Mur fil-kontenut

Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi

Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi

Il-​Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi

Meta tħares lejn ix-​xena taʼ dan il-​fuljett, liema sentimenti tħoss int? Ma tixxennaqx qalbek għall-​paċi, il-​ferħ, u r-​riżq li naraw hawnhekk? Żgur li hekk hu. Iżda hija din sempliċi ħolma, jew fantasija, li temmen li dawn il-​kundizzjonijiet xi darba se jeżistu fuq l-​art?

Il-biċċa l-​kbira min-​nies x’aktarx li hekk jaħsbu. Ir-​realtajiet taʼ llum il-​ġurnata huma gwerer, delitti, ġuħ, mard, xjuħija—biex insemmu biss ftit. Iżda hemm raġuni għal tama. Billi tħares lejn il-​futur, il-​Bibbja titkellem dwar “smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13; Isaija 65:17.

Dawn is-​“smewwiet ġodda” u “art ġdida,” skond il-​Bibbja, m’humiex smewwiet ġodda fiżiċi jew xi art ġdida letterali. L-​art u s-​smewwiet letterali kienu magħmulin perfetti, u l-​Bibbja turi li dawn se jibqgħu għal dejjem. (Salm 89:37, 38 [89:36, 37, NW]; 104:5) L-​“art ġdida” se tkun soċjetà taʼ ġustizzja taʼ nies li jgħixu fuq l-​art, u s-​“smewwiet ġodda” se jkunu s-​saltna, jew gvern, perfetta tas-​sema li se taħkem fuq in-​nies taʼ din is-​soċjetà taʼ l-​art. Iżda huwa realistiku li temmen li “art ġdida,” jew dinja ġdida glorjuża, hi possibbli?

Sewwa, ikkunsidra l-​fatt li kundizzjonijiet ideali bħal dawn kienu parti mill-​għan oriġinali li Alla kellu għall-​art. Huwa qiegħed lill-​ewwel koppja umana fil-​ġenna taʼ l-​art taʼ l-​Għeden u tahom biċċa xogħol meraviljuża: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:28) Iva, l-​għan t’Alla għalihom kien li jkollhom it-​tfal u li eventwalment jifirxu l-​Ġenna tagħhom maʼ l-​art kollha. Għalkemm iktar tard huma għażlu li ma jobdux lil Alla, u b’hekk urew li ma kinux denji li jgħixu għal dejjem, l-​għan oriġinali t’Alla ma nbidilx. U dan irid iseħħ f’dinja ġdida.—Isaija 55:11.

Fil-fatt, meta titlob it-​talba tal-​Mulej, jew il-​Missierna, billi tistaqsi biex tiġi s-​Saltna t’Alla, int qiegħed titlob għall-​gvern tiegħu tas-​sema biex jeħles l-​art mill-​ħażen u biex jaħkem fuq din id-​dinja ġdida. (Mattew 6:9, 10) U nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jwieġeb dik it-​talba, ladarba l-​Kelma tiegħu twiegħed: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

Il-​Ħajja fid-​Dinja l-​Ġdida t’Alla

Is-​Saltna t’Alla se ġġib benefiċċji għall-​art li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħhom, billi twettaq kull ħaġa tajba li Alla oriġinalment kellu skop li jagħmel biex il-​poplu tiegħu jgawdi fuq l-​art. Mibegħda u preġudizzji ma jibqgħux jeżistu, u eventwalment kulħadd fuq l-​art se jkun ħabib veru taʼ kulħadd. Fil-​Bibbja, Alla jwiegħed li se “jwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.” “Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Salm 46:10 (46:9, NW); Isaija 2:4.

Eventwalment, id-​dinja kollha se tinġieb fi stat taʼ ġenna bħal li kieku ġnien. Il-​Bibbja tgħid: “Ħa jifirħu d-​deżert u l-​art maħruqa; ħa jifraħ ix-​xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-​ranġis. . . . Igelgel l-​ilma fid-​deżert, u l-​widien fix-​xagħri. L-​art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-​art niexfa f’għejun taʼ ilma ġieri.”—Isaija 35:1, 6, 7.

Se jkun hemm kull raġuni biex tkun ferħan fil-​Ġenna taʼ l-​art. In-​nies qatt iktar ma se jerġgħu jkunu bil-​ġuħ minħabba nuqqas taʼ ikel. “L-​art tat il-​frott tagħha,” tgħid il-​Bibbja. (Salm 67:7 [67:6, NW]; 72:16) Kulħadd se jgawdi l-​frott taʼ xogħol idejh stess, hekk kif il-​Ħallieq tagħna jwiegħed: “Iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom. . . . ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor.”—Isaija 65:21, 22.

Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, in-​nies mhux se jkunu iktar imrassin f’bini kbir t’appartamenti jew f’kerrejja mfarrkin, għax Alla għandu l-​iskop li: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom . . . Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor.” Il-​Bibbja twiegħed ukoll: “Ma jitħabtux għal xejn.” (Isaija 65:21-23) B’hekk in-​nies se jkollhom xogħol produttiv li jissodisfa. Il-​ħajja m’hijiex se tkun monotona.

Maż-żmien, is-​Saltna t’Alla se ġġedded ir-​relazzjonijiet paċifiċi li kienu jeżistu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden bejn l-​annimali, u bejn l-​annimali u l-​bnedmin. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​lupu jibda jgħix mal-​ħaruf, il-​leopard mal-​gidi, u jirgħu flimkien l-​għoġol u ferħ l-​iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom.”—Isaija 11:6-9; Hosegħa 2:20 (2:18, NW).

Immaġina ftit, fil-​Ġenna taʼ l-​art il-​mard u d-​dgħjufijiet fiżiċi kollha se jkunu mfejqin ukoll! Il-​Kelma t’Alla tiżgurana: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas ugigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.

Kif Dan Hu Possibbli Għalik

Żgur li qalbek titqanqal mill-​wegħdi t’Alla rigward il-​ħajja f’din id-​dinja ġdida taʼ ġustizzja. U filwaqt li xi wħud jistgħu jħossu li t-​twettiq taʼ dawn il-​barkiet huwa sabiħ wisq biex ikun veru, dawn l-​affarijiet m’humiex sbieħ wisq biex jiġu minn id il-​Ħallieq maħbub tagħna.—Salm 145:16; Mikea 4:4.

M’għandniex xi ngħidu, hemm ħtiġijiet li jridu jiġu mwettqin jekk aħna se ngħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art li riesqa. Ġesù wera ħtieġa prinċipali billi fit-​talb lil Alla qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Mela jekk tassew irridu ngħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, l-​ewwel irridu nitgħallmu r-​rieda t’Alla u mbagħad inwettquha. Għax il-​fatt huwa dan: Din “id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla se jibqaʼ għal dejjem,” sabiex igawdi għal dejjem il-​barkiet li ġejjin mill-​Ħallieq maħbub tagħna.—1 Ġwanni 2:17.

Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-​Iskrittura Griega huma meħudin mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li għandha lingwa moderna. L-​abbrevjazzjoni NW tindika n-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References.