Mur fil-kontenut

Kif Għandek Tħares Lejn l-Alkoħol?

Kif Għandek Tħares Lejn l-Alkoħol?

Kif Għandek Tħares Lejn l-Alkoħol?

RAĠEL jismu Tony kellu ħafna problemi f’ħajtu għax ma riedx jammetti li kellu l-​vizzju tal-​alkoħol. Peress li ma kienx jidher li kien ikun fis-​sakra, ħaseb li l-​fatt li jixrob ħafna ma kinitx problema. Il-​mod kif kien qed jaħseb għala kien ħażin? Hu ma baqax jara l-​affarijiet b’mod ċar minħabba li kien jixrob alkoħol żejjed.

Minkejja li Tony ma kienx qed jirrealizza, meta kien jixrob iżżejjed moħħu ma kienx jaħdem sew. Iktar ma kien jixrob, iktar ma kienx qed jinduna li l-​alkoħol kien qed jeffettwah.

It-​tieni raġuni għala Tony ma kienx qed iħares lejn is-​sitwazzjoni b’mod tajjeb kienet għax kellu xewqa kbira biex ikompli jixrob. Wieħed jismu Allen ukoll fil-​bidu ma kienx jammetti li kellu problema bl-​alkoħol. Hu jammetti, “Jien kont nixrob bil-​moħbi, kont inġib l-​iskużi u kont nipprova nċekken il-​problema li kelli tax-​xorb. Kont nagħmel dak kollu li nistaʼ biex nibqaʼ nixrob.” Għalkemm oħrajn setgħu jaraw li Tony u Allen kienu alkoħoliċi, huma pprovaw jikkonvinċu lilhom infushom li ma kien hemm xejn ħażin. Iż-​żewġ irġiel kellhom jagħmlu bidliet biex jikkontrollaw ix-​xorb. Imma x’setgħu jagħmlu?

Kun Lest Li Tinbidel!

Ħafna li kienu jixorbu żżejjed inbidlu għax huma obdew il-​kliem taʼ Ġesù: “Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-​membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jintefaʼ f’Geħenna.”​—Mattew 5:​29.

Naturalment Ġesù ma kienx qed jissuġġerixxi li nweġġgħu lilna nfusna. Minflok hu kien qed ifisser li għandna nkunu lesti li nieqfu nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tkisser ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun diffiċli biex tagħmel dil-​bidla. Imma din tgħinna biex nevitaw li nsiru niddependu mill-​alkoħol. Għalhekk, jekk oħrajn jgħidulek li int tixrob iżżejjed kun lest li tixrob inqas. * U jekk ma jirnexxilekx tixrob inqas, kun lest li taqtaʼ l-​alkoħol. Għalkemm dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna, jistaʼ jsalvalek ħajtek.

Għalkemm m’intix alkoħoliku, inti tixrob iżżejjed? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel biex iżżomm l-​alkoħol f’postu?

Fejn Tistaʼ Ssib l-​Għajnuna?

1. Kun ċert li Ġeħova se jgħinek jekk titolbu spiss u b’mod sinċier. Il-​Bibbja tagħti dan il-​parir lil dawk kollha li jridu jogħġbu lil Alla Ġeħova: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Jekk tixtieq dan it-​tip taʼ paċi u li moħħok ikun mistrieħ, għal xiex tistaʼ titlob?

Ammetti b’mod onest li għandek problema bl-​alkoħol u aċċetta li ħadd iktar ma jistaʼ jagħmel il-​bidliet għalik. Għid lil Ġeħova dak li biħsiebek tagħmel biex tegħleb din il-​problema. Hu se jbierek l-​isforzi tiegħek u se jgħinek personalment, anki biex tevita iktar problemi serji. “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.” (Proverbji 28:13) Ġesù qalilna wkoll biex nitolbu hekk: “‘U ddaħħalniex fit-​tentazzjoni, imma eħlisna mill-​Ħażin.’” (Mattew 6:13) Wara li titlob, x’għandek tagħmel?

2. Il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinek. “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebrej 4:12) Ħafna li kienu jixorbu żżejjed għenhom li jaqraw u jimmeditaw dwar il-​versi tal-​Bibbja kuljum. Is-​Salmista kiteb: “Hieni l-​bniedem li ma mexiex fuq il-​parir tal-​ħżiena, . . . imma li l-​għaxqa tiegħu hi fil-​liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-​liġi tiegħu. . . . Jirnexxi f’kulma jagħmel.”—Salm 1:1-​3.

Permezz tal-​istudju tal-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, Allen kellu s-​saħħa biex ma jibqax jabbuża mill-​alkoħol. Hu jgħid: “Jien ċert li kieku ma kinitx il-​Bibbja u l-​prinċipji tagħha li għenuni biex nieqaf nixrob, kieku llum mejjet.”

3. Tgħallem ikkontrolla lilek innifsek. Il-​Bibbja ssemmi li wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana li kienu jixorbu ġew imnaddfin “bl-​ispirtu t’Alla tagħna.” (1 Korintin 6:9-​11) Kif? L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova għenhom biex jikkontrollaw lilhom infushom u biex jieqfu jixorbu żżejjed. “Tiskrux bl-​inbid, li fih hemm il-​ħajja bla rażan, imma ibqgħu mtlew bl-​ispirtu.” (Efesin 5:18; Galatin 5:​21-​23) Ġesù Kristu wiegħed li “l-​Missier li hu fis-​sema [se] jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” Għalhekk, “ibqgħu itolbu, u jingħatalkom.”—Luqa 11:9, 13.

Dawk li jridu jferrħu lil Ġeħova jistgħu jitgħallmu jikkontrollaw lilhom infushom billi jaqraw u jistudjaw il-​Bibbja u jitolbu spiss u mill-​qalb. Jekk tibda taqtaʼ qalbek ftakar f’din il-​wegħda li nsibu fil-​Bibbja: “Min jiżraʼ għall-​ispirtu jaħsad il-​ħajja taʼ dejjem mill-​ispirtu. Għalhekk, ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—Galatin 6:8, 9.

4. Agħżel ħbieb tajbin. “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Għid lill-​ħbieb tiegħek li ddeċidejt li ħa tieqaf tixrob iżżejjed. Imma l-​Bibbja twissi li meta taqtaʼ “xorb żejjed taʼ nbid, xalar, [u] imħatri min jixrob l-​iktar,” uħud li kont tagħmilha magħhom ‘jitħawdu u jibdew jgħajruk.’ (1 Pietru 4:3, 4) Kun lest li tieqaf tagħmilha maʼ ħbieb li jippruvaw iġegħluk tixrob iżżejjed.

5. Iddeċiedi kemm se tixrob. “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) Biex tiddeċiedi kemm se tixrob, l-​aħjar tara x’tgħid il-​Bibbja mhux x’jgħidu l-​ħbieb li ma jaqdux lil Ġeħova. Jekk tagħmel hekk, Ġeħova se jkun ferħan bik. Imma kif tistaʼ tiddeċiedi x’inhu żżejjed għalik?

Kull ammont t’alkoħol li jagħmilha diffiċli għalik biex taħseb, hu żżejjed għalik. Għalhekk tibqax tixrob sakemm tkun kważi fis-​sakra. Kun onest miegħek innifsek dwar kemm għandek tixrob. Iddeċiedi kemm hu tajjeb għalik li tixrob alkoħol u tixrobx iktar minn hekk.

6. Tgħallem għid le. “Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le.” (Mattew 5:37) Jekk xi ħadd joffrilek iktar alkoħol milli tkun iddeċidejt li tixrob, irrifjuta b’edukazzjoni. “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.

7. Itlob l-​għajnuna mill-​ħbieb u l-​familja. Ħbieb tajbin li jħobbu lil Ġeħova se jirrispettaw id-​deċiżjoni tiegħek biex tixrob inqas, allura toqgħodx tiddejjaq tistaqsihom biex jgħinuk. “Tnejn aħjar minn wieħed, għax jiġu premjati tajjeb għax-​xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.” (Ekkleżjasti 4:9, 10; Ġakbu 5:14, 16) B’mod simili, in-​National Institute on Alcohol Abuse and Alcoholism fl-​Istati Uniti jgħid: “Li tixrob inqas jistaʼ jkun diffiċli xi kultant. Itlob l-​għajnuna tal-​familja u l-​ħbieb biex jgħinuk tilħaq il-​mira tiegħek.”

8. Kun determinat li tikkontrolla kemm tixrob. “Qisu li tagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss, u b’hekk tqarrqu bikom infuskom bi rraġunar falz. Imma min iħares fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà u jibqaʼ jagħmel hekk, peress li dan ma jkunx wieħed li jismaʼ u jinsa imma wieħed li jobdi l-​kelma, ikun hieni li qed jagħmilha.”—Ġakbu 1:22, 25.

Kif Tistaʼ Tegħleb il-​Vizzju

Mhux kull min jixrob iżżejjed isir alkoħoliku. Imma xi wħud tant jixorbu jew tant jixorbu spiss li jsiru jiddependu mill-​alkoħol. Minħabba li nies li jiddependu mill-​alkoħol jistaʼ jkollhom effetti ħżiena jekk jieqfu jixorbu f’daqqa, jistaʼ jkollhom bżonn l-​għajnuna taʼ tabib. Allen jgħid: “Meta kont qed nipprova naqtaʼ l-​alkoħol ħassejt uġigħ kbir fiżiku. Irrealizzajt li l-​istudju tal-​Bibbja tiegħi ma kienx biżżejjed biex jgħinni nieqaf nixrob. Kelli bżonn ukoll l-​għajnuna tat-​tabib.”

Ħafna li jridu jieqfu jixorbu biex jogħġbu lil Ġeħova, għandhom bżonn l-​għajnuna medika biex jirnexxu. * Xi wħud ikollhom bżonn imorru l-​isptar minħabba l-​effetti li jkollhom wara li jieqfu jixorbu. Oħrajn ikollhom bżonn il-​mediċina biex tnaqqsilhom l-​aptit tax-​xorb, jew biex tgħinhom jieqfu jixorbu. Ġesù qal: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva.”—Marku 2:17.

Jekk Nobdu lil Ġeħova Se Nirnexxu

Fil-​Bibbja, Alla jgħidilna l-​mod it-​tajjeb taʼ kif għandna nużaw l-​alkoħol għax hu jridna nkunu ferħanin issa u għal dejjem. Wara 24 sena li qataʼ l-​alkoħol, Allen jemozzjona ruħu meta jiftakar li qabel ma sar jaf lil Ġeħova ma kienx jaħseb li jistaʼ jinbidel. Hu jgħid: “Kien tal-​għaġeb li sirt naf li stajt inkun differenti, li nitgħallem li Ġeħova riedni nkun persuna aħjar, u li naf li Ġeħova fehemni, ħa ħsiebi, u pprovdieli l-​għajnuna li kelli bżonn.”

Għalhekk, jekk inti għandek problema tal-​alkoħol u taħseb li ma tistax tinbidel, taqtax qalbek. Allen u ħafna oħrajn kienu fl-​istess sitwazzjoni li qiegħed int fiha bħalissa. U huma rnexxielhom jixorbu inqas, jew jaqtgħu x-​xorb kompletament. Huma ferħanin li nbidlu, u int se tħossok l-​istess.

Kemm jekk tagħżel li tixrob ftit alkoħol jew xejn, ftakar li Alla jħobbok u jagħmillek din il-​wegħda: “O li kieku fil-​fatt tagħti kas il-​kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-​paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-​sewwa tiegħek bħall-​mewġ tal-​baħar.”—Isaija 48:18.

[Noti taʼ taħt]

^ Hemm ħafna ċentri u għaqdiet li jistgħu jipprovdu għajnuna. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jgħidux lin-​nies liema trattament għandhom jieħdu. Kull persuna għandha taħseb sew dwar xi trattamenti huma disponibbli u dwar x’tgħid il-​Bibbja, u mbagħad għandha tieħu d-​deċiżjoni tagħha.

[Kaxxa/Stampa]

 Għandi Problema bl-​Alkoħol?

Tistaʼ ssaqsi lilek innifsek:

Qed nixrob iktar alkoħol mis-​soltu?

• Qed nixrob iktar spiss?

• Qed nixrob xorb iktar qawwi minn qabel?

• Nixrob biex inkampa mal-​istress jew biex ninsa l-​problemi?

• Kien hemm xi ħabib jew membru tal-​familja li qalli li qed nixrob iżżejjed?

• Minħabba x-​xorb kelli problemi d-​dar, fuq ix-​xogħol, jew meta nkun vaganza?

• Ikun diffiċli jekk nieqaf nixrob imqar għal ġimgħa?

• Inħossni skomdu meta nkun m’oħrajn li ma jixorbux alkoħol?

• Naħbi minn oħrajn kemm qed nixrob?

Jekk it-​tweġiba tiegħek kienet iva għal waħda minn dawn il-​mistoqsijiet jew iktar, hemm bżonn li tikkontrolla kemm tixrob.

[Kaxxa/Stampa]

Kif Għandi Nieħu Deċiżjonijiet Tajbin Dwar l-​Alkoħol

Qabel tixrob l-​alkoħol, aħseb dwar dan:

Hu għaqli li nixrob l-​alkoħol jew le?

Parir: Xi ħadd li ma jistax jikkontrolla kemm jixrob għandu jaqtaʼ x-​xorb.

Kemm għandi nixrob?

Parir: Peress li l-​alkoħol jistaʼ jagħmilha diffiċli biex taħseb, iddeċiedi minn qabel kemm se tixrob.

Meta m’għandix nixrob?

Pariri: Qabel issuq jew tagħmel affarijiet li fihom ikollok bżonn tikkonċentra, qabel tieħu sehem f’xi attivitajiet reliġjużi, waqt it-​tqala, u meta tieħu ċerti mediċini.

Fejn se nixrob?

Pariri: Maʼ kumpanija tajba, mhux bil-​moħbi, mhux quddiem nies li jitfixklu meta jarawk tixrob.

Maʼ min se nixrob?

Pariri: Maʼ ħbieb jew tal-​familja li għandhom ħarsa tajba lejn l-​alkoħol; mhux ma’ dawk li għandhom problema bix-​xorb.

[Kaxxa/Stampa]

Kif il-​Kelma t’Alla Għenet lil Wieħed li Kien Sakranazz

Supot, mit-​Tajlandja, kien jixrob ħafna. Għall-​ewwel kien jixrob filgħaxijiet biss. Bil-​mod il-​mod hu beda jixrob anke filgħodu u mbagħad, anke f’nofsinhar. Hu kien jixrob biex jisker. Imma mbagħad beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Meta tgħallem li mhux aċċettabbli għal Alla Ġeħova li tkun fis-​sakra, Supot qataʼ x-​xorb. Imma wara xi żmien reġaʼ beda jixrob ħafna. Il-​familja tiegħu kienu mdejqin ħafna.

Minkejja dan, Supot baqaʼ jħobb lil Ġeħova u xtaq li jaqdih kif suppost. Il-​ħbieb taʼ Supot komplew jgħinuh. Ukoll, inkuraġġew lill-​familja tiegħu biex iqattgħu iktar ħin miegħu, u ma jaqtgħux qalbhom minnu. Madwar dak iż-​żmien, l-​iskrittura tal-​1 Korintin 6:10, li turi b’mod dirett li s-​‘sakranazzi ma jirtux is-​saltna t’Alla,’ għenet lil Supot jinduna li kellu problema vera serja. Hu rrealizza li kellu bżonn jagħmel minn kollox biex jieqaf jixrob.

Issa Supot kien determinat li jieqaf jixrob għalkollox. Maż-​żmien bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla, il-​Bibbja, il-​familja, u l-​kongregazzjoni, Supot irnexxa. Il-​familja tiegħu kienu ferħanin se jtiru meta wasal biex jitgħammed. Supot issa jgawdi relazzjoni mill-​qrib maʼ Alla kif dejjem xtaq u juża l-​ħin tiegħu biex jgħin lil oħrajn b’mod spiritwali.