Mur fil-kontenut

KONVERSAZZJONI MAʼ ĠAR

Meta Bdiet Tmexxi s-Saltna t’Alla? (It-2 Parti)

Meta Bdiet Tmexxi s-Saltna t’Alla? (It-2 Parti)

Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova jistaʼ jkollu ma’ ġar. Ejja nimmaġinaw li Xhud jismu Cameron mar lura għand raġel jismu Jon.

IL-​ĦOLMA TAʼ NEBUKADNESSAR—REVIŻJONI FIL-​QOSOR

Cameron: Qed nieħu gost nerġaʼ narak Jon. Dejjem nieħu gost bl-​istudju tal-​Bibbja tagħna taʼ kull ġimgħa. * Kif int?

Jon: Tajjeb Grazzi.

Cameron: Qed nieħu gost li tinsab tajjeb. L-​aħħar li ġejt, tkellimna dwar għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħidu li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-​1914. * Bħalma diġà ddiskutejna, fil-​profezija taʼ Danjel kapitlu 4 fil-​Bibbja qrajna punt importanti. Tiftakar xi qrajna?

Jon: Qrajna dwar il-​ħolma taʼ Nebukadnessar fuq siġra kbira.

Cameron: Eżatt. Mela Nebukadnessar fil-​ħolma tiegħu ra siġra enormi li kienet tasal sas-​smewwiet. U semaʼ anġlu t’Alla jikkmanda li s-​siġra kellha titqaċċat, iżda z-​zokk u l-​għeruq tagħha kellhom jitħallew fl-​art. Wara li jgħaddu “sebaʼ żminijiet,” is-​siġra kellha terġaʼ tikber. * Iddiskutejna wkoll għala l-​profezija għandha żewġ twettiqiet. Tiftakar kif twettqet l-​ewwel?

Jon: Din kienet xi ħaġa li ġrat lil Nebukadnessar innifsu, sewwa? Hu tilef moħħu għal sebaʼ snin.

Cameron: Eżatt. Nebukadnessar għal xi żmien tilef moħħu, allura ma setax imexxi tul dak iż-​żmien. Iżda fit-​tieni twettiq tal-​profezija, it-​tmexxija t’Alla kellha tieqaf għal perjodu taʼ sebaʼ żminijiet. Bħalma rajna, is-​sebaʼ żminijiet bdew meta Ġerusalemm ġiet meqruda fis-​sena 607 QK. Minn dak iż-​żmien ‘il quddiem, ma kienx hemm iktar slaten fuq l-​art li kienu jirrappreżentaw lil Alla Ġeħova f’li jmexxi l-​poplu tiegħu. Madankollu, malli jgħaddu s-​sebaʼ żminijiet, Alla kien se jaħtar Sultan ġdid fis-​sema li kellu jmexxi fuq il-​poplu tiegħu. Fi kliem ieħor, malli jgħaddu s-​sebaʼ żminijiet, is-​Saltna t’Alla fis-​sema kellha tibda tmexxi. S’issa diġà ddiskutejna meta bdew is-​sebaʼ żminijiet. Allura jekk insiru nafu kemm damu, imbagħad se nkunu nafu meta bdiet tmexxi s-Saltna t’Alla. Jagħmel sens dak li rajna s’issa?

Jon: Iva. Din ir-​reviżjoni għenitni biex nerġaʼ niftakar dak li rajna s’issa.

Cameron: Tajjeb. Mela issa ejja nikkunsidraw kemm kienu twal is-​sebaʼ żminijiet. Jien erġajt għaddejtu dan is-​suġġett ħalli nfakkar lili nnifsi l-​punti prinċipali. U ħa nipprova nfehemhomlok kif nistaʼ.

Jon: OK.

JISPIĊĊAW IS-​SEBA’ ŻMINIJIET—JIBDEW L-​AĦĦAR JIEM

Cameron: L-​ewwel twettiq kien dwar Nebukadnessar, u s-​sebaʼ żminijiet damu litteralment sebaʼ snin. Imma fit-​tieni twettiq, dak li kien jinvolvi s-​Saltna t’Alla, is-​sebaʼ żminijiet bilfors li kellhom ikunu itwal minn sebaʼ snin litterali.

Jon: Għalfejn qed tgħid hekk?

Cameron: L-​ewwel ħaġa, ftakar li s-​sebaʼ żminijiet bdew meta Ġerusalemm ġiet meqruda fis-​sena 607 QK. Issa jekk nibdew ngħoddu minn dik is-​sena, sebaʼ snin litterali jiħduna sas-​sena 600 QK. Imma f’din is-​sena ma ġara xejn sinifikanti li kellu x’jaqsam mat-​tmexxija t’Alla. Barra minn hekk, bħalma diġà rajna, sekli wara meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera li s-​sebaʼ żminijiet ma kinux għadhom spiċċaw.

Jon: Iva, niftakar li tkellimna dwar dan.

Cameron: Allura, is-​sebaʼ żminijiet bilfors li kellhom ikunu itwal minn sebaʼ snin litterali.

Jon: U kemm kellhom ikunu twal?

Cameron: Meta naqraw il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni fil-​Bibbja jgħinna nifhmu l-​ktieb taʼ Danjel. U dan se jgħinna naraw kemm kienu twal eżatt is-​sebaʼ żminijiet. Dan juri li perjodu taʼ tliet żminijiet u nofs jammonta għal 1,260 ġurnata. * Issa, tliet żminijiet u nofs għal darbtejn jiġu sebaʼ żminijiet. U dawn jammontaw għal 2,520 ġurnata. Fhimtni s’hawn?

Jon: Iva, fhimtek s’hawn. Imma xorta ma nistax nara kif is-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-​1914.

Cameron: OK, mela ejja naraw kif wasalna sa dik is-​sena. Xi kultant fil-​profeziji tal-​Bibbja naraw li ġurnata tirrappreżenta sena. * Issa jekk nagħmlu ġurnata għal sena f’dan il-​każ, is-​sebaʼ żminijiet se jammontaw għal 2,520 sena. Mela jekk nibdew ngħoddu 2,520 sena mis-​sena 607 QK, jiħduna għas-​sena 1914. Dan hu l-​mod kif wasalna għall-​1914 bħala s-​sena li s-​sebaʼ żminijiet spiċċaw u Ġesù beda jmexxi bħala Sultan fis-​Saltna t’Alla. Naraw ukoll li mill-​1914 bdew jitwettqu profeziji tal-​Bibbja dwar l-​aħħar żminijiet.

Jon: Liema profeziji?

Cameron: Ejja naraw x’qal Ġesù f’​Mattew 24:7 dwar iż-​żmien meta hu kellu jibda jsaltan mis-​sema. Ġesù qal, “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-​ieħor.” Innota li Ġesù bassar li matul dan il-​perjodu kellu jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti. U fis-​seklu li għadda d-​dinja rat ħafna minn dan l-​inkwiet, hux veru?

Jon: Veru.

Cameron: F’dan il-​vers, Ġesù bassar ukoll li matul il-​preżenza tiegħu bħala Sultan fis-​Saltna t’Alla kellu jkun hemm il-​gwerer. U l-​ktieb fil-​Bibbja taʼ Rivelazzjoni bassar illi fl-​aħħar żminijiet il-​gwerer ma kellhomx ikunu f’pajjiż wieħed biss iżda kellhom jaffettwaw id-​dinja kollha. * Tiftakar meta faqqgħet l-​ewwel gwerra dinjija?

Jon: Iva, fl-​1914, l-​istess sena meta Ġesù beda jmexxi! Qatt ma ħsibt li dawn kellhom x’jaqsmu.

Cameron: Meta nqabblu l-​profezija dwar is-​sebaʼ żminijiet ma’ profeziji oħra fil-​Bibbja dwar l-​aħħar żminijiet, inkunu nistgħu nifhmu aħjar dak li trid tgħid il-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma konvinti li Ġesù beda jmexxi bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla fl-​1914 u li l-​aħħar żminijiet bdew f’dik l-​istess sena. *

Jon: Imma dan kollu xorta għadu mhux ċar f’moħħi.

Cameron: Nistaʼ nifhmek. Bħalma għedtlek, jien ukoll domt ftit biex fhimtha sew. Iżda nispera li dak li ddiskutejna għenek tara illi għalkemm is-​sena 1914 mhix imsemmija fil-​Bibbja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibbażaw it-​twemmin tagħhom dwar din is-​sena mill-​Bibbja.

Jon: Iva, u jien nammirakom għax dejjem tagħtu prova taʼ dak li tgħidu mill-​Bibbja. Ma toqogħdux fuq dak li taħsbu intom. Imma għalfejn kellha tkun daqshekk ikkumplikata. Ma setax Alla jgħidilna mill-​ewwel fil-​Bibbja li s-​sena meta Ġesù kellu jibda jmexxi mis-​sema kellha tkun l-​1914?

Cameron: Mistoqsija tajba Jon. Fil-​fatt hemm ħafna affarijiet fil-​Bibbja li jirrikjedu daqsxejn iktar riċerka biex tifhimhom. Allura għalfejn il-​Bibbja ġiet miktuba b’dan il-​mod? Forsi nistgħu niddiskutu dan id-​darba li ġejja.

Jon: Iva, nixtieq li nitkellmu dwar dan darb’oħra.

Hemm xi suġġett partikolari mill-​Bibbja li ġieli ħsibt dwaru? Tixtieq tkun taf x’jemmnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova? F’dan il-​każ, tiddejjaqx tistaqsi lil wieħed jew waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma se jieħdu gost jiddiskutu dwar dan miegħek.

^ par. 5 Permezz taʼ studju tal-​Bibbja bla ħlas, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss ikollhom diskussjonijiet dwar il-​Bibbja mal-​ġirien tagħhom.

^ par. 22 Ara Rivelazzjoni 12:​6, 14; nota taʼ taħt.

^ par. 30 Ara kapitlu 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.