Mistoqsijiet li Spiss Jistaqsu Nies li Juru Interess
Mistoqsijiet li Spiss Jistaqsu Nies li Juru Interess
Jekk Alla hu mħabba, għala jippermetti l-ħażen?
ALLA jippermettih il-ħażen, u miljuni taʼ nies fuq l-art jipprattikawh apposta. Per eżempju, huma jiddikjaraw il-gwerer, jitfgħu l-bombi fuq it-tfal, jeqirdu l-art, u jġibu l-ġuħ. Miljuni jpejpu u jlaqqtu kanċer fil-pulmun, jipprattikaw l-adulterju u jimirdu b’mard trasmess sesswalment, jabbużaw mill-alkoħol u jimirdu bil-fwied, u nistgħu nibqgħu sejrin. Nies bħal dawn mhux veru jridu li l-ħażen kollu jispiċċa. Kulma jridu huwa li jitneħħew il-konsegwenzi koroh tiegħu. Meta jaħsdu dak li jkunu żergħu, huma jgħajtu, “Għala jien?” U jwaħħlu f’Alla, bħalma jgħid Proverbji 19:3: “Bi bluhatu l-bniedem jgħarraq ħajtu, u mbagħad jeħodha kontra l-Mulej.” U li kieku Alla ma jħallihomx jagħmlu iktar ħażen, huma jipprotestaw u jgħidu li ħadilhom il-libertà li jagħmlu li jridu!
Ir-raġuni ewlenija għala Jehovah jippermetti l-ħażen hija sabiex iwieġeb l-isfida li għamel Satana. Satana x-Xitan qal li Alla ma setax ipoġġi bnedmin fuq l-art li setgħu jibqgħu leali Lejh taħt prova. (Ġob 1:6-12; 2:1-10) Jehovah jippermetti li Satana jibqaʼ jeżisti ħalli jagħtih l-opportunità biex jagħti prova taʼ dak li qal. (Eżodu 9:16) Bħalissa Satana qiegħed ikompli jaqlaʼ l-inkwiet, u jdawwar lin-nies kontra Alla, waqt li jipprova juri li hu għandu raġun. (Apokalissi 12:12) Madankollu, Ġob żamm l-integrità. L-istess għamel Ġesù. Il-Kristjani veri hekk qed jagħmlu wkoll.—Ġob 27:5, KŻ; 31:6, KŻ; Mattew 4:1-11; 1 Pietru 1:6, 7.
Nixtieq nemmen f’ġenna taʼ l-art fejn in-nies jgħixu għal dejjem, imma m’hijiex din xi ħaġa impossibbli li sseħħ?
Mhux skond il-Bibbja. Tidher impossibbli li xi darba sseħħ għax il-bnedmin ilhom imdawrin bil-ħażen għal sekli sħaħ. Jehovah ħalaq l-art u qal lill-bnedmin biex jimlewha bi rġiel u nisa twajbin sabiex dawn jieħdu ħsieb il-pjanti u l-annimali u jħarsu s-sbuħija tagħha, mhux jeqirduha. (Ara paġni 12 u 17.) Din il-Ġenna taʼ l-art imwiegħda m’hijiex xi ħaġa impossibbli li sseħħ, imma hija l-qagħda preżenti tal-biki li hija impossibbli li tibqaʼ sejra hekk. Il-Ġenna taʼ l-art se tiħdilha postha.
Kif nistaʼ nwieġeb lin-nies li jwaqqgħu għaċ-ċajt il-Bibbja u jgħidu li hija ħrafa u li m’hijiex xjentifika?
Fidi f’dawn il-wegħdi m’hijiex kwistjoni taʼ li tiblaʼ kollox. “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ.” Meta tistudja l-Kelma t’Alla, l-għerf tagħha jibda jidher ċar u l-fidi tikber.—L-arkeoloġija Biblika tikkonferma ħafna mill-eżattezza storika tal-Bibbja. Ix-xjenza vera hija fi qbil mal-Bibbja. Il-fatti li ġejjin kienu fil-Bibbja ħafna qabel ma skoprewhom l-istudjużi sekulari: is-sekwenza tal-perijodi li għaddiet minnhom l-art waqt l-iżvilupp tagħha, li l-art hija tonda, li hija mdendla fl-ispazju u ma żżomm maʼ xejn, u li l-għasafar ipassu.—Ġenesi, kapitlu 1; Isaija 40:22, KŻ; Ġob 26:7; Ġeremija 8:7.
Il-Bibbja hija mnebbħa u dan narawh mill-profeziji li twettqu. Danjel bassar bil-quddiem il-qawma u l-waqgħa taʼ qawwiet dinjin, kif ukoll iż-żmien meta l-Messija kellu jiġi u jingħata l-mewt. (Danjel, kapitli 2, 8; 9:24-27) Illum, hemm profeziji oħra li qed jitwettqu, u li juru li qegħdin ngħixu fl-“aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1-5; Mattew, kapitlu 24) Il-bniedem m’għandux il-ħila jkollu tagħrif minn qabel bħal dan. (Isaija 41:23) Għal iktar provi, ara l-pubblikazzjoni Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem? u l-ktieb Is There a Creator Who Cares About You?, pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Kif nistaʼ nitgħallem inwieġeb mistoqsijiet minn fuq il-Bibbja?
Trid tistudja l-Bibbja u timmedita fuqha, u fl-istess ħin titlob għall-ispirtu t’Alla biex jiggwidak. (Proverbji 15:28; Luqa 11:9-13) “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf,” tgħid il-Bibbja, “għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu.” (Ġakbu 1:5) Hemm ukoll għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja li taʼ min jeżaminahom. Ġeneralment ikollok bżonn l-għajnuna mingħand ħaddieħor, bħal meta Filippu studja maʼ l-Etjopjan. (Atti 8:26-35) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jikkonduċu studji tal-Bibbja bla ħlas fid-djar maʼ nies li juru interess. Iżżommx lura milli titlob dan is-servizz.
Ħafna nies għala jopponu lix-Xhieda taʼ Jehovah u jgħiduli biex ma nistudjax magħhom?
Meta Ġesù ppriedka, sab l-oppożizzjoni, u hu qal li s-segwaċi tiegħu kellu jiġrilhom l-istess. Meta xi wħud baqgħu impressjonati bit-tagħlim taʼ Ġesù, l-opponenti reliġjużi kellmuhom bl-aħrax u qalulhom: “Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih?” (Ġwann 7:46-48; 15:20) Ħafna minn dawk li jagħtuk il-parir biex ma tistudjax max-Xhieda jew ma jkunux informati tajjeb jew inkella jkunu preġudikati. Studja max-Xhieda u ara għall-affari tiegħek jekk jiżdiedx l-għarfien tiegħek dwar il-Bibbja jew le.—Mattew 7:17-20.
Ix-Xhieda għala jżuru lil nies li diġà għandhom reliġjon?
Meta jagħmlu dan huma jkunu qed jimxu fuq l-eżempju taʼ Ġesù. Hu mar għand il-Lhud. Il-Lhud kellhom ir-reliġjon tagħhom, imma din kienet tbiegħdet mill-Kelma t’Alla f’diversi affarijiet. (Mattew 15:1-9) Il-pajjiżi kollha għandhom xi tip taʼ reliġjon, kemm jekk din tissejjaħ Kristjana u kemm jekk le. Huwa importanti għall-aħħar li n-nies ikollhom twemmin li jaqbel eżatt mal-Kelma t’Alla. L-isforzi tax-Xhieda biex jgħinuhom jagħmlu dan huma turija taʼ l-imħabba tagħhom lejn il-proxxmu.
Veru li x-Xhieda jemmnu li r-reliġjon tagħhom biss hija l-unika waħda tajba?
Kulmin jieħu r-reliġjon bis-serjetà għandu jemmen li tiegħu hija t-tajba. Inkella għala qed iħaddanha? Il-Kristjani jingħataw il-parir: “Kunu żguri mill-affarijiet kollha; żommu sodi maʼ dak li hu mill-aħjar.” (1 Tessalonikin 5:21, NW) Individwu għandu jiżgura ruħu li t-twemmin tiegħu jaqbel maʼ dak li tgħid l-Iskrittura, għax fidi vera waħda biss hemm. Efesin 4:5 jikkonferma dan, għax isemmi “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.” Ġesù ma kienx jaqbel mal-ħarsa permissiva taʼ llum li hemm ħafna toroq, ħafna reliġjonijiet, u li kollha jwasslu għas-salvazzjoni. Minflok, hu qal: “Kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” Ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li huma sabuha. Kieku ma kienx hekk, kienu jfittxu reliġjon oħra.—Mattew 7:14.
Huwa veru li jemmnu li huma biss se jsalvaw?
Le. Miljuni taʼ nies li għexu fis-sekli li għaddew u li ma kinux Xhieda taʼ Jehovah se jqumu fl-irxoxt u se jingħataw l-opportunità għall-ħajja. Ħafna li qed jgħixu bħalissa għandhom mnejn għad jieħdu waqfa għall-verità u t-tjieba qabel it-“tribulazzjoni kbira,” u b’hekk jieħdu s-salvazzjoni. Barra minn hekk, Ġesù qal li m’għandniex niġġudikaw lil xulxin. Aħna nħarsu lejn id-dehra taʼ barra; Alla jħares lejn il-qalb. Hu jara bl-eżatt u jiġġudika bil-ħniena. Hu ħalla l-ġudizzju f’idejn Ġesù, mhux f’idejna.—Mattew 7:1-5; 24:21, NW; 25:31.
X’kontribuzzjonijiet finanzjarji huma mistennija minn min jattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah?
2 Korintin 9:7) Fis-Swali tas-Saltna u waqt il-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, qatt ma jsir ġbir. Minflok, jitpoġġew kaxxi biex min ikun jixtieq jagħti xi ħaġa jkun jistaʼ jagħmel hekk. Ħadd ma jkun jaf ħaddieħor x’ta jew ma tax. Xi wħud jistgħu jagħtu iktar minn oħrajn; forsi oħrajn ma jkunu jistgħu jagħtu xejn. Ġesù wera x’għandha tkun il-ħarsa t-tajba meta kkummenta dwar il-kaxxa tat-teżor fit-tempju f’Ġerusalemm u dwar dawk li kienu jikkontribwixxu: Li jgħodd hu, kemm jistaʼ jagħti dak li jkun u l-ispirtu li juri, u mhux l-ammont tal-flus.—Luqa 21:1-4.
Rigward kontribuzzjonijiet taʼ flus, l-appostlu Pawlu qal: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (Jekk insir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, jien irrid noħroġ nippriedka kif jagħmlu huma?
Meta xi ħadd jikseb l-għarfien dwar il-Ġenna taʼ l-art imwiegħda taħt is-Saltna taʼ Kristu, hu jkun jixtieq jaqsam din il-wegħda maʼ ħaddieħor. Int ukoll se tħossok hekk. Din hija aħbar tajba!—Atti 5:41, 42.
Li tagħmel dan huwa mod importanti kif turi li int dixxiplu taʼ Ġesù Kristu. Fil-Bibbja, Ġesù jissejjaħ “Xhud fidil u veru.” Meta kien fuq l-art hu ppriedka u qal: “Is-Saltna tas-Smewwiet waslet,” u bagħat lid-dixxipli biex jagħmlu l-istess. (Apokalissi 3:14; Mattew 4:17; 10:7) Iktar tard, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u għallmuhom.” Hu bassar ukoll li qabel ma jiġi t-tmiem, “dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.”—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Hemm ħafna modi kif tiddikjara din l-aħbar tajba. Tistaʼ tagħmel dan meta titkellem mal-ħbieb jew nies li tafhom. Xi wħud jagħmlu dan billi jiktbu l-ittri jew jużaw it-telefon. Oħrajn jibagħtu bil-posta xi letteratura li jħossu li se tinteressa b’mod speċjali lil xi individwu li jkunu jafu. Tant kemm jixtiequ li ma jħallu lil ħadd barra, ix-Xhieda jmorru bil-messaġġ minn dar għal dar.
Il-Bibbja fiha din l-istedina mill-qalb: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’ Min jismaʼ, ħa jgħid: ‘Ejja!’ U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apokalissi 22:17) Ix-xogħol li ngħidu lil ħaddieħor dwar l-art magħmula ġenna u l-barkiet tagħha għandu jsir minn jeddna u b’xewqa kbira f’qalbna li naqsmu din l-aħbar tajba.
Aħna ċerti li għandek xi mistoqsijiet oħra dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah u t-twemmin tagħhom. Forsi xi wħud minnhom iqajmu xi ftit tal-kontroversja. Aħna nixtiequ nwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek. L-ispazju huwa limitat f’dan il-browxer, u għalhekk nistidnuk biex tistaqsi lix-Xhieda fil-lokalità tiegħek. Dan tistaʼ tagħmlu jew billi tattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna tagħhom jew meta jiġu jżuruk f’darek. Jew inkella tistaʼ tibgħat il-mistoqsijiet tiegħek lix-Xhieda taʼ Jehovah, billi tuża l-indirizz addattat imniżżel hawn taħt.