Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Modi li Jużaw Biex Iwasslulek l-Aħbar Tajba

Modi li Jużaw Biex Iwasslulek l-Aħbar Tajba

Modi li Jużaw Biex Iwasslulek l-​Aħbar Tajba

IL-​KRISTJANI huma kmandati biex ‘jagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha,’ imma dan ma jfissirx li għandhom jagħmlu pressjoni fuq oħrajn jew jikkonvertuhom bil-​forza. L-​inkarigu taʼ Ġesù kien li ‘jwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin,’ ‘idewwi l-​qalb miksura,’ u ‘jfarraġ lill-​imnikktin.’ (Mattew 28:19; Isaija 61:1, 2; Luqa 4:18, 19) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ifittxu li jagħmlu dan billi jiddikjaraw l-​aħbar tajba mill-​Bibbja. Bħall-​profeta Eżekjel tal-​qedem, ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum jipprovaw isibu lil dawk li qed “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru.”—Eżekjel 9:4.

L-iktar mod magħruf li jużaw biex isibu lil min hu mnikket bil-​kundizzjonijiet preżenti huwa billi jmorru minn dar għal dar. B’hekk huma jieħdu l-​inizjattiva biex jilħqu lill-​pubbliku, l-​istess bħalma għamel Ġesù meta “qagħad idur l-​ibliet u r-​rħula, jippriedka u jxandar l-​Evanġelju tas-​Saltna taʼ Alla.” Id-​dixxipli tiegħu tal-​bidu għamlu l-​istess ħaġa. (Luqa 8:1; 9:1-6; 10:1-9) Illum, fejn ikun possibbli, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw iżuru kull dar diversi drabi fis-​sena, u jitkellmu maʼ l-​inkwilini għal ftit minuti fuq xi suġġett lokali jew dinji li jinteressahom jew li qed jinkwetahom. Għandu mnejn jiġi kunsidrat xi vers jew tnejn mill-​Iskrittura, u jekk l-​inkwilin juri interess, ix-​Xhud jiftiehem miegħu biex jerġaʼ jgħaddi f’ħin konvenjenti biex jiddiskutu iktar. Jiġu offruti Bibbji u letteratura li tispjega l-​Bibbja, u jekk l-​inkwilin ikun jixtieq, jistaʼ jsir studju tal-​Bibbja miegħu fid-​dar mingħajr ħlas. Madwar id-​dinja jsiru regolarment miljuni minn dawn l-​istudji tal-​Bibbja u kemm individwi kif ukoll familji sħaħ sabuhom t’għajnuna.

Mod ieħor kif “l-​Evanġelju tas-​Saltna” jitwassal lil oħrajn huwa permezz tal-​laqgħat li jinżammu fis-​Swali tas-​Saltna lokali. Hemmhekk ix-​Xhieda jikkonduċu laqgħat kull ġimgħa. Waħda mil-​laqgħat tkun taħdita pubblika fuq xi suġġett li jinteressa lin-​nies f’dan iż-​żmien, u wara din isir studju dwar xi tema jew profezija Biblika, permezz tar-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa. Laqgħa oħra tinvolvi skola li tħarreġ lix-​Xhieda biex ikunu xandara aħjar taʼ l-​aħbar tajba, u warajha jkun hemm parti fejn jiġi diskuss ix-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda fit-​territorju lokali. Ukoll, darba fil-​ġimgħa x-​Xhieda jiltaqgħu fi djar privati, fi gruppi żgħar, għal studji tal-​Bibbja.

Kulħadd hu mistieden għal dawn il-​laqgħat. Qatt ma jsir ġbir fihom. Kulħadd jistaʼ jibbenefika minnhom. Il-​Bibbja tgħid: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” L-​istudju u r-​riċerka fil-​privat huma bżonnjużi, imma l-​laqgħat m’oħrajn huma stimulanti: “Kif il-​ħadid isinn il-​ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu.”—Lhud 10:24, 25; Proverbji 27:17.

Ix-Xhieda jagħmlu użu tajjeb ukoll minn opportunitajiet li jqumu biex jitkellmu dwar l-​aħbar tajba meta jiltaqgħu man-​nies fil-​ħajja tagħhom taʼ kuljum. Jistgħu jkunu erbaʼ kelmiet mal-​ġâr jew maʼ xi ħadd waqt li jivvjaġġaw bil-​karozza tal-​linja jew bl-​ajruplan, xi konversazzjoni itwal maʼ ħabib jew xi membru tal-​familja, jew diskussjoni maʼ xi ħadd fuq ix-​xogħol waqt il-​ħin taʼ l-​ikel. Ġeneralment Ġesù hekk kien jagħti xiehda meta kien fuq l-​art—hu u miexi maʼ xatt il-​baħar, bil-​qiegħda fuq xi għolja, meta kien imur jiekol għand xi ħadd, waqt festa taʼ tieġ, jew meta kien jaqsam il-​Baħar tal-​Galilija fuq xi dgħajsa tas-​sajjieda. Kien jgħallem fis-​sinagogi u fit-​tempju f’Ġerusalemm. Kulfejn kien ikun, kien isib opportunitajiet biex jitkellem fuq is-​Saltna t’Alla. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw jimxu fuq il-​passi tiegħu f’din il-​ħaġa wkoll.—1 Pietru 2:21.

JIPPRIDKAW BL-​EŻEMPJU

L-​ebda waħda minn dawn il-​modi kif iwasslulek l-​aħbar tajba ma tkun tagħmel sens għalik jekk min iwassalhielek ma japplikax it-​tagħlim hu nnifsu. Li tgħid ħaġa u tagħmel oħra hija ipokrisija, u l-​ipokrisija reliġjuża naffret lil miljuni taʼ nies ’il bogħod mill-​Bibbja. Il-​Bibbja m’għandhiex x’taħti f’dan. L-​iskribi u l-​Fariżej kellhom l-​Iskrittura Ebrajka, imma Ġesù akkużahom li kienu ipokriti. Hu tkellem dwar il-​fatt li huma kienu jaqraw mil-​Liġi taʼ Mosè, imbagħad qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.” (Mattew 23:3) Meta Kristjan ikun t’eżempju billi jgħix ħajja tajba, ikun qed jagħmel iktar ġid milli kieku kellu jqattaʼ sigħat sħaħ jippriedka lil ħaddieħor. Dan il-​punt intqal lil nisa Kristjani li kellhom żwieġhom li ma kinux jemmnu bħalhom: “Jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom.”—1 Pietru 3:1, 2.

Għaldaqstant, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw jippreżentaw l-​aħbar tajba lil ħaddieħor b’dan il-​mod ukoll: billi jkunu eżemplari fil-​kondotta Kristjana li huma qed jirrikkmandaw lil ħaddieħor. Huma jipprovaw ‘jagħmlu dak kollu li jridu li l-​bnedmin jagħmlu lilhom.’ (Mattew 7:12) Imma jipprovaw jagħmlu hekk maʼ kulħadd, mhux biss max-​Xhieda sħabhom, mal-​ħbieb, mal-​ġirien, jew mal-​qraba. Ladarba huma imperfetti, mhux dejjem jirnexxilhom mija fil-​mija. Imma hija x-​xewqa taʼ qalbhom li jagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, mhux biss billi jwasslulhom l-​aħbar tajba tas-​Saltna imma wkoll billi jagħtu daqqa t’id kulfejn ikun possibbli.—Ġakbu 2:14-17.

[Stampa f’paġna 19]

Il-​Ħawajj

[Stampa f’paġna 19]

Il-​Venezwela

[Stampa f’paġna 19]

Il-​Jugoslavja

[Stampi f’paġna 20]

Is-​Swali tas-​Saltna, mibnijin għal użu prattiku, huma postijiet fejn tiġi diskussa l-​Bibbja

[Stampi f’paġna 21]

Fil-​ħajja tagħhom tal-​familja kif ukoll fil-​kuntatti tagħhom maʼ nies oħra, ix-​Xhieda jipprovaw bis-​sinċerità kollha jagħmlu dawk l-​affarijiet li huma jirrikkmandaw lil ħaddieħor