Ġeħova—Min Hu?
Ġeħova—Min Hu?
BILLI qaċċat il-ħaxix u l-friegħi tas-siġar sabiex ikun jistaʼ jgħaddi minn ġo nofs il-ġungla fil-Kambodja, Henri Mouhot, esploratur Franċiż tas-seklu 19, wasal ħdejn foss wiesaʼ li kien idur maʼ tempju. Kien Angkor Wat, l-akbar monument reliġjuż fuq l-art. Mad-daqqa t’għajn Mouhot setaʼ jgħid li l-istruttura li kienet miksija bil-ħażiż kienet ix-xogħol taʼ idejn umani. “Imwaqqaf minn xi Michelangelo tal-qedem,” kiteb hu, “huwa ferm iktar grandjuż minn kwalunkwe ħaġa li ħallewlna l-Greċja u Ruma.” Minkejja li l-istruttura komplessa kienet ilha abbandunata u mitluqa għal sekli sħaħ, hu ma kellu ebda dubju li wara din kien hemm disinjatur.
Taʼ interess, ktieb t’għerf miktub sekli ilu uża rraġunar simili, billi qal: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebrej 3:4) Imma xi wħud għandhom mnejn jgħidu: ‘Il-mod kif tiffunzjona n-natura huwa differenti minn dak li hu magħmul mill-bniedem.’ Madankollu, mhux ix-xjenzati kollha jaqblu maʼ din l-oġġezzjoni.
Wara li qabel mal-fatt li “s-sistemi bijokimiċi m’humiex oġġetti inanimati,” Michael Behe, professur assoċjat tal-bijokimika fl-Università taʼ Lehigh, Pennsylvania, fl-Istati Uniti, isaqsi: “Jistgħu sistemi bijokimiċi ħajjin ikunu disinjati b’mod intelliġenti?” Hu jissokta juri li x-xjenzati issa qed jiddisinjaw bidliet bażiċi f’organiżmi ħajjin permezz taʼ metodi bħalma hija l-inġinerija ġenetika. Iva, affarijiet kemm animati u kemm inanimati jistgħu
“jinbnew”! Billi eżamina d-dinja mikroskopika taċ-ċelloli ħajjin, Behe nnota sistemi komplessi b’mod taʼ l-għaġeb, magħmulin minn komponenti li jiddependu minn xulxin biex jiffunzjonaw. Il-konklużjoni tiegħu? “Ir-riżultat taʼ dawn l-isforzi akkumulati biex tiġi investigata ċ-ċellola—biex tiġi investigata l-ħajja fil-livell molekulari—huwa għajta qawwija, ċara, u penetranti taʼ ‘disinn!’”Min, allura, hu d-Disinjatur wara dawn is-sistemi komplessi kollha?
Min Hu d-Disinjatur?
It-tweġiba hija disponibbli f’dak il-ktieb antik mimli għerf li ġie kwotat iktar kmieni—il-Bibbja. Fil-kliem tal-ftuħ tagħha, il-Bibbja twieġeb b’sempliċità u ċarezza rimarkevoli l-mistoqsija dwar min iddisinja l-affarijiet kollha: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.”—Ġenesi 1:1.
Madankollu, biex jiddistingwi lilu nnifsu minn oħrajn li jingħad li huma Alla, il-Ħallieq jidentifika lilu nnifsu b’isem uniku: “Dan jgħid Alla, il-Mulej [“Ġeħova,” New World Translation], li ħalaq . . . is-smewwiet, u l-medda taʼ l-art bil-frott u l-ħdura tagħha, li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha.” (Isaija 42:5, 8) Ġeħova hu l-isem taʼ dak Alla li ddisinja l-univers u għamel l-irġiel u n-nisa fuq l-art. Imma min hu Ġeħova? X’tip t’Alla hu? U għala għandek int tagħtih widen?
Is-Sinjifikat taʼ Ismu
L-ewwelnett, isem il-Ħallieq, Ġeħova, xi jfisser? L-isem divin huwa miktub b’erbaʼ ittri Ebrajċi (יהוה) u jidher kważi 7,000 darba fil-porzjon Ebrajk tal-Bibbja. Dan l-isem huwa kunsidrat li hu l-forma kawżattiva tal-verb Ebrajk ha·wahʹ (“li jsir”), u b’hekk ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Fi kliem ieħor, Ġeħova bl-għerf jikkaġuna
lilu nnifsu li jsir kulma jkollu bżonn sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. Hu jsir Ħallieq, Imħallef, Salvatur, Sostenitur tal-ħajja, eċċetra, sabiex iwettaq il-wegħdi tiegħu. Iktar minn hekk, il-verb Ebrajk jieħu l-forma grammatikali li tindika azzjoni fil-proċess taʼ twettiq. Dan jindika li Ġeħova għadu jikkaġuna lilu nnifsu li jsir dak li jwettaq il-wegħdi tiegħu. Iva, hu Alla ħaj!Il-Kwalitajiet Predominanti taʼ Ġeħova
Il-Bibbja turi li dan il-Ħallieq u wieħed li jwettaq il-wegħdi tiegħu hu persuna li jiġbdek ħafna. Ġeħova nnifsu rrivela l-kwalitajiet distintivi tiegħu u qal: “Jaħweh! Jaħweh! [“Ġeħova,” New World Translation] Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW] għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija.” (Eżodu 34:6, 7) Ġeħova hu mpinġi bħala Alla taʼ qalb tajba bl-imħabba. Il-kelma Ebrajka użata hawn tistaʼ tiġi tradotta wkoll “imħabba leali.” Biex iwettaq l-iskop etern tiegħu, Ġeħova bil-lealtà jkompli juri l-imħabba lejn il-ħlejjaq tiegħu. Ma tgħożżhiex imħabba bħal din?
Ġeħova hu wkoll bil-mod biex jirrabja u ħafif biex jaħfrilna l-iżbalji. Il-fatt li tkun qrib persuna li mhux moħħu biex isib in-nuqqasijiet imma li lest li jaħfrilna, iqanqallek qalbek. Madankollu, dan ma jfissirx li Ġeħova jagħlaq għajnejh għal għemil ħażin. Hu ddikjara: “Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt, u nobgħod il-ħella u l-qerq.” (Isaija 61:8) Bħala Alla taʼ ġustizzja, hu ma jittollerax għal dejjem nies midinbin li jisfidawh b’mod sfaċċat u li jkomplu fi ħżunithom. B’hekk, nistgħu nkunu żguri li fil-ħin stabbilit tiegħu, Ġeħova se jikkoreġi l-inġustizzja fid-dinja taʼ madwarna.
Jirrikjedi għerf biex jinżamm bilanċ perfett bejn il-kwalitajiet taʼ l-imħabba u l-ġustizzja. Ġeħova jibbilanċja dawn iż-żewġ Rumani 11:33-36) M’għandniex xi ngħidu, l-għerf tiegħu jistaʼ jidher kullimkien. L-għeġubijiet tan-natura jixhduh dan.—Salm 104:24; Proverbji 3:19.
kwalitajiet b’mod meraviljuż meta jittratta magħna. (Madankollu, l-għerf biss m’huwiex biżżejjed. Biex iwettaq għalkollox dak li jiġih f’moħħu, il-Ħallieq irid ikollu wkoll qawwa sħiħa. Il-Bibbja turi li Alla hekk hu: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu . . . Bis-saħħa taʼ qawwietu, . . . ħadd minnhom ma jonqos.” (Isaija 40:26) Tabilħaqq, Ġeħova jistaʼ juża s-“saħħa taʼ qawwietu” meta jrid biex iwettaq ir-rieda tiegħu. Ma jattirawkx lejh kwalitajiet bħal dawn?
Benefiċċji għax Tkun Taf lil Ġeħova
Ġeħova “ma ħalaqhiex [l-art] għall-baħħ” imma “sawwarha biex jgħammru fiha” bnedmin li għandhom relazzjoni sinifikanti miegħu. (Isaija 45:18; Ġenesi 1:28) Hu jimpurtah mill-ħlejjaq taʼ l-art tiegħu. Hu ta lill-umanità bidu perfett f’dar bħal ġnien, ġenna. Il-bnedmin, min-naħa tagħhom, qegħdin jirrovinawha, b’dispjaċir kbir għal Ġeħova. Madankollu, fi qbil maʼ dak li jindika ismu, Ġeħova se jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu għall-umanità u għall-art. (Salm 115:16; Rivelazzjoni 11:18) Hu se jġedded il-Ġenna fuq l-art għal dawk li lesti li jobduh bħala wliedu.—Proverbji 8:17; Mattew 5:5.
L-aħħar ktieb tal-Bibbja jiddeskrivi l-kwalità taʼ ħajja li int tistaʼ tgawdi f’dik il-Ġenna: “Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Dik hi l-ħajja vera li Ġeħova jridek tgawdi. Kemm hu Missier benevolenti! Lest int li titgħallem iktar dwaru u dwar dak li jinħtieġ minnek biex tgħix fil-Ġenna?
Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-Iskrittura Griega huma meħudin mit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida li għandha lingwa moderna. L-abbrevjazzjoni NW tindika n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References.