Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Organizzazzjoni u x-Xogħol Tagħhom Madwar id-Dinja

L-Organizzazzjoni u x-Xogħol Tagħhom Madwar id-Dinja

L-​Organizzazzjoni u x-​Xogħol Tagħhom Madwar id-​Dinja

HEMM diversi mezzi li jintużaw biex jitmexxa x-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda li jsir f’iktar minn 230 pajjiż. Id-​direzzjoni ġenerali tiġi mill-​Ġemgħa li Tiggverna fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York. Kull sena l-​Ġemgħa li Tiggverna tibgħat rappreżentanti lejn diversi żoni madwar id-​dinja biex dawn jikkonsultaw mar-​rappreżentanti tal-​fergħat f’dawk iż-​żoni. F’kull uffiċċju tal-​fergħa, hemm Kumitat tal-​Fergħa taʼ madwar tlieta sa sebaʼ membri biex jidderieġu x-​xogħol fil-​pajjiżi li jaqgħu taħt il-​ġurisdizzjoni tagħhom. Xi wħud mill-​fergħat għandhom faċilitajiet għall-​istampar, fosthom magni li jduru b’veloċità kbira. Il-​pajjiż jew żona li taqaʼ taħt kull fergħa hija maqsuma f’distretti, u mbagħad id-​distretti huma maqsumin f’circuits. Kull circuit fih madwar 20 kongregazzjoni. Indokratur tad-​distrett iżur is-​circuits fid-​distrett tiegħu, wieħed wara l-​ieħor. Kull circuit ikollu żewġ assembleat fis-​sena. Hemm ukoll l-​indokratur tas-​circuit, u hu jżur kull kongregazzjoni fis-​circuit tiegħu, ġeneralment darbtejn fis-​sena. Hu jgħin lix-​Xhieda biex jorganizzaw u jagħmlu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħhom.

Il-kongregazzjoni lokali li tiltaqaʼ f’Sala tas-​Saltna hija ċ-​ċentru minfejn titwassal l-​aħbar tajba fil-​komunità tiegħek. Il-​postijiet li jaqgħu taħt kull kongregazzjoni jitqassmu f’territorji żgħar, u ssir mappa għal kull territorju. Dawn il-​mapep jingħataw lil Xhieda individwali li jistinkaw biex iżuru u jkellmu lin-​nies f’kull dar imniżżla fit-​territorju. Kull kongregazzjoni, li tistaʼ tkun ifformata jew minn ftit membri jew sa xi 200 Xhud, għandha anzjani li jinħatru biex jieħdu ħsieb diversi dmirijiet. L-​individwu li hu xandâr taʼ l-​aħbar tajba huwa vitali fl-​organizzazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kull wieħed mix-​Xhieda, kemm jekk jaqdi fil-​kwartieri ġenerali, fil-​fergħat, jew fil-​kongregazzjonijiet, jagħmel dan ix-​xogħol u jmur personalment biex jgħid lil ħaddieħor dwar is-​Saltna t’Alla.

Fl-aħħar mill-​aħħar, ir-​rapporti taʼ din l-​attività jaslu fil-​kwartieri ġenerali, u kull sena tinġabar din l-​informazzjoni u jiġi stampat Yearbook. Kull sena tiġi pubblikata wkoll tabella fil-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Jannar taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa. Dawn iż-​żewġ pubblikazzjonijiet joffru rapporti dettaljati taʼ dak li jitwettaq kull sena fl-​għoti taʼ xiehda dwar Jehovah u dwar is-​Saltna tiegħu taħt Kristu Ġesù. Fi snin reċenti madwar 14,000,000 Xhud u nies oħra li juru interess attendew kull sena għall-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah iqattgħu iktar minn 1,000,000,000 siegħa fis-​sena jxandru l-​aħbar tajba, u jitgħammdu iktar minn 300,000 ruħ. L-​ammont taʼ letteratura li titħalla man-​nies tilħaq il-​mijiet taʼ miljuni taʼ kopji.