Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Se Jaħkimha d-​Dinja?

Min Se Jaħkimha d-​Dinja?

Kapitlu Disgħa

Min Se Jaħkimha d-​Dinja?

1-3. Iddeskrivi l-​ħolma u d-​dehriet li kellu Danjel fl-​ewwel sena tar-​renju taʼ Beltassar.

 IL-​PROFEZIJA li ssaħħrek taʼ Danjel issa tiħodna lura lejn l-​ewwel sena tas-​Sultan Babiloniż, Beltassar. Danjel ilu żmien twil eżiljat f’Babilonja, imma qatt ma ċeda pulzier fl-​integrità tiegħu lejn Jehovah. Issa li għandu fuq is-​70 sena, il-​profeta leali jara “ħolma, u kellu dehriet f’moħħu waqt li kien mimdud fuq friexu.” U kif iwerwruh dawk id-​dehriet!​—Danjel 7:​1, 15.

2 “Ara[!]” jesklama Danjel. “L-​erbat irjieħ tas-​sema bdew iqanqlu l-​baħar il-​kbir; u mill-​baħar ħarġu erbaʼ bhejjem kbar, waħda m’hijiex bħall-​oħra.” X’bhejjem taʼ l-​għaġeb! L-​ewwel waħda hija ljun bil-​ġwienaħ, u t-​tieni waħda qisha ors. Imbagħad jiġi ljupard b’erbaʼ ġwienaħ u erbat irjus! Ir-​rabaʼ bhima, li għandha saħħa mhix tas-​soltu, għandha snien kbar ħafna tal-​ħadid u għaxart iqrun. Fost l-​għaxart iqrun tagħha jinbet qarn “żgħir” li għandu “għajnejh bħal taʼ bniedem” u “fommu jlablab ħafna kliem arroganti.”​—Danjel 7:​2-8.

3 Id-​dehriet taʼ Danjel imbagħad iduru lejn is-​sema. L-​Antik fil-​Jiem joqgħod bil-​qegħda fuq it-​tron b’mod glorjuż bħala Mħallef fil-​Qorti tas-​sema. ‘Eluf taʼ eluf qegħdin jaqduh, u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu.’ Billi lill-​bhejjem jagħtihom ġudizzju taʼ kundanna, hu jieħu mingħandhom il-​ħakma u jeqred lir-​rabaʼ bhima. Ħakma dejjiema fuq “kull ġens, u poplu, u lsien” tingħata lil xi ħadd “bħal iben taʼ bniedem.”​—Danjel 7:​9-14.

4. (a) Danjel lejn min dar għal informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha? (b) Għala huwa importanti għalina dak li Danjel ra u samaʼ dak il-​lejl?

4 “Jien,” jgħid Danjel, “ħassejtni mnikket fija nnifsi fl-​ispirtu, u d-​dehriet taʼ moħħi ħawwduni.” Għalhekk, hu jersaq lejn anġlu biex ‘jistaqsih fuq dan kollu biex ikun żgur.’ L-​anġlu tabilħaqq ‘ikellmu u jgħarrfu xi tfisser din il-​ħaġa.’ (Danjel 7:​15-28) Dak li ra u samaʼ Danjel dak il-​lejl huwa taʼ interess kbir għalina, għax jiddeskrivi ġrajjiet dinjin futuri li jwasslu sa żminijietna, meta xi ħadd “bħal iben taʼ bniedem” jingħata kariga taʼ ħakkiem fuq “kull ġens, u poplu, u lsien.” Bl-​għajnuna tal-​Kelma u l-​ispirtu t’Alla, aħna wkoll nistgħu nifhmu t-​tifsira taʼ dawn id-​dehriet profetiċi. a

ERBAʼ BHEJJEM JOĦORĠU MILL-​BAĦAR

5. X’jissimbolizza l-​baħar imqanqal mir-​riħ?

5 “Mill-​baħar ħarġu erbaʼ bhejjem kbar,” qal Danjel. (Danjel 7:3) X’kien simbolizzat mill-​baħar imqanqal mir-​riħ? Snin wara, l-​appostlu Ġwanni ra bhima salvaġġa b’sebat irjus ħierġa mill-​“baħar.” Dak il-​baħar irrappreżenta “popli u folol taʼ nies u ġnus u ilsna”​—il-​ġemgħa vasta taʼ umanità mbegħda minn Alla. Allura, il-​baħar huwa simbolu xieraq tal-​mases taʼ umanità mbegħdin minn Alla.​—Apokalissi 13:​1, 2; 17:15; Isaija 57:20.

6. L-​erbaʼ bhejjem jagħtu stampa taʼ liema ħaġa?

6 “Dawn l-​erbaʼ bhejjem kbar,” qal l-​anġlu t’Alla, “huma erbaʼ slaten li għad jiġu fuq l-​art.” (Danjel 7:17) Jidher ċar li l-​anġlu identifika l-​erbaʼ bhejjem li ra Danjel bħala “erbaʼ slaten.” B’hekk, dawn il-​bhejjem jissinjifikaw qawwiet dinjin. Imma liema?

7. (a) Dawk li jispjegaw il-​Bibbja x’jgħidu dwar id-​dehra fil-​ħolma taʼ Danjel dwar l-​erbaʼ bhejjem u l-​ħolma tas-​Sultan Nabukodonosor dwar statwa immensa? (b) X’tirrappreżenta kull waħda mill-​erbaʼ partijiet metalliċi taʼ l-​istatwa?

7 Dawk li jispjegaw il-​Bibbja spiss jorbtu d-​dehra fil-​ħolma taʼ Danjel dwar erbaʼ bhejjem mal-​ħolma taʼ Nabukodonosor dwar statwa immensa. Per eżempju, The Expositor’s Bible Commentary jgħid: “Kapitlu 7 [taʼ Danjel] huwa parallel maʼ kapitlu 2.” The Wycliffe Bible Commentary jgħid: “Hemm qbil ġenerali li s-​suċċessjoni taʼ erbaʼ dominji Ġentili . . . hija l-​istess hawnhekk [f’​Danjel kapitlu 7] bħal dik kontemplata f’[Danjel] kapitlu 2.” L-​erbaʼ qawwiet dinjin rappreżentati mill-​erbaʼ metalli tal-​ħolma taʼ Nabukodonosor kienu l-​Imperu Babiloniż (ras tad-​deheb), il-​Medo-Persja (sider u dirgħajn tal-​fidda), il-​Greċja (żaqq u koxxtejn tal-​bronż), u l-​Imperu Ruman (riġlejn tal-​ħadid). b (Danjel 2:​32, 33) Ejja naraw kif dawn is-​saltniet huma ekwivalenti għall-​erbaʼ bhejjem daqsiex li ra Danjel.

FEROĊI BĦAL ILJUN, ĦAFIFA BĦAL AJKLA

8. (a) Danjel kif iddeskrivieha l-​ewwel bhima? (b) L-​ewwel bhima lil liema imperu rrappreżentat, u din kif aġixxiet bħal iljun?

8 X’bhejjem impressjonanti lemaħ Danjel! Biex jiddeskrivi waħda minnhom, hu qal: “L-​ewwel waħda kienet qisha ljun bil-​ġwienaħ taʼ ajkla. Jiena u nħares, ġwenħajha nqalgħulha; ntrefgħet mill-​art, waqqfuha fuq riġlejha bħal bniedem, u tawha qalb taʼ bniedem.” (Danjel 7:4) Din il-​bhima ffigurat l-​istess ħakma bħal dik rappreżentata mir-​ras tad-​deheb taʼ l-​istatwa immensa, il-​Qawwa Dinjija Babiloniża (607-539 Q.E.K.). Bħal “iljun” li jikkaċċja l-​priża, Babilonja b’mod feroċi belgħet ġnus sħaħ, inkluż il-​poplu t’Alla. (Ġeremija 4:​5-7; 50:17) Bħallikieku bil-​ġwienaħ t’ajkla, dan l-​“iljun” ġera b’ħeffa ’l quddiem biex jikkonkwista b’mod aggressiv.​—Lamentazzjonijiet 4:19; Ħabakkuk 1:​6-8.

9. Il-​bhima bħal iljun minn liema bidliet għaddiet, u dawn kif effettwawha?

9 Maż-​żmien, l-​iljun uniku bil-​ġwienaħ ‘inqalgħulu’ ġwenħajh. Lejn it-​tmiem tal-​ħakma tas-​Sultan Beltassar, Babilonja tilfet il-​ħeffa li kellha biex tikkonkwista u s-​supremazija tagħha bħal iljun fuq il-​ġnus. Ma kinitx ħafifa fil-​ġiri iktar minn bniedem fuq żewġ saqajn. Billi kisbet “qalb taʼ bniedem,” din saret dgħajfa. Billi ma kellhiex iktar “qalb taʼ ljun,” Babilonja ma setgħetx iktar iġġib ruħha bħal sultan “qalb il-​bhejjem tal-​foresta.” (Qabbel it-​2 Samwel 17:10; Mikea 5:7 [5:​8, NW].) Bhima oħra daqsiex ikkonkwistatha.

IMĠEWĦA BĦAL ORS

10. L-​“ors” lil liema linja taʼ ħakkiema ssimbolizza?

10 “Ara,” qal Danjel, “kien hemm bhima oħra, it-​tieni waħda, qisha ors, u waqqfuha fuq ġenb wieħed; f’ħalqha, bejn snienha, kellha tliet kustilji. ‘Qum,’ qalulha, ‘kul laħam kemm trid.’” (Danjel 7:5) Is-​sultan simbolizzat mill-​“ors” kien preċiżament l-​istess bħal dak rappreżentat mis-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda taʼ l-​istatwa l-​kbira​—il-​linja taʼ ħakkiema Medo-Persjani (539-331 Q.E.K.) li bdiet b’Dariju l-​Medi u Ċiru l-​Kbir u ntemmet b’Dariju III.

11. X’jissinjifika l-​fatt li l-​ors simboliku jitwaqqaf fuq ġenb wieħed u li għandu tliet kustilji f’ħalqu?

11 L-​ors simboliku ‘twaqqaf fuq ġenb wieħed,’ forsi biex ikun lest ħalli jattakka u jrażżan il-​ġnus, u b’hekk iżomm f’idejh il-​qawwa dinjija. Inkella din il-​pożizzjoni forsi kienet intenzjonata biex turi li l-​linja taʼ ħakkiema Persjani kellha tikseb id-​dominanza fuq Dariju, l-​uniku sultan Medjan. It-​tliet kustilji bejn snien l-​ors jistgħu jindikaw it-​tliet direzzjonijiet li lejhom hu imbotta l-​konkwisti tiegħu. L-​“ors” Medo-Persjan mar lejn it-​tramuntana biex jaħtaf lil Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K. Imbagħad mar lejn il-​punent billi għadda minn ġo l-​Asja Minuri u daħal fi Traċja. Fl-​aħħarnett, l-​“ors” mar lejn in-​nofsinhar biex jikkonkwista l-​Eġittu. Ladarba n-​numru tlieta kultant jissimbolizza l-​intensità, it-​tliet kustilji jistgħu jenfasizzaw ukoll ir-​regħba li l-​ors simboliku kellu biex jikkonkwista.

12. X’irriżulta mill-​fatt li l-​ors simboliku obda l-​kmand: “Qum, . . . kul laħam kemm trid”?

12 L-​“ors” attakka lill-​ġnus b’risposta għall-​kliem: “Qum, . . . kul laħam kemm trid.” Billi belgħet lil Babilonja fi qbil mar-​rieda divina, il-​Medo-Persja kienet f’pożizzjoni li twettaq servizz siewi għall-​poplu taʼ Jehovah. U hekk għamlet! (Ara “Monarka Tolleranti,” f’paġna 149.) Permezz taʼ Ċiru l-​Kbir, Dariju I (Dariju l-​Kbir), u Artasersi I, il-​Medo-Persja ħelset lill-ilsiera Lhud taʼ Babilonja u għenithom jibnu mill-​ġdid it-​tempju taʼ Jehovah u jsewwu s-​swar taʼ Ġerusalemm. Maż-żmien, il-​Medo-Persja bdiet taħkem fuq 127 distrett ġurisdizzjonali, u Assweru (Sersi I), ir-​raġel tas-​Sultana Ester, kien “isaltan . . . mill-​Indja sa l-​Etjopja.” (Ester 1:1) Madankollu, il-​qawma taʼ bhima oħra kienet fil-​viċin.

ĦAFIFA BĦAL ILJUPARD BIL-​ĠWIENAĦ!

13. (a) It-​tielet bhima x’issimbolizzat? (b) X’jistaʼ jingħad dwar il-​veloċità tat-​tielet bhima u d-​dominju li okkupat?

13 It-​tielet bhima kienet “qisha ljupard b’erbaʼ ġwienaħ taʼ tajra fuq dahru; din il-​bhima kellha erbat irjus, u tawha setgħa kbira.” (Danjel 7:6) Bħall-​pariġġ tiegħu​—iż-​żaqq u l-​koxox tal-​bronż taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor—​dan l-​iljupard, b’erbaʼ ġwienaħ u erbat irjus, issimbolizza l-​linja taʼ ħakkiema tal-​Maċedonja, jew Greċja, li bdiet b’Alessandru l-​Kbir. Bil-​ħeffa u l-​veloċità taʼ ljupard, Alessandru għadda minn ġo l-​Asja Minuri, ’l isfel lejn l-​Eġittu, u ’l quddiem lejn il-​fruntiera fil-​punent taʼ l-​Indja. (Qabbel Ħabakkuk 1:8.) Id-​dominju tiegħu kien akbar minn dak taʼ l-​“ors,” għax inkluda l-​Maċedonja, il-​Greċja, u l-​Imperu Persjan.​—Ara “Sultan Żagħżugħ Jikkonkwista d-​Dinja,” f’paġna 153.

14. L-​“iljupard” kif sar b’erbat irjus?

14 L-​“iljupard” sar b’erbat irjus wara li miet Alessandru fis-​sena 323 Q.E.K. Erbgħa mill-​ġenerali tiegħu eventwalment saru s-​suċċessuri tiegħu f’sezzjonijiet differenti tad-​dominju tiegħu. Selewku żamm il-​Mesopotamja u s-​Sirja. Ptolomew ikkontrolla l-​Eġittu u l-​Palestina. Lisimaku ħakem fuq l-​Asja Minuri u t-​Traċja, u Kassandru ħa l-​Maċedonja u l-​Greċja. (Ara “Saltna Vasta Tinqasam,” f’paġna 162.) Imbagħad qamet theddida ġdida.

BHIMA TAL-​BIŻAʼ TURI LI HI DIFFERENTI

15. (a) Iddeskrivi r-​rabaʼ bhima. (b) X’issimbolizzat ir-​rabaʼ bhima, u din kif farrket u belgħet kollox minn kulfejn għaddiet?

15 Danjel iddeskriva r-​rabaʼ bhima bħala “tal-​biżaʼ u twerwrek, taʼ saħħa taʼ l-​għaġeb.” Hu kompla: “Bi snien kbar tal-​ħadid; bdiet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-​fdal taħt saqajha. Din kellha għaxart iqrun, u ma kinitx bħall-​bhejjem l-​oħra taʼ qabilha.” (Danjel 7:7) Din il-​bhima tal-​biżaʼ bdiet bħala l-​qawwa politika u militari taʼ Ruma. Bil-​mod il-​mod ħadet taħt idejha l-​erbaʼ diviżjonijiet Ellenistiċi taʼ l-​Imperu Grieg, u sas-​sena 30 Q.E.K., Ruma kienet feġġet bħala l-​qawwa dinjija li kien imiss fil-​profezija Biblika. Billi rażżan kollox u lil kulħadd minn kulfejn għadda permezz tal-​forza militari, l-​Imperu Ruman eventwalment kiber biex ikopri medda kbira taʼ art li mill-​Gżejjer Britanniċi kienet tibqaʼ nieżla ’l isfel lejn parti kbira mill-​Ewropa, madwar il-​Mediterran kollu, u lil hinn minn Babilonja sal-​Golf Persjan.

16. L-​anġlu liema informazzjoni ta dwar ir-​rabaʼ bhima?

16 Billi xtaq li jiżgura ruħu dwar xi tfisser din il-​bhima straordinarjament “tal-​biżaʼ,” Danjel qagħad jismaʼ b’attenzjoni kbira hekk kif l-​anġlu spjega: “L-​għaxart iqrun [tagħha] ifissru li minn din is-​saltna jqumu għaxar slaten; u mbagħad warajhom iqum ieħor li ma jkunx bħalhom, u jwaqqaʼ tliet slaten.” (Danjel 7:​19, 20, 24) X’kienu dawn l-​“għaxart iqrun,” jew l-​“għaxar slaten”?

17. X’jissimbolizzaw l-​“għaxart iqrun” tar-​rabaʼ bhima?

17 Hekk kif Ruma saret iktar sinjura u iżjed imħassra moralment minħabba l-​ħajja bla rażan tal-​klassi tal-​ħakkiema tagħha, din bdiet tbatti bħala qawwa militari. Maż-​żmien, it-​tnaqqis f’dik li hi saħħa militari taʼ Ruma sar evidenti b’mod ċar. L-​imperu setgħan eventwalment inqasam f’ħafna saltniet. Ladarba l-​Bibbja spiss tuża n-​numru għaxra biex tindika kompletezza, l-​“għaxart iqrun” tar-​rabaʼ bhima jirrappreżentaw is-​saltniet kollha li rriżultaw mix-​xoljiment taʼ Ruma.​—Qabbel Dewteronomju 4:13; Luqa 15:8; 19:​13, 16, 17.

18. Ruma kif baqgħet teżerċita dominazzjoni fuq l-​Ewropa għal sekli sħaħ wara t-​tneħħija taʼ l-​aħħar imperatur tagħha?

18 Madankollu, il-​Qawwa Dinjija Rumana ma ntemmitx bit-​tneħħija taʼ l-​aħħar imperatur tagħha f’Ruma fis-​sena 476 E.K. Għal ħafna sekli, Ruma papali kompliet teżerċita dominanza politika, u speċjalment reliġjuża, fuq l-​Ewropa. Dan għamlitu permezz tas-​sistema fewdali, li fiha l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​abitanti taʼ l-​Ewropa kienu suġġetti lejn ħâkem, imbagħad lejn sultan. U s-​slaten kollha rrikonoxxew l-​awtorità tal-​papa. B’hekk, l-​Imperu Qaddis Ruman b’Ruma papali bħala l-​punt ċentrali tiegħu ddomina l-​kwistjonijiet dinjin matul dak il-​perijodu twil taʼ l-​istorja msejjaħ il-​Medju Evu.

19. Skond storjografu wieħed, Ruma kif ipparagunat maʼ l-​imperi preċedenti?

19 Min jistaʼ jiċħad li r-​rabaʼ bhima ‘ma kinitx bħas-​saltniet l-​oħra’? (Danjel 7:​7, 19, 23) F’dan ir-​rigward, l-​istorjografu H. G. Wells kiteb: “Din il-​qawwa Rumana l-​ġdida . . . kienet f’diversi aspetti xi ħaġa differenti minn kwalunkwe wieħed mill-​imperi l-​kbar li sa dak iż-​żmien kienu ddominaw fid-​dinja ċivilizzata. . . . [Din] inkorporat kważi lill-​Griegi kollha fid-​dinja, u l-​popolazzjoni tagħha ma kinitx daqstant Ħamitika u Semitika daqs dik taʼ kwalunkwe imperu preċedenti . . . Din kienet sa dan iż-​żmien mudell ġdid fl-​istorja . . . L-​Imperu Ruman kien żvilupp, żvilupp ġdid mhux ippjanat; ir-​Rumani sabu ruħhom, kważi bla mistenni, involuti f’esperiment amministrattiv u vast.” Madankollu, ir-​rabaʼ bhima kien se jkollha żvilupp ieħor.

QARN ŻGĦIR JIKSEB ID-​DOMINANZA

20. X’qal l-​anġlu dwar l-​iżvilupp taʼ qarn żgħir fuq ras ir-​rabaʼ bhima?

20 “Qgħadt inħares sewwa lejn il-​qrun,” qal Danjel, “u ara f’nofshom nibet qarn ieħor żgħir; tlieta mill-​qrun l-​oħra nqalgħu minn għeruqhom quddiem dan il-​qarn.” (Danjel 7:8) Dwar dan l-​iżvilupp, l-​anġlu qal lil Danjel: “Mbagħad warajhom [l-għaxar slaten] iqum ieħor li ma jkunx bħalhom, u jwaqqaʼ tliet slaten.” (Danjel 7:24) Min hu dan is-​sultan, meta qam, u lil liema tliet slaten waqqaʼ?

21. Il-​Britannja kif saret il-​qarn żgħir simboliku tar-​rabaʼ bhima?

21 Ikkunsidra l-​iżviluppi li ġejjin. Fis-​sena 55 Q.E.K., il-​Ġeneral Ruman Ġulju Ċesari invada l-​Britannja imma ma rnexxilux jistabbilixxi kolonja permanenti. Fis-​sena 43 E.K., l-​Imperatur Klawdju ta bidu għal konkwista iktar permanenti tan-​nofsinhar tal-​Britannja. Imbagħad, fis-​sena 122 E.K., l-​Imperatur Adrijanu beda jibni ħajt mix-​Xmara Tyne sa Solway Firth, u b’hekk immarka l-​limitu tat-​tramuntana taʼ l-​Imperu Ruman. Kmieni fil-​ħames seklu, il-​leġjuni Rumani telqu minn fuq il-​gżira. “Fis-​seklu sittax,” spjega wieħed storjografu, “l-​Ingilterra kienet qawwa tat-​tieni klassi. L-​għana tagħha kien żgħir fl-​ammont imqabbel maʼ dak taʼ l-​Olanda. Il-​popolazzjoni tagħha kienet ferm inqas minn dik taʼ Franza. Il-​qawwiet armati tagħha (inkluż il-​flotta tagħha) kienu inferjuri għal dawk taʼ Spanja.” B’mod evidenti, il-​Britannja kienet saltna insinjifikanti f’dak iż-​żmien, u b’hekk ifformat il-​qarn żgħir simboliku tar-​rabaʼ bhima. Imma dan kellu jinbidel.

22. (a) Il-​qarn “żgħir” għeleb lil liema tlett iqrun oħrajn tar-​rabaʼ bhima? (b) Il-​Britannja mbagħad feġġet bħala liema ħaġa?

22 Fl-​1558, Filippu II taʼ Spanja fetaħ attakk kontra l-​Britannja permezz tal-​Flotta Spanjola. Din il-​flotta taʼ 130 bastiment, li ġarret iktar minn 24,000 raġel, salpat ’il fuq billi għaddiet mill-​Kanal Ingliż, bir-​riżultat li spiċċat mirbuħa mill-​flotta Britannika u waqgħet vittma taʼ rjiħat kuntrarji u maltempati feroċi mill-​Atlantiku. Din il-​ġrajja “mmarkat il-​fatt li s-​superjorità navali għaddiet b’mod deċiżiv mingħand Spanja għal għand l-​Ingilterra,” qal wieħed storjografu. Fis-​seklu 17, l-​Olandiżi żviluppaw l-​akbar flotta merkantili tad-​dinja. Madankollu, b’numru li dejjem jiżdied taʼ kolonji ’l barra minn xtutha, il-​Britannja ssuperat lil dik is-​saltna. Matul is-​seklu 18, il-​Britanniċi u l-​Franċiżi ġġieldu kontra xulxin fl-​Amerka taʼ Fuq u fl-​Indja, u dan wassal għat-​Trattat taʼ Pariġi fl-​1763. Dan it-​trattat, qal l-​awtur William B. Willcox, “irrikonoxxa l-​pożizzjoni l-​ġdida tal-​Britannja bħala l-​qawwa Ewropea predominanti fid-​dinja lil hinn mill-​Ewropa.” Is-​supremazija tal-​Britannja ġiet konfermata permezz tar-​rebħa li farrket lil Napuljun taʼ Franza fl-​1815 E.K. It-​“tliet slaten” li b’hekk ‘twaqqgħu’ mill-​Britannja kienu Spanja, l-​Olanda, u Franza. (Danjel 7:24) Bħala riżultat, il-​Britannja feġġet bħala l-​akbar qawwa kolonjali u kummerċjali tad-​dinja. Iva, il-​qarn “żgħir” kiber u sar qawwa dinjija!

23. Il-​qarn żgħir simboliku b’liema mod ‘kiel l-​art kollha’?

23 L-​anġlu qal lil Danjel li r-​rabaʼ bhima, jew ir-​rabaʼ saltna, kellha “tiekol l-​art kollha.” (Danjel 7:23) Dan wera li kien veru rigward il-​provinċja Rumana darba magħrufa bħala Britannja. Din eventwalment saret l-​Imperu Britanniku u ‘kielet l-​art kollha.’ F’perijodu minnhom, dan l-​imperu ħaddan kwart mill-​wiċċ taʼ l-​art u kwart mill-​popolazzjoni tagħha.

24. Wieħed storjografu x’qal dwar il-​fatt li l-​Imperu Britanniku kien differenti?

24 Bħalma l-​Imperu Ruman kien differenti mill-​qawwiet dinjin taʼ qablu, is-​sultan iffigurat mill-​qarn “żgħir” kellu wkoll “ma jkunx bħalhom.” (Danjel 7:24) Dwar l-​Imperu Britanniku, l-​istorjografu H. G. Wells innota: “Qatt qabel m’eżistiet xi ħaġa taʼ din ix-​xorta. Quddiemnett u ċentrali għas-​sistema kollha kemm hi kien hemm ir-​‘repubblika inkurunataʼ tas-​Saltniet Britanniċi Uniti . . . Ebda uffiċċju uniku u ebda moħħ uniku qatt ma kienu fehmu l-​Imperu Britanniku kollu kemm hu. Dan kien taħlita taʼ tkabbir u akkumulazzjonijiet differenti għalkollox minn kwalunkwe ħaġa li qatt qabel kienet issejħet imperu.”

25. (a) Fl-​iżvilupp aħħari tiegħu, fiex jikkonsisti l-​qarn żgħir simboliku? (b) Il-​qarn “żgħir” f’liema sens għandu “għajnejh bħal taʼ bniedem” u “fommu jlablab ħafna kliem arroganti”?

25 Il-​qarn “żgħir” ma kienx jinkludi biss l-​Imperu Britanniku. Fl-​1783, il-​Britannja rrikonoxxiet l-​indipendenza tat-​13-il kolonja Amerikana tagħha. L-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka eventwalment saru l-​alleati tal-​Britannja, billi ħarġu mit-​Tieni Gwerra Dinjija bħala n-​nazzjon dominanti taʼ l-​art. L-​Amerka għad għandha rabtiet qawwijin mal-​Britannja. Il-​qawwa dinjija doppja Anglo-Amerikana li rriżultat tikkostitwixxi l-​‘qarn li għandu l-​għajnejn.’ Tabilħaqq, din il-​qawwa dinjija hi osservanti u astuta! ‘Tlablab ħafna kliem arroganti,’ billi tiddetta l-​politika lil ħafna pajjiżi fid-​dinja u taġixxi bħala l-​kelliemi, jew il-​“profeta qarrieq,” tagħhom.​—Danjel 7:​8, 11, 20; Apokalissi 16:13; 19:20.

IL-​QARN ŻGĦIR JOPPONI LIL ALLA U LILL-​QADDISIN TIEGĦU

26. X’bassar l-​anġlu dwar id-​diskors u l-​aġir tal-​qarn simboliku f’konnessjoni maʼ Jehovah u l-​qaddejja tiegħu?

26 Danjel kompla jiddeskrivi d-​dehra tiegħu, billi qal: “Jiena u nħares, ġara li dak il-​qarn għamel gwerra lill-​qaddisin u għelibhom.” (Danjel 7:21) Rigward dan il-​“qarn,” jew sultan, l-​anġlu t’Alla bassar: “Huwa jgħid kliem kontra Alla l-​Għoli biex jifni lill-​qaddisin taʼ l-​Għoli, u jkun irid ibiddel iż-​żminijiet u l-​liġi, u dawn jingħatawlu f’idejh għal żmien, żminijiet u nofs żmien.” (Danjel 7:25) Kif u meta twettqet din il-​parti tal-​profezija?

27. (a) Min huma l-​“qaddisin” persegwitati mill-​qarn “żgħir”? (b) Il-​qarn simboliku kif kellu l-​ħsieb li ‘jbiddel iż-​żminijiet u l-​liġi’?

27 Il-​“qaddisin” persegwitati mill-​qarn “żgħir”​—il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana—​huma s-​segwaċi taʼ Ġesù fuq l-​art li huma midlukin bl-​ispirtu. (Rumani 1:7; 1 Pietru 2:9) Għal snin sħaħ qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​fdal taʼ dawn il-​midlukin wissa pubblikament li s-​sena 1914 kellha tara l-​konklużjoni taʼ “żmien il-​ġnus.” (Luqa 21:24) Meta f’dik is-​sena faqqgħet il-​gwerra, kienet ħaġa evidenti li l-​qarn “żgħir” kien injora din it-​twissija, għax ippersista f’li jifni lill-​“qaddisin” midlukin. Il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana saħansitra opponiet l-​isforzi tagħhom biex iwettqu l-​ħtieġa (jew, “liġi”) taʼ Jehovah li l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi pridkata mad-​dinja kollha mix-​xhieda tiegħu. (Mattew 24:14) B’hekk, il-​qarn “żgħir” ipprova ‘jbiddel iż-​żminijiet u l-​liġi.’

28. Kemm huma twal iż-​“żmien, żminijiet u nofs żmien”?

28 L-​anġlu taʼ Jehovah rrefera għal perijodu profetiku taʼ “żmien, żminijiet u nofs żmien.” Kemm hu twil dan? Dawk li jispjegaw il-​Bibbja ġeneralment jaqblu li din l-​espressjoni tindika tliet żminijiet u nofs​—it-​total taʼ żmien wieħed, żewġ żminijiet, u nofs żmien. Ladarba s-​“sebaʼ żminijiet” taʼ ġenn taʼ Nabukodonosor ammontaw għal sebaʼ snin, it-​tliet żminijiet u nofs huma tliet snin u nofs. c (Danjel 4:​13, 22 [4:​16, 25, NW]) An American Translation tgħid: “Se jingħaddulu f’idejh għal sena, sentejn, u nofs sena.” Il-​verżjoni taʼ James Moffat tgħid: “Għal tliet snin u nofs sena.” L-​istess perijodu jissemma f’Apokalissi 11:​2-7, li jgħid li x-​xhieda t’Alla kellhom iħabbru lebsin l-​ilbies tax-​xkejjer għal 42 xahar, jew 1,260 jum, u mbagħad jinqatlu. Dan il-​perijodu taʼ żmien meta beda u meta ntemm?

29. Meta u kif bdew it-​tliet snin u nofs profetiċi?

29 Għall-​Kristjani midlukin, l-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet tfisser żmien taʼ tiġrib taʼ provi. Sa tmiem l-​1914, kienu qegħdin jistennew il-​persekuzzjoni. Fil-​fatt, l-​istess skrittura tas-​sena li ntgħażlet għall-​1915 kienet il-​mistoqsija li Ġesù għamel lid-​dixxipli tiegħu, “Għandkom ħila tixorbuh il-​kalċi li se jkolli nixrob jien?” Din kienet ibbażata fuq Mattew 20:22. Għaldaqstant, billi bdew minn Diċembru taʼ l-​1914, dik il-​ġemgħa żgħira taʼ xhieda ħabbru “bl-​ilbies tax-​xkejjer.”

30. Il-​Kristjani midlukin kif kienu maħqurin mill-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

30 Hekk kif l-​ispirtu tal-​gwerra beda jeffettwa lil kulħadd, il-​Kristjani midlukin żdiditilhom l-​oppożizzjoni. Lil xi wħud minnhom tefgħuhom il-​ħabs. Xi individwi, bħal Frank Platt fl-​Ingilterra u Robert Clegg fil-​Kanada, ġew torturati minn awtoritajiet sadistiċi. Fit-​12 taʼ Frar, 1918, id-​Dominju Britanniku tal-​Kanada pprojbixxa s-​sebaʼ volum, li kien għadu kif ġie pubblikat, taʼ Studies in the Scriptures, intitolat The Finished Mystery, kif ukoll il-​fuljetti intitolati The Bible Students Monthly. Ix-​xahar taʼ wara, id-​Dipartiment tal-​Ġustizzja taʼ l-​Istati Uniti ddikjara bħala illegali t-​tqassim tas-​sebaʼ volum. X’kien ir-​riżultat? Ovvjament, saret tfittxija fid-​djar, il-​letteratura ġiet konfiskata, u dawk li kienu jqimu lil Jehovah ġew arrestati!

31. Meta u kif intemmu ż-​“żmien, żminijiet u nofs żmien”?

31 Il-​moħqrija fuq il-​midlukin t’Alla laħqet il-​quċċata nhar il-​21 taʼ Ġunju, 1918, meta l-​president, J. F. Rutherford, u membri prominenti tal-​Watch Tower Bible and Tract Society ġew sentenzjati fuq akkużi foloz għal perijodi twal fil-​ħabs. Billi kellu f’moħħu li ‘jbiddel iż-​żminijiet u l-​liġi,’ il-​qarn “żgħir” kien qatel b’mod effettiv ix-​xogħol organizzat taʼ l-​ippridkar. (Apokalissi 11:7) Mela l-​perijodu mbassar taʼ “żmien, żminijiet u nofs żmien” intemm f’Ġunju taʼ l-​1918.

32. Int għala taħseb li l-​“qaddisin” ma nqerdux għalkollox mill-​qarn “żgħir”?

32 Imma l-​moħqrija mill-​qarn “żgħir” ma qerdithomx għalkollox “lill-​qaddisin.” Bħalma huwa profetizzat fil-​ktieb t’Apokalissi, wara perijodu qasir taʼ inattività, il-​Kristjani midlukin ħadu l-​ħajja u saru attivi mill-​ġdid. (Apokalissi 11:​11-13) Nhar is-​26 taʼ Marzu, 1919, il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society u sħabu nħelsu mill-​ħabs, u iktar tard ġew eżonerati mill-​akkużi foloz kontrihom. Immedjatament wara dan, dawk li jagħmlu parti mill-​fdal midluk bdew jorganizzaw ruħhom mill-​ġdid għal iktar attività. Iżda, x’kien hemm maħżun għall-​qarn “żgħir”?

L-​ANTIK FIL-​JIEM ILAQQAʼ QORTI

33. (a) Min hu l-​Antik fil-​Jiem? (b) X’kienu l-​‘kotba li nfetħu’ fil-​Qorti tas-​sema?

33 Wara li jintroduċi l-​erbaʼ bhejjem, Danjel idawwar għajnejh minn fuq ir-​rabaʼ bhima għal fuq xena fis-​sema. Hu jilmaħ lill-​Antik fil-​Jiem ipoġġi bil-​qegħda bħala Mħallef fuq it-​tron risplendenti tiegħu. L-​Antik fil-​Jiem m’hu ħadd ħlief Alla Jehovah. (Salm 90:2) Hekk kif il-​Qorti tas-​sema tieħu postha, Danjel jara xi ‘kotba jinfetħu.’ (Danjel 7:​9, 10) Ladarba l-​eżistenza taʼ Jehovah testendi għal ġol-​passat infinit, hu jaf l-​istorja kollha tal-​bniedem bħallikieku kienet miktuba fi ktieb. Hu osserva l-​erbaʼ bhejjem simboliċi kollha u jistaʼ jiġġudikahom skond l-​għarfien dirett li għandu.

34, 35. X’se jiġrilhom il-​qarn “żgħir” u qawwiet oħrajn li huma bħal bhejjem?

34 Ikompli Danjel: “Jien bqajt inħares; mbagħad, minħabba l-​għajat u l-​kliem arroganti li kien qiegħed jgħid il-​qarn, waqt li kont inħares, lill-​bhima qatluha, u ġisimha qerduh u tawh għan-​nar. Lill-​bhejjem l-​oħra neħħewlhom setgħethom, iżda lilhom ħallewhom ħajjin sa ma jaslulhom il-​ħin u l-​waqt.” (Danjel 7:​11, 12) L-​anġlu jgħid lil Danjel: “Mbagħad il-​Qorti toqgħod bilqiegħda, u s-​setgħa tiegħu jeħduhielu, biex ineħħuh u jeqirduh u jtemmuh.”​—Danjel 7:26.

35 B’digriet taʼ l-​Imħallef il-​Kbir, Alla Jehovah, il-​qarn li dagħa b’Alla u ħaqar lill-​“qaddisin” tiegħu se jġarrab l-​istess esperjenza li kellu l-​Imperu Ruman, li ppersegwita lill-​Kristjani bikrin. Il-​ħakma tiegħu m’hijiex se tkompli. Lanqas dik tas-​“slaten” inferjuri li huma bħal qarn u li ħarġu mill-​Imperu Ruman. Iżda, xi ngħidu dwar il-​ħakmiet li ġejjin mingħand il-​qawwiet bħal bhejjem taʼ qabel? Bħalma tbassar, ħajjiethom ġew imtawlin għall-​“ħin u l-​waqt.” It-​territorji tagħhom komplew ikunu abitati sa żmienna. Per eżempju, l-​Iraq jokkupa t-​territorju taʼ Babilonja tal-​qedem. Il-​Persja (l-Iran) u l-​Greċja għadhom jeżistu. Fdalijiet minn dawn il-​qawwiet dinjin huma parti mill-​Ġnus Magħquda. Dawn is-​saltniet se jgħibu wkoll meta tinqered l-​aħħar qawwa dinjija. Il-​gvernijiet kollha tal-​bniedem se jiġu eliminati għalkollox fil-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 16:​14, 16) Imma, imbagħad, min se jaħkimha d-​dinja?

ĦAKMA DEJJIEMA FIL-​QRIB!

36, 37. (a) L-​espressjoni “bħal iben taʼ bniedem” għal min tirreferi, u dan meta u għal liema skop deher fil-​Qorti tas-​sema? (b) X’ġie stabbilit fl-​1914 E.K.?

36 “Bil-​lejl deherli qiegħed nara,” jgħid Danjel, “bħal iben taʼ bniedem, ġej mis-​sħab tas-​sema, li baqaʼ sejjer sax-​Xiħ fl-​għomor [“Antik fil-​Jiem,” NW] u ressquh quddiemu.” (Danjel 7:13) Meta kien fuq l-​art, Ġesù Kristu sejjaħ lilu nnifsu “Bin il-​bniedem,” u b’hekk indika r-​relazzjoni tiegħu maʼ l-​umanità. (Mattew 16:13; 25:31) Ġesù qal lis-​Sinedriju, jew il-​qorti superjuri Lhudija: “Għad taraw lil Bin il-​bniedem bilqiegħda n-​naħa tal-​lemin taʼ dak li jistaʼ kollox u ġej fuq is-​sħab tas-​sema.” (Mattew 26:64) Mela fil-​viżjoni taʼ Danjel, il-​wieħed li ġej, inviżibbli għall-​għajnejn tal-​bniedem, u li jibqaʼ sejjer lejn Alla Jehovah, kien Ġesù Kristu rxoxtat u glorifikat. Dan meta seħħ?

37 Alla għamel patt għal Saltna maʼ Ġesù Kristu, sewwa sew bħalma kien għamel mas-​Sultan David. (2 Samwel 7:​11-16; Luqa 22:​28-30) Meta ntemm “żmien il-​ġnus” fl-​1914 E.K., Ġesù Kristu, bħala l-​werriet irjali taʼ David, setaʼ jirċievi bi dritt il-​ħakma tas-​Saltna. Naqraw fil-​ktieb profetiku taʼ Danjel: “Tawh ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien. Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx.” (Danjel 7:14) B’hekk, is-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita fis-​sema fl-​1914. Madankollu, il-​ħakma tingħata lil oħrajn ukoll.

38, 39. Min huma li se jirċievu ħakma għal dejjem fuq id-​dinja?

38 “[I]s-saltna jirċevuha l-​qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” qal l-​anġlu. (Danjel 7:​18, 22, 27) Ġesù Kristu hu l-​wieħed qaddis ewlieni. (Atti 3:14; 4:​27, 30) Il-​“qaddisin” l-​oħrajn li għandhom sehem fil-​ħakma huma l-​144,000 Kristjan leali li huma midlukin bl-​ispirtu u li huma werrieta tas-​Saltna maʼ Kristu. (Rumani 1:7; 8:17; 2 Tessalonikin 1:5; 1 Pietru 2:9) Dawn jiġu rxoxtati mill-​mewt bħala spirti immortali biex isaltnu maʼ Kristu fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema. (Apokalissi 2:10; 14:1; 20:6) Għaldaqstant, id-​dinja taʼ l-​umanità se jaħkmuha Kristu Ġesù u l-​Kristjani midlukin u rxoxtati.

39 L-​anġlu t’Alla qal, dwar il-​ħakma taʼ Bin il-​bniedem u tal-​“qaddisin” l-​oħrajn irxoxtati: “Is-​saltna u s-​setgħa u l-​kobor tas-​saltniet taʼ taħt is-​smewwiet kollha jingħataw lill-​poplu tal-​qaddisin taʼ Alla l-​Għoli. Saltnatu saltna għal dejjem, u kull setgħa taqdih u tismaʼ minnu.” (Danjel 7:27) X’barkiet se tesperjenza l-​umanità ubbidjenti taħt dik is-​Saltna!

40. Kif nistgħu nibbenefikaw milli noqogħdu attenti għall-​ħolma u d-​dehriet taʼ Danjel?

40 Danjel ma kienx konxju tat-​twettiq meraviljuż kollu tad-​dehriet tiegħu mogħtijin minn Alla. Qal: “Sa hawn; tmiem id-​diskors. Jien, Danjel, tħawwadt ħafna b’dawn il-​ħsibijiet, il-​bixra taʼ wiċċi tbiddlet, u żammejt dan kollu f’qalbi.” (Danjel 7:28) Iżda, aħna ngħixu fiż-​żmien meta nistgħu nifhmu t-​twettiq taʼ dak li ra Danjel. Il-​fatt li noqogħdu attenti għal din il-​profezija se jsaħħilna l-​fidi u jqawwilna l-​konvinzjoni li d-​dinja se jaħkimha s-​Sultan Messjaniku taʼ Jehovah.

[Noti taʼ taħt]

a Għaċ-ċarezza u biex nevitaw ir-​ripetizzjoni, se ngħaqqdu l-​versi taʼ spjegazzjoni li jinsabu f’​Danjel 7:​15-28 maʼ konsiderazzjoni vers vers tad-​dehriet dokumentati f’​Danjel 7:​1-14.

b Ara Kapitlu 4 taʼ dan il-​ktieb.

c Ara Kapitlu 6 taʼ dan il-​ktieb.

X’INNOTAJT?

• X’inhu simbolizzat minn kull waħda mill-​‘erbaʼ bhejjem kbar li ħarġu mill-​baħar’?

• Il-​qarn “żgħir” fiex jikkonsisti?

• Il-​“qaddisin” kif kienu maħqurin mill-​qarn żgħir simboliku matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

• X’se jiġrilhom il-​qarn żgħir simboliku u l-​qawwiet l-​oħrajn li huma bħal bhejjem?

• Kif ibbenefikajt milli qgħadt attent għall-​ħolma u d-​dehriet taʼ Danjel dwar l-​“erbaʼ bhejjem kbar”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 149-152]

MONARKA TOLLERANTI

KITTIEB Grieg tal-​ħames seklu Q.E.K. ftakru bħala monarka tolleranti u ideali. Fil-​Bibbja jissejjaħ il-​“midluk” t’Alla u “tajra tal-​priża” ġejja “mil-​lvant.” (Isaija 45:1; 46:11) Il-​monarka li ssemma b’dan il-​mod huwa Ċiru l-​Kbir, tal-​Persja.

Il-​mixja taʼ Ċiru lejn il-​fama bdiet madwar is-​snin 560/559 Q.E.K. meta laħaq wara missieru Kambise I fuq it-​tron taʼ Anzan, belt jew distrett fil-​Persja tal-​qedem. Dak iż-​żmien Anzan kienet taħt id-​dominanza superjuri taʼ Astijaġi, is-​Sultan Medjan. Billi rvella kontra l-​ħakma Medjana, Ċiru kellu rebħa faċli għaliex l-​eżerċtu taʼ Astijaġi abbandunah biex imur fuq in-​naħa taʼ Ċiru. Ċiru mbagħad kiseb il-​lealtà tal-​Medi. Wara dan, il-​Medi u l-​Persjani ġġieldu flimkien taħt it-​tmexxija tiegħu. B’hekk bdiet teżisti l-​ħakma Medo-Persjana li maż-​żmien estendiet id-​dominju tagħha mill-​Baħar Eġew sax-​Xmara Indu.​—Ara l-​mappa.

Bil-​forzi magħqudin tal-​Medi u tal-​Persjani, l-​ewwel pass li ħa Ċiru kien li jistabbilixxi kontroll fuq post mimli inkwiet​—is-​settur tal-​punent tal-​Medja fejn Kresu, is-​Sultan Lidjan, kien qed jespandi d-​dominju tiegħu ġewwa territorju Medjan. Billi avanza lejn il-​fruntiera tal-​lvant taʼ l-​Imperu Lidjan fl-​Asja Minuri, Ċiru għeleb lil Kresu u rebaħ lil Sardi, il-​belt kapitali tiegħu. Ċiru mbagħad ħa taħt idejh il-​bliet Jonji u poġġa l-​Asja Minuri kollha ġewwa l-​qasam taʼ l-​Imperu Medo-Persjan. Hu b’hekk sar ir-​rival ewlieni taʼ Babilonja u s-​sultan tagħha, Nabonidu.

Ċiru mbagħad ħejja ruħu għal konfront mas-​setgħana Babilonja. U minn dan il-​punt ’il quddiem, ġie involut fit-​twettiq tal-​profezija tal-​Bibbja. Permezz tal-​profeta Isaija, kważi żewġ sekli qabel, Jehovah kien semma lil Ċiru b’ismu bħala l-​ħakkiem li kellu jegħleb lil Babilonja u jillibera lil-​Lhud mill-​jasar. Kien minħabba din il-​ħatra bil-​quddiem li l-​Iskrittura tirreferi għal Ċiru bħala l-​“midluk” taʼ Jehovah.​—Isaija 44:​26-28.

Meta Ċiru telaʼ għal Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K., kellu biċċa xogħol formidabbli quddiemu. Ċirkondata bi swar enormi u foss fond u wiesaʼ fformat permezz tax-​xmara Ewfrat, il-​belt donnha dehret li ħadd ma setaʼ jinfidha. Fejn l-​Ewfrat kienet tgħaddi minn ġo Babilonja, max-​xtut tax-​xmara kien hemm ħajt għoli ferm b’kanċelli enormi tar-​ram. Kif setaʼ Ċiru possibbilment jieħu taħt idejh lil Babilonja?

’Il fuq minn seklu qabel, Jehovah kien bassar “xabla għal fuq l-​ilmijiet” tagħha u kien qal li dawn kellhom “jinxfu.” (Ġeremija 50:38) Fi qbil mal-​profezija, Ċiru dawwar l-​ilmijiet tax-​Xmara Ewfrat ftit kilometri lejn it-​tramuntana taʼ Babilonja. Imbagħad l-​eżerċtu tiegħu għaffeġ fit-​tajn taʼ qiegħ ix-​xmara, ixxabbat maż-​żurżieqa li kienet twassal sal-​ħajt, u daħal faċilment fil-​belt għaliex il-​kanċelli tar-​ram kienu tħallew miftuħin. Bħal “tajra tal-​priża” li taqbeż fuq il-​vittma tagħha b’ħeffa kbira, dan il-​ħakkiem “mil-​lvant”​—minfejn titlaʼ x-​xemx—​f’lejl wieħed ħataf lil Babilonja taħt idejh!

Għal-​Lhud li kienu f’Babilonja, ir-​rebħa taʼ Ċiru kienet tfisser li wasal il-​ħelsien mill-​jasar tant mistenni u t-​tmiem tad-​deżolazzjoni t’art twelidhom li kienet ilha 70 sena. Min jaf kif qabżu bil-​ferħ meta Ċiru ħareġ proklama li kienet tawtorizzahom biex jirritornaw lejn Ġerusalemm u jibnu t-​tempju mill-​ġdid! Ċiru tahom lura wkoll l-​għodda prezzjuża tat-​tempju li Nabukodonosor kien ġarr lejn Babilonja, ta permess irjali biex jimportaw l-​injam mil-​Libanu, u awtorizza fondi taʼ flus mid-​dar tas-​sultan biex ikopru l-​ispejjeż tal-​bini.​—Esdra 1:​1-11; 6:​3-5.

Ċiru ġeneralment segwa politika taʼ mogħdrija u tolleranza meta kien jittratta man-​nies li kien jikkonkwista. Raġuni waħda għal din l-​imġiba setgħet kienet ir-​reliġjon tiegħu. X’aktarx li Ċiru ħaddan it-​tagħlim taʼ Żoroastru, il-​profeta Persjan, u qiem lil Ahura Mazda​—alla li kien maħsub li hu l-​ħallieq taʼ dak kollu li huwa tajjeb. Farhang Mehr jikteb fil-​ktieb tiegħu The Zoroastrian Tradition: “Żoroastru ppreżenta lil Alla bħala l-​perfezzjoni morali. Hu qal lin-​nies li Ahura Mazda ma jivvendikax ruħu imma huwa ġust u, għalhekk, ħadd m’għandu jibżaʼ minnu imma jħobbu.” It-​twemmin f’alla li kien morali u ġust setaʼ effettwa l-​etika taʼ Ċiru u inkuraġġixxa l-​qalb nobbli u l-​ġustizzja.

Madankollu, is-​sultan ma kienx daqshekk tolleranti rigward il-​klima f’Babilonja. Hu ma riedx jissaporti s-​sjuf bi sħana tikwi t’hemmhekk. Għalhekk, waqt li Babilonja baqgħet waħda mill-​bliet irjali taʼ l-​imperu, kif ukoll ċentru reliġjuż u kulturali, din ġeneralment kienet tintuża biss bħala l-​kapitali xitwija tiegħu. Fil-​fatt, wara li kkonkwista lil Babilonja, Ċiru malajr irritorna lejn il-​kapitali sajfija tiegħu, Ekbatana, li tinsab iktar minn 1,900 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar, biswit il-​Muntanja Alwand. Hemmhekk, kien iktar għal qalbu bix-​xtiewi kesħin bilanċjati bi sjuf pjaċevoli. Ċiru bena wkoll palazz eleganti fil-​kapitali tiegħu taʼ qabel, Pasargade (ħdejn Persepoli), xi 650 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Ekbatana. Ir-​residenza hemmhekk servietu bħala rtir.

Ċiru b’hekk ħalla l-​marka tiegħu bħala konkwistatur qalbieni u monarka tolleranti. Il-​ħakma tiegħu, twila 30 sena, intemmet bil-​mewt tiegħu fis-​sena 530 Q.E.K. waqt li kien fuq kampanja militari. Ibnu Kambise II laħaq warajh fuq it-​tron Persjan.

X’INNOTAJT?

• Ċiru l-​Persjan kif ta prova li kien il-​“midluk” taʼ Jehovah?

• Ċiru liema servizz siewi wettaq għall-​poplu taʼ Jehovah?

• Ċiru kif ittrattahom lin-​nies li kkonkwista?

[Mappa]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​IMPERU MEDO-PERSJAN

IL-​MAĊEDONJA

Memfi

L-​EĠITTU

L-​ETJOPJA

Ġerusalemm

Babilonja

Ekbatana

Susan

Persepoli

L-​INDJA

[Stampa]

Il-​qabar taʼ Ċiru, f’Pasargade

[Stampa]

Bassoriliev f’Pasargade, bil-​figura taʼ Ċiru

[Kaxxa/Stampi f’paġna 153-161]

SULTAN ŻAGĦŻUGĦ JIKKONKWISTA D-​DINJA

XI 2,300 sena ilu, ġeneral militari xagħru bjond u li kellu fuq l-​20 sena kien wieqaf fuq xatt il-​Baħar Mediterran. Għajnejh kienu ffissati fuq belt mibnija fuq gżira kważi kilometru ’l bogħod. Peress li ma tħalliex jidħol fiha, il-​ġeneral mimli korla kien determinat li jikkonkwista l-​belt. Kif kien se jattakkaha? Jibni mogħdija tal-​ġebel sal-​gżira u jimmobilizza l-​qawwiet militari tiegħu kontra l-​belt. Il-​kostruzzjoni tal-​mogħdija tal-​ġebel kienet diġà bdiet.

Imma messaġġ li wasal mingħand is-​sultan il-​kbir taʼ l-​Imperu Persjan interrompa lill-​ġeneral żagħżugħ. Billi kien ħerqan biex jagħmel paċi, il-​ħakkiem Persjan għamel offerta straordinarja: 10,000 talent tad-​deheb (iktar minn żewġ biljuni dollari [kważi Lm741 miljun] f’valuta kurrenti), l-​id fiż-​żwieġ taʼ waħda mill-​bniet tas-​sultan, u dominju fuq il-​parti intiera tal-​punent taʼ l-​Imperu Persjan. Dan kollu kien offrut biex tinfeda l-​familja tas-​sultan, li kienet inqabdet mill-​ġeneral.

Il-​kmandant iffaċċjat bid-​deċiżjoni li jaċċetta jew jirrifjuta l-​offerta kien Alessandru III tal-​Maċedonja. Għandu jaċċettaha l-​offerta? “Kien mument taʼ destin għad-​dinja tal-​qedem,” jgħid l-​istorjografu Ulrich Wilcken. “L-​effetti li rriżultaw mid-​deċiżjoni tiegħu, tabilħaqq, baqgħu jinħassu matul il-​Medju Evu u saħansitra sa żmienna, kemm fil-​lvant u kemm fil-​punent.” Qabel ma nikkunsidraw it-​tweġiba t’Alessandru, ejja naraw liema ġrajjiet wasslu għal dan il-​mument kruċjali.

IL-​FORMAZZJONI TAʼ KONKWISTATUR

Alessandru twieled f’Pella, il-​Maċedonja, fis-​sena 356 Q.E.K. Missieru kien is-​Sultan Filippu II, u ommu, Olimpja. Din għallmet lil Alessandru li s-​slaten Maċedonjani kienu dixxendenti taʼ Erkole, bin Żews, l-​alla Grieg. Skond Olimpja, l-​antenat t’Alessandru kien Akille, l-​eroj tal-​poeżija l-​Ilijade taʼ Omeru. Billi moħħu kien ġie kundizzjonat b’dan il-​mod mill-​ġenituri tiegħu biex jikkonkwista u jfittex il-​glorja taʼ sultan, iż-​żagħżugħ Alessandru ftit li xejn kellu interess f’attivitajiet oħrajn. Meta staqsewh jekk kienx se jtellaq f’xi tiġrija fil-​Logħob Olimpiku, Alessandru indika li dan kien jagħmlu kieku kien se jtellaq mas-​slaten. L-​ambizzjoni tiegħu kienet li jwettaq atti akbar minn dawk taʼ missieru u li jikseb il-​glorja permezz taʼ dak li jwettaq.

Meta kellu 13-il sena, Alessandru gawda mit-​tagħlim tal-​filosfu Grieg Aristotele, li għenu jiżviluppa interess fil-​filosofija, il-​mediċina, u x-​xjenza. Mhux kulħadd jaqbel dwar kemm it-​tagħlim filosofiku taʼ Aristotele sawwar il-​mod taʼ kif kien jaħsibha Alessandru. “Ma nkunux qed nagħmlu ħażin jekk ngħidu li ma kienx hemm ħafna li t-​tnejn li huma kienu jaqblu dwaru,” osserva Bertrand Russell, filosfu tas-​seklu 20. “L-​ideat politiċi taʼ Aristotele kienu bbażati fuq l-​istat taʼ belt sovrana li kien jeżisti fil-​Greċja u li kien qabad it-​triq tan-​niżla.” Il-​konċett taʼ gvern żgħir taʼ belt sovrana ma kienx jappella għal prinċep ambizzjuż li ried jibni imperu kbir ċentralizzat. Alessandru bilfors li kien ukoll xettiku dwar il-​prinċipju Aristoteliku li dawk li ma kinux Griegi jiġu trattati bħala lsiera, għax hu ra quddiem għajnejh imperu taʼ sħubija fl-​aqwa tagħha bejn ir-​rebbieħa u t-​telliefa.

Madankollu, ftit hemm dubju li Aristotele kkultiva l-​interess t’Alessandru f’dak li hu qari u tagħlim. Alessandru baqaʼ qarrej akkanit matul ħajtu kollha, u kellu passjoni speċjali għall-​kitbiet taʼ Omeru. Hawn min jgħid li hu tgħallem l-​Ilijade​—il-​15,693 linja kollha tal-​poeżija—​bl-amment.

L-​edukazzjoni minn Aristotele spiċċat ħabta u sabta fis-​sena 340 Q.E.K. meta, taʼ 16-il sena, il-​prinċep mar lura lejn Pella biex jaħkem lill-​Maċedonja fl-​assenza taʼ missieru. U l-​prinċep eredi malajr iddistingwa ruħu bi bravuri militari. Filippu tgħidx kemm tgħaxxaq bih meta Alessandru malajr malajr xejjen lit-​tribù Traċjan ribelluż tal-​Midi, ħa l-​belt ewlenija tagħhom b’ħeffa kbira, u l-​post semmieh Alessandropoli, għalih.

’IL QUDDIEM BIL-​KONKWISTA

Il-​fatt li lil Filippu assassinawh fis-​sena 336 Q.E.K. wassal biex t’20 sena Alessandru wiret it-​tron tal-​Maċedonja. Bid-​dħul tiegħu fl-​Asja min-​naħa taʼ l-​Ellespont (issa d-​Dardanelli) fir-​rebbiegħa tas-​sena 334 Q.E.K., Alessandru imbarka fuq kampanja taʼ konkwisti b’eżerċtu żgħir imma effiċjenti taʼ 30,000 suldat taʼ l-​infanterija u 5,000 raġel tal-​kavallerija. L-​eżerċtu tiegħu kien akkumpanjat minn inġiniera, periti, arkitetti, xjenzati, u storjografi.

Ħdejn ix-​Xmara Graniku fil-​ponta tal-​majjistral taʼ l-​Asja Minuri (issa t-​Turkija), Alessandru rebaħ l-​ewwel battalja tiegħu kontra l-​Persjani. Dik ix-​xitwa hu kkonkwista l-​punent taʼ l-​Asja Minuri. Fil-​ħarifa taʼ wara seħħet it-​tieni battalja deċiżiva mal-​Persjani f’Issu, fil-​ponta tax-​xlokk taʼ l-​Asja Minuri. Dariju III, is-​Sultan Persjan il-​kbir, ġie hemmhekk biex jiltaqaʼ maʼ Alessandru b’eżerċtu taʼ xi nofs miljun raġel. Il-​kunfidenza żejda li kellu Dariju ġagħlitu jġib miegħu lil ommu, lil martu, u lil xi membri oħra tal-​familja tiegħu sabiex jaraw b’għajnejhom stess dik li kellha tkun vittorja spettakolari. Imma l-​Persjani ma kinux lesti għall-​attakk Maċedonjan li ġie ħabta u sabta b’saħħa kbira. Il-​qawwiet armati t’Alessandru għelbu għalkollox lill-​eżerċtu Persjan. Dariju ħarab u abbanduna lill-​familja tiegħu f’idejn Alessandru.

Minflok ma telaq jiġri wara l-​Persjani li kienu qegħdin jaħarbu, Alessandru mmarċja lejn in-​nofsinhar matul il-​Kosta tal-​Mediterran, jikkonkwista l-​bażijiet użati mill-​flotta Persjana potenti. Imma l-​belt taʼ Tir, li kienet mibnija fuq gżira, irreżistietha l-​invażjoni. Billi kien determinat li jikkonkwistaha, Alessandru beda assedju li dam sejjer sebaʼ xhur. Matul l-​assedju ġiet l-​offerta taʼ paċi minn Dariju li ssemmiet qabel. Tant kienu attraenti l-​konċessjonijiet li Parmenju, il-​kunsillier fdat t’Alessandru, huwa rrapportat li qal: ‘Kieku kont Alessandru, kont naċċetta.’ Imma l-​ġeneral żagħżugħ wieġeb: ‘Hekk kont nagħmel jien ukoll, kieku kont Parmenju.’ Peress li ma riedx jinnegozja, Alessandru kompla bl-​assedju u qered għalkollox lil dik il-​padruna mkabbra tal-​baħar f’Lulju tas-​sena 332 Q.E.K.

Billi ħafirha lil Ġerusalemm, li ċedietlu, Alessandru baqaʼ miexi lejn in-​nofsinhar u kkonkwista lil Gaża. Minħabba li kien imxabbaʼ sal-​ponta taʼ mnieħru bil-​ħakma Persjana, l-​Eġittu laqgħu b’idejh miftuħin bħala ħellies. F’Memfi hu għamel sagrifiċċji lill-​barri Api, u b’hekk għoġob lill-​qassisin Eġizzjani. Hu sejjes ukoll il-​belt taʼ Lixandra, li iktar tard saret ir-​rival taʼ Ateni bħala ċentru taʼ tagħlim u għadha sal-​lum iġġorr ismu.

Wara dan, Alessandru dar lejn il-​majjistral, billi għadda minn ġol-​Palestina u lejn ix-​Xmara Tigri. Fis-​sena 331 Q.E.K., ħa sehem fit-​tielet battalja ewlenija mal-​Persjani, f’Gawgamela, mhux ’il bogħod mir-​rovini mfarrkin taʼ Ninwè. Hawnhekk, is-​47,000 raġel t’Alessandru rażżnu lil eżerċtu Persjan organizzat mill-​ġdid taʼ mill-​inqas 250,000 ruħ! Dariju ħarab u iktar tard inqatel min-​nies tiegħu stess.

Mixgħul bil-​vittorja, Alessandru dar lejn in-​nofsinhar u ħa lil Babilonja, il-​kapitali Persjana xitwija. Hu okkupa wkoll il-​bliet kapitali taʼ Susa u Persepoli, billi ħataf it-​teżor immens Persjan u ħaraq il-​palazz il-​kbir taʼ Sersi. Fl-​aħħarnett, waqgħet taħt idejh il-​belt kapitali, Ekbatana. Dan il-​konkwistatur veloċi mbagħad rażżan lill-​bqija tad-​dominju Persjan, billi resaq lejn il-​lvant sax-​Xmara Indu, li tinsab fil-​Pakistan taʼ żmienna.

Malli qasam l-​Indu, fir-​reġjun mal-​fruntiera tal-​provinċja Persjana taʼ Tassila, Alessandru ltaqaʼ maʼ rival formidabbli, il-​monarka Indjan Poru. Kontrih, Alessandru ġġieled ir-​rabaʼ battalja ewlenija u finali tiegħu, f’Ġunju tas-​sena 326 Q.E.K. L-​eżerċtu taʼ Poru inkluda 35,000 ruħ u 200 iljunfant, li werwru liż-​żwiemel tal-​Maċedonjani. Il-​battalja kienet feroċi u mdemmija, imma l-​qawwiet militari t’Alessandru rebħu. Poru ċeda u sar alleat.

Kienu għaddew iktar minn tmien snin mindu l-​eżerċtu Maċedonjan kien qasam għal ġo l-​Asja, u s-​suldati kienu għajjenin u għamlu f’qalbhom għax kienu ’l bogħod mid-​dar. Imdgħajfin minħabba l-​battalja feroċi maʼ Poru, huma riedu jirritornaw lejn darhom. Għalkemm għall-​ewwel ma riedx, Alessandru mbagħad qatgħalhom xewqithom. Il-​Greċja kienet tabilħaqq saret il-​qawwa dinjija. B’kolonji Griegi stabbiliti fil-​pajjiżi konkwistati, il-​lingwa u l-​kultura Griegi tferrxu mal-​qasam kollu.

IL-​BNIEDEM TAʼ WARA T-​TARKA

Il-​personalità t’Alessandru kienet bħal kolla li twaħħal u li żammet flimkien lill-​eżerċtu Maċedonjan matul is-​snin taʼ konkwista. Wara kull battalja, Alessandru kellu d-​drawwa li jżur lill-​feruti, jeżamina l-​feriti tagħhom, ifaħħar lis-​suldati għall-​għemejjel qalbenin tagħhom, u onorahom b’donazzjoni skond dak li jkunu wettqu. Inkwantu għal dawk li kienu jmutu fil-​battalja, Alessandru kien jirranġa difna splendida għalihom. Il-​ġenituri u wlied l-​irġiel li kienu jmutu kienu jiġu eżentati mit-​taxxi u mill-​forom kollha taʼ servizz. Biex jaljenahom wara l-​battalji, Alessandru kien jorganizza logħob u kuntesti. F’okkażjoni minnhom, hu saħansitra rranġa perijodu taʼ btala għal dawk l-​irġiel li jkunu għadhom kif iżżewġu, u b’hekk dawn setgħu jqattgħu x-​xitwa man-​nisa tagħhom, fil-​Maċedonja. Aġir bħal dan kisiblu l-​affezzjoni u l-​ammirazzjoni taʼ l-​irġiel tiegħu.

Plutarku, il-​bijografu Grieg, jikteb rigward iż-​żwieġ t’Alessandru maʼ Rossana, il-​Prinċipessa Battrijana: “Din kienet, tabilħaqq, kwistjoni taʼ mħabba, u madankollu dehret fl-​istess waqt li se twassal għall-​objettiv tiegħu. Għax kien taʼ sodisfazzjon għan-​nies konkwistati li jarawh jagħżel waħda minn fosthom bħala martu, u dan ġagħalhom iħossu l-​iktar affezzjoni intensa għalih, li jsibu li fl-​unika passjoni li hu, l-​iktar wieħed moderat fost l-​irġiel, kien megħlub minnha, madankollu, hu baqaʼ ma kellux relazzjonijiet sesswali magħha qabel ma setaʼ jiksibha b’mod legali u onorabbli.”

Alessandru rrispetta wkoll iż-​żwiġijiet taʼ l-​oħrajn. Għalkemm mart is-​Sultan Dariju kienet ilsira tiegħu, hu ħa ħsieb li tiġi trattata b’mod onorabbli. Bl-​istess mod, malli sar jaf li żewġ suldati Maċedonjani kienu wettqu abbuż fuq in-​nisa taʼ xi barranin, hu ordna li jinqatlu jekk jinstabu ħatjin.

Bħal ommu, Olimpja, Alessandru kien reliġjuż ferm. Kien jagħmel sagrifiċċji qabel u wara l-​battalji u jikkonsulta mal-​bassara tiegħu rigward is-​sinjifikat taʼ ċertu sinjali. Hu kkonsulta wkoll l-​oraklu taʼ Għammon, fil-​Libja. U f’Babilonja wettaq l-​istruzzjonijiet tal-​Kaldin rigward is-​sagrifiċċji, partikolarment għall-​alla Babiloniż Bel (Marduk).

Għalkemm Alessandru kien meqjus f’dak li hu ikel, maż-​żmien ċeda għal eċċessi f’dak li hu xorb. Ilsienu kien jinħall maʼ kull tazza nbid li kien jixrob u kien jiftaħar bil-​bravuri tiegħu. Wieħed mill-​għemejjel l-​iktar faħxin t’Alessandru kien il-​qtil taʼ ħabibu Klitu, f’dagħdigħa taʼ rabja waqt li kien fis-​sakra. Imma Alessandru tant ikkundanna lilu nnifsu li ntefaʼ f’soddtu għal tlett ijiem, bla ma jiekol u lanqas jixrob. Finalment, ħbiebu kellhom il-​ħila jipperswaduh biex jiekol.

Mal-​medda taż-​żmien, ix-​xenqa t’Alessandru għall-​glorja żviluppat fih karatteristiċi oħrajn mhux mixtiqin. Beda jemmen akkużi foloz bl-​addoċċ u jamministra l-​kastigi bl-​akbar ħruxija. Per eżempju, billi wassluh biex jemmen li Filota kien involut f’attentat fuq ħajtu, Alessandru ordna l-​esekuzzjoni tiegħu u taʼ missieru, Parmenju, il-​kunsillier li darba kien tant fdat minnu.

IT-​TELFA T’ALESSANDRU

Ftit wara li rritorna lejn Babilonja, Alessandru waqaʼ vittma tad-​deni tal-​malarja, li qatt ma rkupra minnu. Fit-​13 taʼ Ġunju tas-​sena 323 Q.E.K., wara li kien għex biss 32 sena u 8 xhur, Alessandru kellu jċedi għall-​iktar għadu formidabbli, il-​mewt.

Kien preċiż bħalma kienu osservaw ċerti għorrief Indjani: “O Sultan Alessandru, kull bniedem jippossiedi l-​istess qjies taʼ l-​art daqs din li weqfin fuqha; u billi int bniedem bħal bnedmin oħrajn, ħlief għall-​fatt li int mimli attività u ma tieqaf qatt, qiegħed tiġġerra maʼ din l-​art kollha ’l bogħod minn artek, tinkwieta lilek innifsek, u tinkwieta lil ħaddieħor. Imma minn hawn u ftit ieħor se tmut, u se tippossiedi l-​istess qjies taʼ l-​art li huwa suffiċjenti għad-​difna tiegħek.”

X’INNOTAJT?

• Minn liema ambjent kien ġej Alessandru l-​Kbir?

• Alessandru fuq liema kampanja imbarka, ftit wara li wiret it-​tron tal-​Maċedonja?

• Iddeskrivi xi ftit mill-​konkwisti t’Alessandru.

• X’jistaʼ jingħad dwar il-​personalità t’Alessandru?

[Mappa]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

KONKWISTI T’ALESSANDRU

IL-​MAĊEDONJA

L-​EĠITTU

Babilonja

Ix-​Xmara Indu

[Stampa]

Alessandru

[Stampa]

Aristotele u l-​iskular tiegħu Alessandru

[Stampa taʼ paġna sħiħa]

[Stampa]

Midalja li jingħad li fiha l-​figura t’Alessandru l-​Kbir

[Kaxxa/Stampi f’paġna 162, 163]

SALTNA VASTA TINQASAM

DWAR is-​saltna t’Alessandru l-​Kbir, il-​Bibbja bassret li din kellha tisfaxxa u tinqasam, imma li “mhux uliedu jeħduha warajh.” (Danjel 11:​3, 4) Fi qbil maʼ dan, sa 14-il sena wara l-​mewt t’Alessandru li ġiet ħabta u sabta fis-​sena 323 Q.E.K., ibnu l-​leġittimu Alessandru IV u ibnu l-​illeġittimu Erakles kienu ġew assassinati.

Sas-​sena 301 Q.E.K., erbgħa mill-​ġenerali t’Alessandru stabbilew ruħhom fil-​poter fuq l-​imperu vast li kien inbena mill-​kmandant tagħhom. Il-​ġeneral Kassandru kkontrolla l-​Maċedonja u l-​Greċja. Il-​ġeneral Lisimaku messu l-​Asja Minuri u t-​Traċja. Il-​Mesopotamja u s-​Sirja marru għand Selewku I Nikator. U Ptolomew Lagu, jew Ptolomew I, ħakem l-​Eġittu u l-​Palestina. B’hekk, mis-​saltna waħda u kbira t’Alessandru ħarġu erbaʼ saltniet Ellenistiċi, jew Griegi.

Mill-​erbaʼ saltniet Ellenistiċi, il-​ħakma taʼ Kassandru damet teżisti l-​inqas. Ftit snin wara li Kassandru ħa l-​poter, id-​dixxendenza maskili tiegħu ntemmet għalkollox, u fis-​sena 285 Q.E.K., Lisimaku ħa l-​pussess tal-​parti Ewropea taʼ l-​Imperu Grieg. Erbaʼ snin wara, Lisimaku nqatel fil-​battalja mill-​armata taʼ Selewku I Nikator, u b’hekk dan taʼ l-​aħħar ħa l-​kontroll tal-​porzjon ewlieni tat-​territorji Asjatiċi. Selewku sar l-​ewwel wieħed mil-​linja taʼ slaten Selewċidi fis-​Sirja. Hu sejjes lil Antjokja fis-​Sirja u għamilha l-​kapitali l-​ġdida tiegħu. Selewku ġie assassinat fis-​sena 281 Q.E.K., imma d-​dinastija li stabbilixxa hu baqgħet fil-​poter sas-​sena 64 Q.E.K. meta s-​Sirja ntgħamlet provinċja taʼ Ruma minn Pompeo, il-​Ġeneral Ruman.

Mill-​erbaʼ diviżjonijiet taʼ l-​imperu t’Alessandru, is-​saltna Ptolomajka damet teżisti l-​iktar. Ptolomew I assuma t-​titlu taʼ sultan fis-​sena 305 Q.E.K. u sar l-​ewwel wieħed mis-​slaten Maċedonjani, jew Fargħunijiet, taʼ l-​Eġittu. Hu għamel lil Lixandra l-​kapitali, u immedjatament beda programm taʼ żvilupp tal-​bliet. Wieħed mill-​akbar proġetti taʼ bini tiegħu kien il-​famuża Librerija Lixandrina. Biex jieħu ħsieb dan il-​proġett grandjuż, Ptolomew ġab mill-​Greċja lil Demetriju Falerew, skular Atenjan magħruf. Huwa rapportat li sa l-​ewwel seklu E.K., il-​librerija kien fiha miljun romblu. Id-​dinastija Ptolomajka kompliet taħkem fl-​Eġittu sakemm waqgħet taħt Ruma fis-​sena 30 Q.E.K. Ruma mbagħad ħadet post il-​Greċja bħala l-​qawwa dominanti dinjija.

X’INNOTAJT?

• Kif inqasam l-​imperu vast t’Alessandru?

• Il-​linja taʼ slaten Selewċidi sa meta kompliet taħkem fis-​Sirja?

• Meta ntemmet is-​saltna Ptolomajka taʼ l-​Eġittu?

[Mappa]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​QSIM TAʼ L-​IMPERU T’ALESSANDRU

Kassandru

Lisimaku

Ptolomew I

Selewku I

[Stampi]

Ptolomew I

Selewku I

[Dijagramma/Stampa f’paġna 139]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

QAWWIET DINJIN FIL-​PROFEZIJA TAʼ DANJEL

L-​istatwa immensa (Danjel 2:​31-45)

Erbaʼ bhejjem li ħarġu mill-​baħar (Danjel 7:​3-8, 17, 25)

BABILONJA mis-​sena 607 Q.E.K.

IL-​MEDO-PERSJA mis-​sena 539 Q.E.K.

IL-​GREĊJA mis-​sena 331 Q.E.K.

RUMA mis-​sena 30 Q.E.K.

IL-​QAWWA DINJIJA ANGLO- AMERIKANA mis-​sena 1763 E.K.

DINJA MAQSUMA POLITIKAMENT fiż-​żmien taʼ l-​aħħar

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 128]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 147]