Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Jistaʼ Jiqaflu lill-​Prinċep tal-​Prinċpijiet?

Min Jistaʼ Jiqaflu lill-​Prinċep tal-​Prinċpijiet?

Kapitlu Għaxra

Min Jistaʼ Jiqaflu lill-​Prinċep tal-​Prinċpijiet?

1, 2. Għala hija importanti għalina d-​dehra li kellu Danjel fit-​tielet sena tar-​renju taʼ Beltassar?

 GĦADDEW sebgħa u ħamsin sena minn mindu nqered it-​tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm. Beltassar u missieru, Nabonidu, jaħkmu bi sħab l-​Imperu Babiloniż, it-​tielet qawwa dinjija tal-​profezija Biblika. a Danjel, il-​profeta t’Alla, jinsab eżiljat f’Babel. U matul it-​“tielet sena tas-​saltna tas-​sultan Beltassar,” Jehovah jibgħat dehra lil Danjel li tirrivela ċerti dettalji dwar ir-​restawr tal-​qima vera.​—Danjel 8:1.

2 Id-​dehra profetika li ra Danjel kellha effett profond fuqu u hija taʼ interess kbir għalina li qegħdin ngħixu fi “żmien it-​tmiem.” L-​anġlu Gabrijel jgħid lil Danjel: “Ara, se ngħarrfek x’se jiġri meta tintemm il-​korla, jiġifieri, meta jasal il-​waqt, fit-​tmiem.” (Danjel 8:​16, 17, 19, 27) Mela, b’interess profond, ejja nikkunsidraw dak li ra Danjel u x’ifisser dan għalina llum.

MUNTUN B’ŻEWĠT IQRUN

3, 4. Danjel lil liema bhima ra wieqfa quddiem ix-​xmara, u din x’tissimbolizza?

3 “Ħarist lejn id-​dehra,” jikteb Danjel, “u jiena u nħares sibt ruħi f’Susa, il-​fortizza li hemm fil-​provinċja taʼ Għelam. Bqajt inħares fid-​dehra, u sibt ruħi ħdejn ix-​xmara Ulaj.” (Danjel 8:2) Ma jingħadx jekk Danjel kienx attwalment f’Susa (Susan)​—il-​kapitali taʼ Għelam, sitwata xi 350 kilometru lejn il-​lvant taʼ Babel—​jew jekk kinitx biss xi dehra li ġagħlitu jħoss li kien hemm.

4 Danjel ikompli: “Rfajt għajnejja nħares, u ara, kien hemm muntun wieqaf quddiem ix-​xmara; kellu żewġt iqrun.” (Danjel 8:3a) L-​identità tal-​muntun ma tibqax misteru għal Danjel. L-​anġlu Gabrijel jgħid iktar tard: “Iż-​żewġt iqrun tal-​muntun li rajt huma s-​slaten tal-​Medja u l-​Persja.” (Danjel 8:20) Il-​Medi ġew mill-​wita muntanjuża lejn il-​lvant taʼ l-​Assirja, u l-​Persjani oriġinarjament għexu ħajja spiss nomadika fir-​reġjun fit-​tramuntana tal-​Golf Persjan. Madankollu, hekk kif l-​Imperu Medo-Persjan beda jikber, l-​abitanti tiegħu żviluppaw inklinazzjoni qawwija lejn il-​lussu.

5. Il-​qarn li ‘ħareġ wara’ kif sar itwal?

5 “Kellu żewġt iqrun it-​tnejn għoljin,” jirrapporta Danjel, “imma wieħed kien ogħla mill-​ieħor minkejja li ħareġ warajh.” (Danjel 8:3b) Il-​qarn li kien itwal u li ħareġ wara jiffigura lill-​Persjani, filwaqt li l-​qarn l-​ieħor jirrappreżenta lill-​Medi. Għall-​ewwel, il-​Medi kienu dominanti. Imma fis-​sena 550 Q.E.K., Ċiru l-​ħakkiem tal-​Persja kiseb rebħa faċli fuq Astijaġi, is-​Sultan tal-​Medja. Ċiru għaqqad id-​drawwiet u l-​liġijiet taż-​żewġ popli, rabat flimkien is-​saltniet tagħhom, u espanda l-​konkwisti tagħhom. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, l-​imperu sar qawwa dinjija doppja.

IL-​MUNTUN JITKABBAR FERM

6, 7. Kif kien li “ebda bhima ma kellha l-​ħila tiqaflu” lill-​muntun?

6 Biex ikompli d-​deskrizzjoni tiegħu dwar il-​muntun, Danjel jgħid: “Rajt il-​muntun jagħti bi qrunu lejn il-​punent, lejn it-​tramuntana u lejn in-​nofsinhar; ebda bhima ma kellha l-​ħila tiqaflu, ħadd ma ħelisha minnu; beda jagħmel li jogħġbu u jitkabbar.”​—Danjel 8:4.

7 Fid-​dehra preċedenti mogħtija lil Danjel, Babilonja ġiet iffigurata permezz tal-​bhima salvaġġa li ħarġet mill-​baħar u li kienet bħal iljun li kellu l-​ġwienaħ taʼ ajkla. (Danjel 7:​4, 17) Dik il-​bhima simbolika wriet li ma setgħetx tiqaflu lill-​“muntun” taʼ din id-​dehra l-​ġdida. Babilonja waqgħet taħt idejn Ċiru l-​Kbir fis-​sena 539 Q.E.K. Għal kważi 50 sena wara din id-​data, “ebda bhima,” jew gvern politiku, ma kellu l-​ħila jiqaflu lill-​Imperu Medo-Persjan​—ir-​rabaʼ qawwa dinjija fil-​profezija Biblika.

8, 9. (a) “Il-​muntun” kif ‘ta bi qrunu lejn il-​punent, lejn it-​tramuntana u lejn in-​nofsinhar’? (b) Il-​ktieb taʼ Ester x’jgħid rigward is-​suċċessur taʼ Dariju I, Sultan Persjan?

8 Billi ġiet mil-​“lvant”​—minn tlugħ ix-​xemx—​il-Qawwa Dinjija Medo-Persjana għamlet dak li għoġobha, ‘tagħti bi qrunha lejn il-​punent, lejn it-​tramuntana u lejn in-​nofsinhar.’ (Isaija 46:11) Is-​Sultan Kambise II, li laħaq wara Ċiru l-​Kbir, ikkonkwista l-​Eġittu. Is-​suċċessur tiegħu kien Dariju I, Sultan tal-​Persja, li fis-​sena 513 Q.E.K. mexa lejn il-​punent billi għadda minn ġo l-​istrett taʼ Bosforu u invada t-​territorju Ewropew taʼ Traċja, li l-​kapitali tagħha kienet Biżanzju (issa Istanbul). Fis-​sena 508 Q.E.K., hu rażżan lil Traċja, u kkonkwista lill-​Maċedonja fis-​sena 496 Q.E.K. B’hekk, sa żmien Dariju, il-​“muntun” Medo-Persjan kien ħataf territorju fi tliet direzzjonijiet prinċipali: lejn it-​tramuntana għal ġo Babilonja u l-​Assirja, lejn il-​punent minn ġo l-​Asja Minuri, u lejn in-​nofsinhar għal ġo l-​Eġittu.

9 Billi tixhed għall-​kobor taʼ l-​Imperu Medo-Persjan, il-​Bibbja titkellem dwar Sersi I, is-​suċċessur taʼ Dariju, bħala “dak Assweru li kien isaltan fuq mija u sebgħa u għoxrin provinċja mill-​Indja sa l-​Etjopja.” (Ester 1:1) Imma dan l-​imperu l-​kbir kellu jagħmel il-​wisaʼ għal imperu ieħor, u f’dan ir-​rigward, id-​dehra li ra Danjel tirrivela xi dettalji interessanti li għandhom isaħħulna l-​fidi fil-​kelma profetika t’Alla.

IL-​BODBOD IKISSER LILL-​MUNTUN

10. Fid-​dehra taʼ Danjel, liema bhima ħebbet għall-​“muntun”?

10 Immaġina kif jibqaʼ mbellah Danjel b’dak li jara issa. Ir-​rakkont jgħid: “Jien qgħadt inħares sewwa, u ara, min-​naħa tal-​punent ġie bodbod, għaddej miexi fuq wiċċ l-​art kollha bla ma jmiss l-​art. Dan il-​bodbod kellu qarn daqsiex bejn għajnejh. Resaq lejn il-​muntun taʼ żewġt iqrun li rajt wieqaf quddiem ix-​xmara, u ħebb għalih b’saħna u saħħa kbira. Rajtu jinxteħet bil-​qilla għal fuq il-​muntun, u ħebb għalih, u kissirlu ż-​żewġt iqrun, u l-​muntun ma kellux il-​ħila jiqaflu; xeħtu u għaffġu maʼ l-​art, u ħadd ma sataʼ jeħles lill-​muntun minn taħt idejh.” (Danjel 8:​5-7) Dan kollu x’ifisser?

11. (a) L-​anġlu Gabrijel kif spjegahom il-​“bodbod” muswaf u “l-​qarn il-​kbir” tiegħu? (b) Min kien iffigurat mill-​qarn li jagħti fl-​għajn?

11 La Danjel u lanqas aħna ma nitħallew fl-​għama dwar it-​tifsira taʼ din id-​dehra. L-​anġlu Gabrijel jinforma lil Danjel li “l-​bodbod hu s-​sultan tal-​Greċja, u l-​qarn il-​kbir li rajtlu bejn għajnejh hu l-​ewwel sultan.” (Danjel 8:21) Fis-​sena 336 Q.E.K., ġie inkurunat Dariju III (Kodomannu), l-​aħħar sultan taʼ l-​Imperu Persjan. F’dik l-​istess sena, Alessandru sar sultan fil-​Maċedonja. L-​istorja turi li Alessandru l-​Kbir wera li kien dak l-​imbassar bħala l-​ewwel “sultan tal-​Greċja.” Alessandru mexa bil-​ħeffa, billi fis-​sena 334 Q.E.K. beda “min-​naħa tal-​punent,” jew minn inżul ix-​xemx. Bħallikieku “bla ma jmiss l-​art,” hu kkonkwista territorji u kisser lill-​“muntun.” Billi temmet id-​dominju Medo-Persjan li kien ilu kważi żewġ sekli, il-​Greċja b’hekk saret il-​ħames qawwa dinjija taʼ sinjifikat Bibliku. Xi twettiq taʼ l-​għaġeb tal-​profezija divina!

12. Il-​“qarn il-​kbir” tal-​bodbod simboliku kif ‘inkiser,’ u x’kienu l-​erbat iqrun li telgħu minfloku?

12 Imma l-​qawwa t’Alessandru kellha tkun għomorha qasir. Id-​dehra tkompli tirrivela: “U l-​bodbod tkabbar ħafna, u meta ssaħħaħ il-​qarn il-​kbir inkisirlu u minfloku telgħulu erbgħa oħra daqsiex, imdawwra lejn l-​erbat irjieħ tas-​sema.” (Danjel 8:8) Biex jispjega l-​profezija, Gabrijel jgħid: “L-​erbgħa l-​oħra li kibru floku meta nkiser huma erbaʼ saltniet li joħorġu minnu, imma ma jkollhomx saħħa bħal tiegħu.” (Danjel 8:22) Bħalma tbassar, fl-​aqwa tal-​karriera vittorjuża tiegħu, Alessandru “nkiser,” jew miet, fl-​età żgħira taʼ 32 sena. U l-​imperu kbir tiegħu eventwalment inqasam bejn erbgħa mill-​ġenerali tiegħu.

QARN ŻGĦIR MISTERJUŻ

13. X’nibet minn wieħed mill-​erbat iqrun, u dan kif aġixxa?

13 Il-​parti li jmiss tad-​dehra tinfirex fuq iktar minn 2,200 sena, billi t-​twettiq tagħha jestendi sa żmienna. Jikteb Danjel: “Mbagħad minn wieħed minnhom [l-erbat iqrun] nibet qarn ieħor żgħir, li kiber b’mod taʼ l-​għaġeb lejn in-​nofsinhar, lejn il-​lvant u lejn l-​art sabiħa; tkabbar sal-​qtajjaʼ tas-​smewwiet, u lil xi wħud minn dawn il-​qtajjaʼ u mill-​kwiekeb waddabhom ’l isfel lejn l-​art, u għattanhom b’saqajh. U baqaʼ jitkabbar sal-​Prinċep tal-​qtajjaʼ, neħħa s-​sagrifiċċju tal-​ħruq li kienu joffrulu kuljum, u żeblaħ il-​post imqaddes tiegħu. Huwa waqqaʼ fl-​għajb is-​sagrifiċċju tal-​ħruq u floku qiegħed id-​dnub, u xeħet maʼ l-​art il-​verità u baqaʼ sejjer jagħmel hekk.”​—Danjel 8:​9-12.

14. X’qal l-​anġlu Gabrijel dwar l-​attivitajiet tal-​qarn żgħir simboliku, u x’kellu jiġrilu dak il-​qarn?

14 Qabel ma nkunu nistgħu nifhmu t-​tifsira tal-​kliem li għadu kif ġie kwotat, irridu nagħtu l-​attenzjoni tagħna lejn l-​anġlu t’Alla. Wara li jiġbed l-​attenzjoni lejn it-​tlugħ għall-​poter taʼ l-​erbaʼ saltniet mill-​imperu t’Alessandru, l-​anġlu Gabrijel jgħid: “Fl-​aħħar tas-​saltna tagħhom, meta dnubiethom jilħqu l-​quċċata, iqum sultan wiċċu tost u mħarreġ fl-​intriċċi. Bis-​saħħa kbira tiegħu, għalkemm ma tkun saħħtu xejn, jagħmel ħerba li ma bħalha, u jibqaʼ sejjer hekk b’dan l-​għemil, u jeqred il-​qawwijin u l-​poplu tal-​qaddisin. Bil-​ħażen taʼ moħħu jimxi ’l quddiem fil-​qerq taʼ għemilu, jitkabbar f’qalbu u jagħmel qerda sħiħa qisu m’hux hu. Mbagħad jieqaf kontra l-​Prinċep tal-​prinċpijiet, imma jitkisser bla ma jindaħal ebda bniedem.”​—Danjel 8:​23-25.

15. Lil Danjel l-​anġlu x’qallu jagħmel rigward id-​dehra?

15 “Int żomm din id-​dehra mistura,” jgħidlu l-​anġlu lil Danjel, “għax għad irid jgħaddi żmien twil.” (Danjel 8:26) It-​twettiq taʼ din il-​parti tad-​dehra ma kellux iseħħ għal “żmien twil,” u Danjel kellu ‘jżomm din id-​dehra mistura.’ Milli jidher it-​tifsira tagħha baqgħet misteru għal Danjel. Madankollu, s’issa dak iż-​“żmien twil” bilfors li għadda. Għalhekk nistaqsu: ‘L-​istorja tad-​dinja x’tirrivela rigward it-​twettiq taʼ din id-​dehra profetika?’

IL-​QARN ŻGĦIR ISIR SETGĦAN FIL-​QAWWA

16. (a) Il-​qarn żgħir minn liema qarn simboliku ħareġ? (b) Ruma kif saret is-​sitt qawwa dinjija tal-​profezija Biblika, imma għala ma kinitx il-​qarn żgħir simboliku?

16 Skond l-​istorja, il-​qarn żgħir nibet minn wieħed mill-​erbat iqrun simboliċi​—dak l-​iktar imbiegħed lejn il-​punent. Din kienet is-​saltna Ellenistika tal-​Ġeneral Kassandru fuq il-​Maċedonja u l-​Greċja. Iktar tard, din is-​saltna ġiet assorbita mis-​saltna tal-​Ġeneral Lisimaku, is-​sultan taʼ Traċja u l-​Asja Minuri. Fit-​tieni seklu qabel l-​Era Komuni tagħna, Ruma kkonkwistat lil dawn is-​setturi tal-​punent tad-​dominju Ellenistiku. U sas-​sena 30 Q.E.K., Ruma ħadet taħt idejha s-​saltniet Ellenistiċi kollha, u b’hekk għamlet lilha nfisha s-​sitt qawwa dinjija tal-​profezija Biblika. Imma l-​Imperu Ruman ma kienx il-​qarn żgħir tad-​dehra taʼ Danjel, għax dak l-​imperu ma kompliex “sa meta jasal il-​waqt, fit-​tmiem.”​—Danjel 8:19.

17. (a) Il-​Britannja liema relazzjoni kellha maʼ l-​Imperu Ruman? (b) L-​Imperu Britanniku kif inhu relatat mas-​saltna Ellenistika tal-​Maċedonja u l-​Greċja?

17 Allura, l-​istorja x’tidentifika bħala dak is-​“sultan wiċċu tost” u aggressiv? Il-​Britannja attwalment kienet rimja fil-​majjistral taʼ l-​Imperu Ruman. Sal-​parti bikrija tal-​ħames seklu E.K., kien hemm xi provinċji Rumani f’dik li llum hija l-​Britannja. Mal-​medda taż-​żmien, l-​Imperu Ruman qabad it-​triq tan-​niżla, imma l-​influwenza taċ-​ċivilizzazzjoni Greko-Rumana kompliet fil-​Britannja u f’partijiet oħrajn taʼ l-​Ewropa li qabel kienu taħt id-​dominju taʼ Ruma. Octavio Paz, poeta u awtur Messikan li rebaħ il-​Premju Nobel, kiteb: “Mal-​waqgħa taʼ l-​Imperu Ruman, il-​Knisja ħaditlu postu.” Hu żied: “Missirijiet il-​Knisja, kif ukoll l-​istudjużi li ġew wara, laqqmu l-​filosofija Griega ġod-​duttrina Kristjana.” U Bertrand Russell, filosfu u matematiku tas-​seklu 20, osserva: “Iċ-​ċivilizzazzjoni tal-​punent, li nibtet minn sorsi Griegi, hija bbażata fuq tradizzjoni filosofika u xjentifika li bdiet f’Miletu [belt Griega fl-​Asja Minuri] elfejn u ħames mitt sena ilu.” B’hekk, jistaʼ jingħad li l-​Imperu Britanniku kellu l-​għeruq kulturali tiegħu fis-​saltna Ellenistika tal-​Maċedonja u l-​Greċja.

18. X’inhu l-​qarn żgħir li sar “sultan wiċċu tost” fit-​“tmiem”? Spjega.

18 Sa l-​1763, il-​Britannja bħala Imperu kienet għelbet lil Spanja u Franza, ir-​rivali potenti tagħha. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem din uriet li kienet il-​padruna taʼ l-​ibħra u s-​sebaʼ qawwa dinjija tal-​profezija Biblika. Saħansitra wara li t-​13-il kolonja Amerikana nfirdu minn mal-​Britannja fl-​1776 biex jistabbilixxu l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka, il-​Britannja tant kibret bħala Imperu li bdiet tħaddan kwart mill-​wiċċ taʼ l-​art u kwart mill-​popolazzjoni tagħha. Is-​sebaʼ qawwa dinjija kisbet jerġaʼ saħħa akbar meta l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka kkollaboraw mal-​Britannja biex jifformaw il-​qawwa dinjija doppja Anglo-Amerikana. Ekonomikament u militarment, din il-​qawwa kienet saret tabilħaqq “sultan wiċċu tost.” Allura, il-​qarn żgħir li sar qawwa politika feroċi “fit-​tmiem” huwa l-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana.

19. X’inhi “l-​art sabiħa” msemmija fid-​dehra?

19 Danjel ra li l-​qarn żgħir kompla ‘jikber b’mod taʼ l-​għaġeb’ lejn “l-​art sabiħa.” (Danjel 8:9) L-​Art Imwegħda, li Jehovah ta lill-​poplu magħżul tiegħu, kienet tant sabiħa li kienet tissejjaħ il-​“ġawhra fost kemm huma l-​artijiet,” jiġifieri, taʼ l-​art kollha kemm hi. (Eżekjel 20:​6, 15) Huwa minnu li l-​Britannja fil-​fatt ħadet lil Ġerusalemm taħt idejha nhar id-​9 taʼ Diċembru, 1917, u fis-​sena 1920, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet tat lill-​Gran Britannja l-​mandat fuq il-​Palestina, u dan kompla sa l-​14 taʼ Mejju, 1948. Imma d-​dehra hija profetika, fiha ħafna simboli. U “l-​art sabiħa” msemmija fid-​dehra tissimbolizza, mhux lil Ġerusalemm, imma lill-​kundizzjoni li għandhom fuq l-​art in-​nies li lilhom Alla jqis bħala qaddisin matul iż-​żmien tas-​sebaʼ qawwa dinjija. Ejja naraw kif il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana tipprova thedded lill-​qaddisin.

IL-​“POST TAS-​SANTWARJU TIEGĦU” MĠARRAF

20. Min huma l-​“qtajjaʼ tas-​smewwiet” u l-​“kwiekeb” li l-​qarn żgħir jipprova jwaddab ’l isfel?

20 Il-​qarn żgħir “tkabbar sal-​qtajjaʼ tas-​smewwiet, u lil xi wħud minn dawn il-​qtajjaʼ u mill-​kwiekeb waddabhom ’l isfel lejn l-​art.” Skond l-​ispjegazzjoni anġelika, il-​“qtajjaʼ tas-​smewwiet” u l-​“kwiekeb” li l-​qarn żgħir jipprova jwaddab ’l isfel huma “l-​poplu tal-​qaddisin.” (Danjel 8:​10, 24) Dawn il-​“qaddisin” huma Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Minħabba li ddaħħlu f’relazzjoni m’Alla permezz tal-​patt il-​ġdid, li beda jopera bid-​demm imxerred taʼ Ġesù Kristu, dawn huma santifikati, imnaddfin, u maqtugħin apparti għas-​servizz esklużiv t’Alla. (Lhud 10:10; 13:20) Billi ħatarhom bħala werrieta maʼ Ibnu fil-​wirt tas-​sema, Jehovah jqishom bħala qaddisin. (Efesin 1:​3, 11, 18-20) Allura, fid-​dehra taʼ Danjel, il-​“qtajjaʼ tas-​smewwiet” jirreferu għall-​fdal tal-​144,000 “qaddisin” fuq l-​art, li se jsaltnu fis-​sema mal-​Ħaruf.​—Apokalissi 14:​1-5.

21. Min huma dawk li jokkupaw “post imqaddes” li s-​sebaʼ qawwa dinjija tipprova tagħmlu ħerba?

21 Illum dawk li baqaʼ mill-​144,000 huma rappreżentanti fuq l-​art taʼ “Ġerusalemm tas-​sema”​—is-​Saltna t’Alla bħal belt—​u l-​arranġament tat-​tempju tagħha. (Lhud 12:​22, 28; 13:14) F’dan is-​sens huma jokkupaw “post imqaddes” li s-​sebaʼ qawwa dinjija tipprova żżebilħu u tkasbru. (Danjel 8:13) Billi jitkellem ukoll dwar dak il-​post imqaddes bħala “l-​post tas-​santwarju [taʼ Jehovah],” Danjel jgħid: “[Il-qarn żgħir] neħħielu [lil Jehovah] s-​sagrifiċċju taʼ kuljum, u l-​post tas-​santwarju tiegħu kien imġarraf. U l-​eżerċtu, flimkien mas-​sagrifiċċju taʼ kuljum, kien mogħti lill-​qarn, minħabba d-​dnub; u l-​qarn tafaʼ s-​sewwa maʼ l-​art, għamel ir-​rieda tiegħu, u kellu r-​riżq.” (Danjel 8:​11, 12, ) Dan kif twettaq?

22. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​sebaʼ qawwa dinjija kif wettqet “dnub” notevoli?

22 X’kienet l-​esperjenza tax-​Xhieda taʼ Jehovah matul it-​Tieni Gwerra Dinjija? Huma sofrew persekuzzjoni intensa! Din bdiet f’pajjiżi Nazisti u Faxxisti. Imma f’qasir żmien ‘il-​verità kienet qed tiġi mixħuta maʼ l-​art’ fid-​dominju vast kollu tal-​‘qarn żgħir li s-​saħħa tiegħu kienet kibret.’ “Il-​qtajjaʼ” taʼ proklamaturi tas-​Saltna u x-​xogħol tagħhom taʼ l-​ippridkar taʼ “l-​Evanġelju” kienu projbiti fi kważi l-​Commonwealth Britanniku kollu. (Mark 13:10) Meta dawn in-​nazzjonijiet ingaġġaw bil-​lieva lill-​irġiel tagħhom, ma ridux jeżentaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala ministri tar-​reliġjon, u b’hekk m’urew ebda rispett lejn il-​ħatra teokratika tagħhom bħala ministri t’Alla. Il-​qaddejja leali taʼ Jehovah fl-​Istati Uniti ġarrbu vjolenza mill-​folol u diversi insulti. Fil-​fatt, is-​sebaʼ qawwa dinjija pprovat tieħu lil hinn sagrifiċċju taʼ tifħir​—‘il-​kelma tax-​xofftejn’—​offrut regolarment lil Jehovah min-​nies tiegħu bħala “s-​sagrifiċċju taʼ kuljum” fil-​qima tagħhom. (Lhud 13:15) Dik il-​qawwa dinjija b’hekk wettqet id-​“dnub” li tinvadi d-​dominju bi dritt t’Alla l-​Iktar Għoli​—‘il-​post stabbilit tas-​santwarju tiegħu.’

23. (a) Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana kif waqfet “kontra l-​Prinċep tal-​prinċpijiet”? (b) Min hu “l-​Prinċep tal-​prinċpijiet”?

23 Billi ppersegwita lill-​“qaddisin” matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​qarn żgħir baqaʼ jitkabbar “sal-​Prinċep tal-​qtajjaʼ.” Jew, bħalma jistqarr l-​anġlu Gabrijel, waqaf “kontra l-​Prinċep tal-​prinċpijiet.” (Danjel 8:​11, 25) It-​titlu “l-​Prinċep tal-​prinċpijiet” japplika esklużivament għal Alla Jehovah. Il-​kelma Ebrajka sar, tradotta “prinċep,” hija relatata maʼ verb li jfisser “jeżerċita dominju.” Minbarra li tirreferi għal bin sultan jew persuna taʼ grad irjali, il-​kelma tapplika għal kap, jew wieħed ewlieni. Il-​ktieb taʼ Danjel isemmi prinċpijiet anġeliċi oħrajn​—per eżempju, Mikiel. Alla hu l-​Prinċep Ewlieni taʼ dawn il-​prinċpijiet kollha. (Danjel 10:​13, 21; qabbel Salm 83:19 [83:​18, NW].) Nistgħu nimmaġinaw li xi ħadd jistaʼ jiqaflu lil Jehovah​—il-​Prinċep tal-​prinċpijiet?

KUNDIZZJONI XIERQA TINGĦATA LILL-​“POST IMQADDES”

24. Danjel 8:14 liema assiguranza jagħtina?

24 Ħadd ma jistaʼ jiqaflu lill-​Prinċep tal-​prinċpijiet​—lanqas saħansitra sultan “wiċċu tost” bħall-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana! L-​attentati taʼ dan is-​sultan biex jagħmel ħerba mis-​santwarju t’Alla ma jirnexxux. Il-​messaġġier anġeliku jgħid li wara perijodu taʼ “elfejn u tliet mitt lejla u għodwa, mbagħad isir il-​ħaqq lill-​post imqaddes,” jew “se joħroġ rebbieħ.”​—Danjel 8:​13, 14; The New English Bible.

25. Kemm hu twil il-​perijodu profetiku taʼ 2,300 jum, u maʼ liema ġrajja jrid jiġi assoċjat?

25 L-​elfejn u tliet mitt jum jifformaw perijodu profetiku. Għaldaqstant, hija involuta sena profetika taʼ 360 jum. (Apokalissi 11:​2, 3; 12:​6, 14) Mela dawn l-​2,300 jum jammontaw għal 6 snin, 4 xhur, u 20 jum. Meta kien dan il-​perijodu? Sewwa, fis-​snin 30, il-​poplu t’Alla beda jġarrab iktar persekuzzjoni f’diversi pajjiżi. U matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew persegwitati bl-​aħrax fil-​pajjiżi tal-​qawwa dinjija doppja Anglo-Amerikana. Għala? Għaliex insistew li ‘jobdu iktar lil Alla bħala ħakkiem milli lill-​bnedmin.’ (Atti 5:29) Għalhekk, l-​2,300 jum bilfors iridu jiġu assoċjati maʼ dik il-​gwerra. b Imma x’jistaʼ jingħad dwar il-​bidu u t-​tmiem taʼ dan il-​perijodu profetiku?

26. (a) L-​iktar l-​iktar, minn meta għandu jibda l-​għadd taʼ l-​2,300 jum? (b) Il-​perijodu taʼ 2,300 jum meta ntemm?

26 Biex il-​“post imqaddes” isirlu ħaqq, jew jiġi restawrat għal kif suppost ikun, l-​2,300 jum bilfors li bdew meta dan qabel kien fil-​kundizzjoni xierqa minn kif jarah Alla. L-​iktar l-​iktar, dan kien nhar l-​1 taʼ Ġunju, 1938, meta The Watchtower ippubblika l-​ewwel parti taʼ l-​artiklu “Organization” (Organizzazzjoni). It-​tieni parti dehret fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Ġunju, 1938. Jekk ngħoddu 2,300 jum (6 snin, 4 xhur, u 20 jum fuq il-​kalendarju Ebrajk) mill-​1 jew il-​15 taʼ Ġunju, 1938, niġu għat-​8 jew it-​22 t’Ottubru, 1944. Nhar l-​ewwel jum t’assemblea speċjali miżmuma f’Pittsburgh, Pennsylvania, U.S.A., nhar it-​30 taʼ Settembru u l-​1 t’Ottubru, 1944, il-​president tal-​Watch Tower Society tkellem dwar is-​suġġett “The Theocratic Alignment Today” (L-Aġġustament Teokratiku Llum). Fil-​laqgħa korporattiva annwali nhar it-​2 t’Ottubru, id-​dokument tas-​Soċjetà ġie emendat fi sforz biex dan jinġieb qrib l-​arranġament teokratiku sal-​punt li kienet tippermetti l-​liġi. Bil-​pubblikazzjoni taʼ ħtiġijiet Bibliċi ċċarati, l-​organizzazzjoni teokratika kienet malajr installata iktar bis-​sħiħ fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

27. Liema evidenza kien hemm li s-​“sagrifiċċju taʼ kuljum” kien ristrett matul is-​snin mimlijin persekuzzjoni tat-​Tieni Gwerra Dinjija?

27 Waqt li l-​2,300 jum ġrew il-​korsa tagħhom matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, li bdiet fl-​1939, l-​offerta tas-​“sagrifiċċju taʼ kuljum” fis-​santwarju t’Alla kienet ristretta b’mod rigoruż minħabba l-​persekuzzjoni. Fis-​sena 1938 il-​Watch Tower Society kellha 39 fergħa jieħdu ħsieb ix-​xogħol tax-​Xhieda madwar id-​dinja, imma sa l-​1943 kien hemm biss 21. Żjidiet fl-​għadd taʼ proklamaturi tas-​Saltna kienu wkoll żgħar matul dak il-​perijodu.

28, 29. (a) Hekk kif it-​Tieni Gwerra Dinjija resqet lejn tmiemha, liema żvilupp seħħ fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah? (b) X’jistaʼ jingħad dwar l-​attentati ħorox taʼ l-​għadu biex jagħmel ħerba mill-​“post imqaddes” u jeqirdu?

28 Bħalma nnotajna, matul l-​aħħar xhur tat-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kkonfermaw mill-​ġdid id-​determinazzjoni tagħhom li jfaħħru bil-​kbir il-​ħakma t’Alla billi jaqduh bħala organizzazzjoni teokratika. Kien b’dan l-​objettiv li fl-​1944 ngħata bidu għall-​irranġar mill-​ġdid tax-​xogħol u taʼ l-​istruttura governattiva tagħhom. Fil-​fatt, The Watchtower tal-​15 t’Ottubru, 1944, kien fih artiklu intitolat “Organized for Final Work” (Organizzati għal Xogħol Finali). Dan l-​artiklu u oħrajn taʼ l-​istess perijodu li kienu orjentati lejn is-​servizz indikaw li l-​2,300 jum kienu ntemmu u li l-​“post imqaddes” kien ‘sarlu l-​ħaqq’ mill-​ġdid.

29 L-​attentati ħorox taʼ l-​għadu biex jagħmel ħerba mill-​“post imqaddes” u jeqirdu kienu fallew għalkollox. Tabilħaqq, dawk li baqaʼ mill-​“qaddisin” fuq l-​art, flimkien maʼ sħabhom tal-​“kotra kbira,” kienu ħarġu rebbiħin. (Apokalissi 7:9) U s-​santwarju, fl-​istat teokratiku li għandu d-​dritt għalih, issa jkompli jagħti servizz sagru lil Jehovah.

30. X’se jiġrilu dalwaqt is-​“sultan wiċċu tost”?

30 Il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana għadha żżomm il-​pożizzjoni tagħha. ‘Imma titkisser bla ma jindaħal ebda bniedem,’ qal l-​anġlu Gabrijel. (Danjel 8:25) Fi żmien qasir, din is-​sebaʼ qawwa dinjija tal-​profezija Biblika​—dan is-​“sultan wiċċu tost”—​se titkisser, mhux mill-​bnedmin, imma permezz taʼ qawwa sovrumana f’Ħarmagedon. (Danjel 2:44; Apokalissi 16:​14, 16) Kemm huwa kommoventi li nkunu nafu li s-​sovranità t’Alla Jehovah, il-​Prinċep tal-​prinċpijiet, imbagħad se tiġi vindikata!

[Noti taʼ taħt]

a Sebaʼ qawwiet dinjin taʼ sinjifikat Bibliku speċjali huma l-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-Persja, il-​Greċja, Ruma, u l-​qawwa dinjija doppja Anglo-Amerikana. Dawn kollha huma notevoli għaliex kellhom x’jaqsmu mal-​poplu taʼ Jehovah.

b Danjel 7:25 ukoll jitkellem dwar perijodu taʼ żmien meta sultan ‘jifni kontinwament lill-​qaddisin taʼ l-​Għoli.’ Bħalma spjegajna fil-​kapitlu preċedenti, dan kien assoċjat maʼ l-​ewwel gwerra dinjija.

X’INNOTAJT?

• X’inhu ffigurat minn

“il-​muntun” b’“żewġt iqrun”?

il-​“bodbod” muswaf bil-​“qarn il-​kbir” tiegħu?

l-​erbat iqrun li jitilgħu minflok il-​“qarn il-​kbir”?

il-​qarn żgħir li nibet minn wieħed mill-​erbat iqrun?

• Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana kif ipprovat tagħmel ħerba mill-​“post imqaddes,” u rnexxielha tagħmlu dan?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Mappa/Stampa f’paġna 166]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​Imperu Medo-Persjan

IL-​MAĊEDONJA

L-​EĠITTU

Memfi

L-​ETJOPJA

Ġerusalemm

Babilonja

Ekbatana

Susa

Persepoli

L-​INDJA

[Mappa/Stampa f’paġna 169]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​Imperu Grieg

IL-​MAĊEDONJA

L-​EĠITTU

Babilonja

Ix-​Xmara Indu

[Mappa f’paġna 172]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​Imperu Ruman

IL-​BRITANNJA

L-​ITALJA

Ruma

Ġerusalemm

L-​EĠITTU

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 164]

[Stampi f’paġna 174]

Xi persunaġġi prominenti tal-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana:

1. George Washington, l-​ewwel president taʼ l-​Istati Uniti (1789-97)

2. Ir-​Reġina Vittorja tal-​Britannja (1837-1901)

3. Woodrow Wilson, president taʼ l-​Istati Uniti (1913-21)

4. David Lloyd George, prim ministru tal-​Britannja (1916-22)

5. Winston Churchill, prim ministru tal-​Britannja (1940-45 ,1951-55)

6. Franklin D. Roosevelt, president taʼ l-​Istati Uniti (1933-45)