Mur fil-kontenut

KONVERSAZZJONI MA’ ĠAR

Meta Bdiet Tmexxi s-Saltna t’Alla? (L-1 Parti)

Meta Bdiet Tmexxi s-Saltna t’Alla? (L-1 Parti)

Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova jistaʼ jkollu ma’ ġar. Ejja nimmaġinaw li Xhud jismu Cameron ħabbat il-​bieb taʼ raġel jismu Jon.

“IBQAʼ FITTEX” BIEX TIFHEM

Cameron: Jon, veru qed nieħu pjaċir bid-​diskussjonijiet regulari li qed ikollna dwar il-​Bibbja. * L-​aħħar darba li tkellimna, int qajjimt mistoqsija dwar is-​Saltna t’Alla. Int staqsejt għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-​1914.

Jon: Iva, kont qed naqra waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħkom, u kien hemm miktub li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-​1914. Dan qajjimli l-​kurżità għax intom tgħidu li tibbażaw it-​twemmin kollu tagħkom mill-​Bibbja.

Cameron: Sewwa qed tgħid, hekk nagħmlu.

Jon: Ifhimni, jien kont qrajtha l-​Bibbja imma qatt ma niftakar li rajt is-​sena 1914 f’xi vers. Allura dħalt fuq Bibbja online, u fittixt biex nara nsibx “1914” fiha. U ovvjament, xejn ma telagħli.

Cameron: Nixtieq ngħidlek proset għal żewġ raġunijiet Jon. L-​ewwel għax qrajt il-​Bibbja kollha. Bilfors li tħobbha ħafna l-​Kelma t’Alla.

Jon: Veru nħobbha. M’hawnx ktieb ieħor bħalha.

Cameron: Naqbel miegħek. U ngħidlek proset ukoll għax mort tfittex tweġiba mill-​Bibbja għall-​mistoqsija li kellek. Għamilt eżatt dak li l-​Bibbja tinkuraġġina biex nagħmlu: “Ibqaʼ fittex” biex tifhem. * Tajjeb li għamilt sforz bħal dan.

Jon: Grazzi. Nixtieq inkompli nitgħallem. Fil-​fatt fittixt naqra fil-​ktieb li qed nistudja miegħek u sibt ftit informazzjoni dwar l-​1914. Din kienet dwar ħolma li kellu sultan—kien hemm siġra kbira li ġiet maqtugħa u mbagħad naħseb li reġgħet kibret.

Cameron: Eh, iva. Dik hi l-​profezija li qiegħda fil-​ktieb taʼ Danjel kapitlu 4. Hija dwar ħolma li kellu s-​Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja.

Jon: Iva, dik hi. Il-​profezija qrajtha kemm-​il darba. Imma biex inkun onest, xorta ma nistax nifhem x’għandha x’taqsam mas-​Saltna t’Alla jew mas-​sena 1914.

Cameron: Fil-​verità Jon, lanqas il-​profeta Danjel ma fehem it-​tifsira kollha taʼ dak li ġie ispirat jikteb!

Jon: Veru?

Cameron: Iva. Hawnhekk f’​Danjel 12:8, hu jgħid: “Issa jien smajt, imma ma stajtx nifhem.”

Jon: M’iniex waħdi mela. Inħossni ftit aħjar.

Cameron: Ir-​raġuni li Danjel ma fehemx hi għax ma kienx għadu l-​waqt għal Alla li jirrivela lin-​nies kompletament it-​tifsira tal-​profeziji tal-​ktieb taʼ Danjel. Imma issa, fi żmienna, nistgħu nifhmuhom aħjar.

Jon: Għala tgħid hekk?

Cameron: Innota xi qrajna fil-​vers taʼ wara. Danjel 12:9 jgħid: “Il-​kliem ngħalaq u ġie siġillat sa żmien it-​tmiem.” Għalhekk, in-​nies setgħu biss jifhmu dawn il-​profeziji ħafna iktar tard, waqt “żmien it-​tmiem.” U kif se naraw dalwaqt fl-​istudju tal-​Bibbja, l-​evidenzi juru li aħna qegħdin ngħixu propju f’dak iż-​żmien. *

Jon: Allura tistaʼ tispjegali l-​profezija taʼ Danjel?

Cameron: OK, nipprova.

IL-​ĦOLMA TAʼ NEBUKADNESSAR

Cameron: L-​ewwel, ejja naraw x’ra s-​Sultan Nebukadnessar fil-​ħolma tiegħu. Imbagħad naraw xi tfisser.

Jon: Tajjeb.

Cameron: Fil-​ħolma, Nebukadnessar ra siġra enormi li kienet tasal sas-​smewwiet. Imbagħad sema’ leħen taʼ anġlu t’Alla ġej mis-​sema jikkmanda li s-​siġra tiġi mqaċċta. Iżda Alla qal li z-​zokk t’għeruqha kellu jitħalla fl-​art. Wara li jgħaddi perjodu taʼ “sebaʼ żminijiet,” is-​siġra kellha terġaʼ tikber. * Din il-​profezija fil-​bidu kienet tapplika għas-​Sultan Nebukadnessar innifsu. Minkejja li kien sultan prominenti—bħas-​siġra li waslet sas-​smewwiet—hu tneħħa mill-​pożizzjoni tiegħu għal “sebaʼ żminijiet.” Tiftakar x’ġara?

Jon: Le, ma niftakarx.

Cameron: Ma jimpurtax. Il-​Bibbja turi ċar li Nebukadnessar tilef moħħu għal sebaʼ snin. Matul dan iż-​żmien, hu ma setax jibqaʼ jsaltan. Iżda meta għaddew is-​sebaʼ żminijiet, Nebukadnessar reġaʼ ġie f’sensih u reġaʼ beda jsaltan. *

Jon: OK s’hawnhekk fhimtek. Imma dan kollu x’għandu x’jaqsam mas-​Saltna t’Alla u s-​sena 1914?

Cameron: Fi ftit kliem, din il-​profezija kellha żewġ twettiqiet. L-​ewwel twettiq ġara meta t-​tmexxija tas-​Sultan Nebukadnessar ġiet imwaqqfa. U fit-​tieni twettiq, it-​tmexxija t’Alla li kienet irrappreżentata minn slaten fuq l-​art ġiet imwaqqfa. Allura, huwa t-​tieni twettiq li għandu x’jaqsam mas-​Saltna t’Alla.

Jon: Imma kif taf li l-​profezija għandha t-​tieni twettiq u dan għandu x’jaqsam mas-​Saltna t’Alla?

Cameron: Fil-​fatt, il-​profezija stess tgħidilna. Skont Danjel 4:17, il-​profezija ngħatat “bil-​ħsieb li l-​ħajjin ikunu jafu li l-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin, u li lil min irid hu jagħtiha.” Innotajtha l-​espressjoni “s-​saltna tal-​bnedmin”?

Jon: Iva, tgħid li “l-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin.”

Cameron: Tajjeb. U min taħseb li hu “l-​Iktar Għoli”?

Jon: Naħseb li qed jitkellem dwar Alla.

Cameron: Eżatt. Mela dan jurina li din il-​profezija m’hijiex biss dwar Nebukadnessar. Tinvolvi wkoll “is-​saltna tal-​bnedmin”​—jiġifieri t-​tmexxija t’Alla fuq il-​bnedmin. U dan jagħmel sens meta naraw il-​kuntest tal-​profezija.

Jon: Dan xi jfisser?

IT-​TEMA PRINĊIPALI TAL-​KTIEB

Cameron: Il-​ktieb taʼ Danjel jirreferi għall-​istess tema kemm-​il darba—iż-​żmien meta s-​Saltna t’Alla tibda tmexxi b’Ġesù bħala Sultan. Biex nieħdu eżempju, ejja mmorru lura ftit kapitli. Tistaʼ jekk jogħġbok taqra Danjel 2:​44?

Jon: OK. Din tgħid: “U fi żmien dawn is-​slaten, l-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-​saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”

Cameron: Grazzi. Taħseb li dan il-​vers qed jitkellem dwar is-​Saltna t’Alla?

Jon: M’iniex ċert.

Cameron: Innota x’qal hawnhekk, “u hi [jiġifieri s-​Saltna t’Alla] tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Dan hu minnu dwar is-​Saltna t’Alla, imma nistgħu ngħidu l-​istess dwar it-​tmexxija mill-​bniedem?

Jon: Le, ma naħsibx.

Cameron: Fil-​ktieb taʼ Danjel insibu profezija oħra li tiġbed l-​attenzjoni lejn is-​Saltna t’Alla. Din qiegħda f’​Danjel 7:​13, 14. Din hi dwar mexxej fil-​futur, u tgħid hekk: “Lilu ngħataw ħakma, dinjità, u saltna, sabiex il-​popli, il-​ġnus, u l-​lingwi jaqdu kollha lilu. Il-​ħakma tiegħu hi ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.” Qed tara xi ħaġa familjari f’din il-​profezija?

Jon: Din issemmi saltna.

Cameron: Hekk hu. U din mhix saltna kwalunkwe. Innota li din is-​Saltna se jkollha awtorità fuq “il-​popli, il-​ġnus, u l-​lingwi”. Fi kliem ieħor, din is-​Saltna se tmexxi fuq l-​art kollha.

Jon: Ma kontx fhimtha, imma għandek raġun, hekk qed tgħid.

Cameron: Ukoll, innota x’tgħid iktar il-​profezija: “Il-​ħakma tiegħu hi ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.” Taqbel li din il-​profezija tixbah ħafna l-​profezija li qrajna f’​Danjel 2:​44?

Jon: Iva.

Cameron: Ejja nirrevedu fuq fuq dak li ddiskutejna s’issa. Il-​profezija f’​Danjel kapitlu 4 ngħatat biex in-​nies ikunu jafu li “l-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin.” Dan il-​kliem juri ċar li din il-​profezija ma involvietx biss lil Nebukadnessar, iżda kellha twettiq akbar. U fil-​ktieb taʼ Danjel insibu ħafna profeziji dwar meta s-​Saltna t’Alla kellha tibda tmexxi permezz t’Ibnu. Allura, taħseb li hu raġonevoli li nikkonkludu li din il-​profezija f’​Danjel kapitlu 4 għandha x’taqsam ukoll mas-​Saltna t’Alla?

Jon: Jagħmel sens. Imma xorta għadni ma fhimtx kif dan għandu x’jaqsam mal-​1914.

“ĦA JGĦADDU . . .SEBAʼ ŻMINIJIET”

Cameron: Mela ejja nerġgħu mmorru lura għas-​Sultan Nebukadnessar. Fl-​ewwel twettiq tal-​profezija, is-​siġra rrappreżentat lilu. It-​tmexxija tiegħu ġiet imwaqqfa meta s-​siġra ġiet imqaċċta’ u tħalliet hekk għal sebaʼ żminijiet. Dan kien iż-​żmien meta Nebukadnessar tilef moħħu. Il-​perjodu taʼ sebaʼ żminijiet intemm meta Nebukadnessar ġie f’sensih u reġaʼ beda jsaltan. Fit-​tieni twettiq tal-​profezija, it-​tmexxija t’Alla kellha tieqaf għal perjodu taʼ żmien—imma mhux għax kien hemm xi ħaġa ħażina min-​naħa t’Alla.

Jon: X’jiġifieri?

Cameron: Fi żminijiet Bibliċi, is-​slaten taʼ Iżrael, li kienu jmexxu f’Ġerusalemm, kienu joqogħdu fuq “it-​tron taʼ Ġeħova.” * Jiġifieri huma kienu jirrappreżentaw lil Alla f’li jmexxi lil poplu tiegħu. Allura t-​tmexxija taʼ dawk is-​slaten kienet tirrappreżenta t-​tmexxija t’Alla. Madankollu, maż-​żmien, ħafna minn dawk is-​slaten ma baqgħux ubbidjenti lejn Alla u ħafna mill-​Iżraelin imxew wara l-​eżempju ħażin tagħhom. Minħabba d-​diżubbidjenza tal-​Iżraelin, Alla ppermetta li jiġu mirbuħa mill-​Babiloniżi fis-​sena 607 QK. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, ma kienx hemm iktar slaten f’Ġerusalemm li rrappreżentaw lil Ġeħova. Dak kien meta s-​Saltna t’Alla waqfet tmexxi. Qiegħed tifhem s’issa?

Jon: Naħseb qed nifhmek.

Cameron: Mela s-​sebaʼ żminijiet bdew fis-​sena 607 QK, meta t-​tmexxija t’Alla kellha tieqaf. Malli jgħaddu s-​sebaʼ żminijiet, Alla kien se jqiegħed mexxej biex jirrappreżentah—din id-​darba fis-​sema. Dan hu ż-​żmien meta l-​profeziji l-​oħrajn li qrajna dwarhom f’​Danjel kellhom jitwettqu. Allura tqum il-​mistoqsija: Is-​sebaʼ żminijiet meta spiċċaw? Jekk insibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija, se nsiru nafu meta s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi.

Jon: Naħseb qed nifhem—mela s-​sebaʼ żminijiet spiċċaw fl-​1914?

Cameron: Eżatt! Sewwa fhimt.

Jon: Imma dan kif nafuh?

Cameron: Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wera li s-​sebaʼ żminijiet ma kinux għadhom spiċċaw. * Allura dan bilfors li kien perjodu twil taʼ żmien. Is-​sebaʼ żminijiet bdew mijiet taʼ snin qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art u baqgħu għaddejjin sa xi żmien wara li hu mar lura fis-​sema. Ftakar li l-​profeziji taʼ Danjel kienu se jiġu mifhuma fi “żmien it-​tmiem. * Matul l-​aħħar tas-​seklu 19, studenti sinċieri tal-​Bibbja wrew interess f’dawn il-​profeziji u eżaminawhom bir-​reqqa. Huma bdew jifhmu li s-​sebaʼ żminijiet kellhom jintemmu fl-​1914. Ġrajjiet kbar li seħħew minn dak iż-​żmien ‘il quddiem jikkonfermaw li l-​1914 verament kienet is-​sena li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fis-​sema. Din kienet is-​sena meta id-​dinja daħlet fl-​aħħar jiem tagħha, jew żmien it-​tmiem. Naf li tajtek ħafna informazzjoni . . .

Jon: Iva veru, u żgur li se jkolli nerġaʼ naqraha ħalli tkun ċara f’moħħi.

Cameron: Toqgħodx tinkwieta. Anki jien domt daqsxejn biex fhimt dawn il-​profeziji u t-​twettiq tagħhom. Imma għall-​inqas nittama li din id-​diskussjoni għenitek tara li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jibbażaw it-​twemmin tagħhom dwar is-​Saltna minn fuq il-​Bibbja.

Jon: Dak żgur, bla dubju. Dejjem impressjonani l-​fatt li intom tibbażaw it-​twemmin tagħkom minn fuq il-​Bibbja.

Cameron: U jien ċert li int tixtieq tagħmel l-​istess ukoll. Kif għedtlek għandek ħafna informazzjoni f’daqqa dwar xiex taħseb. U x’aktarx li baqagħlek xi mistoqsijiet. Bħal pereżempju, issa nafu li s-​sebaʼ żminijiet għandhom x’jaqsmu mas-​Saltna t’Alla u li dawn bdew fis-​sena 607 QK. Imma kif nafu eżatt li dawn is-​sebaʼ żminijiet intemmu fl-​1914? *

Jon: Iva, kont qed naħseb dwar dan.

Cameron: Il-​Bibbja nfisha tgħinna nkunu nafu kemm kienu twal eżatt is-​sebaʼ żminijiet. Tixtieq inkomplu nitkellmu dwar dan is-​suġġett id-​darba li ġejja? *

Jon: Iva, tajjeb għalija.

Hemm xi suġġett partikolari mill-​Bibbja li ġieli ħsibt dwaru? Tixtieq tkun taf x’jemmnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova? F’dan il-​każ, tiddejjaqx tistaqsi lil wieħed jew waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma se jieħdu gost jiddiskutu dwar dan miegħek.

^ par. 5 Permezz taʼ studju tal-​Bibbja bla ħlas, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss ikollhom diskussjonijiet dwar il-​Bibbja mal-​ġirien tagħhom.

^ par. 21 Ara kapitlu 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 63 Fil-​profezija tiegħu dwar l-​aħħar żminijiet, Ġesù qal: “Ġerusalemm [li tirrappreżenta t-​tmexxija t’Alla] tintrifes mill-​ġnus sakemm jitwettqu ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus.” (Luqa 21:24) Meta Ġesù kien fuq l-​art, it-​tmexxija t’Alla kienet għadha wieqfa u kellha tibqaʼ hekk sal-​aħħar żminijiet.

^ par. 67 Ara l-appendiċi “L-1914—Sena Sinifikanti fil-Profeziji tal-Bibbja” tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?

^ par. 69 L-​artiklu li jmiss f’din is-​serje se jikkunsidra versi mill-​Bibbja li jispjegaw kemm kienu twal is-​sebaʼ żminijiet.