Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irrivelat Żmien il-​Miġja tal-​Messija

Irrivelat Żmien il-​Miġja tal-​Messija

Kapitlu Ħdax

Irrivelat Żmien il-​Miġja tal-​Messija

1. Ladarba Jehovah hu l-​Gran Padrun tal-​Ħin, dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti?

 JEHOVAH hu l-​Gran Padrun tal-​Ħin. Hu jikkontrolla ż-​żminijiet u l-​istaġuni kollha konnessi max-​xogħol tiegħu. (Atti 1:7) Il-​ġrajjiet kollha li rabat maʼ dawn iż-​żminijiet u l-​istaġuni żgur li se jseħħu. M’humiex se jfallu.

2, 3. Danjel ta l-​attenzjoni tiegħu lil liema profezija, u liema imperu kien qed jaħkem lil Babilonja dak iż-​żmien?

2 Bħala student diliġenti taʼ l-​Iskrittura, il-​profeta Danjel kellu fidi fl-​abbiltà taʼ Jehovah li jistabbilixxi skeda tal-​ġrajjiet u jagħmilhom iseħħu. Il-​profeziji rigward il-​ħerba taʼ Ġerusalemm kienu taʼ interess partikulari għal Danjel. Ġeremija kien iddokumenta r-​rivelazzjoni t’Alla dwar kemm il-​belt qaddisa kienet se ddum ħerba, u Danjel ikkunsidraha bir-​reqqa din il-​profezija. Hu kiteb: “Fl-​ewwel sena taʼ Dariju bin Assweru, min-​nisel tal-​Medi, li kien is-​sultan tas-​saltna tal-​Kaldin, fl-​ewwel sena tas-​saltna tiegħu, jien, Danjel, fittixt fl-​Iskrittura biex inkun naf in-​numru tas-​snin li, skond ma qal il-​Mulej lill-​profeta Ġeremija, kellhom jgħaddu fuq il-​ħerba taʼ Ġerusalemm, jiġifieri, sebgħin sena.”​—Danjel 9:​1, 2; Ġeremija 25:11.

3 F’dak iż-​żmien Dariju l-​Medi kien jaħkem fuq is-​“saltna tal-​Kaldin.” It-​tbassira taʼ qabel magħmula minn Danjel meta interpreta l-​kitba fuq il-​ħajt kienet twettqet f’ħakka t’għajn. L-​Imperu Babiloniż ma kienx għadu jeżisti. Kien ngħata “lill-​Medi u lill-​Persjani” fis-​sena 539 Q.E.K.​—Danjel 5:​24-28, 30; 6:1 [5:​31, NW].

DANJEL JIRRIKORRI UMILMENT GĦAND JEHOVAH

4. (a) X’kien meħtieġ sabiex wieħed jesperjenza l-​ħelsien mingħand Alla? (b) Danjel kif issokta jirrikorri għand Jehovah?

4 Danjel irrealizza li l-​ħerba taʼ Ġerusalemm għal 70 sena kienet waslet biex tintemm. X’kien se jagħmel issa? Hu nnifsu jgħidilna: “Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi biex infittxu bit-​talb umli tiegħi u bis-​sawm, tfajt fuqi libsa tax-​xkejjer u xerridt l-​irmied fuq rasi. Tlabt lill-​Mulej Alla tiegħi, stqarrejt.” (Danjel 9:​3, 4) Kienet meħtieġa kundizzjoni xierqa tal-​qalb biex jiġi esperjenzat il-​ħelsien bil-​ħniena t’Alla. (Levitiku 26:​31-46; 1 Slaten 8:​46-53) Kien hemm bżonn taʼ fidi, spirtu umli, u ndiema sħiħa minħabba d-​dnubiet li kienu wasslu għall-​eżilju u l-​jasar. Għan-​nom tal-​poplu midneb tiegħu, Danjel għalhekk issokta jirrikorri għand Alla. Kif? Billi sam, tnikket, u tefaʼ fuqu lbies tax-​xkejjer, simbolu taʼ ndiema u sinċerità tal-​qalb.

5. Danjel għala setaʼ jħossu fiduċjuż li l-​Lhud kienu se jirritornaw lejn art twelidhom?

5 Il-​profezija taʼ Ġeremija kienet tagħtu tama lil Danjel, għax din indikat li l-​Lhud kienu dalwaqt se jerġgħu jmorru lura lejn Ġuda, art twelidhom. (Ġeremija 25:12; 29:10) Bla dubju, Danjel ħassu fiduċjuż li kien ġej is-​serħan għal-​Lhud imjassrin għaliex bniedem jismu Ċiru kien diġà qiegħed jaħkem bħala sultan tal-​Persja. Ma kienx ipprofetizza Isaija li Ċiru kien se jkun strumentali f’li jeħles lil-​Lhud biex dawn jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u t-​tempju? (Isaija 44:28–45:3) Imma Danjel ma kellu ebda idea kif dan kien se jseħħ. Għalhekk hu kompla jissupplika lil Jehovah.

6. Danjel x’irrikonoxxa fit-​talb tiegħu?

6 Danjel ġibed l-​attenzjoni lejn il-​ħniena u l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla. Umilment, hu rrikonoxxa li l-​Lhud kienu dinbu billi rribellaw, warrbu fil-​ġenb il-​kmandamenti taʼ Jehovah, u injoraw lill-​profeti tiegħu. Alla kien għamel sewwa li ‘tturufnahom minħabba l-​qerq tagħhom.’ Danjel talab: “Għajb għal wiċċna, Mulej, għal wiċċ is-​slaten u l-​kapijiet tagħna, għal wiċċ missirijietna, li dnibna kontrik. Mingħand Alla Sidna l-​ħniena u l-​maħfra, għax aħna qomna kontrieh, u ma tajniex widen għall-​Mulej Alla tagħna meta sejjħilna biex nimxu skond il-​liġijiet li hu qegħdilna quddiemna permezz tal-​qaddejja tiegħu l-​profeti. L-​Iżraelin kollha kisru l-​liġi tiegħek, daru lura biex ma jisimgħux leħnek, u għalhekk niżlet fuqna s-​saħta u l-​ħalfa li Mosè, il-​qaddej taʼ Alla, kiteb fil-​Liġi, għax aħna dnibna kontra Alla.”​—Danjel 9:​5-11; Eżodu 19:​5-8; 24:​3, 7, 8.

7. Għala jistaʼ jingħad li Jehovah għamel sewwa meta ħalla lil-​Lhud imorru fil-​jasar?

7 Alla kien wissa lill-​Iżraeliti dwar il-​konsegwenzi għad-​diżubbidjenza tagħhom u talli ma tawx kas il-​patt li kien għamel magħhom. (Levitiku 26:​31-33; Dewteronomju 28:15; 31:17) Danjel jirrikonoxxi kemm kien korrett l-​aġir t’Alla, billi jgħid: “Hu għamel li sseħħ il-​kelma li qal kontra tagħna u kontra l-​imħallfin mexxejja tagħna, meta qal li jġib fuqna għawġ hekk kbir li bħalu qatt ma sar mis-​sema ’l isfel kif sar f’Ġerusalemm. Dan l-​għawġ waqaʼ fuqna kollu, kif inhu miktub fil-​Liġi taʼ Mosè, u b’danakollu aħna ma taffejniex il-​korla tal-​Mulej Alla tagħna, għax la dorna lura minn dnubietna u lanqas ġibna ruħna tajjeb skond is-​sewwa tiegħek. U l-​Mulej qagħad jistenna sa ma ġieb fuqna l-​għawġ, għax il-​Mulej Alla tagħna huwa ġust f’kull ma għamel, u konna aħna li ma smajniex minnu.”​—Danjel 9:​12-14.

8. Danjel fuq liema ħaġa jibbaża l-​appell tiegħu lil Jehovah?

8 Danjel ma jipprovax jiġġustifika l-​aġir tal-​poplu tiegħu. L-​eżilju tagħhom kien mistħoqq b’mod ġust, bħalma jistqarr fil-​pront: “Aħna dnibna u għamilna l-​ħażin.” (Danjel 9:15) Lanqas m’hu t-​tħassib tiegħu sempliċement dwar ħelsien mis-​sofferenza. Le, hu jibbaża l-​appell tiegħu fuq il-​glorja u l-​unur taʼ Jehovah stess. Billi jaħfer lil-​Lhud u jirritornahom lejn art twelidhom, Alla kien se jwettaq il-​wegħda tiegħu permezz taʼ Ġeremija u kien se jissantifika l-​isem qaddis Tiegħu. Danjel jitlob bil-​ħniena: “Nitolbok, Sidi, f’ġieħ il-​ġustizzja kbira tiegħek, raġġaʼ lura l-​korla u l-​għadab minn fuq Ġerusalemm, il-​belt tiegħek, il-​muntanja qaddisa tiegħek, għax minħabba dnubietna u l-​ħażen taʼ missirijietna Ġerusalemm u l-​poplu tiegħek waqgħu għaż-​żuffjett taʼ dawk kollha taʼ madwarna.”​—Danjel 9:16.

9. (a) Danjel b’liema suppliki jikkonkludi t-​talba tiegħu? (b) X’inhu dak li jnikket lil Danjel, imma hu kif juri rispett lejn l-​isem t’Alla?

9 F’talba ferventi, Danjel ikompli: “Ismaʼ mela, Alla tagħna, it-​talba tal-​qaddej tiegħek u s-​supplika tiegħu, u għall-​ġieħ tiegħek stess, Sidi, ixħet id-​dawl taʼ wiċċek fuq is-​santwarju tiegħek li sar ħerba waħda. Agħtini widen, Alla tiegħi, u ismagħni; iftaħ għajnejk u ara kif sirna ħerba, aħna u l-​belt li ssemmiet għalik; is-​supplika tagħna qegħdin inressquha quddiemek mhux għax aħna tajbin, imma għax int kbir fil-​ħniena tiegħek. Sidi, ismagħna; Sidi, aħfrilna; Sidi, agħtina widen u ddumx ma tagħmel xi ħaġa għalina, Alla tiegħi, għall-​ġieħ tiegħek stess, għax int għandek ismek fuq il-​belt u l-​poplu tiegħek.” (Danjel 9:​17-19) Kieku Alla ma kienx wieħed li jaħfer u ħalla lill-​poplu tiegħu fl-​eżilju, u b’hekk ħalla lil Ġerusalemm, il-​belt qaddisa tiegħu, tibqaʼ ħerba indefinittivament, kienu l-​ġnus se jħarsu lejh bħala s-​Sovran Universali? Ma setgħux huma jikkonkludu li Jehovah kien bla saħħa kontra s-​setgħa taʼ l-​allat Babiloniżi? Iva, isem Jehovah kien se jitkasbar, u dan il-​fatt inikket lil Danjel. Mid-​19-il darba li l-​isem divin, Jehovah, jinsab fil-​kitba oriġinali tal-​ktieb taʼ Danjel, 18-il darba minnhom jinsab f’konnessjoni maʼ din it-​talba!

GABRIJEL JIĠI BIL-​ĦEFFA

10. (a) Min intbagħat għand Danjel, u għala? (b) Danjel għala tkellem dwar Gabrijel bħala “raġel”?

10 Waqt li Danjel ikun għadu qed jitlob, jidher l-​anġlu Gabrijel. Hu jgħid: “Danjel, jien issa ħriġt biex ngħarrfek u nfiehmek. Sa mill-​bidu tas-​supplika tiegħek ħarġet kelma, u jiena ġejt biex ngħarrafhielek, għax int għażiż. Ifhem il-​kelma u kun af x’inhi d-​dehra.” Imma Danjel għala jitkellem dwaru bħala “r-​raġel Gabrijel”? (Danjel 9:​20-23) Sewwa, meta Danjel fittex li jifhem id-​dehra li kellu qabel dwar il-​bodbod u l-​muntun, “wieħed wieqaf qisu bniedem” deher quddiemu. Kien l-​anġlu Gabrijel, mibgħut biex jagħti d-​dehen lil Danjel. (Danjel 8:​15-17) Bl-​istess mod, wara t-​talba taʼ Danjel, dan l-​anġlu ġie ħdejh f’sura taʼ bniedem u tkellem miegħu bħalma bniedem jitkellem maʼ ieħor.

11, 12. (a) Għalkemm ma kien hemm la tempju u lanqas artal taʼ Jehovah f’Babilonja, Lhud devoti kif urew rispett lejn l-​offerti meħtiġin mil-​Liġi? (b) Danjel għala ssejjaħ “għażiż”?

11 Gabrijel jasal “f’ħin is-​sagrifiċċju taʼ filgħaxija.” L-​artal taʼ Jehovah kien inqered flimkien mat-​tempju f’Ġerusalemm, u l-​Lhud kienu lsiera tal-​Babiloniżi pagani. Mela l-​Lhud f’Babilonja ma kinux qed joffru sagrifiċċji. Madankollu, fil-​ħinijiet preskritti għal offerti taħt il-​Liġi Mosajka, kien xieraq li l-​Lhud devoti f’Babilonja jfaħħru u jissupplikaw lil Jehovah. Bħala bniedem devot profondament lejn Alla, Danjel ġie msejjaħ “għażiż.” Jehovah, ‘Semmiegħ it-​talb,’ ħa gost bih, u Gabrijel intbagħat b’ħeffa kbira biex iwieġeb it-​talba taʼ fidi taʼ Danjel.​—Salm 65:3 [65:​2, NW].

12 Saħansitra meta t-​talb lil Jehovah kien ipperikolalu ħajtu, Danjel kompla jitlob lil Alla tliet darbiet kuljum. (Danjel 6:​11, 12 [6:​10, 11, NW]) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah sabu daqshekk għażiż! Minbarra t-​talb, bis-​saħħa tal-​meditazzjoni tiegħu fuq il-​Kelma t’Alla, Danjel setaʼ jiddetermina x’kienet ir-​rieda taʼ Jehovah. Danjel ippersista fit-​talb u kien jaf kif għandu jersaq lejn Jehovah b’mod xieraq sabiex jitwieġeb it-​talb tiegħu. Hu ta prominenza lit-​tjieba t’Alla. (Danjel 9:​7, 14, 16) U għalkemm l-​għedewwa tiegħu ma setgħux isibu ħtija fih, Danjel kien jaf li kien midneb f’għajnejn Alla u kien pront jistqarr dnubu.​—Danjel 6:5 [6:4, NW]; Rumani 3:23.

“SEBGĦIN ĠIMGĦA” BIEX TISPIĊĊA L-​ĦTIJA

13, 14. (a) Gabrijel liema tagħrif importanti rrivelalu lil Danjel? (b) Kemm huma twal is-​“sebgħin ġimgħa,” u kif nafu?

13 Xi tweġiba jirċievi Danjel għat-​talb tiegħu! Jehovah mhux biss jassigurah li l-​Lhud se jirritornaw lejn art twelidhom imma wkoll jagħtih dehen biex jifhem xi ħaġa taʼ sinjifikat ferm akbar​—id-​dehra tal-​Messija mbassar. (Ġenesi 22:​17, 18; Isaija 9:​5, 6 [6, 7, NW]) Gabrijel jgħid lil Danjel: “Hu maqtugħ li sebgħin ġimgħa oħra għad baqagħlu l-​poplu tiegħek u l-​belt qaddisa tiegħek biex jintemm id-​dnub, tispiċċa l-​ħtija, u jitħallas il-​ħażen, biex imbagħad tiġi l-​ġustizzja taʼ dejjem, u jitqiegħed is-​siġill fuq id-​dehra u l-​profeta, u jkun ikkonsagrat il-​Post il-​Qaddis. Kun af u ifhem, li minn meta ħarġet il-​kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm sa ma jasal wieħed ikkonsagrat bħala prinċep, għad iridu jgħaddu sebaʼ ġimgħat. U fi tnejn u sittin ġimgħa terġaʼ tinbena għal darb’oħra, bil-​pjazez u l-​fossijiet tagħha; imma dan jiġri fi żmien taʼ diqa.”​—Danjel 9:​24, 25.

14 Din kienet aħbar tajba tabilħaqq! Mhux biss Ġerusalemm kellha terġaʼ tinbena u l-​qima tiġi restawrata f’tempju ġdid, imma wkoll “wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” kellu jidher fi żmien speċifiku. Dan kellu jseħħ fi żmien “sebgħin ġimgħa.” Ladarba Gabrijel ma jsemmix jiem, dawn m’humiex ġimgħat taʼ sebat ijiem kull waħda, li kieku jammontaw għal 490 jum​—sena u erbaʼ xhur biss. Il-​bini mill-​ġdid taʼ Ġerusalemm “bil-​pjazez u l-​fossijiet” bħalma kien imbassar, ħa ferm iktar minn hekk. Il-​ġimgħat huma ġimgħat taʼ snin. Li kull ġimgħa hija twila sebaʼ snin huwa suġġerit minn għadd taʼ traduzzjonijiet moderni. Per eżempju, “sebgħin ġimgħa taʼ snin” hija traduzzjoni indikata minn nota taʼ taħt għal Danjel 9:24 fit-​Tanakh​—The Holy Scriptures, pubblikat minn The Jewish Publication Society. An American Translation tgħid: “Sebgħin ġimgħa taʼ snin huma destinati għall-​poplu tiegħek u għall-​belt qaddisa tiegħek.” Traduzzjonijiet simili jidhru fil-​verżjonijiet taʼ Moffatt u Rotherham.

15. Is-​“sebgħin ġimgħa” huma maqsumin f’liema tliet perijodi, u meta kellhom jibdew?

15 Skond il-​kliem taʼ l-​anġlu, is-​“sebgħin ġimgħa” kellhom jinqasmu fi tliet perijodi: (1) “sebaʼ ġimgħat,” (2) “tnejn u sittin ġimgħa,” u (3) ġimgħa waħda. Dan jammonta għal 49 sena, 434 sena, u 7 snin​—total taʼ 490 sena. Huwa interessanti li The Revised English Bible tgħid: “Sebgħin sena għal sebaʼ darbiet huma mmarkati għall-​poplu tiegħek u għall-​belt qaddisa tiegħek.” Wara l-​eżilju u s-​sofferenza tagħhom għal 70 sena f’Babilonja, il-​Lhud kellhom jesperjenzaw favur speċjali minn Alla għal 490 sena, jew 70 sena għal 7 darbiet. Il-​bidu kellu jkun “minn meta ħarġet il-​kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm.” Meta kellu jkun dan?

JIBDEW IS-​“SEBGĦIN ĠIMGĦA”

16. Bħalma huwa muri mid-​digriet tiegħu, Ċiru għal liema skop irritorna lil-​Lhud lejn art twelidhom?

16 Jixraq li nikkunsidraw tliet inċidenti taʼ min jinnotahom rigward il-​bidu tas-​“sebgħin ġimgħa.” L-​ewwel wieħed seħħ fis-​sena 537 Q.E.K. meta Ċiru ħareġ id-​digriet tiegħu biex il-​Lhud jirritornaw lejn art twelidhom. Dan jgħid: “Hekk jgħid Ċiru s-​sultan tal-​Persja: ‘Il-​Mulej, Alla tas-​smewwiet, tani s-​saltniet kollha taʼ l-​art, u qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, belt taʼ Ġuda. Kull min hemm fostkom mill-​poplu kollu tiegħu, ħa jkun miegħu Alla tiegħu! Ħa jitlaʼ Ġerusalemm, belt taʼ Ġuda, u jibni t-​tempju tal-​Mulej [“dar il-​Mulej,” Saydon], Alla taʼ Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm. U kull min fadal mill-​poplu tiegħu, qiegħed fejn qiegħed, ħa jgħinuh in-​nies tal-​post b’fidda, deheb, ġid, bhejjem, u offerti oħra minn rajhom lit-​tempju taʼ Alla, li hemm f’Ġerusalemm.’” (Esdra 1:​2-4) B’mod ċar, l-​iskop speċifiku taʼ dan id-​digriet kien li t-​tempju​—“dar il-​Mulej” Jehovah—​jinbena mill-​ġdid fuq is-​sît li kellu qabel.

17. L-​ittra mogħtija lil Esdra tat liema raġuni għall-​vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm?

17 It-​tieni inċident seħħ fis-​sebaʼ sena tar-​renju tas-​Sultan Persjan Artasersi (Artasersi Longimanu, bin Sersi I). F’dak iż-​żmien, Esdra l-​iskriba għamel vjaġġ taʼ erbaʼ xhur minn Babilonja sa Ġerusalemm. Hu ġarr ittra speċjali mingħand is-​sultan, imma din m’awtorizzatx il-​bini mill-​ġdid taʼ Ġerusalemm. Minflok, l-​inkarigu taʼ Esdra kien limitat biex “isebbaħ it-​tempju tal-​Mulej” Jehovah. Kien għalhekk li l-​ittra rreferiet għal deheb u fidda, reċipjenti sagri, u kontribuzzjonijiet taʼ qamħ, inbid, żejt, u melħ għall-​appoġġ tal-​qima fit-​tempju, kif ukoll ħelsien mit-​taxxi għal dawk li kienu jaqdu hemmhekk.​—Esdra 7:​6-27.

18. Liema aħbar inkwetatu lil Neħemija, u s-​Sultan Artasersi kif sar jaf biha?

18 It-​tielet inċident seħħ 13-il sena wara, fis-​sena 20 tas-​Sultan Persjan, Artasersi. F’dak iż-​żmien, Neħemija kien qed jaqdi bħala l-​kuppier tiegħu fiċ-​“ċittadella taʼ Susa.” Ġerusalemm kienet inbniet mill-​ġdid sa ċertu punt mill-​fdal li kienu rritornaw minn Babilonja. Imma mhux kollox kien ward u żahar. Neħemija sar jaf li s-​‘swar taʼ Ġerusalemm kienu għadhom imħarbta, u l-​bibien tagħhom maħruqa bin-​nar.’ Dan inkwetah ferm, u sewwed qalbu. Mistoqsi dwar id-​dwejjaq li kellu, Neħemija wieġeb: “Sultan, jalla tgħix għal dejjem! Għax m’għandix inqarras wiċċi meta l-​belt fejn hemm l-​oqbra taʼ missirijieti hi ħerba waħda u l-​bibien tagħha maħruqa bin-​nar?”​—Neħemija 1:​1-3; 2:​1-3.

19. (a) Meta ġie mistoqsi mis-​Sultan Artasersi, Neħemija x’għamel l-​ewwel? (b) X’talab Neħemija, u kif irrikonoxxa l-​irwol t’Alla fil-​kwistjoni?

19 Ir-​rakkont li jinvolvi lil Neħemija jkompli: “Qalli mbagħad is-​sultan: ‘X’inhu li qiegħed titlobni?’ Jien tlabt lil Alla tas-​smewwiet, u weġibt lis-​sultan: ‘Jekk is-​sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa u jekk il-​qaddej tiegħek jogħġob lis-​sultan, nixtieq li tibgħatni f’art Ġuda, fil-​belt fejn hemm l-​oqbra taʼ missirijieti, ħalli nerġaʼ nibniha.’” Din il-​proposta għoġbot lil Artasersi, li aġixxa wkoll fuq it-​talba l-​oħra taʼ Neħemija: “Jekk is-​sultan jogħġbu, ħa jagħtini ittri għall-​gvernaturi tan-​naħa l-​oħra taʼ l-​Ewfrat, biex iħalluni ngħaddi minn naħa għall-​oħra sa ma nasal f’art Ġuda. Ħa jagħtini wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-​foresti tas-​sultan, biex jagħtini injam għat-​travi fid-​daħliet tal-​fortizza li tħares it-​tempju, tas-​swar tal-​belt, u tad-​dar fejn se noqgħod.” Neħemija rrikonoxxa l-​irwol taʼ Jehovah f’dan kollu, billi qal: “U s-​sultan tani dan kollu, għax id Alla tiegħi kienet ħanina miegħi.”​—Neħemija 2:​4-8.

20. (a) Meta twettqet il-​kelma “biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm”? (b) Is-​“sebgħin ġimgħa” meta bdew, u meta ntemmu? (ċ) Liema evidenza tipponta lejn l-​eżattezza tad-​dati għall-​bidu u t-​tmiem tas-​“sebgħin ġimgħa”?

20 Għalkemm il-​permess ngħata fix-​xahar taʼ Nisan, matul l-​ewwel parti tas-​sena 20 tar-​renju taʼ Artasersi, ‘il-​ħruġ attwali tal-​kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm’ twettaq xhur wara. Dan seħħ meta Neħemija wasal Ġerusalemm u beda x-​xogħol tiegħu taʼ restawr. Il-​vjaġġ taʼ Esdra kien ħa erbaʼ xhur, imma Susa kienet ’il fuq minn 322 kilometru lejn il-​lvant taʼ Babilonja, u b’hekk jerġaʼ iktar ’il bogħod minn Ġerusalemm. Mela, wisq probabbli, il-​wasla taʼ Neħemija f’Ġerusalemm seħħet qrib tmiem is-​sena 20 tar-​renju taʼ Artasersi, jew fis-​sena 455 Q.E.K. Huwa f’dak iż-​żmien li bdew is-​“sebgħin ġimgħa,” jew 490 sena, li kienu mbassrin. Dawn kellhom jintemmu fil-​parti finali tas-​sena 36 E.K.​—Ara “Meta Beda r-​Renju taʼ Artasersi?” f’paġna 197.

JIDHER IL-​“WIEĦED IKKONSAGRAT BĦALA PRINĊEP”

21. (a) X’kellu jitwettaq matul l-​ewwel “sebaʼ ġimgħat,” u minkejja liema ċirkustanzi? (b) Il-​Messija f’liema sena kellu jidher, u l-​Vanġelu taʼ Luqa x’jgħid li ġara f’dak iż-​żmien?

21 Kemm għaddew snin qabel ma Ġerusalemm attwalment inbniet mill-​ġdid? Sewwa, ir-​restawr tal-​belt kellu jitwettaq “fi żmien taʼ diqa” minħabba xi diffikultajiet fost il-​Lhud infushom u oppożizzjoni mis-​Samaritani u minn oħrajn. B’mod evidenti, ix-​xogħol tlesta, skond kemm kien meħtieġ, sa madwar is-​sena 406 Q.E.K.​—fil-​perijodu taʼ “sebaʼ ġimgħat,” jew 49 sena. (Danjel 9:25) Dan kellu jiġi segwit minn perijodu taʼ 62 ġimgħa, jew 434 sena. Wara dan il-​perijodu taʼ żmien, kellu jidher il-​Messija li tant kien ilu mwiegħed. Billi ngħoddu 483 sena (żid 49 maʼ 434) mis-​sena 455 Q.E.K. niġu għas-​sena 29 E.K. X’ġara f’dak iż-​żmien? Luqa, il-​kittieb tal-​Vanġelu, jgħidilna: “Fis-​sena ħmistax tal-​ħakma taʼ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-​Lhudija, Erodi tetrarka tal-​Galilija, . . . il-​kelma tal-​Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-​deżert. U ġie fl-​inħawi kollha taʼ madwar il-​Ġordan, ixandar magħmudija taʼ ndiema għall-​maħfra tad-​dnubiet.” F’dak iż-​żmien “il-​poplu kien qiegħed jistenna ħerqan” lill-​Messija.​—Luqa 3:​1-3, 15.

22. Meta u permezz taʼ liema ħaġa Ġesù sar il-​Messija mbassar?

22 Ġwanni ma kienx il-​Messija mwiegħed. Imma dwar dak li ra b’għajnejh fil-​magħmudija taʼ Ġesù taʼ Nazaret, fil-​ħarifa tas-​sena 29 E.K., Ġwanni qal: “Jiena rajt l-​Ispirtu nieżel mis-​sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-​ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-​Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-​Ispirtu s-​Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-​Iben taʼ Alla.’” (Ġwann 1:​32-34) Fil-​magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-​Wieħed Midluk​—il-​Messija, jew Kristu. Ftit wara dan, Indrì, dixxiplu taʼ Ġwanni, iltaqaʼ maʼ Ġesù li kien ġie midluk, u mbagħad qal lil Xmun Pietru: “Sibna l-​Messija.” (Ġwann 1:41) B’hekk, il-​“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” deher preċiż fil-​waqt​—fit-​tmiem tad-​69 ġimgħa!

IL-​ĠRAJJIET TAʼ L-​AĦĦAR ĠIMGĦA

23. Il-​“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” għala kellu jmut, u dan meta kellu jiġri?

23 X’kellu jitwettaq matul l-​aħħar waħda mis-​70 ġimgħa? Gabrijel qal li l-​perijodu taʼ “sebgħin ġimgħa” kien ġie determinat “biex jintemm id-​dnub, tispiċċa l-​ħtija, u jitħallas il-​ħażen, biex imbagħad tiġi l-​ġustizzja taʼ dejjem, u jitqiegħed is-​siġill fuq id-​dehra u l-​profeta, u jkun ikkonsagrat il-​Post il-​Qaddis.” Biex jitwettaq dan, il-​“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” kellu jmut. Meta? Gabrijel qal: “Wara t-​tnejn u sittin ġimgħa, wieħed ikkonsagrat jinqatel għad li ma jkollux ħtija. . . . Hu jidħol f’patt sħiħ maʼ ħafna għal tul taʼ ġimgħa waħda, u għal nofs ġimgħa jneħħi s-​sagrifiċċju u l-​offerta.” (Danjel 9:26a, 27a) Iż-​żmien kritiku kien “għal nofs ġimgħa,” jiġifieri, nofs l-​aħħar ġimgħa taʼ snin.

24, 25. (a) Bħalma kien profetizzat, Kristu meta miet, u l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu x’ġabu fi tmiem? (b) Il-​mewt taʼ Ġesù x’għamlet possibbli?

24 Il-​ministeru pubbliku taʼ Ġesù Kristu beda fl-​aħħar parti tas-​sena 29 E.K. u dam tliet snin u nofs. Bħalma ġie profetizzat, kmieni fis-​sena 33 E.K., Kristu ‘nqatel’ meta miet fuq zokk tat-​tortura, billi ta l-​ħajja umana tiegħu bħala prezz għall-​fidwa taʼ l-​umanità. (Isaija 53:8; Mattew 20:28) Meta Ġesù rxoxtat ippreżenta l-​valur tal-​ħajja umana u sagrifikata tiegħu lil Alla fis-​sema ma baqgħux iktar meħtiġin is-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali u l-​offerti bħala għotja preskritti mil-​Liġi. Għalkemm il-​qassisin Lhud baqgħu jagħmlu offerti sakemm ġiet il-​qerda tat-​tempju taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., sagrifiċċji bħal dawn ma kinux iktar aċċettabbli għal Alla. Dawn kien ħadilhom posthom sagrifiċċju aħjar li qatt ma kellu jiġi ripetut. L-​appostlu Pawlu kiteb: “[Kristu] offra sagrifiċċju wieħed għad-​dnubiet . . . Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.”​—Lhud 10:​12, 14.

25 Għalkemm id-​dnub u l-​mewt komplew jifilġu lill-​umanità, il-​qtil taʼ Ġesù u l-​irxoxt tiegħu għal ħajja fis-​sema wettqu l-​profezija. Dan ‘temm id-​dnub, spiċċa l-​ħtija, ħallas il-​ħażen, biex imbagħad ġieb il-​ġustizzja taʼ dejjem.’ Alla kien warrab il-​patt tal-​Liġi, li kien espona u kkundanna lil-​Lhud bħala midinbin. (Rumani 5:​12, 19, 20; Galatin 3:​13, 19; Efesin 2:15; Kolossin 2:​13, 14) Issa d-​dnubiet taʼ dawk li jiżbaljaw u jindmu setgħu jiġu kanċellati, u l-​pieni minħabba fihom setgħu jitneħħew. Permezz tas-​sagrifiċċju propizjatorju tal-​Messija, ir-​rikonċiljazzjoni m’Alla kienet possibbli għal dawk li jeżerċitaw il-​fidi. Huma setgħu jħarsu ’l quddiem lejn li jirċievu l-​għotja t’Alla taʼ “ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù.”​—Rumani 3:​21-26; 6:​22, 23; 1 Ġwann 2:​1, 2.

26. (a) Għalkemm il-​patt tal-​Liġi kien twarrab, liema patt inżamm “sħiħ . . . għal tul taʼ ġimgħa waħda”? (b) X’seħħ fi tmiem l-​aħħar waħda mis-​70 ġimgħa?

26 B’din il-​manjiera Jehovah warrab il-​patt tal-​Liġi permezz tal-​mewt taʼ Kristu fis-​sena 33 E.K. Allura, kif setaʼ jingħad li l-​Messija “jidħol f’patt sħiħ maʼ ħafna għal tul taʼ ġimgħa waħda”? Għaliex hu żammu jopera l-​patt Abrahamiku. Sakemm spiċċat l-​aħħar waħda mis-​70 ġimgħa, Alla estenda l-​barkiet taʼ dak il-​patt fuq in-​nisel Ebrajk taʼ Abraham. Imma fi tmiem is-​“sebgħin ġimgħa” taʼ snin, fis-​sena 36 E.K., l-​appostlu Pietru ppriedka lil Kornelju, raġel Taljan devot, lin-​nies taʼ daru, u lil Ġentili oħrajn. U minn dak in-​nhar ’il quddiem, l-​aħbar tajba bdiet tiġi dikjarata fost in-​nies tal-​ġnus.​—Atti 3:​25, 26; 10:​1-48; Galatin 3:​8, 9, 14.

27. Liema “Post . . . Qaddis” ġie midluk, u kif?

27 Il-​profezija bassret ukoll id-​dlik tal-​“Post il-​Qaddis.” Dan ma jirreferix għad-​dlik taʼ l-​Iktar Qaddis, jew il-​kumpartiment l-​iktar ġewwieni, tat-​tempju f’Ġerusalemm. L-​espressjoni “Post . . . Qaddis” hawnhekk tirreferi għas-​santwarju t’Alla fis-​sema. Hemmhekk, Ġesù ppreżenta l-​valur tas-​sagrifiċċju uman tiegħu lil Missieru. Dak is-​sagrifiċċju dilek, jew warrab apparti, lil dik ir-​realtà spiritwali tas-​sema rappreżentata mill-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu fuq l-​art u tat-​tempju li ġie wara.​—Lhud 9:​11, 12.

IL-​PROFEZIJA AFFERMATA MINN ALLA

28. X’kien imfisser b’li “jitqiegħed is-​siġill fuq id-​dehra u l-​profeta”?

28 Il-​profezija Messjanika mlissna mill-​anġlu Gabrijel tkellmet ukoll dwar li “jitqiegħed is-​siġill fuq id-​dehra u l-​profeta.” Dan kien ifisser li kulma tbassar dwar il-​Messija​—dak kollu li wettaq permezz tas-​sagrifiċċju, l-​irxoxt, u d-​dehra fis-​sema tiegħu, kif ukoll l-​affarijiet l-​oħrajn li seħħew matul l-​aħħar waħda mis-​70 ġimgħa—​kellu jkun ittimbrat bis-​siġill taʼ l-​approvazzjoni divina, kellu juri li hu veru, u setaʼ jiġi fdat. Id-​dehra kellha tiġi siġillata, ristretta biss għall-​Messija. It-​twettiq tagħha kellu jkun fih u fix-​xogħol t’Alla permezz tiegħu. L-​interpretazzjoni korretta tad-​dehra stajna nsibuha biss f’konnessjoni mal-​Messija mbassar. Xejn iktar ma kien se jneħħi s-​siġill minn fuq it-​tifsira tagħha.

29. X’kellu jiġrilha lil Ġerusalemm li kienet inbniet mill-​ġdid, u għal liema raġuni?

29 Gabrijel kien ipprofetizza qabel li Ġerusalemm kellha tinbena mill-​ġdid. Issa jbassar il-​qerda taʼ dik il-​belt mibnija mill-​ġdid u tat-​tempju tagħha, billi jgħid: “Il-​poplu taʼ prinċep li għandu jiġi għad iġarraf il-​belt u s-​santwarju; tmiemu jsir b’għargħar taʼ ilma, u jkun hemm gwerra sa l-​aħħar u ħerba, kif ġie maqtugħ li jsir. . . . Il-​profanazzjoni u l-​ħerba jaslu fil-​quċċata tagħhom, sa ma jseħħ kull ma hu deċiż u tissawwab il-​korla fuq il-​qerried.” (Danjel 9:​26b, 27b) Għalkemm din il-​ħerba kellha sseħħ wara s-​“sebgħin ġimgħa,” kellha tkun riżultat dirett taʼ dak li jiġri matul il-​“ġimgħa” finali, meta l-​Lhud m’aċċettawx lil Kristu u tawh il-​mewt.​—Mattew 23:​37, 38.

30. Bħalma jintwera minn dokumenti storiċi, kif twettaq id-​digriet tal-​Gran Padrun tal-​Ħin?

30 Dokumenti storiċi juru li fis-​sena 66 E.K., leġjuni Rumani taħt Ċestju Gallu, Gvernatur Sirjan, iċċirkondaw lil Ġerusalemm. Minkejja r-​reżistenza tal-​Lhud, il-​qawwiet armati Rumani, bl-​għeliem idolatrużi, jew l-​istandardi, tagħhom f’idejhom, ippenetraw il-​belt u bdew iħaffru minn taħt il-​ħajt tat-​tempju fit-​tramuntana. Il-​fatt li waqfu hemmhekk għamilhom “profanazzjoni” li setgħet tikkaġuna ħerba sħiħa. (Mattew 24:​15, 16) Fis-​sena 70 E.K., ir-​Rumani taħt il-​Ġeneral Titu ġew bħal “għargħar taʼ ilma” u għamlu ħerba mill-​belt u mit-​tempju tagħha. Xejn ma waqqafhom, għax dan kien ġie determinat​—“maqtugħ li jsir”—​minn Alla. Il-​Gran Padrun tal-​Ħin, Jehovah, kien għal darb’oħra wettaq kelmtu!

X’INNOTAJT?

• Meta s-​70 sena taʼ ħerba fuq Ġerusalemm kienu resqin lejn it-​tmiem, Danjel liema suppliki għamillu lil Jehovah?

• Kemm kienu twal is-​“sebgħin ġimgħa,” u dawn meta bdew u meta ntemmu?

• Meta deher il-​“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep,” u f’liema żmien kritiku ‘nqatel’?

• Liema patt inżamm “sħiħ maʼ ħafna għal tul taʼ ġimgħa waħda”?

• X’ġara wara s-​“sebgħin ġimgħa”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampa f’paġna 197]

Meta Beda r-​Renju taʼ Artasersi?

L-​ISTORJOGRAFI ma jaqblux rigward is-​sena li fiha beda r-​renju taʼ Artasersi, is-​Sultan Persjan. Xi wħud qalu li telaʼ fuq it-​tron fis-​sena 465 Q.E.K. għaliex Sersi, missieru, beda jaħkem fis-​sena 486 Q.E.K. u miet fil-​21 sena tar-​renju tiegħu. Imma hemm evidenza li Artasersi telaʼ fuq it-​tron fis-​sena 475 Q.E.K. u l-​ewwel sena tar-​renju tiegħu kienet is-​sena 474 Q.E.K.

Iskrizzjonijiet u xogħlijiet taʼ skultura li nstabu f’Persepoli, il-​belt kapitali antika tal-​Persja, jindikaw li għal xi żmien Sersi u missieru, Dariju I, ħakmu flimkien. Jekk dan iż-​żmien kien twil 10 snin u Sersi ħakem waħdu għal 11-il sena wara l-​mewt taʼ Dariju fis-​sena 486 Q.E.K., l-​ewwel sena tar-​renju taʼ Artasersi kellha tkun is-​sena 474 Q.E.K.

Linja oħra taʼ evidenza tinvolvi lil Temistokle, Ġeneral Atenjan, li għeleb lill-​qawwiet armati taʼ Sersi fis-​sena 480 Q.E.K. Dan iktar tard ma baqax popolari man-​nies tal-​Greċja u ġie akkużat bi tradiment kontra l-​istat. Temistokle ħarab u fittex il-​protezzjoni fid-​dar irjali tal-​Persja, fejn intlaqaʼ tajjeb. Skond Tuċidide, storjografu Grieg, dan ġara meta Artasersi kien “għadu kif telaʼ fuq it-​tron.” Dijodoru Sikulu, storjografu Grieg, jgħid li Temistokle miet fis-​sena 471 Q.E.K. Ladarba Temistokle talab li jingħata sena biex jitgħallem il-​Persjan qabel ma jkollu udjenza mas-​Sultan Artasersi, bilfors li wasal fl-​Asja Minuri mhux iktar tard mis-​sena 473 Q.E.K. Din id-​data hija appoġġata mill-​Chronicle of Eusebius taʼ Ġirolmu. Billi Artasersi kien “għadu kif telaʼ fuq it-​tron” meta Temistokle wasal fl-​Asja fis-​sena 473 Q.E.K., Ernst Hengstenberg, studjuż Ġermaniż, qal fix-​xogħol tiegħu Christology of the Old Testament li r-​renju taʼ Artasersi beda fis-​sena 474 Q.E.K., bħalma jgħidu sorsi oħrajn. Hu żied: “Is-​sena għoxrin taʼ Artasersi hija s-​sena 455 qabel Kristu.”

[Stampa]

Bust taʼ Temistokle

[Dijagramma/Stampi f’paġna 188, 189]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

“SEBGĦIN ĠIMGĦA”

455 Q.E.K. 406 Q.E.K. 29 E.K. 33 E.K. 36 E.K.

“Il-​kelma Ġerusalemm Jidher Jinqatel Tmiem tas-​

biex . . . mibnija il-​Messija il-​Messija “sebgħin

jibnu lil mill-​ġdid ġimgħa”

Ġerusalemm”

7 ġimgħat 62 ġimgħa ġimgħa

49 sena 434 sena 7 snin

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 180]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 193]