Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Qawma u l-​Waqgħa taʼ Statwa Immensa

Il-​Qawma u l-​Waqgħa taʼ Statwa Immensa

Kapitlu Erbgħa

Il-​Qawma u l-​Waqgħa taʼ Statwa Immensa

1. Għala għandna ninteressaw ruħna f’sitwazzjoni li nħolqot għaxar snin wara li s-​Sultan Nabukodonosor ħa fil-​jasar lil Danjel u lil oħrajn?

 GĦADDEW għaxar snin minn mindu s-​Sultan Nabukodonosor ħa fil-​jasar f’Babilonja lil Danjel u lil ‘kbarat oħrajn tal-​pajjiż’ taʼ Ġuda. (2 Slaten 24:15) Iż-​żagħżugħ Danjel qed jaqdi fis-​servizz irjali tas-​sultan meta tinħoloq sitwazzjoni taʼ theddid għall-​ħajja. Għala għandu jinteressana dan? Għaliex il-​mod kif Alla Jehovah jintervieni fil-​kwistjoni mhux biss isalva l-​ħajja taʼ Danjel u oħrajn, imma wkoll jagħtina ħarsa lejn is-​suċċessjoni tal-​qawwiet dinjin tal-​profezija Biblika li twassal sa żmienna.

MONARKA JIFFAĊĊJA PROBLEMA DIFFIĊLI

2. Nabukodonosor meta kellu l-​ewwel ħolma profetika tiegħu?

2 Il-​profeta Danjel kiteb: “Fit-​tieni sena tas-​saltna tiegħu, Nabukodonosor ħolom xi ħolm, tħawwad fih innifsu, u n-​ngħas ħarab minn fuqu.” (Danjel 2:1) Il-​wieħed li ħolom kien Nabukodonosor, is-​sultan taʼ l-​Imperu Babiloniż. Fil-​fatt, dan kien sar ħakkiem tad-​dinja fis-​sena 607 Q.E.K. meta Alla Jehovah ħallieh jeqred lil Ġerusalemm u lit-​tempju tagħha. Fit-​tieni sena tar-​renju taʼ Nabukodonosor bħala ħakkiem tad-​dinja (606/605 Q.E.K.), Alla bagħatlu ħolma li twaħħax.

3. Min wera li ma kellux il-​ħila jinterpreta l-​ħolma tas-​sultan, u Nabukodonosor kif irreaġixxa?

3 Din il-​ħolma tant nikktitu lil Nabukodonosor li ma setax jorqod. Naturalment, kien ansjuż biex ikun jaf xi tfisser. Imma s-​sultan setgħan kien nesieha l-​ħolma! Għalhekk, sejjaħ lill-​maġi, lill-​bassara, u lis-​saħħara taʼ Babilonja, u esiġa li huma jirrakkontaw il-​ħolma u jinterpretawha. Din il-​biċċa xogħol ma kinitx taʼ idejhom. Nabukodonosor tant għadab minħabba l-​falliment tagħhom li ħareġ kmand biex “jinqerdu l-​għorrief kollha taʼ Babilonja.” Dan id-​digriet kellu jġib lill-​profeta Danjel wiċċ imbwiċċ maʼ l-​esekutur maħtur. Għala? Għaliex hu u t-​tliet sħabu Ebrej​—Ħananija, Misaèl, u Għażarija—​kienu magħdudin fost l-​għorrief taʼ Babilonja.​—Danjel 2:​2-14.

DANJEL JINDAĦAL BIEX ISALVAHOM

4. (a) Danjel kif sar jaf il-​kontenut tal-​ħolma taʼ Nabukodonosor u t-​tifsira tagħha? (b) Danjel x’qal b’apprezzament lejn Alla Jehovah?

4 Wara li sar jaf ir-​raġuni għad-​digriet aħrax taʼ Nabukodonosor, “Danjel daħal quddiem is-​sultan u talbu jagħtih iż-​żmien biex lis-​sultan jurih it-​tifsira.” Dan ngħata. Danjel irritorna lejn daru, u flimkien mat-​tliet ħbiebu Ebrej talab, billi staqsa għall-​“ħniena quddiem Alla tas-​sema dwar dan il-​misteru.” F’dehra dak il-​lejl stess, Jehovah rrivelalu l-​misteru tal-​ħolma. Bi gratitudni, Danjel qal: “Ħa jkun l-​isem taʼ Alla mbierek, minn dejjem u għal dejjem, għaliex tiegħu huma l-​għerf u l-​qawwa. U hu jbiddel f’waqthom il-​jiem u l-​iżmna, ineħħi slaten u jqajjem slaten, jagħti għerf lill-​għorrief, u dehen lil min jagħraf l-​għaqal. Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-​qiegħ u mistura, jagħraf x’hemm fid-​dlamijiet, u d-​dawl jgħammar miegħu.” Danjel faħħar lil Jehovah għal dan id-​dehen.​—Danjel 2:​15-23.

5. (a) Meta kien quddiem is-​sultan, Danjel kif ta l-​kredtu lil Jehovah? (b) L-​ispjegazzjoni taʼ Danjel għala tinteressana llum?

5 L-​għada, Danjel daħal għand Arjok, il-​kap taʼ l-​għassiesa, li kien inħatar biex jeqred lill-​għorrief taʼ Babilonja. Malli sar jaf li Danjel setaʼ jinterpreta l-​ħolma, Arjok ħadu bl-​għaġla għand is-​sultan. Billi ma ta ebda kredtu lilu nnifsu, Danjel qal lil Nabukodonosor: “Hemm Alla fis-​sema li jikxef il-​misteri, u li għarraf lis-​sultan Nabukodonosor x’sejjer jiġri fl-​aħħar jiem.” Danjel kien lest li jirrivela mhux biss il-​futur taʼ l-​Imperu Babiloniż, imma wkoll punti prinċipali tal-​ġrajjiet dinjin minn żmien Nabukodonosor sa żmienna u iktar.​—Danjel 2:​24-30.

IL-​ĦOLMA​—MIFTAKRA

6, 7. X’kienet il-​ħolma li Danjel fakkar lis-​sultan?

6 Nabukodonosor fetaħ widnejh beraħ waqt li Danjel spjega: “Sultan, int kellek din id-​dehra: kien hemm statwa, statwa kbira tassew u tleqq taʼ l-​għaġeb; kienet wieqfa quddiemek, u d-​dehra tagħha kienet tal-​biżaʼ. Ras din l-​istatwa kienet tad-​deheb, sidirha u dirgħajha tal-​fidda, żaqqha u kuxxtejha tal-​bronż, riġlejha tal-​ħadid, u saqajha biċċa tal-​ħadid u biċċa tat-​tafal. Inti u tħares inqatgħet ġebla, bla ma messha ħadd, laqtet l-​istatwa f’saqajha tal-​ħadid u t-​tafal, u għamlithomlha frak. Mbagħad tfarrku f’daqqa waħda l-​ħadid, it-​tafal, il-​bronż, il-​fidda u d-​deheb, u saru qishom il-​karfa li tittajjar minn fuq il-​qiegħa fis-​sajf. U r-​riħ ġarrhom miegħu, u ebda ħjiel tagħhom ma baqaʼ. U l-​ġebla li laqtet l-​istatwa saret muntanja kbira li mliet l-​art kollha.”​—Danjel 2:​31-35.

7 Min jaf kemm ħassu eċċitat Nabukodonosor meta semaʼ lil Danjel jirrakkonta l-​ħolma! Imma stenna! L-​għorrief taʼ Babilonja kellhom jiġu skansati biss jekk Danjel jinterpreta l-​ħolma wkoll. Billi tkellem għalih innifsu u għat-​tliet ħbiebu Ebrej, Danjel iddikjara: “Din hija l-​ħolma; issa ħa ngħidu wkoll it-​tifsira tagħha quddiem is-​sultan.”​—Danjel 2:36.

SALTNA TAʼ DISTINZJONI LI TISPIKKA

8. (a) Danjel interpreta li r-​ras tad-​deheb kienet min jew liema ħaġa? (b) Ir-​ras tad-​deheb meta bdiet teżisti?

8 “Int, sultan tas-​slaten, li lilek Alla tas-​sema tak is-​saltna, is-​setgħa, il-​qawwa u l-​glorja, u li ħallielek f’idejk lil ulied il-​bnedmin, il-​bhejjem tar-​rabaʼ u l-​għasafar taʼ l-​ajru kull fejn jinsabu, u qiegħdek taħkem fuqhom kollha, inti huwa r-​ras tad-​deheb.” (Danjel 2:​37, 38) Dan il-​kliem kien japplika għal Nabukodonosor wara li Jehovah kien użah biex jeqred lil Ġerusalemm, fis-​sena 607 Q.E.K. Dan hu hekk għaliex is-​slaten imqegħdin fuq it-​tron f’Ġerusalemm kienu ġejjin mil-​linja taʼ David, is-​sultan midluk taʼ Jehovah. Ġerusalemm kienet il-​kapitali taʼ Ġuda, is-​saltna tipika t’Alla li tirrappreżenta lis-​sovranità taʼ Jehovah għal fuq l-​art. Meta dik il-​belt inqerdet fis-​sena 607 Q.E.K., din is-​saltna tipika t’Alla ma baqgħetx teżisti. (1 Kronaki 29:23; 2 Kronaki 36:​17-21) Il-​qawwiet suċċessivi tad-​dinja rappreżentati mill-​partijiet metalliċi taʼ l-​istatwa setgħu issa jiddominaw id-​dinja mingħajr indħil mis-​saltna tipika t’Alla. Bħala r-​ras tad-​deheb, l-​iktar metall prezzjuż magħruf fl-​antik, Nabukodonosor kellu l-​unur li kien għeleb lil dik is-​saltna billi qered lil Ġerusalemm.​—Ara “Sultan Gwerrier Jibni Imperu,” f’paġna 63.

9. Liema ħaġa kienet rappreżentata mir-​ras tad-​deheb?

9 Nabukodonosor, li saltan għal 43 sena, kien il-​kap taʼ dinastija li ħakmet fuq l-​Imperu Babiloniż. Din inkludiet lil Nabonidu, ir-​raġel taʼ bintu, u lil ibnu l-​kbir, Evil-merodak. Dik id-​dinastija baqgħet sejra għal 43 sena oħra, sal-​mewt taʼ Beltassar bin Nabonidu, fis-​sena 539 Q.E.K. (2 Slaten 25:27; Danjel 5:30) Mela r-​ras tad-​deheb fl-​istatwa tal-​ħolma rrappreżentat mhux biss lil Nabukodonosor imma wkoll lil-​linja tad-​dinastija Babiloniża kollha kemm hi.

10. (a) Il-​ħolma taʼ Nabukodonosor kif indikat li l-​Qawwa Dinjija Babiloniża kellha tispiċċa? (b) Il-​profeta Isaija x’bassar dwar il-​konkwistatur taʼ Babilonja? (ċ) Il-​Medo-Persja f’liema sens kienet inferjuri għal Babilonja?

10 Danjel qal lil Nabukodonosor: “Warajk għad tqum saltna oħra, inqas minnek.” (Danjel 2:39) Wara d-​dinastija taʼ Nabukodonosor kellha tiġi saltna simbolizzata mis-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda taʼ l-​istatwa. Xi 200 sena qabel, Isaija kien bassar din is-​saltna, u ta saħansitra l-​isem tas-​sultan vittorjuż tagħha​—Ċiru. (Isaija 13:​1-17; 21:​2-9; 44:24–45:​7, 13) Dan kien l-​Imperu Medo-Persjan. Avolja l-​Medo-Persja żviluppat ċivilizzazzjoni kbira li ma kinitx sekondarja għal dik taʼ l-​Imperu Babiloniż, din is-​saltna li ġiet wara hija rappreżentata mill-​fidda, metall inqas prezzjuż mid-​deheb. Din kienet inferjuri għall-​Qawwa Dinjija Babiloniża għaliex ma kellhiex l-​unur li tegħleb lil Ġuda, is-​saltna tipika t’Alla bil-​kapitali tagħha f’Ġerusalemm.

11. Id-​dinastija taʼ Nabukodonosor meta ma baqgħetx teżisti?

11 Xi 60 sena wara li interpreta l-​ħolma, Danjel kien xhud tat-​tmiem tad-​dinastija taʼ Nabukodonosor. Danjel kien preżenti fil-​lejl tal-​5/6 t’Ottubru, tas-​sena 539 Q.E.K., meta l-​armata Medo-Persjana kkonkwistat lil Babilonja, li kienet tidher li qisha ma tistax tiġi megħluba, u qatlet lis-​Sultan Beltassar. Meta miet Beltassar, ir-​ras tad-​deheb taʼ l-​istatwa fil-​ħolma​—l-​Imperu Babiloniż—​ma baqgħetx teżisti.

POPLU EŻILJAT LIBERAT MINN SALTNA

12. Id-​digriet maħruġ minn Ċiru fis-​sena 537 Q.E.K. kif ibbenefika lil-​Lhud eżiljati?

12 Fis-​sena 539 Q.E.K., il-​Medo-Persja ħadet post l-​Imperu Babiloniż bħala l-​qawwa li tiddomina d-​dinja. Fl-​età taʼ 62 sena, Dariju l-​Medi sar l-​ewwel ħakkiem tal-​belt mirbuħa taʼ Babilonja. (Danjel 5:30; 6:1 [5:​30, 31, NW]) Għal żmien qasir, hu u Ċiru l-​Persjan saltnu flimkien fuq l-​Imperu Medo-Persjan. Meta miet Dariju, Ċiru sar l-​uniku kap taʼ l-​Imperu Persjan. Għal-​Lhud li kienu f’Babilonja, ir-​renju taʼ Ċiru kien ifisser ħelsien mill-​jasar. Fis-​sena 537 Q.E.K., Ċiru ħareġ digriet li permezz tiegħu l-​eżiljati Lhud f’Babilonja tħallew jirritornaw lejn art twelidhom u jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u lit-​tempju taʼ Jehovah. Madankollu, is-​saltna tipika t’Alla ma ġietx stabbilita mill-​ġdid f’Ġuda u f’Ġerusalemm.​—2 Kronaki 36:​22, 23; Esdra 1:1–2:2a.

13. Is-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor iffiguraw liema ħaġa?

13 Is-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda taʼ l-​istatwa fil-​ħolma ffiguraw il-​linja taʼ slaten Persjani minn Ċiru l-​Kbir ’il quddiem. Dik id-​dinastija damet iktar minn 200 sena. Huwa maħsub li Ċiru miet fis-​sena 530 Q.E.K. waqt li kien fuq kampanja militari. Minn xi 12-il sultan li telgħu warajh fuq it-​tron taʼ l-​Imperu Persjan, mill-​inqas 2 ittrattaw favorevolment lill-​poplu magħżul taʼ Jehovah. Wieħed minnhom kien Dariju I (Persjan), u l-​ieħor kien Artasersi I.

14, 15. Dariju l-​Kbir u Artasersi I liema assistenza tawhom lil-​Lhud?

14 Dariju I kien it-​tielet wieħed fil-​linja taʼ slaten Persjani wara Ċiru l-​Kbir. It-​tnejn taʼ qablu jistaʼ jkun li kienu Kambise II u ħuh Bardija (jew forsi xi pretendent Magu li kien jismu Gawmata). Sa dakinhar li Dariju I, magħruf ukoll bħala Dariju l-​Kbir, telaʼ fuq it-​tron fis-​sena 521 Q.E.K., ix-​xogħol tal-​bini mill-​ġdid tat-​tempju f’Ġerusalemm kien projbit. Malli sab id-​dokument li kien fih id-​digriet taʼ Ċiru fl-​arkivji taʼ Ekbatana, Dariju mhux biss neħħa l-​projbizzjoni fis-​sena 520 Q.E.K., imma wkoll ipprovda fondi mit-​teżor irjali għall-​bini mill-​ġdid tat-​tempju.​—Esdra 6:​1-12.

15 Il-​ħakkiem Persjan l-​ieħor li għen fl-​isforzi taʼ restawrar tal-​Lhud kien Artasersi I, li beda jsaltan wara missieru Assweru (Sersi I) fis-​sena 475 Q.E.K. Artasersi kien imlaqqam Longimanu għaliex idu l-​leminija kienet itwal mix-​xellugija. Matul is-​sena 20 tar-​renju tiegħu, fis-​sena 455 Q.E.K., hu inkariga lil Neħemija, il-​kuppier Lhudi tiegħu, biex ikun gvernatur taʼ Ġuda u biex jibni mill-​ġdid is-​swar taʼ Ġerusalemm. Din l-​azzjoni mmarkat il-​bidu tas-​‘sebgħin ġimgħa taʼ snin’ imsemmijin f’kapitlu 9 taʼ Danjel u stabbiliet id-​dati għad-​dehra u l-​mewt tal-​Messija, jew Kristu, Ġesù taʼ Nazaret.​—Danjel 9:​24-27; Neħemija 1:1; 2:​1-18.

16. Il-​Qawwa Dinjija Medo-Persjana meta u b’liema sultan intemmet?

16 Dariju III kien l-​aħħar wieħed mis-​sitt slaten li segwew lil Artasersi I fuq it-​tron taʼ l-​Imperu Persjan. Ir-​renju tiegħu spiċċa ħesrem fis-​sena 331 Q.E.K. meta sofra telfa terribbli minn Alessandru l-​Kbir f’Gawgamela, ħdejn Ninwè tal-​qedem. Din it-​telfa temmet il-​Qawwa Dinjija Medo-Persjana kif inhi simbolizzata mill-​parti tal-​fidda taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor. Il-​qawwa li kellha tiġi warajha kienet superjuri f’ċerti affarijiet, u madankollu inferjuri f’oħrajn. Dan isir ċar hekk kif nagħtu widen lil Danjel waqt li hu jkompli jinterpreta l-​ħolma taʼ Nabukodonosor.

SALTNA​—VASTA IMMA INFERJURI

17-19. (a) Liema qawwa dinjija kienet rappreżentata miż-​żaqq u l-​koxox tal-​bronż, u kemm kienet estensiva l-​ħakma tagħha? (b) Min kien Alessandru III? (ċ) Il-​Grieg kif sar lingwa internazzjonali, u għal liema ħaġa kien addattat ferm?

17 Danjel qal lil Nabukodonosor li ż-​żaqq u l-​koxox taʼ l-​istatwa immensa fformaw “saltna oħra, it-​tielet waħda, tal-​bronż, li [kellha] taħkem fuq l-​art kollha.” (Danjel 2:​32, 39) Din it-​tielet saltna kellha ssegwi lil Babilonja u lill-​Medo-Persja. Bħalma l-​bronż huwa inferjuri għall-​fidda, din il-​qawwa dinjija ġdida kellha tkun inferjuri għall-​Medo-Persja peress li ma kellhiex tkun onorata b’xi privileġġ, bħal dak li tillibera lill-​poplu taʼ Jehovah. Madankollu, is-​saltna li hi bħall-​bronż kellha “taħkem fuq l-​art kollha,” u b’hekk tindika li kellha tkun iktar estensiva kemm minn Babilonja u kemm mill-​Medo-Persja. Il-​fatti taʼ l-​istorja x’jikkonfermaw dwar din il-​qawwa dinjija?

18 Ftit wara li wiret it-​tron tal-​Maċedonja fis-​sena 336 Q.E.K. meta kellu 20 sena, l-​ambizzjuż Alessandru III daħal għal kampanja taʼ konkwisti. Minħabba s-​suċċessi militari li kellu, beda jissejjaħ Alessandru l-​Kbir. Billi kiseb rebħa fuq oħra, baqaʼ dieħel iktar ’il ġewwa fid-​dominju Persjan. Meta, fis-​sena 331 Q.E.K., hu għeleb lil Dariju III fil-​battalja taʼ Gawgamela, l-​Imperu Persjan beda jiġġarraf u Alessandru stabbilixxa l-​Greċja bħala l-​qawwa dinjija ġdida.

19 Wara r-​rebħa li kellu f’Gawgamela, Alessandru ssokta jieħu lil Babilonja, Susa, Persepoli, u Ekbatana, bliet kapitali Persjani. Billi rażżan lill-​bqija taʼ l-​Imperu Persjan, hu estenda l-​konkwisti tiegħu ġewwa l-​Indja tal-​punent. Fil-​pajjiżi mirbuħin ġew stabbiliti kolonji Griegi. B’hekk, il-​lingwa Griega u l-​kultura Griega xterdu mar-​renju kollu. Fil-​fatt, l-​Imperu Grieg sar akbar minn kwalunkwe wieħed li kien ġie qablu. Bħalma bassar Danjel, is-​saltna tal-​bronż ‘ħakmet fuq l-​art kollha.’ Riżultat wieħed taʼ dan kien li l-​Grieg (Koine) sar lingwa internazzjonali. Peress li permezz tiegħu wieħed setaʼ jesprimi ruħu b’eżattezza, dan wera li kien addattat ferm biex tinkiteb l-​Iskrittura Kristjana Griega u biex tinxtered l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.

20. Xi ġralu l-​Imperu Grieg wara l-​mewt t’Alessandru l-​Kbir?

20 Alessandru l-​Kbir għex tmien snin biss bħala ħakkiem tad-​dinja. Għalkemm ma kienx kbir fl-​età, Alessandru, li kellu 32 sena, marad wara ikla kbira u miet ftit wara, fit-​13 taʼ Ġunju tas-​sena 323 Q.E.K. Maż-​żmien, l-​imperu enormi tiegħu nqasam f’erbaʼ territorji, kull wieħed maħkum minn wieħed mill-​ġenerali tiegħu. B’hekk, minn saltna kbira waħda ġew erbaʼ saltniet li eventwalment inbelgħu mill-​Imperu Ruman. Il-​qawwa dinjija li kienet bħall-​bronż kompliet biss sas-​sena 30 Q.E.K. meta l-​aħħar waħda minn dawn l-​erbaʼ saltniet​—id-​dinastija tal-​Ptolomej li kienet taħkem lill-​Eġittu—​finalment waqgħet taħt idejn Ruma.

SALTNA LI TFARRAK U TKISSER

21. Danjel kif iddeskrivieha “r-​rabaʼ saltna”?

21 Danjel kompla jispjega dwar l-​istatwa tal-​ħolma: “Ikun hemm ukoll ir-​rabaʼ saltna [wara Babilonja, il-​Medo-Persja, u l-​Greċja] qawwija daqs il-​ħadid, u ladarba l-​ħadid ifarrak u jisħaq kollox, hekk din is-​saltna tkisser u tfarrak lill-​oħrajn kollha.” (Danjel 2:40) Fis-​saħħa u l-​abbiltà tagħha li tfarrak, din il-​qawwa dinjija kellha tkun bħall-​ħadid​—iktar b’saħħitha mill-​imperi rappreżentati mid-​deheb, mill-​fidda, jew mill-​bronż. L-​Imperu Ruman kien fil-​fatt qawwa bħal din.

22. L-​Imperu Ruman kif kien bħall-​ħadid?

22 Ruma farrket u kissret lill-​Imperu Grieg u belgħet lil dak li kien baqaʼ mill-​qawwiet dinjin tal-​Medo-Persja u Babilonja. Billi ma wriet ebda rispett lejn is-​Saltna t’Alla proklamata minn Ġesù Kristu, din tagħtu l-​mewt fuq zokk tat-​tortura fis-​sena 33 E.K. Fi sforz biex tkisser lill-​Kristjanità vera, Ruma ppersegwitat lid-​dixxipli taʼ Ġesù. Iktar minn hekk, ir-​Rumani qerdu lil Ġerusalemm u lit-​tempju tagħha fis-​sena 70 E.K.

23, 24. Minbarra l-​Imperu Ruman, riġlejn l-​istatwa jiffiguraw liema ħaġa?

23 Ir-​riġlejn tal-​ħadid taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor iffiguraw mhux biss lill-​Imperu Ruman imma wkoll lill-​qawwa politika li ħarġet minnu. Ikkunsidra dan il-​kliem dokumentat f’Apokalissi 17:​9, 10: “Huma wkoll is-​sebaʼ slaten: Ħamsa minnhom waqgħu, wieħed għadu hawn, u ieħor għadu ma ġiex, u, meta jiġi, ikollu jdum ftit.” L-​appostlu Ġwanni kien qed jinżamm fl-​eżilju mir-​Rumani, fuq il-​gżira taʼ Patmos meta kiteb dan il-​kliem. Il-​ħames slaten, jew qawwiet dinjin, li waqgħu kienu l-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-Persja, u l-​Greċja. Is-​sitt wieħed​—l-​Imperu Ruman—​kien għadu fil-​poter. Imma kellu jaqaʼ wkoll, u s-​sebaʼ sultan kellu joħroġ minn wieħed mit-​territorji maqbudin taʼ Ruma. Liema qawwa dinjija kellha tkun din?

24 Il-​Britannja darba kienet parti mill-​Imperu Ruman fil-​majjistral tiegħu. Imma sas-​sena 1763, din kienet saret l-​Imperu Britanniku​—il-​Britannja li ħakmet is-​sebaʼ ibħra. Sa l-​1776 it-​13-il kolonja Amerikana tagħha kienu ddikjaraw l-​indipendenza tagħhom sabiex jistabbilixxu l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka. Madankollu, fis-​snin taʼ wara, il-​Britannja u l-​Istati Uniti ssieħbu kemm fi żmien taʼ gwerra u kemm fi żmien taʼ paċi. B’hekk, ir-​rabta Anglo-Amerikana bdiet teżisti bħala s-​sebaʼ qawwa dinjija tal-​profezija Biblika. Din tat prova li kienet “qawwija daqs il-​ħadid” bħall-​Imperu Ruman, billi eżerċitat awtorità li kienet bħall-​ħadid. Ir-​riġlejn tal-​ħadid taʼ l-​istatwa fil-​ħolma b’hekk jinkludu kemm lill-​Imperu Ruman u kemm lill-​qawwa dinjija doppja Anglo-Amerikana.

TAĦLITA FRAĠLI

25. X’qal Danjel dwar is-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn taʼ l-​istatwa?

25 Danjel imbagħad qal lil Nabukodonosor: “Billi s-​saqajn u s-​swabaʼ rajthom biċċa tafal tal-​fuħħari u biċċa tal-​ħadid, is-​saltna tkun maqsuma, u jkollha fiha mill-​qawwa tal-​ħadid, ladarba mat-​tafal kien hemm imħallat il-​ħadid. U kif is-​swabaʼ tas-​saqajn kienu biċċa tal-​ħadid u biċċa tat-​tafal, hekk is-​saltna tkun biċċa qawwija u biċċa dgħajfa. U bħalma int rajt il-​ħadid imħallat mat-​tafal, hekk huma jitħalltu bejniethom bi żwiġijiet imma ma jingħaqdux waħda maʼ l-​oħra, l-​istess kif il-​ħadid ma jingħaqadx mat-​tafal.”​—Danjel 2:​41-43.

26. Il-​ħakma ffigurata mis-​saqajn u mis-​swabaʼ tas-​saqajn meta tagħmel id-​dehra tagħha?

26 Is-​suċċessjoni tal-​qawwiet dinjin rappreżentati mid-​diversi partijiet taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor bdiet mir-​ras u estendiet ’l isfel sas-​saqajn. Loġikament, is-​saqajn u s-​swabaʼ tal-​“ħadid imħallat mat-​tafal” kellhom jissimbolizzaw il-​manifestazzjoni finali taʼ ħakma umana li kellha teżisti matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar.”​—Danjel 12:4.

27. (a) Is-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn tal-​ħadid imħallat mat-​tafal jiffiguraw liema tip taʼ sitwazzjoni dinjija? (b) X’inhu ffigurat mill-​għaxart iswabaʼ tas-​saqajn taʼ l-​istatwa?

27 Fiż-​żerniq tas-​seklu 20, l-​Imperu Britanniku ħakem fuq kwart tal-​popolazzjoni fuq l-​art. Imperi Ewropej oħrajn ikkontrollaw lil iktar miljuni. Imma bħala riżultat taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija bdew jidhru gruppi taʼ nazzjonijiet li ħadu post l-​imperi. Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, din ix-​xejra ħaffet il-​pass. Hekk kif in-​nazzjonaliżmu kompla jiżviluppa, l-​għadd taʼ nazzjonijiet fid-​dinja żdied b’mod drammatiku. L-​għaxart iswabaʼ tas-​saqajn taʼ l-​istatwa jirrappreżentaw lil dawn il-​qawwiet u gvernijiet kollha li jeżistu flimkien, għax fil-​Bibbja n-​numru għaxra kultant jissinjifika għadd sħiħ fejn jirrigwarda l-​art.​—Qabbel Eżodu 34:28; Mattew 25:1; Apokalissi 2:10.

28, 29. (a) Skond Danjel, it-​tafal irrappreżenta lil liema ħaġa? (b) X’jistaʼ jingħad dwar it-​taħlita taʼ ħadid u tafal?

28 Issa li qegħdin fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” aħna wasalna fis-​saqajn taʼ l-​istatwa. Ftit mill-​gvernijiet, li huma ffigurati mis-​saqajn u mis-​swabaʼ tas-​saqajn taʼ l-​istatwa li huma tal-​ħadid imħallat mat-​tafal, huma bħall-​ħadid​—awtoritarji jew tiranniċi. Oħrajn huma bħat-​tafal. B’liema mod? Danjel assoċja t-​tafal maʼ “żergħet il-​bniedem.” (Danjel 2:​43, Karm Żammit) Minkejja n-​natura fraġli tat-​tafal, li minnu hija magħmula żergħet il-​bniedem, ħakmiet tradizzjonali li huma bħall-​ħadid ġew imġagħlin jagħtu widen iktar u iktar lin-​nies komuni, li jridu jsemmgħu leħinhom fil-​gvernijiet li qegħdin jaħkmu fuqhom. (Ġob 10:9) Imma l-​ħakma awtoritarja ma ssirx ħaġa waħda man-​nies komuni​—bħalma ma jistax ikun li l-​ħadid u t-​tafal jingħaqdu flimkien. Fi żmien ix-​xoljiment taʼ l-​istatwa, id-​dinja se tkun tabilħaqq maqsuma f’biċċiet politikament!

29 Se tiġġarraf l-​istatwa kollha kemm hi minħabba l-​kundizzjoni taʼ firda tas-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn? X’se jiġrilha l-​istatwa?

QUĊĊATA DRAMMATIKA!

30. Iddeskrivi l-​quċċata tal-​ħolma taʼ Nabukodonosor.

30 Ikkunsidra l-​quċċata tal-​ħolma. Danjel qal lis-​sultan: “Inti u tħares inqatgħet ġebla, bla ma messha ħadd, laqtet l-​istatwa f’saqajha tal-​ħadid u t-​tafal, u għamlithomlha frak. Mbagħad tfarrku f’daqqa waħda l-​ħadid, it-​tafal, il-​bronż, il-​fidda u d-​deheb, u saru qishom il-​karfa li tittajjar minn fuq il-​qiegħa fis-​sajf. U r-​riħ ġarrhom miegħu, u ebda ħjiel tagħhom ma baqaʼ. U l-​ġebla li laqtet l-​istatwa saret muntanja kbira li mliet l-​art kollha.”​—Danjel 2:​34, 35.

31, 32. X’kien imbassar rigward il-​parti finali tal-​ħolma taʼ Nabukodonosor?

31 Biex tispjega, il-​profezija kompliet: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem. Kien għalhekk li int rajt mill-​muntanja tinqataʼ ġebla bla ma messha ħadd, u farrket il-​ħadid, il-​bronż, it-​tafal, il-​fidda u d-​deheb. Il-​kbir Alla għarraf lis-​sultan b’dak li għad jiġri ’l quddiem. Il-​ħolma hija minnha, u t-​tifsira tagħha taʼ min jemminha.”​—Danjel 2:​44, 45.

32 Billi apprezza li l-​ħolma tiegħu kienet ġiet miftakra u spjegata, Nabukodonosor irrikonoxxa li dak Alla taʼ Danjel biss kien ‘Sid is-​slaten u dak li jikxef il-​misteri.’ Is-​sultan ta wkoll lil Danjel u lit-​tliet sħabu Ebrej pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà kbira. (Danjel 2:​46-49) Iżda, x’sinjifikat għandha fi żmienna “t-​tifsira” taʼ Danjel li hija “taʼ min jemminha”?

‘MUNTANJA TIMLA L-​ART’

33. Il-​“ġebla” nqatgħet minn liema “muntanja,” u dan meta u kif seħħ?

33 Meta, f’Ottubru taʼ l-​1914, spiċċa “żmien il-​ġnus,” “Alla tas-​sema” stabbilixxa s-​Saltna tas-​sema billi qiegħed fuq it-​tron lil Ibnu l-​midluk, Ġesù Kristu, bħala s-​“Sultan tas-​slaten u Sid tas-​sidien.” a (Luqa 21:24; Apokalissi 12:​1-5; 19:16) Mela kien permezz taʼ qawwa divina, mhux permezz taʼ idejn umani, li l-​“ġebla” tas-​Saltna Messjanika nqatgħet mill-​“muntanja” tas-​sovranità universali taʼ Jehovah. Dan il-​gvern tas-​sema qiegħed f’idejn Ġesù Kristu, li lilu Alla tah l-​immortalità. (Rumani 6:9; 1 Timotju 6:​15, 16) Għaldaqstant, din “is-​saltna . . . taʼ Sidna [Alla] u tal-​Messija tiegħu”​—espressjoni tas-​sovranità universali taʼ Jehovah—​m’hijiex se tgħaddi f’idejn xi ħaddieħor. Se tibqaʼ wieqfa għal dejjem.​—Apokalissi 11:15.

34. Kif kien li s-​Saltna t’Alla twieldet “fi żmien dawn is-​slaten”?

34 It-​twelid tas-​Saltna seħħ “fi żmien dawn is-​slaten.” (Danjel 2:44) Dawn ma kinux biss is-​slaten iffigurati mill-​għaxart iswabaʼ tas-​saqajn taʼ l-​istatwa imma wkoll dawk simbolizzati mill-​partijiet tal-​ħadid, tal-​bronż, tal-​fidda, u tad-​deheb tagħha. Għalkemm l-​imperi taʼ Babilonja, tal-​Persja, tal-​Greċja, u taʼ Ruma kienu spiċċaw bħala qawwiet dinjin, il-​fdalijiet tagħhom kienu għadhom jeżistu fl-​1914. F’dak iż-​żmien, l-​Imperu Ottoman Tork kien jokkupa t-​territorju taʼ Babilonja, u gvernijiet nazzjonali kienu qegħdin jiffunzjonaw fil-​Persja (l-Iran) u fil-​Greċja u f’Ruma, l-​Italja.

35. Il-​“ġebla” meta se tolqotha lill-​istatwa, u kemm se tkun kbira l-​qerda taʼ l-​istatwa?

35 Is-​Saltna tas-​sema t’Alla dalwaqt se tolqot lill-​istatwa simbolika fuq saqajha. Bħala riżultat, is-​saltniet kollha ffigurati minnha se jitkissru f’biċċiet, billi ġġibhom fi tmiem. Tabilħaqq, fil-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” dik il-​“ġebla” se tolqot b’impatt tant qawwi li l-​istatwa se tintaħan u ssir trab u r-​riħ tal-​maltempata t’Alla se jtajjarha lil hinn bħall-​karfa taʼ xi qiegħa. (Apokalissi 16:​14, 16) Imbagħad, bħall-​ġebla li kibret u saret muntanja u mliet l-​art, is-​Saltna t’Alla se ssir il-​muntanja governattiva li se teffettwa lill-​“art kollha.”​—Danjel 2:35.

36. Is-​Saltna Messjanika għala tistaʼ tissejjaħ gvern stabbli?

36 Għalkemm is-​Saltna Messjanika tinsab fis-​sema, din se testendi l-​qawwa tagħha lejn il-​globu tagħna għall-​barka taʼ l-​abitanti ubbidjenti kollha taʼ l-​art. Dan il-​gvern stabbli qatt ‘ma se jinqered’ jew ‘jgħaddi għal poplu ieħor.’ Kuntrarju għas-​saltniet taʼ ħakkiema umani moribondi, ‘din is-​saltna se tibqaʼ wieqfa għal dejjem,’ għall-​eternità. (Danjel 2:44) Jalla int ikollok il-​privileġġ li tkun wieħed jew waħda mis-​sudditi tagħha għall-​eternità.

[Nota taʼ taħt]

a Ara Kapitlu 6 taʼ dan il-​ktieb.

X’INNOTAJT?

• Liema qawwiet dinjin huma rappreżentati mid-​diversi partijiet taʼ l-​istatwa immensa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor?

• Is-​saqajn u l-​għaxart iswabaʼ tas-​saqajn tal-​ħadid imħallat mat-​tafal jirrappreżentaw lil liema sitwazzjoni dinjija?

• Il-​“ġebla” meta nqatgħet u minn liema “muntanja”?

• Il-​“ġebla” meta se tolqotha lill-​istatwa?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġni 63-67]

SULTAN GWERRIER JIBNI IMPERU

IL-​PRINĊEP werriet taʼ Babilonja u l-​eżerċtu tiegħu jfarrku lill-​qawwiet armati Eġizzjani tal-​Fargħun Neko f’Karkemis, fis-​Sirja. L-​Eġizzjani, megħlubin, jaħarbu għan-​naħa tan-​nofsinhar lejn l-​Eġittu, u l-​Babiloniżi jitilqu jiġru għal warajhom. Imma jasal messaġġ minn Babilonja li jġiegħel lill-​prinċep rebbieħ jabbanduna l-​insegwiment tiegħu. L-​aħbar hi li missieru, Nabopolassar, miet. Waqt li jimponi fuq il-​ġenerali tiegħu r-​responsabbiltà li jġibu lura lill-​imjassrin u l-​oġġetti misruqin, Nabukodonosor malajr jirritorna lejn daru u jieħu t-​tron li tbattal minn missieru.

B’hekk, Nabukodonosor telaʼ fuq it-​tron taʼ Babilonja fis-​sena 624 Q.E.K. u sar it-​tieni ħakkiem taʼ l-​Imperu Neo-Babiloniż. Matul ir-​renju tiegħu li dam 43 sena, hu ħa pussess tat-​territorji li darba kienu okkupati mill-​Qawwa Dinjija Assirjana u estenda d-​dominju tiegħu, billi ħa lis-​Sirja fit-​tramuntana u lill-​Palestina fil-​punent u ’l isfel sal-​fruntiera taʼ l-​Eġittu.​—Ara l-​mappa.

Fir-​rabaʼ sena tar-​renju tiegħu (620 Q.E.K.), Nabukodonosor għamel lil Ġuda s-​saltna vassall tiegħu. (2 Slaten 24:1) Tliet snin wara, irvell Ġudean ġab lil Ġerusalemm taħt assedju mill-​Babiloniżi. Nabukodonosor ħa lil Ġeħojakin, lil Danjel, u lil oħrajn fil-​jasar f’Babilonja. Is-​sultan ħa miegħu wkoll xi ftit mit-​tagħmir tat-​tempju taʼ Jehovah. Lil Sedekija, iz-​ziju taʼ Ġeħojakin, Nabukodonosor għamlu s-​sultan vassall taʼ Ġuda.​—2 Slaten 24:​2-17; Danjel 1:​6, 7.

Ftit taż-​żmien wara, Sedekija wkoll irribella, billi għamel alleanza maʼ l-​Eġittu. Nabukodonosor assedja mill-​ġdid lil Ġerusalemm, u fis-​sena 607 Q.E.K., kisser is-​swar tagħha, ħaraq it-​tempju, u qered il-​belt. Qatel lill-​ulied kollha taʼ Sedekija u mbagħad lil Sedekija nnifsu għamieh u rabtu, sabiex jieħdu bħala priġunier lejn Babilonja. Nabukodonosor ħa fil-​jasar lill-​biċċa l-​kbira tan-​nies u ġarr lejn Babilonja t-​tagħmir tat-​tempju li kien baqaʼ. “Hekk Ġuda kien itturufnat ’il bogħod minn artu.”​—2 Slaten 24:18–25:21.

Nabukodonosor ikkonkwista wkoll lil Tir billi assedja lill-​belt​—assedju li dam sejjer 13-il sena. Matul l-​assedju, l-​irjus tas-​suldati tiegħu ‘tfartstu’ tant kemm damu jħokku maʼ l-​elmijiet tagħhom, u spallejhom ‘saru ġerħa waħda’ tant kemm ġarrew materjal użat fil-​kostruzzjoni taʼ l-​armar għall-​assedju. (Eżekjel 29:18) Fl-​aħħarnett, Tir ċediet għall-​qawwiet armati Babiloniżi.

B’mod evidenti, is-​sultan Babiloniż kien strateġista militari brillanti. Xi referenzi letterarji, partikolarment dawk t’oriġini Babiloniża, jiddeskrivuh ukoll bħala sultan ġust. Waqt li l-​Iskrittura ma tgħidx speċifikament li Nabukodonosor kien ġust, il-​profeta Ġeremija qal li avolja Sedekija kien irribella, hu kien se jiġi ttrattat bil-​ġustizzja ‘jekk joħroġ għal għand il-​fizzjali tas-​sultan taʼ Babilonja.’ (Ġeremija 38:​17, 18) U wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm, Nabukodonosor ittratta lil Ġeremija bir-​rispett. Dwar Ġeremija, is-​sultan ikkmanda: “Ħudu u żommu taħt għajnejk, u tagħmillu ebda ħsara, imma agħmel miegħu kif jgħidlek hu.”​—Ġeremija 39:​11, 12; 40:​1-4.

Bħala amministratur, Nabukodonosor malajr irrikonoxxa l-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet taʼ Danjel u t-​tliet sħabu​—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—​li l-​ismijiet Ebrajċi tagħhom kienu Ħananija, Misaèl, u Għażarija. Għalhekk, is-​sultan użahom f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fis-​saltna tiegħu.​—Danjel 1:​6, 7, 19-21; 2:49.

Id-​devozzjoni reliġjuża taʼ Nabukodonosor kienet diretta partikolarment lejn Marduk, l-​alla ewlieni taʼ Babilonja. Is-​sultan ta l-​kredtu għall-​konkwisti kollha tiegħu lil Marduk. F’Babilonja, hu bena u sebbaħ it-​tempji taʼ Marduk u t’għadd taʼ divinitajiet Babiloniżi oħrajn. L-​istatwa tad-​deheb mibnija fuq il-​wita taʼ Dura jistaʼ jkun li kienet dedikata lil Marduk. U Nabukodonosor jidher li kien strieħ bil-​kbir fuq id-​divinazzjoni fl-​ippjanar taʼ l-​istrateġiji militari tiegħu.

Nabukodonosor ħassu kburi wkoll li jirrestawra lil Babilonja, l-​akbar belt bis-​swar taʼ dak iż-​żmien. Billi lesta s-​swar doppji u massiċċi tal-​belt li kien beda jibni missieru, Nabukodonosor għamel il-​belt kapitali tidher qisha impenetrabbli. Is-​sultan sewwa palazz qadim fil-​qalba tal-​belt u bena palazz għas-​sajf xi żewġ kilometri lejn it-​tramuntana. Huwa rrapportat li Nabukodonosor bena l-​ġonna mdendlin​—stmati bħala wieħed mis-​sebaʼ għeġubijiet tad-​dinja antika—​biex jissodisfa lis-​sultana Medjana tiegħu, li kienet tixxennaq għall-​għoljiet u l-​foresti t’art twelidha.

“Hijiex din Babilonja l-​kbira li jien, bil-​qawwa taʼ setgħeti, bnejt bħala għamara taʼ sultan għal sebħ ġieħi?” ftaħar is-​sultan darba minnhom waqt li kien qiegħed jippassiġġa fil-​palazz irjali taʼ Babilonja. “Il-​kelma kienet għadha f’fomm is-​sultan” meta dan intlaqat bil-​ġenn. Sewwa sew bħalma kien bassar Danjel, hu kiel il-​ħxejjex, billi ma kienx tajjeb biex jaħkem għal sebaʼ snin. Meta spiċċa dak il-​perijodu, is-​saltna ngħatat lura lil Nabukodonosor, li saltan sakemm miet fis-​sena 582 Q.E.K.​—Danjel 4:​27-33 [30-36, NW].

X’INNOTAJT?

X’jistaʼ jingħad dwar Nabukodonosor bħala

• strateġista militari?

• amministratur?

• adoratur taʼ Marduk?

• bennej?

[Mappa]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​IMPERU BABILONIŻ

IL-​BAĦAR L-​AĦMAR

Ġerusalemm

Ix-​Xmara Ewfrat

Ix-​Xmara Tigri

Ninwè

Susa

Babilonja

Ur

[Stampa]

Babilonja, l-​akbar belt bis-​swar fi żmienha

[Stampa]

Id-​dragun kien simbolu taʼ Marduk

[Stampa]

Il-​ġonna mdendlin u famużi taʼ Babilonja

[Dijagramma/Stampa f’paġna 56]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

QAWWIET DINJIN TAL-​PROFEZIJA TAʼ DANJEL

L-​istatwa immensa (Danjel 2:​31-45)

BABILONJA mis-​sena 607 Q.E.K.

IL-​MEDO-PERSJA mis-​sena 539 Q.E.K.

IL-​GREĊJA mis-​sena 331 Q.E.K.

RUMA mis-​sena 30 Q.E.K.

IL-​QAWWA DINJIJA ANGLO-AMERIKANA mill-​1763 E.K.

ID-​DINJA MAQSUMA POLITIKAMENT fiż-​żmien taʼ l-​aħħar

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 47]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 58]