2 Lil Min Għandna Nitolbu?
ALLA jismaʼ t-talb kollu? Ħafna nies jaħsbu li iva. Ħafna jaħsbu li r-reliġjonijiet kollha huma tajbin, għalhekk jirraġunaw li ma tagħmilx differenza liema alla titlob. Imma dan veru?
Il-Bibbja tgħidilna li n-nies ħafna drabi ma jitolbux lill-Alla l-veru. Meta nkitbet il-Bibbja, kienet xi ħaġa komuni li n-nies jitolbu lill-istatwi. Imma Alla kemm-il darba kien avżahom dwar din id-drawwa ħażina. Eżempju wieħed insibuh f’Salm 115:4-6, fejn jgħid hekk dwar l-istatwi: “Widnejn għandhom, imma ma jistgħux jisimgħu.” Mela hawnhekk jurina b’mod ċar li huwa għalxejn li titlob lil alla li ma jistax jisimgħek.
Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont li ġej. Il-profeta Elija qal lill-profeti taʼ Bagħal biex jitolbu lill-alla tagħhom. Imbagħad hu kien se jitlob lil Alla tiegħu. Elija qal li l-Alla l-veru kien se jwieġeb u l-wieħed falz le. Il-profeti taʼ Bagħal damu jitolbu għal ħin twil, anki jgħajtu lill-alla tagħhom, imma hu ma wiġibx! Ir-rakkont jgħid: “Ma nstemaʼ l-ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom.” (1 Slaten 18:29) Imma x’ġara meta talab Elija?
Wara li Elija talab, l-Alla tiegħu wieġbu mill-ewwel billi bagħat nar mis-sema u ħaraq l-offerta tiegħu. Alla għala wieġeb it-talba tiegħu? Aħna nistgħu nifhmu għala meta naqraw it-talba t’Elija miktuba fl-1 Slaten 18:36, 37. Hija talba qasira ħafna, imma fiha Elija juża tliet darbiet l-isem t’Alla, Ġeħova.
Il-Kangħanin kienu jqimu lil Bagħal u kienu jtuh ismijiet differenti skont fejn kienu joqogħdu. Imma Ġeħova hu l-uniku isem tal-Alla l-veru. Hu qal lin-nies tiegħu: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-glorja tiegħi.”—Isaija 42:8.
Għala t-talba t’Elija ġiet imwieġba u t-talb tal-profeti taʼ Bagħal le? Il-prostituzzjoni u s-sagrifiċċji tan-nies kienu parti mill-qima lil Bagħal. Il-qima lil Ġeħova kienet differenti. Hu ma riedx lin-nies tiegħu jimitaw dawn id-drawwiet diżgustanti. Minflok, hu riedhom iqimuh b’mod nadif. Ukoll, aħseb dwar dan: Jekk ikollok tibgħat ittra lil ħabib, trid tuża l-isem tiegħu. Jekk tuża isem taʼ xi ħaddieħor, il-ħabib qatt mhu se jirċievi l-ittra.
It-talb t’Elija u tal-profeti taʼ Bagħal wera li mhux it-talb kollu jinstemaʼ
Jekk titlob lil Ġeħova, tkun qed titlob lil Missierna li ħalaq kollox. * Il-profeta Isaija talab: “O Ġeħova, int Missierna.” (Isaija 63:16) Ġesù kien qed jitkellem dwar Ġeħova meta qal lid-dixxipli tiegħu: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (Ġwanni 20:17) Ġesù talab lil Alla Ġeħova li jiġi missieru. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu qal lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Ġeħova.—Mattew 6:9.
Tgħidilna l-Bibbja biex nitolbu lil Ġesù, lil Marija, lill-qaddisin, jew l-anġli? Le, lil Ġeħova biss. Ejja naraw żewġ raġunijiet. L-ewwel, it-talb huwa tip taʼ qima, u l-Bibbja tgħidilna li lil Ġeħova biss għandna nqimu. (Eżodu 20:5) It-tieni, il-Bibbja tgħid li hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Għalkemm Ġeħova jagħti ħafna responsabbiltajiet lil oħrajn, hu qatt ma ta din ir-responsabbiltà lil ħaddieħor. Hu jwegħedna li hu stess se jismaʼ t-talb tagħna.
Jekk trid li Alla jismaʼ t-talb tiegħek, ftakar x’tgħid il-Bibbja: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” (Atti 2:21) Imma Ġeħova jismaʼ t-talb kollu? Jew hemm xi ħaġ’oħra li rridu nkunu nafu biex Ġeħova jismaʼ t-talb tagħna?
^ par. 8 Xi reliġjonijiet jgħidu li hu ħażin li tgħid l-isem personali t’Alla, anki fit-talb. Meta nkitbet il-Bibbja, l-isem Ġeħova kien intuża madwar 7,000 darba. Pereżempju, kemm-il darba nsibu ismu fit-talb u s-salmi.