5 Fejn u Meta Għandna Nitolbu?
ĦAFNA reliġjonijiet jgħidulek fejn u meta trid titlob. Tgħidilna l-Bibbja biex nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss?
Il-Bibbja tgħidilna li hemm ħinijiet partikolari meta għandna nitolbu. Pereżempju Ġesù, qabel ma beda jiekol mad-dixxipli tiegħu, irringrazzja ’l Alla bit-talb. (Luqa 22:17) U d-dixxipli tiegħu wkoll talbu meta ltaqgħu flimkien biex jitgħallmu dwar Alla. Huma kienu qed jagħmlu kif għamlu l-Lhud għal ħafna snin fis-sinagogi u fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Alla ried li t-tempju jkun “dar tat-talb għall-ġnus kollha.”—Marku 11:17.
Meta l-qaddejja t’Alla jiltaqgħu flimkien u jitolbu, hu jismaʼ t-talb tagħhom. Jekk jitolbu b’attitudni tajba u dak li jitolbu jaqbel maʼ dak li jrid Alla, hu jismagħhom. Dan it-talb jistaʼ jimmotiva lil Alla biex jagħmel xi ħaġa. (Ebrej 13:18, 19) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jibdew u jispiċċaw il-laqgħat tagħhom b’talba. Aħna nistidnuk minn qalbna biex tiġi għal dawn il-laqgħat.
Imma l-Bibbja ma tgħidilniex li rridu nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss. Fil-Bibbja, aħna naqraw li l-qaddejja t’Alla kienu jitolbu f’ħinijiet u postijiet differenti. Ġesù qal: “Meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.”—Mattew 6:6.
Aħna nistgħu nitolbu kullimkien u xħin irridu
Din hija stedina sabiħa! Inti tistaʼ titlob lill-iżjed Persuna b’awtorità fl-univers fi x’ħin trid, anki meta tkun waħdek, u tistaʼ tkun ċert li jisimgħek. Ġesù għalhekk kemm-il darba ried ikun waħdu meta kien jitlob! Darba minnhom għamel lejl sħiħ jitlob qabel ħa deċiżjoni importanti.—Luqa 6:12, 13.
Il-Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa li kienu jitolbu meta kellhom jieħdu deċiżjonijiet importanti jew meta kellhom problemi kbar. Ġieli talbu b’leħen għoli u ġieli f’qalbhom. Talbu fi gruppi u anki weħidhom. L-iżjed ħaġa importanti hi li talbu. Alla jistieden lill-qaddejja tiegħu biex ‘jitolbu bla waqfien.’ (1 Tessalonikin 5:17) Jitolbu kemm jitolbu l-qaddejja tiegħu, hu dejjem lest li jismagħhom. Dan jurina kemm Ġeħova jixtieq li nitolbuh.
Illum, ħafna nies ma jemmnux li t-talb huwa importanti. Forsi ssaqsi lilek innifsek, ‘It-talb vera jgħinni?’