Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jissolva l-​Misteru tas-​Siġra l-​Kbira

Jissolva l-​Misteru tas-​Siġra l-​Kbira

Kapitlu Sitta

Jissolva l-​Misteru tas-​Siġra l-​Kbira

1. Xi ġralu s-​Sultan Nabukodonosor, u b’hekk iqumu liema mistoqsijiet?

 JEHOVAH ppermetta li s-​Sultan Nabukodonosor isir ħakkiem dinji. Bħala l-​monarka taʼ Babilonja, hu kellu għana kbir, provvista abbundanti taʼ ikel, palazz grandjuż​—kulma kien jixtieq materjalment. Imma f’daqqa waħda sofra l-​umiljazzjoni. Peress li marad mentalment, Nabukodonosor aġixxa bħal bhima! Tkeċċa lil hinn mill-​mejda rjali u mir-​residenza imperjali, għex fl-​għelieqi u kiel il-​ħaxix bħal barri. X’kien li wassal għal dan il-​gwaj? U dan għala għandu jikkonċernana?​—Qabbel Ġob 12:​17-19; Koħèlet 6:​1, 2.

IS-​SULTAN IFAĦĦAR BIL-​KBIR LILL-​IKTAR GĦOLI

2, 3. Is-​sultan taʼ Babilonja xi xtaqilhom lis-​sudditi tiegħu, u kif kien iħares hu lejn Alla l-​Iktar Għoli?

2 Ftit wara li fieq minn dak il-​kollass mentali komplet, Nabukodonosor bagħat fir-​renju kollu tiegħu rapport rimarkevoli dwar dak li kien seħħ. Jehovah nebbaħ lill-​profeta Danjel biex jippreserva rakkont eżatt taʼ dawn il-​ġrajjiet. Dan jibda b’dawn il-​kelmiet: “Is-​sultan Nabukodonosor lill-​popli; ġnus u ilsna, kull fejn jgħammru fuq l-​art: jalla s-​sliem tagħkom joktor! Għoġobni nxandar is-​sinjali u l-​għeġubijiet li Alla l-​Għoli għamel miegħi. Kemm huma kbar is-​sinjali tiegħu, u kemm huma qawwija għeġubijietu! Saltnatu saltna taʼ dejjem, u ħakmietu minn nisel għal nisel!”​—Danjel 3:​98(31)-100(33) [4:​1-3, NW].

3 Is-​sudditi taʼ Nabukodonosor kienu “jgħammru fuq l-​art” kollha​—billi l-​imperu tiegħu kien iħaddan il-​biċċa l-​kbira mid-​dinja li tissemma fil-​Bibbja. Rigward dak Alla taʼ Danjel, is-​sultan qal: “Saltnatu saltna taʼ dejjem.” Dan il-​kliem kemm faħħar bil-​kbir lil Jehovah maʼ l-​Imperu Babiloniż kollu! Iktar minn hekk, din kienet it-​tieni darba li Nabukodonosor kien ġie muri li s-​Saltna t’Alla biss hija eterna, wieqfa “għal dejjem.”​—Danjel 2:44.

4. F’konnessjoni maʼ Nabukodonosor, kif bdew “is-​sinjali u l-​għeġubijiet” taʼ Jehovah?

4 ‘Alla l-​Iktar Għoli’ liema ‘sinjali u għeġubijiet’ wettaq? Dawn bdew bl-​esperjenza persunali tas-​sultan rakkontata b’dan il-​kliem: “Jien, Nabukodonosor, kont waħdi f’dari kuntent u sejjer tajjeb fil-​palazz tiegħi. U rajt ħolma li werwritni; fuq friexi, il-​ħsibijiet u d-​dehriet taʼ moħħi beżżgħuni.” (Danjel 4:​1, 2 [4:​4, 5, NW]) X’għamel is-​sultan Babiloniż dwar din il-​ħolma li ħawditlu moħħu?

5. Nabukodonosor kif kien iħares lejn Danjel, u għala?

5 Nabukodonosor sejjaħ lill-​għorrief taʼ Babilonja u rrakkontalhom il-​ħolma. Imma kemm fallew bl-​ikrah! Assolutament ma kellhomx il-​ħila jipprovdu xi interpretazzjoni. Il-​kitba żiedet: “Sa fl-​aħħar ġie quddiemi Danjel li jismu Beltesassar, bħalma jismu l-​alla tiegħi; Danjel għandu fih l-​ispirtu taʼ l-​allat qaddisa; u jien għedtlu l-​ħolma.” (Danjel 4:​3-5 [4:​6-8, NW]) Isem Danjel fis-​servizz irjali kien Beltesassar, u l-​alla falz li s-​sultan sejjaħlu “l-​alla tiegħi” għandu mnejn kien Bel jew Nebu jew Marduk. Billi kien jemmen f’ħafna allat, Nabukodonosor kien iħares lejn Danjel bħala wieħed li fih kien hemm “l-​ispirtu taʼ l-​allat qaddisa.” U minħabba l-​pożizzjoni taʼ Danjel bħala prefett fuq l-​għorrief kollha taʼ Babilonja, is-​sultan irrefera għalih bħala “l-​kbir fost il-​maġi.” (Danjel 2:48; 4:6 [4:​9, NW]; qabbel Danjel 1:20.) M’għandniex xi ngħidu, il-​leali Danjel qatt m’abbanduna l-​qima taʼ Jehovah biex jipprattika l-​maġija.​—Levitiku 19:26; Dewteronomju 18:​10-12.

SIĠRA GĦOLJA ĦAFNA

6, 7. Kif tiddeskrivih int dak li ra Nabukodonosor fil-​ħolma tiegħu?

6 Fiex kienet tikkonsisti l-​ħolma tal-​biżaʼ tas-​sultan Babiloniż? “Id-​dehriet taʼ moħħi fuq friexi kienu dawn: Kont qiegħed inħares,” qal Nabukodonosor, “u ara, ikun hemm siġra f’nofs l-​art, għolja ħafna tassew. U s-​siġra kibret u ssaħħet, l-​għoli tagħha laħaq sas-​sema, u kienet tidher mit-​trufijiet kollha taʼ l-​art; il-​weraq tagħha kien sabiħ, u kellha fiha ħafna frott, hekk li kien fiha biex jiekol minnha kulħadd. Il-​bhejjem tar-​rabaʼ kienu jistkennu għad-​dell tagħha, u l-​għasafar tas-​sema jgħammru fil-​friegħi tagħha, u l-​ħlejjaq kollha kienu jieħdu l-​għajxien tagħhom minnha.” (Danjel 4:​7-9 [4:​10-12, NW]) Jingħad li Nabukodonosor kien dilettant taċ-​ċedri l-​kbar tal-​Libanu, mar jarahom, u ordna li xi ftit minnhom jinġiebu lejn Babilonja bħala njam. Imma qatt ma kien ra xi ħaġa bħas-​siġra li dehret fil-​ħolma tiegħu. Din okkupat pożizzjoni prominenti “f’nofs l-​art,” kienet tidher mit-​trufijiet kollha taʼ l-​art, u tant kien fiha frott li pprovdiet ikel għall-​ħlejjaq kollha.

7 Il-​ħolma kien fiha ferm iktar, għax Nabukodonosor żied: “Jiena u nħares fid-​dehriet taʼ moħħi fuq friexi, ara mis-​sema niżel wieħed għassies u qaddis, li għajjat b’leħen qawwi u qal hekk: ‘Qaċċtu s-​siġra u aqtgħu l-​friegħi tagħha, farfru l-​friegħi u xerrdu l-​frott tagħha, ħalli l-​bhejjem jaħarbu minn taħtha u l-​għasafar mill-​friegħi tagħha. Imma l-​fdal li jibqaʼ miz-​zokk taʼ għeruqha ħalluh fl-​art, miżmum b’ċirku tal-​ħadid u l-​bronż qalb il-​ħaxix tari tar-​rabaʼ, ħalli jixxarrab bin-​nida tas-​sema u jaqsam mal-​bhejjem mill-​ħaxix taʼ l-​art.’”​—Danjel 4:​10-12 [4:​13-15, NW].

8. Min kien l-​“għassies”?

8 Il-​Babiloniżi kellhom il-​konċett reliġjuż partikulari tagħhom dwar ħlejjaq spirti tajbin u ħżiena. Imma min kien dan l-​“għassies,” jew sentinella, mis-​sema? Peress li ssejjaħ “qaddis,” dan kien anġlu twajjeb li rrappreżenta lil Alla. (Qabbel Salm 103:​20, 21.) Immaġina l-​mistoqsijiet li bilfors li tturmentawh lil Nabukodonosor! Għala kellha titqaċċat din is-​siġra? X’ġid joħroġ milli z-​zokk taʼ għeruqha ma jitħalliex jikber minħabba ċrieki tal-​ħadid u l-​bronż? Tabilħaqq, xi skop jaqdi sempliċi fdal taʼ zokk?

9. Bażikament, x’qal l-​għassies, u liema mistoqsijiet iqumu?

9 Nabukodonosor bilfors li baqaʼ mbellah għalkollox meta samaʼ l-​kliem l-​ieħor taʼ l-​għassies: “Qalbu ma tibqax bħal tal-​bnedmin, imma tingħatalu qalb taʼ bhima, u jgħaddu minn għalih sebaʼ żminijiet! Din is-​sentenza ngħatat b’digriet taʼ l-​għassiesa, il-​kustjoni nqatgħet b’ordni tal-​qaddisin, sabiex il-​ħajjin ikunu jafu li l-​Għoli jaħkem fuq is-​saltna tal-​bnedmin, u li hu jagħtiha lil min jogħġbu u jqiegħed fuqha l-​iċken fost il-​bnedmin.” (Danjel 4:​13, 14 [4:​16, 17, NW]) Iz-​zokk taʼ l-​għeruq taʼ siġra ma jkollux qalb umana tħabbat ġo fih. Fuq kollox, kif jistaʼ jkun li l-​qalb taʼ bhima tingħata lil zokk taʼ l-​għeruq taʼ siġra? X’inhuma s-​“sebaʼ żminijiet”? U dan kollu kif inhu relatat mal-​kariga taʼ ħakkiem fis-​“saltna tal-​bnedmin”? Żgur li Nabukodonosor ried ikun jaf.

AĦBAR ĦAŻINA GĦAS-​SULTAN

10. (a) Is-​siġar x’jistgħu jissimbolizzaw fil-​lingwaġġ skritturali? (b) X’inhu rappreżentat mis-​siġra l-​kbira?

10 Malli samaʼ l-​ħolma, għal mument Danjel baqaʼ mbellah, imbagħad sar beżgħan. Imħeġġeġ minn Nabukodonosor biex jispjegaha, il-​profeta qal: “Sidi, il-​ħolma għal dawk li jobogħduk, u t-​tifsira tagħha għall-​għedewwa tiegħek! Is-​siġra li int rajt, li kibret u ssaħħet, . . . hija int, sultan, li kbirt u ssaħħaħt, u l-​kobor tiegħek tkattar u laħaq is-​sema u saltnatek infirxet sa truf l-​art.” (Danjel 4:​15-19 [4:​18-22, NW]) Fl-​Iskrittura, is-​siġar jistgħu jissimbolizzaw individwi, ħakkiema, u saltniet. (Salm 1:3; Ġeremija 17:​7, 8; Eżekjel, kapitlu 31) Bħala l-​kap taʼ qawwa dinjija, Nabukodonosor kien ‘kiber u ssaħħaħ’ bħas-​siġra għolja ħafna tal-​ħolma tiegħu. Imma ħakma ‘mifruxa sa truf l-​art,’ li tinvolvi s-​saltna kollha kemm hi taʼ l-​umanità, hija rappreżentata mis-​siġra l-​kbira. Din għalhekk tissimbolizza s-​sovranità universali taʼ Jehovah, partikolarment fir-​relazzjoni tagħha maʼ l-​art.​—Danjel 4:14 [4:​17, NW].

11. Il-​ħolma tas-​sultan kif uriet li hu kellu jġarrab bidla li kienet se tbaxxih?

11 Bidla li kellha tbaxxih kienet maħżuna għal Nabukodonosor. Billi indika dan l-​iżvilupp, Danjel żied: “Issa s-​sultan ra għassies – u dan kien qaddis – nieżel mis-​sema u jgħid: ‘Qaċċtu s-​siġra u eqirduha, imma l-​fdal li jibqaʼ miz-​zokk taʼ għeruqha ħalluh fl-​art, miżmum b’ċirku tal-​ħadid u l-​bronż, qalb il-​ħaxix tari tar-​rabaʼ, ħalli jixxarrab bin-​nida tas-​sema u jkollu sehmu mal-​bhejjem tar-​rabaʼ, sa ma jgħaddu sebaʼ żminijiet.’ It-​tifsira taʼ dan kollu hija din, sultan: hu digriet taʼ l-​Għoli għal sidi s-​sultan.” (Danjel 4:​20, 21 [4:​23, 24, NW]) Żgur li kien meħtieġ il-​kuraġġ biex dak il-​messaġġ jingħata lis-​sultan potenti!

12. X’kien se jiġrilu Nabukodonosor?

12 X’kien se jiġrilu Nabukodonosor? Immaġina r-​reazzjoni tiegħu hekk kif Danjel żied: “Lilek għad ikeċċuk minn fost il-​bnedmin, u l-​għamara tiegħek tkun mal-​bhejjem tar-​rabaʼ; jitimgħuk ħxejjex bħall-​barrin; u jħalluk tixxarrab bin-​nida tas-​sema; sebaʼ żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-​Għoli jaħkem fuq is-​saltna tal-​bnedmin u li hu jagħtiha lil min jogħġbu.” (Danjel 4:22 [4:​25, NW]) Milli jidher saħansitra l-​uffiċjali fis-​servizz irjali taʼ Nabukodonosor kellhom ‘ikeċċuh minn fost il-​bnedmin.’ Imma kellu jkun hemm xi raħħala jew rgħajja li b’mogħdrija kienu se jieħdu ħsiebu? Le, għax Alla kien ħareġ id-​digriet li Nabukodonosor kellu jgħammar “mal-​bhejjem tar-​rabaʼ,” jiekol il-​ħxejjex.

13. Il-​ħolma tas-​siġra x’uriet li kellu jiġrilha l-​pożizzjoni taʼ Nabukodonosor bħala ħakkiem dinji?

13 Sewwa sew bħalma tqaċċtet is-​siġra, Nabukodonosor kellu jitwaqqaʼ mill-​kariga taʼ ħakkiem dinji​—imma għal xi żmien biss. Danjel spjega: “Huma taw ordni biex iħallu l-​fdal li jibqaʼ miz-​zokk taʼ għeruq is-​siġra. Dan ifisser li s-​saltna tiegħek tibqaʼ żgura għalik wara li tagħraf li s-​Sema jsaltan.” (Danjel 4:23 [4:​26, NW]) Fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor, il-​fdal li jibqaʼ miz-​zokk taʼ għeruq is-​siġra mqaċċta, jew il-​biċċa li tibqaʼ fl-​art, tħalla jibqaʼ, għalkemm kien marbut sabiex ma jikbirx. B’mod simili, il-​fdal li jibqaʼ miz-​zokk taʼ għeruq is-​siġra tas-​sultan taʼ Babilonja kellu jibqaʼ, għalkemm marbut għal “sebaʼ żminijiet” biex ma jiffjorixxix. Il-​pożizzjoni tiegħu bħala ħakkiem dinji kellha tkun bħall-​biċċa miz-​zokk tas-​siġra li baqgħet marbuta fl-​art. Kellha tinżamm fis-​sigurtà sakemm ikunu għaddew minn fuqha sebaʼ żminijiet. Jehovah kien se jieħu ħsieb li matul dak il-​perijodu ħadd ma kellu jieħu l-​post taʼ Nabukodonosor bħala l-​ħakkiem uniku taʼ Babilonja, għalkemm ibnu li kien jismu Evil-merodak setaʼ kompla bħala aġent-ħakkiem għalih.

14. Danjel x’ħeġġu jagħmel lil Nabukodonosor?

14 Minħabba dak li tbassar dwar Nabukodonosor, Danjel ħeġġeġ b’kuraġġ: “Għalhekk, sultan, ilqaʼ l-​parir tiegħi; infatam minn ħtijietek b’għemejjel tajba, u minn ħżunitek, billi tħenn għall-​imsejknin; żgur jitwal għalik żmien ir-​riżq.” (Danjel 4:24 [4:​27, NW]) Kieku Nabukodonosor kellu jdur lil hinn mill-​korsa midinba tiegħu t’oppressjoni u kburija, forsi r-​riżultat kien ikun differenti għalih. Wara kollox, xi żewġ sekli qabel, Jehovah kien iddeċieda li jeqred lill-​poplu taʼ Ninwè, il-​kapitali taʼ l-​Assirja, imma dan m’għamlux għaliex is-​sultan tagħha u s-​sudditi tiegħu nidmu. (Ġona 3:​4, 10; Luqa 11:32) Xi ngħidu dwar il-​kburi Nabukodonosor? Kien se jbiddel triqatu?

IT-​TWETTIQ INIZJALI TAL-​ĦOLMA

15. (a) Nabukodonosor liema attitudni kompla juri? (b) Xi skrizzjonijiet x’jirrivelaw dwar l-​attivitajiet taʼ Nabukodonosor?

15 Nabukodonosor baqaʼ kburi. Waqt li kien qed jippassiġġa fuq il-​bejt tal-​palazz 12-il xahar wara l-​ħolma tiegħu dwar is-​siġra, hu ftaħar: “Hijiex din Babilonja l-​kbira li jien, bil-​qawwa taʼ setgħeti, bnejt bħala għamara taʼ sultan għal sebħ ġieħi?” (Danjel 4:​25-27 [4:​28-30, NW]) Nimrod kien sejjes lil Babilonja (Babel), imma Nabukodonosor sebbaħha. (Ġenesi 10:​8-10) F’waħda mill-​iskrizzjonijiet kunejformi tiegħu, hu jiftaħar: “Nabukodonosor, Sultan taʼ Babilonja, ir-​restawratur taʼ Esagila u Ezida, bin Nabopolassar jien. . . . Il-​fortifikazzjonijiet taʼ Esagila u Babilonja saħħaħthom u stabbilejt il-​fama tar-​renju tiegħi għal dejjem.” (Archaeology and the Bible, minn George A. Barton, 1949, paġni 478-9) Skrizzjoni oħra tirreferi għal madwar 20 tempju li hu sewwa jew bena mill-​ġdid. “Taħt il-​ħakma taʼ Nabukodonosor,” tgħid The World Book Encyclopedia, “Babilonja saret waħda mill-​bliet l-​iktar manjifiċi tad-​dinja antika. Fil-​kitbiet tiegħu stess, hu rari semma l-​attivitajiet militari tiegħu, imma kiteb dwar il-​proġetti tiegħu taʼ bini u dwar l-​attenzjoni tiegħu lejn l-​allat taʼ Babilonja. Nabukodonosor x’aktarx li bena l-​Ġonna Mdendlin taʼ Babilonja, wieħed mis-​Sebaʼ Għeġubijiet tad-​Dinja Antika.”

16. Nabukodonosor kif kien wasal biex jiġi umiljat?

16 Minkejja l-​ftaħir tiegħu, il-​kburi Nabukodonosor kien wasal biex jiġi umiljat. Jgħid ir-​rakkont imnebbaħ: “Il-​kelma kienet għadha f’fomm is-​sultan meta nstemaʼ leħen mis-​sema: ‘Seħħ dak li qalu fuqek, sultan Nabukodonosor: is-​saltna ħallietek. U lilek se jkeċċuk minn fost il-​bnedmin, u mal-​bhejjem tar-​rabaʼ tkun l-​għamara tiegħek; jitimgħuk ħxejjex bħall-​barrin; u sebaʼ żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-​Għoli jaħkem fuq is-​saltna tal-​bnedmin, u li hu jagħtiha lil min jogħġbu.’”​—Danjel 4:​28, 29 [4:​31, 32, NW].

17. Xi ġralu l-​kburi Nabukodonosor, u f’liema ċirkustanzi malajr sab ruħu?

17 Nabukodonosor fil-​pront iġġennen. Billi tkeċċa minn fost il-​bnedmin, hu kiel il-​ħxejjex “bħall-​barrin.” Hemmhekk, qalb il-​bhejjem taʼ l-​għalqa, hu ċertament li ma kienx qiegħed mixħut fuq il-​ħaxix ġo xi ġenna taʼ l-​art, igawdi kuljum iż-​żiffiet rifreskanti. Fl-​Iraq tal-​lum, fejn jinsabu r-​rovini taʼ Babilonja, it-​temperaturi jvarjaw minn għoli taʼ 50 grad Celsius fix-​xhur tas-​sajf għal kesħa inġazzata fix-​xitwa. Billi kien espost għall-​elementi u ma kienx jintmaxat, ix-​xagħar twil u mgħaqqad taʼ Nabukodonosor deher qisu rix taʼ l-​ajkli u d-​dwiefer mhux maqtugħin tas-​swabaʼ taʼ idejh u saqajh saru bħad-​dwiefer tat-​tajr. (Danjel 4:30 [4:​33, NW]) X’umiljazzjoni għal dan il-​ħakkiem dinji kburi!

18. Matul is-​sebaʼ żminijiet, x’seħħ inkwantu għat-​tron taʼ Babilonja?

18 Fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor, is-​siġra l-​kbira ġiet imqaċċta u l-​biċċa minnha li baqgħet fl-​art intrabtet biex ma titħalliex tikber ’il fuq għal sebaʼ żminijiet. B’mod simili, Nabukodonosor “tniżżel minn fuq it-​tron taʼ saltnatu” meta Jehovah laqtu bil-​ġenn. (Danjel 5:20) Bħala riżultat, dan biddel qalb is-​sultan minn waħda taʼ bniedem għal dik taʼ barri. Madankollu, lil Nabukodonosor Alla refagħlu t-​tron sakemm spiċċaw is-​sebaʼ żminijiet. Waqt li Evil-merodak x’aktarx li aġixxa bħala l-​kap temporanju tal-​gvern, Danjel qeda bħala “gvernatur tal-​Provinċja kollha taʼ Babilonja, u l-​ogħla uffiċjal fuq l-​għorrief kollha taʼ Babilonja.” It-​tliet imseħbin Ebrej tiegħu komplew jieħdu sehem miegħu fl-​amministrar taʼ l-​affarijiet taʼ dak id-​distrett. (Danjel 1:​11-19; 2:​48, 49; 3:97(30) [3:​30, NW]) L-​erbaʼ eżiljati stennew ir-​restawr taʼ Nabukodonosor fuq it-​tron bħala sultan f’sensih li kien tgħallem li “l-​Għoli jaħkem fuq is-​saltna tal-​bnedmin, u li hu jagħtiha lil min jogħġbu.”

IR-​RESTAWR TAʼ NABUKODONOSOR

19. Wara li Jehovah ġab lil Nabukodonosor lura f’sensih, is-​sultan Babiloniż fil-​fatt x’irrealizza?

19 Jehovah ġab lil Nabukodonosor lura f’sensih fi tmiem sebaʼ żminijiet. Imbagħad billi rrikonoxxa lil Alla l-​Iktar Għoli, is-​sultan qal: “Meta għadda ż-​żmien, jien, Nabukodonosor, rfajt għajnejja lejn is-​sema u għaqli raġaʼ ġie fija; berikt lill-​Għoli, u sebbaħt u tajt ġieħ lil Dak li hu għal dejjem, għax setgħetu setgħa għal dejjem, u saltnatu minn nisel għal nisel; dawk kollha li jgħammru fuq l-​art huma meqjusa bħax-​xejn, u li jrid hu jagħmel bl-​eżerċtu tas-​sema u b’dawk li jgħammru fuq l-​art, u ħadd ma hemm li se jżommlu idu u jgħidlu, ‘X’qiegħed tagħmel?’” (Danjel 4:​31, 32 [4:​34, 35, NW]) Iva, Nabukodonosor fil-​fatt irrealizza li l-​Iktar Għoli hu tabilħaqq il-​Ħakkiem Sovran fis-​saltna tal-​bnedmin.

20, 21. (a) It-​tneħħija taċ-​ċrieki tal-​metall minn madwar iz-​zokk taʼ għeruq is-​siġra tal-​ħolma kif sabet parallel f’dak li ġralu Nabukodonosor? (b) Nabukodonosor x’irrikonoxxa, u għamlu dan adoratur taʼ Jehovah?

20 Meta Nabukodonosor irritorna fuq it-​tron tiegħu, kien bħallikieku ċ-​ċrieki tal-​metall kienu tneħħew minn madwar iz-​zokk taʼ għeruq is-​siġra tal-​ħolma. Dwar ir-​restawr tiegħu, hu qal: “Minnufih għaqli raġaʼ ġie fija, u għall-​glorja taʼ saltnati raġaʼ ġieni l-​ġieħ u s-​sebħ tiegħi; il-​kunsillieri u l-​kbarat tiegħi fittxewni, tqegħidt fis-​saltna tiegħi, u żdiedli kobor li ma bħalu.” (Danjel 4:33 [4:​36, NW]) Jekk kien hemm xi uffiċjali fis-​servizz irjali li kienu ddisprezzaw lis-​sultan għax kien iġġennen, issa dawn kienu qegħdin ‘ifittxuh’ bil-​ħerqa b’sottomissjoni sħiħa.

21 X’‘sinjali u għeġubijiet’ kien wettaq Alla l-​Iktar Għoli! M’għandux għalfejn jissorprendina li s-​sultan Babiloniż restawrat qal: “Issa jien, Nabukodonosor, nfaħħar u ngħolli u nsebbaħ lis-​Sultan tas-​Sema, għax l-​għemejjel tiegħu kollha sewwa u triqatu huma ġusti, u hu għandu s-​setgħa jbaxxi ’l dawk li jimxu mkabbra.” (Danjel 3:99 [4:​2, NW]; 4:34 [4:​37, NW]) Madankollu, għalkemm irrikonoxxa dan, Nabukodonosor ma sarx xi adoratur Ġentil taʼ Jehovah.

HEMM EVIDENZA SEKULARI?

22. Xi wħud identifikaw il-​ġenn taʼ Nabukodonosor maʼ liema marda, imma x’għandna nirrealizzaw rigward il-​kawża taʼ l-​istat taʼ ġenn tiegħu?

22 Xi wħud identifikaw il-​ġenn taʼ Nabukodonosor mal-​lycanthropy. Dizzjunarju mediku jgħid: “LYCANTHROPY . . . minn [lyʹkos], lupus, lupu; [anʹthro·pos], homo, bniedem. Dan l-​isem ngħata lill-​marda taʼ xi nies li jemmnu li jkunu nbidlu f’xi annimal, u li jimitaw il-​ħoss jew il-​karba, is-​sura jew il-​manjieri taʼ dak l-​annimal. Dawn l-​individwi ġeneralment jimmaġinaw li tbiddlu f’xi lupu, kelb jew qattus; kultant f’xi barri wkoll, bħal fil-​każ taʼ Nabukodonosor.” (Dictionnaire des sciences médicales, par une société de médicins et de chirurgiens, Pariġi, 1818, Volum 29, paġna 246) Is-​sintomi tal-​lycanthropy huma simili għal dawk taʼ l-​istat taʼ ġenn taʼ Nabukodonosor. Madankollu, ladarba l-​marda mentali tiegħu kienet deċiża b’mod divin, ma tistax tiġi identifikata speċifikament maʼ xi marda magħrufa.

23. Liema testimonjanza sekulari teżisti dwar il-​ġenn taʼ Nabukodonosor?

23 L-​istudjuż John E. Goldingay isemmi diversi paralleli għall-​ġenn u r-​restawr taʼ Nabukodonosor. Per eżempju, jgħid: “Kitba kunejformi u frammentarja mid-​dehra tirreferi għal xi diżordni mentali min-​naħa taʼ Nabukodonosor, u forsi għall-​fatt li hu ttraskura u abbanduna lil Babilonja.” Goldingay isemmi dokument imsejjaħ “The Babylonian Job” (Ġob Babiloniż) u jgħid li dan id-​dokument “jikkonferma l-​kastigi minn Alla, mard, umiljazzjoni, li fittex interpretazzjoni taʼ ħolma li twaħħax, li tqaċċat bħal siġra, li tefgħuh barra, li kiel il-​ħaxix, li ġġennen, li kien bħal barri, li Marduk tafaʼ x-​xita fuqu, li d-​dwiefer tgħawġu, li x-​xagħar twal u tgħaqqad, u mbagħad għal restawr li għalih ifaħħar lill-​alla.”

SEBAʼ ŻMINIJIET LI JEFFETTWAWNA

24. (a) Is-​siġra l-​kbira tal-​ħolma x’tissimbolizza? (b) Xi trażżan għal sebaʼ żminijiet, u dan kif seħħ?

24 Kif rappreżentat mis-​siġra l-​kbira, Nabukodonosor issimbolizza l-​kariga taʼ ħakkiem dinji. Imma ftakar li s-​siġra tirrappreżenta kariga taʼ ħakkiem u sovranità ferm iktar grandjużi minn dawk tas-​sultan taʼ Babilonja. Din tissimbolizza s-​sovranità universali taʼ Jehovah, “is-​Sultan tas-​Sema,” speċjalment inkwantu għall-​art. Qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi, is-​saltna ċentrata f’dik il-​belt, b’David u l-​werrieta tiegħu bil-​qegħda fuq “it-​tron tal-​Mulej” Jehovah, kienet tirrappreżenta s-​sovranità t’Alla b’referenza għall-​art. (1 Kronaki 29:23) Alla nnifsu qaċċat u rabat lil din is-​sovranità fis-​sena 607 Q.E.K. meta uża lil Nabukodonosor biex jeqred lil Ġerusalemm. L-​eżerċitar tas-​sovranità divina lejn l-​art minn saltna fil-​linja taʼ David trażżan għal sebaʼ żminijiet. Kemm kienu twal dawn is-​sebaʼ żminijiet? Meta bdew, u liema ħaġa mmarkat it-​tmiem tagħhom?

25, 26. (a) Fil-​każ taʼ Nabukodonosor, kemm kienu twal is-​“sebaʼ żminijiet,” u għala twieġeb hekk? (b) Fit-​twettiq il-​kbir, meta u kif bdew is-​“sebaʼ żminijiet”?

25 Matul il-​ġenn taʼ Nabukodonosor, “xuxtu kibret qisha rix taʼ ajkla u dufrejh sarulu qishom tat-​tajr.” (Danjel 4:30 [4:​33, NW]) Dan ħa iktar minn sebat ijiem jew sebaʼ ġimgħat. Diversi traduzzjonijiet jaqraw “sebaʼ żminijiet,” u alternattivi huma “żminijiet maħturin (definiti)” jew “perijodi taʼ żmien.” (Danjel 4:​13, 20, 22, 29 [4:​16, 23, 25, 32, NW]) Traduzzjoni differenti bil-​Grieg Antik (is-Settanta) taqra “sebaʼ snin.” Is-​“sebaʼ żminijiet” kienu meqjusin bħala “sebaʼ snin” minn Ġużeppi Flavju, storjografu Lhudi taʼ l-​ewwel seklu. (Antiquities of the Jews, Ktieb 10, Kapitlu 10, paragrafu 6) U ċerti studjużi Ebrej qiesu dawn iż-​“żminijiet” bħala “snin.” “Sebaʼ snin” hija t-​traduzzjoni f’An American Translation, Today’s English Version, u t-​traduzzjoni minn James Moffatt.

26 B’mod evidenti, is-​“sebaʼ żminijiet” taʼ Nabukodonosor involvew sebaʼ snin qamrin. Fil-​profezija, sena fiha medja taʼ 360 jum, jew 12-il xahar taʼ 30 jum kull wieħed. (Qabbel Apokalissi 12:​6, 14.) Mela s-​“sebaʼ żminijiet,” jew sebaʼ snin, tas-​sultan kienu 360 jum moltiplikati b’7, jew 2,520 jum. Imma xi ngħidu dwar it-​twettiq il-​kbir tal-​ħolma tiegħu? Is-​“sebaʼ żminijiet” profetiċi damu ferm iktar minn 2,520 jum. Dan kien indikat mill-​kliem taʼ Ġesù: “Ġerusalemm tibqaʼ tintrifes taħt saqajn il-​ġnus sa ma jkun għadda żmien il-​ġnus.” (Luqa 21:24) Dak l-​‘irfis’ beda fis-​sena 607 Q.E.K. meta Ġerusalemm inqerdet u s-​saltna tipika t’Alla ma baqgħetx tiffunzjona f’Ġuda. Meta kellu jispiċċa l-​irfis? Meta “jseħħ it-​tiġdid kollu,” meta s-​sovranità divina kienet se tintwera mill-​ġdid lejn l-​art permezz taʼ Ġerusalemm simbolika, is-​Saltna t’Alla.​—Atti 3:21.

27. Int għala tgħid li s-​“sebaʼ żminijiet” li bdew fis-​sena 607 Q.E.K. ma spiċċawx 2,520 jum litterali wara?

27 Kieku kellna ngħoddu 2,520 jum litterali mill-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., dan kien iġibna biss għas-​sena 600 Q.E.K., sena mingħajr ebda sinjifikat Skritturali. Saħansitra fis-​sena 537 Q.E.K., meta l-​Lhud illiberati kienu lura f’Ġuda, ma kienx hemm evidenza tas-​sovranità taʼ Jehovah fuq l-​art. Dan kien hekk għaliex Żerubbabel, il-​werriet tat-​tron taʼ David, ma ntgħamilx sultan imma biss gvernatur taʼ Ġuda, il-​provinċja Persjana.

28. (a) Liema regola trid tiġi applikata għall-​2,520 jum tas-​“sebaʼ żminijiet” profetiċi? (b) Kemm kienu twal is-​“sebaʼ żminijiet” profetiċi, u liema dati jimmarkaw il-​bidu u t-​tmiem tagħhom?

28 Ladarba s-​“sebaʼ żminijiet” huma profetiċi, irridu napplikaw għall-​2,520 jum ir-​regola Skritturali: “Jum għal kull sena.” Din ir-​regola hija mniżżla fi profezija rigward l-​assedju taʼ Ġerusalemm minn Babilonja. (Eżekjel 4:​6, 7; qabbel Numri 14:34.) Għalhekk, is-​“sebaʼ żminijiet” li matulhom qawwiet Ġentili jiddominaw l-​art mingħajr indħil mis-​Saltna t’Alla kienu twal 2,520 sena. Dawn bdew bil-​ħerba taʼ Ġuda u Ġerusalemm fil-​15 taʼ Tixri, is-​sebaʼ xahar qamri tas-​sena 607 Q.E.K. (2 Slaten 25:​8, 9, 25, 26) Minn dak il-​punt sas-​sena 1 Q.E.K. hemm 606 snin. L-​1,914-il sena li jifdal jgħoddu minn dak iż-​żmien sa l-​1914 E.K. B’hekk, is-​“sebaʼ żminijiet,” jew 2,520 sena, spiċċaw fil-​15 taʼ Tixri, jew fl-​4/5 t’Ottubru, 1914 E.K.

29. Min hu “l-​iċken [wieħed] fost il-​bnedmin,” u x’għamel Jehovah biex ipoġġih fuq it-​tron?

29 F’dik is-​sena twettaq “żmien il-​ġnus,” u Alla ta l-​kariga taʼ ħakkiem lill-​“iċken fost il-​bnedmin”​—Ġesù Kristu—​li tant kien kunsidrat bħala oġġett taʼ stmerrija mill-​għedewwa tiegħu li saħansitra sammruh maʼ zokk. (Danjel 4:14 [4:​17, NW]) Biex ipoġġi fuq it-​tron lis-​Sultan Messjaniku, Jehovah ħall iċ-​ċrieki simboliċi tal-​ħadid u l-​bronż minn madwar iz-​“zokk taʼ għeruq” is-​sovranità tiegħu stess. Alla l-​Iktar Għoli b’hekk ippermetta li “rimja” rjali tikber miz-​zokk bħala manifestazzjoni tas-​sovranità divina lejn l-​art permezz tas-​Saltna tas-​sema f’idejn l-​aqwa Werriet taʼ David, Ġesù Kristu. (Isaija 11:​1, 2; Ġob 14:​7-9; Eżekjel 21:27) Kemm għandna għalfejn inroddu ħajr lil Jehovah għal dan ir-​riżultat hieni u talli solva l-​misteru tas-​siġra l-​kbira!

X’INNOTAJT?

• X’issimbolizzat is-​siġra l-​kbira tal-​ħolma taʼ Nabukodonosor?

• Xi ġralu Nabukodonosor fit-​twettiq inizjali tal-​ħolma tiegħu dwar is-​siġra?

• Wara li esperjenza t-​twettiq tal-​ħolma tiegħu, Nabukodonosor x’irrikonoxxa?

• Fit-​twettiq il-​kbir tal-​ħolma tas-​siġra profetika, kemm kienu twal is-​“sebaʼ żminijiet,” u dawn meta bdew u meta spiċċaw?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 83]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 91]