Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Valur Prattiku taʼ l-Aħbar Tajba għall-Komunità Tiegħek

Il-Valur Prattiku taʼ l-Aħbar Tajba għall-Komunità Tiegħek

Il-​Valur Prattiku taʼ l-​Aħbar Tajba għall-​Komunità Tiegħek

FID-​DINJA taʼ llum taʼ spiss nisimgħu lil min jgħid: “Il-​prinċipji tal-​Kristjanità m’humiex prattiċi. Sempliċement ma jirnexxux fis-​soċjetà kumplessa taʼ llum.” Madankollu, waqt konversazzjoni li hija rapportata li saret bejn il-​mexxej Ħindu Mohandas K. Gandhi u dak li qabel kien il-​viċirè Ingliż taʼ l-​Indja, Lord Irwin, xi ħadd esprima ruħu b’mod differenti ħafna minn hekk. Jintqal li Lord Irwin staqsa lil Gandhi x’kien jaħseb li setaʼ jsolvi l-​problemi bejn il-​Gran Britannja u l-​Indja. Gandhi qabad Bibbja, fetaħha fil-​ħames kapitlu taʼ Mattew u qal: “Meta l-​pajjiż tiegħek u tiegħi jiltaqgħu flimkien fuq it-​tagħlim imqiegħed minn Kristu f’din il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, aħna nkunu solvejna l-​problemi mhux biss tal-​pajjiżi tagħna imma dawk tad-​dinja kollha.”

Din il-​priedka titkellem dwar li nfittxu l-​ispiritwalità u nkunu nies kalmi, paċifiċi, nuru ħniena, u nħobbu t-​tjieba. Din tikkundanna mhux biss il-​qtil imma li nkunu inkorlati għal ħaddieħor, tikkundanna mhux biss l-​adulterju imma l-​ħsibijiet żienja wkoll. Din titkellem kontra d-​divorzju li jittieħed b’nuqqas taʼ sens taʼ responsabbiltà. Dan ikun kaġun li jinfirdu l-​familji u t-​tfal jispiċċaw il-​vittmi. Tgħidilna: ‘Ħobb anki lil dawk li ma jħobbukx, agħti lil min hu fil-​bżonn, tiġġudikax bla ħniena lil ħaddieħor, imxi m’oħrajn kif tixtieq li jimxu miegħek.’ Dawn il-​pariri kollha, jekk jiġu applikati, jistgħu jirriżultaw f’benefiċċji kbar ħafna. Iktar ma jkun hemm nies fil-​komunità tiegħek li jipprattikawhom, iktar se tmur tajjeb il-​komunità!

Ix-Xhieda taʼ Jehovah jaħdmu ħafna f’dan ir-​rigward. Il-​Bibbja tgħallimhom jirrispettaw iż-​żwieġ. Uliedhom jiġu mħarrġin fi prinċipji tajbin. L-​importanza tal-​familja tingħata enfasi. Familji magħqudin huma barka għall-​komunità tiegħek, anki għal pajjiżek. L-​istorja hija mimlija b’eżempji taʼ qawwiet dinjin li sfaxxaw fix-​xejn meta ddgħajfet ir-​rabta tal-​familja u żdiedet l-​immoralità. Iktar ma jkun hemm individwi u familji li jiġu influwenzati mix-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħixu skond il-​prinċipji Kristjani, inqas se jkun hemm delinkwenza, immoralità, u kriminalità fil-​komunità tiegħek.

Waħda mill-​problemi kbar li jolqtu lill-​komunitajiet u l-​pajjiżi hija l-​preġudizzju razzjali. B’kuntrast, l-​appostlu Pietru qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” U Pawlu kiteb: “Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.” (Atti 10:34, 35; Galatin 3:28) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettawh dan. Fil-​kwartieri ġenerali, fil-​fergħat, u fil-​kongregazzjonijiet tagħhom, issib nies taʼ kull razza u kulur jaħdmu flimkien.

Fl-Afrika, ċerti tribujiet ma jistgħux joqogħdu flimkien mingħajr ma jinqalaʼ l-​inkwiet. Madankollu, fl-​assembleat tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jsiru hemmhekk, nies minn ħafna tribujiet differenti jieklu, jorqdu, u jqimu flimkien f’armonija u sħubija sħiħa. L-​uffiċjali tal-​gvern jibqgħu mbellhin meta jaraw dan. In-​New York Amsterdam News tat-​2 t’Awissu, 1958 ikkummentat dwar l-​effett t’għaqda li għandha l-​Kristjanità vera. Dan il-​kumment intqal meta ġiet osservata l-​assemblea internazzjonali li ssemmiet qabel, fejn iltaqgħu iktar minn kwart taʼ miljun Xhud fil-​Belt taʼ New York.

“Kulfejn tħares nies suwed, bojod, u mill-​Orjent, minn kull livell tal-​ħajja u mill-​partijiet kollha tad-​dinja, qagħdu flimkien bil-​ferħ u fil-​libertà. . . . Ix-​Xhieda li ġew biex jagħtu qima minn 120 pajjiż għexu u qiemu flimkien fil-​paċi, u wrew lill-​Amerikani kemm huwa faċli li dan isir. . . . L-​assemblea hija eżempju mill-​aqwa taʼ kif in-​nies jistgħu jaħdmu u jgħixu flimkien.”

Ħafna jistgħu jgħidu li l-​prinċipji tal-​Kristjanità m’humiex prattiċi f’din id-​dinja moderna. Madankollu, x’kien hemm li rnexxa jew li jistaʼ jirnexxi? Il-​komunità tiegħek tistaʼ tgawdi bil-​kbir jekk minn issa jiġu osservati l-​prinċipji Kristjani, u dawn se jkunu l-​bażi biex jingħaqdu ‘l-​ġnus, it-​tribujiet, u l-​popli’ kollha madwar id-​dinja meta s-​Saltna t’Alla se taħkem fuq l-​umanità kollha.—Apokalissi 7:9, 10.

[Kumment f’paġna 23]

Nies taʼ kull razza u kulur jaħdmu flimkien

[Kumment f’paġna 24]

Il-​Kristjanità hija prattika. X’kien hemm iżjed li rnexxa?