1 Għala Hemm Bżonn Nitolbu?
IT-TALB. Ħafna nies jinteressahom ħafna x’tgħid il-Bibbja dwar it-talb. Ejja naraw sebaʼ mistoqsijiet dwar it-talb u x’tgħid il-Bibbja dwarhom. Dawn l-artikli se jgħinuk biex tibda titlob. Jekk ġa titlob, se jgħinuk tkun ċert kif Alla jismaʼ t-talb tiegħek.
MADWAR id-dinja, nies minn kull kultura u reliġjon jitolbu. Jitolbu waħedhom u anki fi gruppi. Biex jitolbu lil Alla jmorru f’postijiet bħal knejjes u tempji, u forsi jużaw affarijiet differenti.
It-talb jagħmilna differenti minn kull ħaġa ħajja oħra fuq l-art. Veru li għandna ħafna affarijiet l-istess bħall-annimali. Bħalhom għandna bżonn l-ikel, l-arja, u l-ilma. Bħalhom, nitwieldu, ngħixu, u mmutu. (Ekkleżjasti 3:19) Imma għala n-nies biss jitolbu?
It-tweġiba hi, għax hemm bżonn li nitolbu. Ħafna min-nies, meta jitolbu, ikunu jridu jitkellmu mal-alla li jqimu. Il-Bibbja turina li aħna ġejna maħluqin b’dan il-bżonn. (Ekkleżjasti 3:11) Ġesù qal: ‘Ferħanin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.’—Mattew 5:3.
Kollha kemm aħna għandna dan il-“bżonn spiritwali.” Għalhekk hawn ħafna reliġjonijiet u postijiet fejn in-nies imorru jqimu u jitolbu. Imma ħafna nies jaħsbu li m’għandhomx bżonn lil Alla. Taħseb li dan hu vera? Peress li aħna limitati b’ħafna modi, ngħixu ħajja qasira, u hemm ħafna affarijiet li ma nifhmuhomx, għandna bżonn lil xi ħadd biex jgħinna. Xi ħadd li hu intelliġenti, b’saħħtu, u jgħix iżjed minna. X’għajnuna għandna bżonn?
Aħseb fuq dan: Qatt kellek bżonn għajnuna, ridt tifhem xi ħaġa, jew ridt tweġibiet għall-mistoqsijiet li ħadd ma setaʼ jwieġeb? Qatt kellek bżonn lil xi ħadd ikun hemm għalik, pereżempju meta miet xi ħadd li tħobb? Kellek bżonn għajnuna biex tieħu deċiżjoni importanti jew biex tinħafer taʼ ħaġa li għamilt?
Skont il-Bibbja, dawn huma kollha raġunijiet tajbin biex titlob. Il-Bibbja tgħinna biex inkunu nafu kif u dwar xiex nitolbu, għax fiha nistgħu nsibu ħafna talb taʼ rġiel u nisa leali. Huma talbu għall-faraġ, għall-għajnuna, għall-maħfra, u għat-tweġibiet taʼ mistoqsijiet diffiċli.—Salm 23:3; 71:21; Danjel 9:4, 5, 19; Ħabakkuk 1:3.
Dan it-talb kellu xi ħaġa simili. Dawn l-irġiel u n-nisa kienu jafu xi ħaġa importanti dwar it-talb, li llum il-ġurnata ħafna nsewha. Huma kienu jafu lil min kellhom jitolbu.