn Jehovah. Mistagħġbin, huma jistaqsu: “Għaliex somna u int ma ħaristx, għakkisna ruħna u int ma ntbaħtx?” Jehovah jwieġeb bla tlaqliq, billi jgħidilhom: “Araw, f’jum is-sawm tagħkom tagħmlu li tridu, u tgħakksu lill-ħaddiem tagħkom. Araw, issumu bil-kustjonijiet u l-ġlied u tidorbu bil-ponn bla ħaqq. Jekk issumu kif qegħdin issumu issa, leħinkom ma jinstamax fl-għoli. Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan, jum biex bniedem jgħakkes lilu nnifsu? Biex ibaxxi rasu bħas-simar, u jimtedd fuq ix-xkora u r-rmied? Tgħidlu int dan sawm, jum jogħġob lill-Mulej?”—Isaija 58:3-5.
6. Liema azzjonijiet mil-Lhud juru li s-sawm tagħhom m’huwiex sinċier?
6 Waqt li jsumu, billi jagħmlu taʼ bir-ruħhom li huma twajbin, u saħansitra waqt li jitolbu għall-ġudizzji taʼ tjieba taʼ Jehovah, in-nies jiġru wara l-pjaċiri egoistiċi u l-interessi tan-negozju. Huma jinvolvu ruħhom fit-taqbid, fil-moħqrija, u fil-vjolenza. Biex jipprovaw jaħbu l-imġiba tagħhom, jieħdu sehem f’wirjiet impressjonanti taʼ niket—billi jbaxxu rashom bħas-simar u jimteddu fuq ix-xkora u l-irmied—ħalli taparsi qed jindmu minn dnubiethom. X’jiswa dan kollu jekk ikomplu jirribellaw? Huma ma juru ebda niket u ndiema ġenwini li suppost jintwerew mas-sawm sinċier. It-tinwiħ tagħhom—għalkemm storbjuż—ma jinstemax fis-sema.
7. Il-Lhud taʼ żmien Ġesù kif aġixxew b’ipokrisija, u ħafna llum kif jagħmlu l-istess ħaġa?
7 Il-Lhud taʼ żmien Ġesù jagħmlu turija simili taʼ sawm ċerimonjali, u xi wħud isumu anki darbtejn fil-ġimgħa! (Mattew 6:16-18; Luqa 18:11, 12) Ħafna mill-mexxejja reliġjużi imitaw ukoll lill-ġenerazzjoni taʼ Isaija billi kienu ħorox u dominanti. Għaldaqstant, Ġesù bil-kuraġġ kollu kixef lil dawn l-ipokriti reliġjużi, billi qalilhom li l-għamla taʼ qima tagħhom kienet fiergħa. (Mattew 15:7-9) Illum, ukoll, miljuni sħaħ “jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh; huma nies taʼ min jistmerrhom, rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.” (Titu 1:16) Uħud bħal dawn jistgħu jittamaw għall-ħniena mingħand Alla, imma l-kondotta tagħhom tikxef kemm m’humiex sinċieri. B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Jehovah juru devozzjoni vera lejn Alla u mħabba taʼ l-aħwa ġenwina.—Ġwann 13:35.
X’Tinvolvi l-Indiema Vera
8, 9. Liema azzjonijiet pożittivi għandu jkun hemm maʼ l-indiema sinċiera?
8 Lin-nies tiegħu Jehovah ma jridhomx biss isumu minħabba dnubiethom; iridhom jindmu minnhom. Imbagħad huma jiksbu l-favur tiegħu. (Eżekjel 18:23, 32) Hu jispjega li sabiex is-sawm ikun sinifikanti, irid ikun hemm korrezzjoni tad-dnubiet li jkunu saru. Ikkunsidra dawn il-mistoqsijiet taʼ Jehovah li jolqtu fil-laħam il-ħaj: “Jaqaw m’hux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad?”—Isaija 58:6.
9 L-irbit u l-madmad huma simboli xierqa taʼ jasar aħrax. Għalhekk, minflok ma jsumu u fl-istess ħin jaħqru lil sħabhom taʼ l-istess twemmin, in-nies imisshom jobdu l-kmand: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Għandhom jeħilsu lil kulmin ħaqru u tefgħu fil-jasar b’mod inġust. a Atti reliġjużi li jimpressjonaw, bħalma hu s-sawm, ma jistgħux jieħdu post id-devozzjoni ġenwina lejn Alla u l-atti li juru l-imħabba taʼ l-aħwa. Il-profeta Mikea, li għex fi żmien Isaija, jikteb: “X’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—Mikea 6:8.
10, 11. (a) Għal-Lhud, x’kien hemm aħjar mis-sawm? (b) Illum, il-Kristjani kif jistgħu japplikaw il-parir li Jehovah ta lil-Lhud?
10 Il-ġustizzja, il-qalb tajba, u l-modestja jirrikjedu li tagħmel il-ġid lil ħaddieħor, u dan huwa l-qofol tal-Liġi taʼ Jehovah. (Mattew 7:12) Li jaqsmu mill-ġid li għandhom maʼ dawk li huma fil-bżonn ikun ferm aħjar mis-sawm. Jistaqsi Jehovah: “[Is-sawm li nagħżel jien] m’hux li taqsam ħobżok maʼ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? M’hux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies taʼ darek ma tinsihomx?” (Isaija 58:7) Iva, minflok ma jimpressjonaw bis-sawm, dawk li għandhom il-mezzi biex jagħmlu dan għandhom jagħtu ikel, ilbies, jew kenn lill-abitanti sħabhom taʼ Ġuda li huma fil-bżonn—in-nies taʼ darhom stess.
11 Dawn il-prinċipji mill-isbaħ taʼ l-imħabba u l-mogħdrija bejn l-aħwa espressi minn Jehovah ma japplikawx biss għal-Lhud taʼ żmien Isaija. Jiggwidaw lill-Kristjani wkoll. Għaldaqstant, l-appostlu Pawlu kiteb: “Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Il-kongregazzjoni Kristjana għandha tkun menqa taʼ mħabba u affezzjoni bejn l-aħwa, speċjalment meta nqisu ż-żmien taʼ llum li qed isir dejjem iktar iebes.—2 Timotju 3:1; Ġakbu 1:27.
L-Ubbidjenza Ġġib Barkiet Għonja
12. X’se jagħmel Jehovah jekk in-nies tiegħu jobduh?
12 O li kieku n-nies taʼ Jehovah jkollhom id-dehen biex jagħtu kas it-twiddiba tiegħu taʼ mħabba! Jgħid Jehovah: “Mbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk. Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek ‘Hawn jien.’” (Isaija 58:8, 9a) Xi kliem inkuraġġanti, li jiġbdek! Jehovah jbierek u jipproteġi lil dawk li jitgħaxxqu bil-qalb tajba bl-imħabba u bit-tjieba. Jekk in-nies taʼ Jehovah jindmu mill-ħruxija u l-ipokrisija tagħhom u jobduh, l-affarijiet se jitjiebu ferm iktar għalihom. Jehovah se ‘jagħlqilhom il-ġerħa’; il-ġens se jirkupra spiritwalment u fiżikament. Hu se jgħassishom ukoll, bħalma għasses lil missirijiethom tal-qedem meta kienu qegħdin jitilqu mill-Eġittu. U se jwieġeb minnufih għall-għajat tagħhom għall-għajnuna.—Eżodu 14:19, 20, 31.
13. Liema barkiet hemm jistennew lil-Lhud jekk iwieġbu għall-inkuraġġiment taʼ Jehovah?
13 Jehovah issa jżid maʼ l-inkuraġġiment li tahom qabel, billi jgħid: “Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija [taʼ jasar aħrax u inġust], ma tmiddx sebgħek [x’aktarx b’żebliħ jew b’akkużi foloz] u ma tagħmilx deni b’ilsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxabbaʼ qalb l-imnikket, mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.” (Isaija 58:9b, 10) L-egoiżmu u l-ħruxija jaħdmu kontra min jużahom u jġibu fuqu l-għadab taʼ Jehovah. Madankollu, il-qalb tajba u l-ġenerożità, speċjalment meta jintwerew lil min hu bil-ġuħ u lil min hu maħqur, iġibu l-barka għanja t’Alla. Li kieku l-Lhud idaħħlu dawn il-veritajiet f’qalbhom! Imbagħad id-dija u r-riżq spiritwali tagħhom se jagħmluhom jiddu bħax-xemx taʼ nofsinhar, li tneħħi s-swied kollu. Fuq kollox, se jonoraw u jfaħħru lil Jehovah, is-Sors tal-glorja u l-barkiet tagħhom.—1 Slaten 8:41-43.
Ġens Stabbilit mill-Ġdid
14. (a) In-nies taʼ żmien Isaija kif jirreaġixxu għal kliemu? (b) Jehovah x’ikompli joffri?
14 B’sogħba, il-ġens jinjorah l-appell taʼ Jehovah u jogħdos saħansitra iktar fil-ħama tal-ħażen. Eventwalment, lil Jehovah ma jħallulux għażla ħlief li jibgħathom fl-eżilju, sewwa sew bħalma wissiehom. (Dewteronomju 28:15, 36, 37, 64, 65) Xorta waħda, il-kliem li jgħid Jehovah issa permezz taʼ Isaija jkompli joffri tama. Alla jbassar li fdal dixxiplinat u sogħbien se jirritorna bil-ferħ lejn il-pajjiż taʼ Ġuda, avolja l-pajjiż jinsab ħerba.
15. Jehovah jbassar liema tiġdid mimli ferħ?
15 Waqt li jħares ’il quddiem lejn meta l-poplu tiegħu jiġi stabbilit mill-ġdid fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah jgħid permezz taʼ Isaija: “Il-Mulej jibqaʼ jmexxik għal dejjem, u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa, u jsaħħaħlek għadmek. Int tkun bħal ġnien bis-saqwi, bħal għajn taʼ ilma [“nixxiegħa,” “Saydon”] ma jonqos qatt.” (Isaija 58:11) Jehovah se jġedded il-pajjiż niexef taʼ Iżrael billi jagħmlu jipproduċi ħafna. Xi ħaġa iktar taʼ l-għaġeb hi li se jbierek lin-nies tiegħu li nidmu, billi jsaħħilhom ‘għadamhom’ minn stat bla ħajja spiritwalment għal wieħed mimli ħajja u enerġija. (Eżekjel 37:1-14) In-nies infushom se jsiru bħal “ġnien bis-saqwi” mimli frott spiritwali.
16. Il-pajjiż kif se jiġġedded?
16 It-tiġdid se jinkludi l-bini mill-ġdid tal-bliet li nqerdu fl-invażjoni Babiloniża fis-sena 607 Q.E.K. “Jerġgħu jibnuk mill-ħerbiet tal-qedem, mill-ġdid int tibni s-sisien taʼ ġenerazzjonijiet sħaħ. U jsejjħulek: ‘Bennej tas-swar imġarrfa, li jġedded it-toroq fejn wieħed joqgħod.’” (Isaija 58:12) L-espressjonijiet simili “ħerbiet tal-qedem” u “s-sisien taʼ ġenerazzjonijiet sħaħ” (jew, is-sisien li ilhom ħerba għal ġenerazzjonijiet sħaħ) juru li l-membri tal-fdal li jerġgħu lura lejn pajjiżhom se jibnu mill-ġdid il-bliet taʼ Ġuda li saru ħerba, speċjalment Ġerusalemm. (Neħemija 2:5; 12:27; Isaija 44:28) Se jsewwu s-“swar imġarrfa”—terminu li jirreferi għal ħsarat fis-swar taʼ Ġerusalemm u bla dubju fi swar taʼ bliet oħrajn ukoll.—Ġeremija 31:38-40; Għamos 9:14.
Barkiet li Jiġu minn Ħarsien tas-Sabat bil-Lealtà
17. Jehovah kif jappella lin-nies tiegħu biex jobdu l-liġijiet tas-Sabat?
17 Is-Sabat kien espressjoni taʼ l-interess profond li kellu Alla għall-benesseri fiżiku u spiritwali tal-poplu tiegħu. Qal Ġesù: “Is-sibt [“Sabat,” NW] kien magħmul għall-bniedem.” (Mark 2:27) Dan il-jum imqaddes minn Jehovah ta lill-Iżraelin opportunità speċjali biex juru mħabbithom lejh. B’sogħba, sa żmien Isaija dan spiċċa bħala jum li fih in-nies iħarsu ritwali fiergħa u jieħdu sehem f’xewqat egoistiċi. Għalhekk, għal darb’oħra, Jehovah għandu raġun iċanfar lin-nies tiegħu. U mill-ġdid jipprova jilħqilhom qalbhom, billi jgħid: “Jekk int ma tixħetx is-Sibt taħt riġlejk, billi tagħmel li jogħġbok fil-jum imqaddes tiegħi; jekk issejjaħ is-Sibt l-għaxqa tiegħek, u l-jum qaddis u mweġġaħ mill-Mulej; jekk tagħtih ġieħ billi fih ma tagħmilx ix-xogħol taʼ kuljum, u ma tfittixx in-negozju u t-tlablib fieragħ, mbagħad issib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej, u jiena ntellgħek fuq għoljiet l-art. U nxebbgħek b’wirt Ġakobb, missierek. Għax fomm il-Mulej tkellem.”—Isaija 58:13, 14.
18. X’se jirriżulta mill-fatt li Ġuda ma tonorax is-Sabat?
18 Is-Sabat huwa jum għal meditazzjoni spiritwali, talb, u qima fil-familja. Għandu jgħin lil-Lhud jirriflettu fuq l-għemejjel meraviljużi taʼ Jehovah għan-nom tagħhom u fuq il-ġustizzja u l-imħabba murijin fil-Liġi tiegħu. B’hekk, il-fatt li jħarsu lealment dan il-jum qaddis għandu jgħin lin-nies jersqu eqreb lejn Alla tagħhom. Minflok, qegħdin iħassruh is-Sabat, u għalhekk qegħdin fil-periklu li jinqatgħu mill-barka taʼ Jehovah.—Levitiku 26:34; 2 Kronaki 36:21.
19. Liema barkiet għonja hemm maħżunin għan-nies t’Alla jekk jerġgħu jibdew iħarsu s-Sabat?
19 Xorta waħda, jekk il-Lhud jitgħallmu mid-dixxiplina u jibdew jonoraw l-arranġament tas-Sabat, hemm barkiet għonja maħżunin għalihom. L-effetti tajbin tal-qima vera u r-rispett lejn is-Sabat se jkunu jidhru fl-aspetti kollha taʼ ħajjithom. (Dewteronomju 28:1-13; Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) Per eżempju, lin-nies tiegħu Jehovah se ‘jtellagħhom fuq għoljiet l-art.’ Din l-espressjoni tissinjifika sigurtà u rebħa fuq l-għedewwa tagħhom. Kulmin jikkontrolla l-postijiet għoljin—l-għoljiet u l-muntanji—jikkontrolla l-art. (Dewteronomju 32:13; 33:29) Kien hemm żmien meta Iżrael obda lil Jehovah, u l-ġens gawda l-protezzjoni Tiegħu u kien rispettat minn ġnus oħrajn li saħansitra kienu jibżgħu minnu. (Ġożwè 2:9-11; 1 Slaten 4:20; 5:1 [1 Slaten 4:20, 21, NW]) Jekk jerġgħu jibdew jobdu lil Jehovah, se terġaʼ tiddi fuqhom ftit minn dik il-glorja li kellhom qabel. Lin-nies tiegħu Jehovah se jagħtihom sehem sħiħ f’“wirt Ġakobb”—il-barkiet imwegħdin permezz tal-patt Tiegħu maʼ missirijiethom tal-qedem, speċjalment il-barka li jippossiedu l-Art Imwiegħda fis-sigurtà.—Salm 105:8-11.
20. Liema “mistrieħ tas-Sibt” hemm għall-Kristjani?
20 Hemm xi lezzjoni għall-Kristjani f’dan? Mal-mewt taʼ Ġesù Kristu, il-Liġi Mosajka twarrbet min-nofs, inkluż ir-regolamenti tagħha dwar is-Sabat. (Kolossin 2:16, 17) Madankollu, l-ispirtu li l-ħarsien tas-Sabat suppost li inkuraġġixxa f’Ġuda—li wieħed ifittex l-ewwel l-interessi spiritwali u jersaq qrib taʼ Jehovah—għadu vitali għall-adoraturi taʼ Jehovah. (Mattew 6:33; Ġakbu 4:8) Iktar minn hekk, fl-ittra tiegħu lil-Lhud, Pawlu jgħid: “Għad baqaʼ mistrieħ tas-Sibt għall-poplu taʼ Alla.” Il-Kristjani jidħlu f’dan il-“mistrieħ tas-Sibt” billi jkunu ubbidjenti lejn Jehovah u jimxu bit-tjieba bbażata fuq il-fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù Kristu. (Lhud 3:12,18,19; 4:6,9-11,14-16) Għall-Kristjani, dan it-tip taʼ ħarsien tas-Sabat ma jinżammx biss ġurnata waħda fil-ġimgħa, imma kuljum.—Kolossin 3:23, 24.
Iżrael Spiritwali ‘Jitlaʼ fuq Għoljiet l-Art’
21, 22. Jehovah b’liema mod ‘tellaʼ fuq għoljiet l-art’ lill-Iżrael t’Alla?
21 Mindu nħelsu mill-jasar taħt Babilonja fl-1919, il-Kristjani midlukin ħarsu lealment dak li kien iffigurat bil-quddiem mis-Sabat. B’riżultat taʼ dan, Jehovah ‘tellagħhom fuq għoljiet l-art.’ F’liema sens? Lura fis-sena 1513 Q.E.K., Jehovah għamel patt mad-dixxendenti t’Abraham li jekk ikunu ubbidjenti, kienu se jsiru saltna taʼ qassisin u ġens qaddis. (Eżodu 19:5, 6) Matul l-40 sena li damu fid-deżert, Jehovah ħa ħsieb iwassalhom qawwijin u sħaħ, bħalma ajkla ġġorr iż-żgħar tagħha, u berikhom b’ħafna ġid. (Dewteronomju 32:10-12) Madankollu, il-ġens ma kellux fidi, u finalment tilef il-privileġġi kollha li setaʼ jkollu. Minkejja dan, Jehovah fil-fatt għandu saltna taʼ qassisin illum—l-Iżrael spiritwali t’Alla.—Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9.
22 Matul “żmien it-tmiem,” dan il-ġens spiritwali għamel dak li naqas li jagħmel Iżrael tal-qedem. Żamm il-fidi tiegħu f’Jehovah. (Danjel 8:17) Hekk kif il-membri taʼ dan il-ġens iħarsu bir-reqqa l-livelli għoljin u t-triqat sublimi taʼ Jehovah, f’sens spiritwali Hu jerfagħhom fl-għoli. (Proverbji 4:4, 5, 8; Apokalissi 11:12) Peress li huma protetti mit-tinġis taʼ madwarhom, igawdu stil taʼ ħajja merfugħ ’il fuq, u minflok ma jinsistu li jagħmlu li jfettlilhom, huma ‘jsibu l-għaxqa tagħhom fil-Mulej’ u fil-Kelma tiegħu. (Salm 37:4) Jehovah żammhom fis-sigurtà spiritwalment għalkemm mad-dinja kollha hemm nies li huma determinati li jopponuhom. Mill-1919 ’l hawn, il-“pajjiż” spiritwali tagħhom ma ġiex megħlub. (Isaija 66:8) Huma jkomplu jkunu poplu għall-isem sublimi tiegħu, li dwaru jxandru bil-ferħ mad-dinja kollha. (Dewteronomju 32:3; Atti 15:14, Saydon) Iktar minn hekk, għadd li dejjem jiżdied taʼ nies ġwejdin mill-ġnus kollha issa jieħu sehem magħhom fil-privileġġ grandjuż li jiġu mgħallmin it-triqat taʼ Jehovah u megħjunin jimxu fil-mogħdijiet tiegħu.
23. Jehovah kif ġiegħel lill-qaddejja midlukin tiegħu ‘jixbgħu b’wirt Ġakobb’?
23 Jehovah ġiegħel lill-qaddejja midlukin tiegħu biex ‘jixbgħu b’wirt Ġakobb.’ Meta Iżakk bierek lil Ġakobb minflok lil Għesaw, bi kliemu l-patrijarka bassar barkiet għal dawk kollha li kienu se juru fidi fin-Nisel imwiegħed t’Abraham. (Ġenesi 27:27-29; Galatin 3:16, 17) Bħal Ġakobb—u kuntrarju għal Għesaw—il-Kristjani midlukin u sħabhom japprezzawhom l-affarijiet sagri, speċjalment l-ikel spiritwali li Alla jipprovdi b’abbundanza. (Lhud 12:16, 17; Mattew 4:4) Dan l-ikel spiritwali—li jinkludi għarfien dwar dak li Jehovah qed iwettaq permezz tan-Nisel imwiegħed u permezz taʼ l-imseħbin taʼ dan in-Nisel—isaħħaħ, iqawwi, u huwa vitali għall-ħajja spiritwali tagħhom. Għaldaqstant, huwa kruċjali li huma kontinwament jieħdu nutriment spiritwali billi jaqraw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw fuqha. (Salm 1:1-3) Huwa imperattiv li jassoċjaw maʼ sħabhom fit-twemmin fil-laqgħat Kristjani. U huwa essenzjali li jappoġġaw il-livelli għoljin tal-qima safja hekk kif jaqsmu bil-ferħ dan in-nutriment maʼ ħaddieħor.
24. Il-Kristjani veri kif iġibu ruħhom illum?
24 Waqt li jistennew bil-ħerqa t-twettiq tal-wegħdi taʼ Jehovah, jalla l-Kristjani veri jkomplu jistmerru kull tip taʼ ipokrisija. Peress li huma mantnuti b’“wirt Ġakobb,” jalla jkomplu jgawdu s-sigurtà spiritwali “fuq għoljiet l-art.”
[Nota taʼ taħt]
a Jehovah għamel il-provvediment biex in-nies tiegħu li jaqgħu fid-dejn ibigħu lilhom infushom fil-jasar—billi għall-bżonn isiru ħaddiema mikrijin—biex iħallsu d-dejn tagħhom. (Levitiku 25:39-43) Madankollu, il-Liġi kienet tirrikjedi li l-ilsiera jiġu trattati b’qalb tajba. Dawk li jiġu trattati bi ħruxija kellhom jinħelsu.—Eżodu 21:2, 3, 26, 27; Dewteronomju 15:12-15.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 278]
Il-Lhud samu u baxxew rashom b’indiema falza —imma ma bidlux triqathom
[Stampa f’paġna 283]
Dawk li għandhom il-mezzi biex jagħmlu dan jagħtu kenn, ilbies, jew provvisti lil dawk li huma fil-bżonn
[Stampa f’paġna 286]
Jekk tindem, Ġuda se tibni mill-ġdid il-bliet tagħha li saru ħerba