Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Huma?

Min Huma?

Min Huma?

HIJA x-​xewqa tax-​Xhieda taʼ Jehovah li int issir midħla tagħhom iktar. Għandek mnejn ġieli ltqajt magħhom, bħala ġirien jew sħabek fuq ix-​xogħol jew inkella fil-​qadi tal-​ħajja taʼ kuljum. Forsi ġieli rajthom fit-​triq, joffru r-​rivisti tagħhom lin-​nies li jkunu għaddejjin. Jew jistaʼ jkun li kellimthom ftit meta ġew iħabbtulek il-​bieb.

Fil-fatt, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma interessati fik u jixtiqulek il-​ġid. Jixtiequ jkunu l-​ħbieb tiegħek u li jgħidulek iktar dwarhom, dwar it-​twemmin tagħhom, l-​organizzazzjoni tagħhom, u dwar kif iħossuhom fuq in-​nies u d-​dinja li lkoll ngħixu fiha. Biex iwettqu dan, huma ħejjew dan il-​browxer għalik.

F’ħafna affarijiet ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma nies bħal ħaddieħor. Għandhom il-​problemi normali​—ekonomiċi, fiżiċi, u emozzjonali. Xi drabi jiżbaljaw, għax m’humiex perfetti, imnebbħin, jew infallibbli. Imma huma jipprovaw jitgħallmu mill-​esperjenzi tagħhom u jħabirku biex jistudjaw il-​Bibbja ħalli jirranġaw fejn ikollhom bżonn. Huma għamlu dedikazzjoni lil Alla biex jagħmlu r-​rieda tiegħu, u jistinkaw biex iwettquha din id-​dedikazzjoni. F’kulma jagħmlu, huma jfittxu l-​gwida mill-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis tiegħu.

Huwa taʼ importanza vitali għalihom li t-​twemmin tagħhom ikun ibbażat fuq il-​Bibbja u mhux sempliċement fuq x’jaħsbu n-​nies jew x’jgħidu s-​sistemi taʼ twemmin reliġjuż. Huma jħossuhom kif ħassu l-​appostlu Pawlu meta esprima ruħu b’dan il-​mod taħt ispirazzjoni: “Ħa jkun jaf kulħadd li Alla hu sinċier u kull bniedem giddieb.” (Rumani 3:4 *) Rigward tagħlim preżentat bħala verità Biblika, ix-​Xhieda jaqblu bis-​sħiħ maʼ dak li għamlu l-​Berijani meta semgħu lill-​appostlu Pawlu jippriedka: “Huma laqgħu l-​kelma bil-​ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-​Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:11) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li kull tagħlim reliġjuż għandu jitqabbel maʼ l-​Iskrittura ispirata biex jiġi verifikat, kemm jekk it-​tagħlim ikunx ġej minnhom u kemm jekk ikunx ġej mingħand ħaddieħor. Huma jistidnuk, anzi jħeġġuk, biex tagħmel dan meta tiddiskuti magħhom.

Minn dan jidher ċar li x-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla. Huma jqisu s-​66 ktieb li fiha bħala mnebbħin u li jaqblu eżatt maʼ l-​istorja tad-​dinja. Dak li ġeneralment jissejjaħ it-​Testment il-​Ġdid jirreferu għalih bħala l-​Iskrittura Griega Kristjana, u t-​Testment il-​Qadim isejħulu l-​Iskrittura Ebrajka. Huma joqogħdu kemm fuq l-​Iskrittura Griega u kemm fuq dik Ebrajka, u jiħduhom b’mod letterali ħlief meta l-​espressjonijiet jew il-​kuntest jindikaw b’mod ovvju li dawn huma figurattivi jew simboliċi. Huma jirrikonoxxu li ħafna mill-​profeziji tal-​Bibbja diġà twettqu, oħrajn qegħdin jitwettqu bħalissa, u jerġaʼ hemm oħrajn li għad iridu jitwettqu.

ISIMHOM

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah? Iva, huma hekk jirreferu għalihom infushom. Dan huwa isem deskrittiv, li jindika li huma jagħtu xiehda dwar Jehovah, dwar id-​Divinità tiegħu, u dwar l-​iskopijiet tiegħu. “Alla,” “Mulej,” u “Ħallieq”—bħal “President,” “Sultan,” u “Ġeneral”—huma titli u jistgħu japplikaw għal diversi persunaġġi differenti. Imma “Jehovah” huwa isem persunali u jirreferi għal Alla li jistaʼ kollox li hu l-​Ħallieq taʼ l-​univers. Dan narawh f’Salm 83:18, skond il-​Verżjoni Awtorizzata, maqluba għall-​Malti mill-​Ingliż minn Karm Żammit: “Biex il-​bnedmin jagħrfu li int, li ismek biss hu JEHOVAH, int waħdek il-​Għoli fuq l-​art kollha.”

L-isem Jehovah (jew Jaħweh, kif jippreferu t-​tradutturi taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija u xi studjużi oħra) jidher kważi 7,000 darba fl-​Iskrittura Ebrajka oriġinali. Fil-​biċċa l-​kbira mill-​Bibbji dan l-​isem ma ssibux imma minfloku ssib “Alla” jew “Mulej.” Madankollu, anki f’dawn il-​Bibbji, ġeneralment dak li jkun jistaʼ jinduna fejn it-​test Ebrajk oriġinali juża Jehovah għax f’dawn il-​postijiet il-​kliem li jintuża minfloku jinkiteb b’ittri kapitali kbar u żgħar, jiġifieri: ALLA, MULEJ. Hemm diversi traduzzjonijiet moderni li jużaw l-​isem Jehovah jew inkella l-​isem Jaħweh. Għaldaqstant, f’​Eżodu 6:2, 3 naqraw “Jiena Jaħweh. Jien dhert lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb bħala El-Xaddaj. Imma ismi Jaħweh ma għarrafthulhomx.”

Ir-​rakkont Skritturali li minnu jisiltu isimhom ix-​Xhieda taʼ Jehovah jinsab fit-​43 kapitlu taʼ Isaija. Hemmhekk insibu lid-​dinja mxebbha maʼ xena f’qorti: L-​allat tal-​ġnus huma mistiedna biex iressqu x-​xhieda tagħhom ħalli jagħtu prova tat-​tjieba li jgħidu li għandhom, jew biex jisimgħu x-​xhieda fuq in-​naħa taʼ Jehovah u jirrikonoxxu l-​verità. Hemmhekk Jehovah jiddikjara lin-​nies tiegħu: “Intom ix-​xhieda tiegħi, oraklu tal-​Mulej, u l-​qaddej tiegħi li jiena ħtart, biex tagħrfuni u temmnuni u tifhmu li jiena hu. Qabli qatt ma ssawwar xi alla, u lanqas warajja qatt ma jkun hemm. Jiena, jiena l-​Mulej, u ħliefi m’hemmx salvatur.”—Isaija 43:10, 11.

Alla Jehovah kellu x-​xhieda fuq l-​art anki matul l-​eluf taʼ snin qabel ma twieled Ġesù. Wara li kapitlu 11 taʼ Lhud jagħti lista’ taʼ xi wħud minn dawn l-​irġiel taʼ fidi, Lhud 12:1 jgħid: “Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira taʼ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna.” Ġesù qal hekk quddiem Ponzju Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” Hu jissejjaħ “ix-​Xhud fidil u veru.” (Ġwann 18:37; Apokalissi 3:14) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta jiġi fuqkom l-​Ispirtu s-​Santu, intom tirċievu l-​qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija kollha u s-​Samarija u sa truf l-​art.”—Atti 1:8.

Għaldaqstant, illum mas-​6,000,000 ruħ li qed jagħtu l-​aħbar tajba tas-​Saltna taʼ Jehovah permezz taʼ Kristu Ġesù f’iktar minn 230 pajjiż, iħossu li huwa xieraq li jirreferu għalihom infushom bħala Xhieda taʼ Jehovah.

[Nota taʼ taħt]

^ Jekk mhux indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet Skritturali f’dan il-​browxer huma meħudin mill-​Bibbja Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996).

[Kumment f’paġna 4]

Huma dedikati lil Alla biex jagħmlu r-​rieda tiegħu

[Kumment f’paġna 4]

Huma jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla

[Kumment f’paġna 5]

L-​isem f’konnessjoni maʼ xena f’qorti

[Kumment f’paġna 5]

Mas-​6,000,000 Xhud f’iktar minn 230 pajjiz

[Stampa f’paġna 3]

Huma interessati fik

[Stampa f’paġna 4]

L-​isem persunali t’Alla bl-​Ebrajk antik