Mur fil-kontenut

Ittra mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna—2017

Ittra mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna—2017

Għeżież Aħwa:

Lura fis-​sebaʼ seklu QK, il-​profeta Eżekjel kien ingħata viżjoni tal-​għaġeb. Hu ra karru enormi, karru fis-​smewwiet, li kien immexxi mis-​Sovran tal-​univers. L-​iktar ħaġa impressjonanti kienet il-​mod kif kien jimxi dan il-​karru. Kien jiġri daqs leħħa taʼ berqa, anke xħin ibiddel id-​direzzjoni—mingħajr ma jkollu għalfejn inaqqas il-​veloċità!—Eżek. 1:4, 9, 12, 14, 16-​27.

Din il-​viżjoni tfakkarna li l-​parti tas-​sema tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova l-​ħin kollu għaddejja. U xi ngħidu għall-​parti tal-​art tal-​organizzazzjoni? L-​aħħar sena taʼ servizz uriet biċ-​ċar li Ġeħova qed imexxi l-​poplu organizzat tiegħu fuq l-​art b’ritmu mgħaġġel ukoll!

Hawnhekk fl-​Istati Uniti, membri tal-​familja taʼ Betel kellhom ħafna x’jagħmlu biex minn Brooklyn marru għal ġol-​kwartieri ġenerali ġodda f’Warwick, New York, jew ġo bini ieħor taʼ Betel. Jerġaʼ oħrajn ġew assenjati bħala pijunieri barra Betel. Beteliti f’diversi fergħat madwar id-​dinja wkoll għandhom ħafna x’jagħmlu f’li jibnu, jirranġaw, jgħaqqdu l-​fergħat jew dipartimenti, u anke jmorru f’postijiet ġodda. Xi ngħidu għalik? Anki jekk ma biddiltx il-​post fejn taqdi jew l-​inkarigu, żgur li kellek ħafna x’tagħmel f’affarijiet oħrajn.

Bħala l-​Ġemgħa li Tiggverna, vera niġu inkuraġġiti meta naraw li n-​nies t’Alla madwar id-​dinja qed jaħdmu iebes iktar minn qatt qabel, biex jibqgħu jżommu mal-​pass tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ħafna marru joqogħdu f’post ieħor biex jaqdu fejn il-​bżonn hu ikbar. Oħrajn marru jgħinu f’aspett ieħor taʼ servizz, bħal li jgħinu f’lingwa barranija. Ħafna pprovaw metodu taʼ xandir li qatt ma kienu pprovawh qabel. Jerġaʼ oħrajn kabbru s-​servizz tagħhom b’modi oħra. Fil-​fatt, il-​Kristjani veri kollha, inkluż dawk imdaħħlin fiż-​żmien u dawk b’saħħa batuta, lealment qegħdin jiġru t-​tiġrija għall-​ħajja taʼ dejjem—billi jibqgħu mexjin ’il quddiem fis-​servizz taʼ Ġeħova u għalhekk qed jgħinu f’li juru li Satana hu giddieb!​—1 Kor. 9:24.

Kunu konvinti li Ġeħova qed jara ż-​żelu tagħkom. (Ebr. 6:10) Il-​fatt li minn jeddkom intom lesti li taqdu lil Ġeħova jfakkarna fl-​attitudni t’Abraham u Sara. Meta kellu ’l fuq minn sebgħin sena, Abraham telaq minn Ur, il-​belt tal-​Kaldin, u flimkien mal-​familja tiegħu vvjaġġa ’l bogħod lejn Kangħan, fejn għex fil-​kampijiet għal mitt sena, imbagħad miet. Xi spirtu taʼ min jimitah urew hu u martu l-​għażiża!—Ġen. 11:31; Atti 7:2, 3.

Qiegħed int turi dan l-​ispirtu? Intom kollha li qed tissaportu lealment f’dawn iż-​żminijiet diffiċli qegħdin tagħmlu bħalma qalilna nagħmlu Ġesù. Hu qal: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.”—Mt. 28:19.

Meta Ġesù qal “morru,” hu wera li għandna nkunu attivi. Kemm nieħdu pjaċir meta naraw kemm irnexxielhom iwettqu affarijiet is-​segwaċi żelużi taʼ Kristu f’din l-​aħħar sena! B’mod ċar nistgħu naraw li l-​id setgħana taʼ Ġeħova bierket ix-​xogħol taʼ li niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna madwar id-​dinja kollha.—Mk. 13:10.

Ħafna qed jisimgħu l-​messaġġ u jaġixxu. In-​numru taʼ pubblikaturi fis-​sena li għaddiet laħaq it-​8,340,847, u l-​istudji tal-​Bibbja kienu bejn wieħed u ieħor 10,115,264 kull xahar. Jidher ċar li l-​karru tas-​smewwiet għaddej bla waqfien, u anki intom! Komplu agħmlu x-​xogħol tajjeb li qegħdin tagħmlu f’daż-​żmien qasir li baqaʼ, qabel ma Ġeħova jagħlaq il-​bieb għas-​salvazzjoni.

Kemm hu xieraq li l-​iskrittura għas-​sena 2017 hi “Afda f’Ġeħova u agħmel it-​tajjeb”! (Salm 37:3) Meta nobdu dan il-​kliem, billi nagħmlu dak kollu li hu tajjeb fix-​xogħol taʼ Ġeħova, inkunu qed nuru l-​fiduċja tagħna fih. Jekk jogħġobkom, dejjem żommu f’moħħkom li qatt m’intom waħedkom. Ġesù assigurana b’dan il-​kliem: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”—Mt. 28:20.

Kunu ċerti li Ġeħova ħa jkompli jbierek is-​servizz leali tagħkom. Kemm jekk dak li tagħmlu hu ftit jew ħafna, l-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi li tagħtu l-​aħjar tagħkom u li tagħtuh bi skop tajjeb. Hu jqis dak li nagħmlu għalih bħala rigal li jmisslu qalbu u li jġiegħlu jitbissem b’approvazzjoni. (2 Kor. 9:6, 7) Għalhekk, komplu ersqu eqreb lejn Missierkom li jħobbkom billi titolbu regolarment, tistudjaw il-​Kelma t’Alla, tattendu l-​laqgħat, u tkunu attivi fil-​ministeru.

Sakemm jispiċċa “ż-​żmien qasir” li baqagħlu x-​Xitan, dan ir-​ribell mill-​agħar se jibqaʼ determinat li jagħmel dak kollu li jistaʼ biex ifixkilna milli nibqgħu leali lejn Ġeħova. (Riv. 12:12) Ibqgħu qrib taʼ Ġeħova, u x-​Xitan żgur ifalli kull darba li jipprova jfixkilkom. (Salm 16:8) Jekk jogħġobkom, kunu afu li aħna nħobbukom ħafna u napprezzaw l-​għajnuna u l-​appoġġ li tagħtuna biex nieħdu ħsieb l-​interessi tas-​Saltna tal-​Mulej Ġesù f’dawn l-​aħħar jiem.

Ħutkom,

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova