Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nidentifikaw lill-​Adoraturi Veri fiż-​Żmien taʼ l-​Aħħar

Nidentifikaw lill-​Adoraturi Veri fiż-​Żmien taʼ l-​Aħħar

Kapitlu Sbatax

Nidentifikaw lill-​Adoraturi Veri fiż-​Żmien taʼ l-​Aħħar

1. Skond Danjel kapitlu 7, grupp żgħir taʼ nies bla difiża fi żmienna minn liema esperjenzi straordinarji kellu jgħaddi?

 GRUPP ċkejken taʼ nies bla difiża jiġi taħt attakk aħrax minn qawwa dinjija setgħana. Dawn jgħaddu minnu bla mittiefsa u saħansitra jesperjenzaw tiġdid​—mhux bħala riżultat tas-​saħħa tagħhom stess imma għaliex Alla Jehovah jistmahom. Danjel kapitlu 7 bassar dawn il-​ġrajjiet, li seħħew fil-​parti bikrija tas-​seklu 20. Iżda, min kienu dawn in-​nies? L-​istess kapitlu taʼ Danjel irrefera għalihom bħala “l-​qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” Jehovah. Il-​kapitlu rrivela wkoll li dawn l-​individwi fl-​aħħar mill-​aħħar se jkunu ħakkiema mseħbin fis-​Saltna Messjanika!​—Danjel 7:​13, 14, 18, 21, 22, 25-27.

2. (a) Jehovah kif iħossu dwar il-​qaddejja midlukin tiegħu? (b) Matul dawn iż-​żminijiet, liema korsa għaqlija jkun tajjeb li nsegwu?

2 Bħalma tgħallimna f’​Danjel kapitlu 11, is-​sultan tat-​tramuntana se jġarrab it-​tmiem finali tiegħu wara li jhedded il-​pajjiż spiritwali mimli sigurtà taʼ dawn in-​nies leali. (Danjel 11:45; qabbel Eżekjel 38:​18-23.) Iva, Jehovah jipproteġihom ferm lill-​uħud midlukin u leali tiegħu. Salm 105:​14, 15 jgħidilna: “[Jehovah] slaten rażżan minħabba fihom: ‘Tmissux ’il dawk li huma kkonsagrati lili, tagħmlux deni lill-​profeti tiegħi.’” Allura, ma taqbilx int li, f’dawn iż-​żminijiet taʼ taqlib, ikun għaqli għall-​“kotra kbira” li qegħda tikber u tikber illi tassoċja mill-​qrib kemm jistaʼ jkun maʼ dawn il-​qaddisin? (Apokalissi 7:9; Żakkarija 8:23) Ġesù Kristu rrikkmanda li nies bħal nagħaġ jagħmlu preċiż hekk​—jassoċjaw maʼ ħutu spiritwali u midlukin billi jappoġġawhom fix-​xogħol tagħhom.​—Mattew 25:​31-46; Galatin 3:29.

3. (a) Għala m’huwiex faċli li ssib is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù u tibqaʼ qrib tagħhom? (b) Danjel kapitlu 12 kif se jgħinna f’dan ir-​rigward?

3 Madankollu, Satana, l-​Avversarju t’Alla, kien u għadu qed jiġġieled gwerra sfrenata kontra l-​midlukin. Hu ppromwova r-​reliġjon falza, billi effettivament mela d-​dinja bi Kristjani taʼ l-​isem. Bħala riżultat taʼ dan, ħafna nies ġew żvijati. Oħrajn sempliċement jaqtgħu qalbhom li qatt xi darba jsibu lil dawk li jirrappreżentaw ir-​reliġjon vera. (Mattew 7:​15, 21-23; Apokalissi 12:​9, 17) Saħansitra dawk li fil-​fatt isibuha lill-​“merħla ċkejkna” u jassoċjaw magħha jridu jikkumbattu biex iżommu l-​fidi, għax b’mod konsistenti din id-​dinja tfittex li tmermer il-​fidi. (Luqa 12:32) Xi ngħidu għalik? Sibthom int il-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” u qiegħed tassoċja magħhom? Konxju taʼ l-​evidenza solida li turi li dawk li sibt int huma tabilħaqq l-​uħud li Alla għażel? Evidenza bħal din tistaʼ ssaħħaħlek il-​fidi. Tistaʼ wkoll tarmak biex tgħin lil ħaddieħor jirrikonoxxi l-​konfużjoni reliġjuża li hawn fid-​dinja llum. Danjel kapitlu 12 fih minjiera taʼ dan l-​għarfien li jsalva l-​ħajja.

IL-​PRINĊEP IL-​KBIR JIDĦOL FL-​AZZJONI

4. (a) Danjel 12:1 liema żewġ affarijiet distinti jbassar rigward Mikiel? (b) F’Danjel, taʼ spiss x’ikun ifisser li monarka jkun “qiegħed bil-​wieqfa”?

4 Danjel 12:1 jgħid: “F’dak iż-​żmien iqum [“bil-​wieqfa,” NW] Mikiel, il-​prinċep il-​kbir, dak li qiegħed fuq [“qiegħed bil-​wieqfa għan-​nom taʼ,” NW] ulied il-​poplu tiegħek.” Dan il-​vers ibassar dawn iż-​żewġ affarijiet distinti rigward Mikiel: waħda, li hu “qiegħed bil-​wieqfa,” u dan jissuġġerixxi sitwazzjoni li testendi fuq perijodu taʼ żmien; l-​oħra, li se “jqum bil-​wieqfa,” u dan jissuġġerixxi ġrajja li sseħħ matul dak il-​perijodu taʼ żmien. L-​ewwel, irridu nkunu nafu l-​perijodu meta Mikiel ikun “qiegħed bil-​wieqfa għan-​nom taʼ wlied il-​poplu [taʼ Danjel].” Ftakar li Mikiel huwa isem mogħti lil Ġesù fl-​irwol tiegħu bħala Ħakkiem tas-​sema. Ir-​referenza għal li hu “qiegħed bil-​wieqfa” tfakkarna fil-​mod kif dan it-​terminu huwa wżat f’postijiet oħrajn fil-​ktieb taʼ Danjel. It-​terminu spiss jirreferi għall-​azzjoni taʼ xi sultan, bħal meta jieħu l-​kariga rjali.​—Danjel 11:​2-4, 7, 20, 21.

5, 6. (a) Mikiel matul liema perijodu taʼ żmien ikun qiegħed bil-​wieqfa? (b) Mikiel meta u kif ‘iqum bil-​wieqfa,’ u b’liema riżultati?

5 Huwa evidenti li hawnhekk l-​anġlu kien qed jipponta lejn perijodu taʼ żmien speċifikat xi mkien ieħor fil-​profezija tal-​Bibbja. Ġesù sejjaħlu l-​“preżenza” (bil-Grieg, pa·rou·si’a) tiegħu, meta hu kien se jaħkem bħala Sultan fis-​sema. (Mattew 24:​37-39, NW) Dan il-​perijodu taʼ żmien huwa msejjaħ ukoll “l-​aħħar tad-​dinja” u ż-​“żmien taʼ l-​aħħar.” (2 Timotju 3:1; Danjel 12:​4, 9) Minn mindu beda dak il-​perijodu fl-​1914, Mikiel kien u għadu wieqaf bħala Sultan fis-​sema.​—Qabbel Isaija 11:10; Apokalissi 12:​7-9.

6 Iżda, Mikiel meta “jqum bil-​wieqfa”? Meta jqum biex jieħu azzjoni speċjali. Dan, Ġesù se jagħmlu fil-​futur. Apokalissi 19:​11-16 jiddeskrivi profetikament lil Ġesù bħala s-​Sultan Messjaniku setgħan riekeb quddiem eżerċtu anġeliku u qed iġib qerda fuq l-​għedewwa t’Alla. Danjel 12:1 ikompli: “Mbagħad jiġi żmien taʼ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-​żmien.” Bħala l-​Esekutur Ewlieni taʼ Jehovah, Kristu se jġib fi tmiem is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar kollha kemm hi matul id-​“diqa kbira” mbassra.​—Mattew 24:21; Ġeremija 25:33; 2 Tessalonikin 1:​6-8; Apokalissi 7:14; 16:​14, 16.

7. (a) X’tama hemm għall-​uħud leali kollha matul iż-​“żmien taʼ għawġ” li ġej? (b) X’inhu l-​ktieb taʼ Jehovah, u għala huwa vitali li tkun tinsab fih?

7 Kif se jkampaw matul dan iż-​żmien mudlam in-​nies li jeżerċitaw fidi? Lil Danjel intqallu wkoll: “Imma jkun żmien li fih il-​poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-​ktieb.” (Qabbel Luqa 21:​34-36.) X’inhu dan il-​ktieb? Bażikament, dan jirrappreżenta l-​fatt li Alla Jehovah jiftakar lil dawk li jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Malakija 3:16; Lhud 6:10) Dawk li huma miktubin f’dan il-​ktieb tal-​ħajja huma l-​iktar nies li għandhom sigurtà fid-​dinja, għax igawdu l-​protezzjoni divina. Kwalunkwe ħsara li tistaʼ tiġi fuqhom tistaʼ tissewwa u hekk se jsir. Saħansitra jekk iġarrbu l-​mewt qabel dan iż-​“żmien taʼ għawġ” li ġej, jibqgħu fis-​sigurtà fil-​memorja bla limitu taʼ Jehovah. Hu se jiftakarhom u jirxoxtahom matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu.​—Atti 24:15; Apokalissi 20:​4-6.

IL-​QADDISIN “JISTENBĦU”

8. Danjel 12:2 joffri liema prospett li jgħaxxqek?

8 Taʼ faraġ tabilħaqq hija t-​tama taʼ l-​irxoxt. Danjel 12:2 isemmiha, billi jgħid: “Ħafna minn dawk li huma rieqda fit-​trab taʼ l-​art jistenbħu, min għall-​ħajja taʼ dejjem u min għall-​għajb u l-​istmerrija għal dejjem.” (Qabbel Isaija 26:19.) Dan il-​kliem jistaʼ jfakkarna fil-​wegħda mqanqla taʼ Ġesù Kristu dwar irxoxt ġenerali. (Ġwann 5:​28, 29) X’tama kommoventi! Aħseb ftit dwar xi ħbieb jew membri tal-​familja maħbubin​—li issa huma mejtin—​li jingħataw iċ-​ċans li jerġgħu jgħixu fil-​futur! Imma din il-​wegħda fil-​ktieb taʼ Danjel tirreferi primarjament għal tip ieħor taʼ rxoxt​—wieħed li diġà seħħ. Dan kif jistaʼ jkun?

9. (a) Għala huwa raġunevoli li nistennew li Danjel 12:2 jitwettaq matul l-​aħħar jiem? (b) Il-​profezija tirreferi għal liema tip taʼ rxoxt, u kif nafu?

9 Ikkunsidra l-​kuntest. Bħalma rajna, l-​ewwel vers taʼ kapitlu 12 ma japplikax biss għat-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet imma wkoll għall-​perijodu kollu kemm hu taʼ l-​aħħar jiem. Fil-​fatt, il-​biċċa l-​kbira mill-​kapitlu ssib twettiq, mhux fil-​ġenna taʼ l-​art li ġejja, imma matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar. Kien hemm xi rxoxt matul dan il-​perijodu? L-​appostlu Pawlu kiteb dwar l-​irxoxt taʼ “dawk li huma taʼ Kristu” bħala li jseħħ “f’jum il-​miġja tiegħu.” (Korsiv tagħna.) Madankollu, dawk li jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema jitqajmu “biex ma jitħassrux aktar.” (1 Korintin 15:​23, 52) Ħadd minnhom ma jitqajjem “għall-​għajb u l-​istmerrija għal dejjem” imbassrin f’Danjel 12:2. Hemm xi tip ieħor taʼ rxoxt? Fil-​Bibbja, l-​irxoxt kultant għandu sinjifikat spiritwali. Per eżempju, kemm Eżekjel u kemm Apokalissi fihom siltiet profetiċi li japplikaw għal rinaxximent, jew irxoxt, spiritwali.​—Eżekjel 37:​1-14; Apokalissi 11:​3, 7, 11.

10. (a) Il-​membri tal-​fdal midluk f’liema sens ġew irxoxtati matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar? (b) Xi wħud mill-​midlukin li ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid kif xorta waħda stenbħu għall-​“għajb u l-​istmerrija għal dejjem”?

10 Kien hemm xi rinaxximent spiritwali bħal dan tal-​qaddejja midlukin t’Alla fiż-​żmien taʼ l-​aħħar? Kien hemm! Hija realtà storika li fl-​1918 fdal żgħir taʼ Kristjani leali sofra attakk straordinarju li fixkel il-​ministeru pubbliku u organizzat tiegħu. Imbagħad, għalkemm deher li kien impossibbli, fl-​1919 huma rritornaw għall-​ħajja f’sens spiritwali. Dawn il-​fatti jaqblu eżatt mad-​deskrizzjoni taʼ l-​irxoxt imbassar f’​Danjel 12:2. Xi wħud fil-​fatt ‘stenbħu’ spiritwalment f’dak iż-​żmien u iktar tard. Iżda, b’sogħba, mhux kulħadd baqaʼ fi stat ħaj spiritwalment. Dawk li wara li stenbħu għażlu li jiċħdu lis-​Sultan Messjaniku u abbandunaw is-​servizz t’Alla kisbu għalihom infushom l-​“għajb u l-​istmerrija għal dejjem” deskritti f’​Danjel 12:2. (Lhud 6:​4-6) Madankollu, il-​midlukin leali, billi wżaw tajjeb ir-​rinaxximent spiritwali tagħhom, appoġġaw lealment lis-​Sultan Messjaniku. Fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​fedeltà tagħhom twassal, bħalma tgħid il-​profezija, “għall-​ħajja taʼ dejjem.” Illum, il-​vitalità spiritwali tagħhom, minkejja li jiffaċċjaw l-​oppożizzjoni, tgħinna nidentifikawhom.

HUMA “JIDDU BĦAL KWIEKEB”

11. Min huma l-​“bnedmin bil-​għaqal” illum, u f’liema sens jiddu bħall-​kwiekeb?

11 Iż-​żewġ versi li jmiss taʼ Danjel kapitlu 12 ikomplu jgħinuna saħansitra iktar biex nidentifikaw il-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli.” Fit-​tielet vers, l-​anġlu jgħid lil Danjel: “Il-​bnedmin bil-​għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-​sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-​sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem taʼ dejjem.” Min huma llum “il-​bnedmin bil-​għaqal”? Mill-​ġdid, l-​evidenza tipponta lejn l-​istess “qaddisin taʼ Alla l-​Għoli.” Fuq kollox, min ħlief il-​fdal midluk u leali kellu d-​dehen li jagħraf li Mikiel, il-​Prinċep il-​Kbir, beda jqum bil-​wieqfa bħala Sultan fl-​1914? Billi ppridkaw veritajiet bħalma hi din​—kif ukoll billi żammew kondotta Kristjana—​huma kienu u għadhom ‘jiddu bħal kwiekeb’ f’din id-​dinja mudlama spiritwalment. (Filippin 2:15; Ġwann 8:12) Dwarhom, Ġesù pprofetizza: “Mbagħad il-​ġusti jsiru jiddu bħax-​xemx fis-​Saltna taʼ Missierhom.”​—Mattew 13:43.

12. (a) Matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar, il-​midlukin kif kienu involuti f’li ‘jwasslu lil ħafna fis-​sewwa’? (b) Il-​midlukin kif se jwasslu lil ħafna fis-​sewwa u “jiddu bħal kwiekeb” matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu?

12 Danjel 12:3 jgħidilna saħansitra b’liema xogħol dawn il-​Kristjani midlukin kellhom ikunu okkupati fiż-​żmien taʼ l-​aħħar. Kellhom ‘ikunu qegħdin iwasslu ’l ħafna fis-​sewwa.’ Il-​membri tal-​fdal midluk irħewlha biex jiġbru l-​kumplament tal-​144,000 werriet imsieħeb taʼ Kristu. (Rumani 8:​16, 17; Apokalissi 7:​3, 4) Meta lestew dan ix-​xogħol​—b’mod evidenti lejn nofs is-​snin 30—​bdew jiġbru l-​“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.” (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Dawn ukoll jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-​fidwa. Għalhekk, huma għandhom waqfa nadifa quddiem Jehovah. Dawn, li llum jgħoddu bil-​miljuni, jgħożżu t-​tama li jibqgħu ħajjin wara l-​qerda li ġejja taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, Ġesù u l-​144,000 sultan u qassis imsieħeb tiegħu se japplikaw fuq l-​umanità ubbidjenti li tkun fuq l-​art il-​benefiċċji sħaħ tal-​prezz li tħallas għall-​fidwa, u b’hekk jgħinu lil dawk kollha li jkunu qegħdin jeżerċitaw fidi biex ineħħu kull traċċa li jifdal tad-​dnub li wirtu mingħand Adam. (2 Pietru 3:13; Apokalissi 7:​13, 14; 20:​5, 6) Fis-​sens l-​iktar sħiħ, f’dak iż-​żmien il-​midlukin se jieħdu sehem f’li ‘jwasslu ’l ħafna fis-​sewwa’ u se “jiddu bħal kwiekeb” fis-​sema. Tapprezzaha int it-​tama li tgħix fuq l-​art taħt il-​gvern glorjuż tas-​sema f’idejn Kristu u l-​ħakkiema sħabu? Xi privileġġ hu li tieħu sehem mal-​“qaddisin” fl-​ippridkar taʼ din l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla!​—Mattew 24:14.

“JIFLUH SEWWA”

13. Il-​kliem tal-​ktieb taʼ Danjel f’liema sens kien siġillat u magħluq?

13 Id-​dikjarazzjoni taʼ l-​anġlu lil Danjel, li bdiet lura f’​Danjel 10:​20, issa tikkonkludi b’dan il-​kliem li jqawwi l-​qalb: “Imma int, Danjel, agħlaq dan id-​diskors u issiġilla l-​ktieb saż-​żmien taʼ l-​aħħar. Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-​għaqal.” (Danjel 12:4) Ħafna minn dak li Danjel kien imnebbaħ jikteb kien tabilħaqq magħluq u siġillat għall-​fehma umana. Iva, Danjel innifsu kiteb iktar tard: “Jiena bqajt nismaʼ bla ma nifhem.” (Danjel 12:8) F’dan is-​sens il-​ktieb taʼ Danjel baqaʼ siġillat għal sekli sħaħ. Xi ngħidu għal-​lum?

14. (a) Matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” min qagħad ‘jifli sewwa,’ u fejn? (b) X’evidenza hemm li Jehovah bierek dan il-​‘fili sewwa’?

14 Aħna għandna l-​privileġġ li ngħixu fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar” imbassar fil-​ktieb taʼ Danjel. Bħalma ġie profetizzat, ħafna wħud leali ‘flew sewwa’ l-​paġni tal-​Kelma t’Alla. X’kien ir-​riżultat? Bil-​barka taʼ Jehovah, l-​għarfien veru sar abbundanti. Ix-​Xhieda leali u midlukin taʼ Jehovah tbierku bid-​dehen li bis-​saħħa tiegħu setgħu jifhmu li Bin il-​bniedem sar Sultan fl-​1914, jidentifikaw il-​bhejjem tal-​profezija taʼ Danjel, iwissu kontra l-​“ħaġa mistkerrha, li ġġib il-​ħerba”​—u dawn huma biss ftit eżempji. (Danjel 11:​31, ) Allura, din l-​abbundanza t’għarfien hija jerġaʼ marka oħra li tidentifika lill-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli.” Imma Danjel irċieva iktar evidenza.

HUMA ‘JITFARRKU F’BIĊĊIET’

15. Liema mistoqsija titqajjem issa minn anġlu, u din il-​mistoqsija dwar min tistaʼ tfakkarna?

15 Niftakru li Danjel irċieva dawn il-​messaġġi anġeliċi fuq ix-​xatt tax-​“xmara l-​kbira” Ħiddekel, magħrufa wkoll bħala t-​Tigri. (Danjel 10:4) Hawnhekk issa jara tliet ħlejjaq anġeliċi u jgħid: “Mbagħad jien, Danjel, ħarist, u ara, kien hemm tnejn oħra weqfin, wieħed fuq kull naħa tax-​xmara. U wieħed minnhom qal lil dak li kien liebes l-​għażel u li kien qiegħed ’il fuq mill-​ilma tax-​xmara: ‘Kemm baqaʼ għat-​tmiem taʼ l-​għeġubijiet?’” (Danjel 12:​5, 6) Il-​mistoqsija mqajma hawnhekk mill-​anġlu tistaʼ tfakkarna mill-​ġdid dwar il-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli.” Fil-​bidu taż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” fl-​1914, dawn kienu konċernati ferm bil-​mistoqsija dwar kemm kienu se jdumu biex jitwettqu l-​wegħdi t’Alla. Li din il-​profezija tiffoka fuqhom isir ċar fit-​tweġiba li tingħata għal din il-​mistoqsija.

16. L-​anġlu jlissen liema profezija, u kif jenfasizza ċ-​ċertezza tat-​twettiq tagħha?

16 Ir-​rakkont taʼ Danjel ikompli: “Ir-​raġel liebes l-​għażel, li kien qiegħed ’il fuq mill-​ilma tax-​xmara, rafaʼ idu l-​leminija u idu x-​xellugija lejn is-​smewwiet, u smajtu jaħlef b’Dak li hu Ħaj għal dejjem u qal li għad baqaʼ żmien, żminijiet u nofs żmien, u li dan kollu għad iseħħ meta l-​qawwa tal-​poplu l-​qaddis ma tibqax tixxerred iżjed [“kien hemm tlestija tat-​tfarrik f’biċċiet tal-​poter tal-​poplu qaddis,” NW].” (Danjel 12:7) Din hija kwistjoni solenni. L-​anġlu jerfaʼ idejh it-​tnejn biex jaħlef, forsi sabiex dan il-​ġest ikun jidher miż-​żewġ anġli li qegħdin fuq in-​naħat opposti tax-​xmara wiesgħa. Hu b’hekk jenfasizza ċ-​ċertezza assoluta tat-​twettiq taʼ din il-​profezija. Iżda, meta huma dawn iż-​żminijiet? It-​tweġiba m’hijiex diffiċli biex issibha daqskemm forsi taħseb li hi.

17. (a) Liema xebh hemm fil-​profeziji dokumentati f’​Danjel 7:​25, Danjel 12:​7, u Apokalissi 11:​3, 7, 9? (b) Kemm huma twal it-​tliet żminijiet u nofs?

17 Din il-​profezija hija simili b’mod taʼ l-​għaġeb għal żewġ profeziji oħrajn. Waħda, li kkunsidrajnieha f’Kapitlu 9 taʼ din il-​pubblikazzjoni, tinstab f’Danjel 7:25; l-​oħra, f’​Apokalissi 11:​3, 7, 9. Innota xi ftit mix-​xebh. Kull waħda minnhom hija stabbilita matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar. Iż-​żewġ profeziji jikkonċernaw lil qaddejja qaddisin t’Alla, billi juruhom bħala li qegħdin jiġu persegwitati u saħansitra temporanjament ma jistgħux iwettqu l-​attività taʼ l-​ippridkar pubbliku tagħhom. It-​tnejn li huma juru li l-​qaddejja t’Alla jerġgħu jieħdu l-​ħajja u mbagħad ikomplu fuq xogħolhom, u b’hekk iħallu bir-​riħa lill-​persekuturi tagħhom. U t-​tnejn li huma jsemmu t-​tul taʼ dan iż-​żmien taʼ tbatija għall-​qaddisin. Iż-​żewġ profeziji f’​Danjel (7:25 u 12:7) jirreferu għal ‘żmien, żminijiet, u nofs żmien.’ L-​istudjużi ġeneralment jirrikonoxxu li dan ifisser tliet żminijiet u nofs. Apokalissi jirreferi għall-​istess perijodu bħala 42 xahar, jew 1,260 jum. (Apokalissi 11:​2, 3) Dan jikkonferma li t-​tliet żminijiet u nofs f’Danjel jirreferu għal tliet snin u nofs taʼ 360 jum kull waħda. Imma meta bdew dawn l-​1,260 jum?

18. (a) Skond Danjel 12:​7, liema ħaġa kellha timmarka t-​tmiem taʼ l-​1,260 jum? (b) Il-​“poter tal-​poplu l-​qaddis” meta finalment tfarrak f’biċċiet, u dan kif ġara? (ċ) Meta bdew l-​1,260 jum, u l-​midlukin kif ‘ipprofetizzaw bl-​ilbies tax-​xkejjer’ matul dak il-​perijodu?

18 Il-​profezija hija ċara ġmielha inkwantu għal meta kellhom jintemmu l-​1,260 jum​—meta “kien hemm tlestija tat-​tfarrik f’biċċiet tal-​poter tal-​poplu qaddis.” F’nofs l-​1918, membri prominenti tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, inkluż il-​president tagħha, J. F. Rutherford, ġew mixlijin b’akkużi foloz, sentenzjati għal perijodi twal, u mitfugħin il-​ħabs. Il-​qaddisin t’Alla tabilħaqq raw lil xogħolhom ‘jitfarrak f’biċċiet,’ il-​qawwa tagħhom titkisser. Jekk ngħoddu lura tliet snin u nofs minn nofs is-​sena 1918 niġu għat-​tmiem taʼ l-​1914. F’dak iż-​żmien il-​ġemgħa żgħira taʼ wħud midlukin kienet qegħda tipprepara ruħha għall-​attakk feroċi tal-​persekuzzjoni. Kienet faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija, u l-​oppożizzjoni għax-​xogħol tagħhom kienet qed tiżdied. Għas-​sena 1915, huma saħansitra bbażaw l-​iskrittura tas-​sena tagħhom fuq din il-​mistoqsija li Kristu staqsa lis-​segwaċi tiegħu: “Tistgħu intom tixorbu mill-​kalċi li għandi nixrob?” (Mattew 20:​22, ) Bħalma tbassar f’​Apokalissi 11:​3, il-​perijodu taʼ 1,260 jum li ġie wara kien żmien taʼ niket għall-​midlukin​—kien bħallikieku qegħdin jipprofetizzaw bl-​ilbies tax-​xkejjer. Il-​persekuzzjoni ħraxet. Xi wħud minnhom ġew mitfugħin il-​ħabs, oħrajn ġew attakkati fit-​toroq, u jerġaʼ oħrajn ġew torturati. Ħafna ġew skuraġġiti meta, fl-​1916, miet C. T. Russell, l-​ewwel president tas-​Soċjetà. Iżda, x’kellu jiġri wara li dan iż-​żmien mudlam spiċċa bil-​qtil taʼ dawn il-​qaddisin bħala organizzazzjoni li tippriedka?

19. Il-​profezija f’​Apokalissi kapitlu 11 kif tassigurana li l-​midlukin ma kinux se jiġu msikktin għal żmien twil?

19 Il-​profezija parallela li tinsab f’​Apokalissi 11:​3, 9, 11 turi li wara li jinqatlu ż-​“żewġ xhieda,” dawn jibqgħu mejtin biss għal perijodu qasir taʼ żmien​—tlett ijiem u nofs—​sakemm jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Bl-​istess mod, il-​profezija f’​Danjel kapitlu 12 turi li l-​qaddisin ma kinux se jibqgħu siekta imma kellhom iktar xogħol quddiemhom.

“JINTGĦAŻLU MILL-​BQIJA, JINDAFU U JISSAFFEW”

20. Skond Danjel 12:​10, liema barkiet kellhom jiġu fuq il-​midlukin wara l-​esperjenzi ibsin tagħhom?

20 Bħalma nnotajna qabel, Danjel kiteb dawn l-​affarijiet imma ma setax jifhimhom. Xorta waħda, bilfors li qagħad iberren jekk il-​qaddisin kinux se jinqerdu taħt idejn il-​persekuturi tagħhom, għax hu staqsa, “X’se jiġri wara dan kollu?” Wieġeb l-​anġlu: “Mur, Danjel, għax dan id-​diskors huwa magħluq u ssiġillat saż-​żmien taʼ l-​aħħar. Ikunu ħafna dawk li jintgħażlu mill-​bqija, jindafu u jissaffew; imma l-​ħżiena jibqgħu jagħmlu l-​ħażin, u ebda wieħed minnhom ma jifhem xejn, jifhmu biss dawk li jkunu bil-​għaqal.” (Danjel 12:​8-10) Kien hemm tama ċerta għall-​qaddisin! Minflok ma jinqerdu, kienu se jindafu, jitbierku b’waqfa nadifa quddiem Alla Jehovah. (Malakija 3:​1-3) Bis-​saħħa tad-​dehen tagħhom f’affarijiet spiritwali setgħu jibqgħu nodfa f’għajnejn Alla. B’kuntrast, il-​ħżiena kienu se jirrifjutaw li jifhmu affarijiet spiritwali. Imma dan kollu meta kellu jseħħ?

21. (a) Il-​perijodu taʼ żmien imbassar f’​Danjel 12:11 kellu jibda meta jkunu seħħew liema kundizzjonijiet? (b) X’kien is-​“sagrifiċċju taʼ kuljum,” u meta tneħħa? (Ara l-​kaxxa f’paġna 298.)

21 Lil Danjel intqallu: “Mindu jitneħħa s-​sagrifiċċju taʼ kuljum, u l-​għajb li jġib ħerba jitwaqqaf, ikun hemm elf u mitejn u disgħin jum.” Mela dan il-​perijodu taʼ żmien kellu jibda meta jkunu seħħew ċerti kundizzjonijiet. Is-​“sagrifiċċju taʼ kuljum”​—jew “is-​sagrifiċċju kontinwu” a—​kellu jitneħħa. (Danjel 12:​11, ) Għal liema sagrifiċċju kien qed jirreferi l-​anġlu? Mhux għas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali offruti f’xi tempju fuq l-​art. Iva, saħansitra t-​tempju li darba kien wieqaf f’Ġerusalemm kien sempliċi “xbieha tas-​santwarju veru”​—it-​tempju spiritwali u kbir taʼ Jehovah, li beda jopera meta Kristu sar il-​Qassis il-​Kbir tiegħu fis-​sena 29 E.K.! F’dan it-​tempju spiritwali, li jirrappreżenta l-​arranġament t’Alla għall-​qima safja, m’hemmx bżonnhom l-​offerti tad-​dnub kontinwi, għax “Kristu . . . offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-​dnubiet taʼ kulħadd.” (Lhud 9:​24-28) Madankollu, il-​Kristjani veri kollha fil-​fatt joffru sagrifiċċji f’dan it-​tempju. L-​appostlu Pawlu kiteb: “B’Ġesù . . . ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-​kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.” (Lhud 13:15) Mela din l-​ewwel kundizzjoni tal-​profezija​—it-​tneħħija tas-​“sagrifiċċju taʼ kuljum”—​seħħet f’nofs is-​sena 1918 meta x-​xogħol taʼ l-​ippridkar kien kważi sospiż għalkollox.

22. (a) X’inhu “l-​għajb” li jġib ħerba, u meta tqiegħed? (b) Il-​perijodu taʼ żmien imbassar f’​Danjel 12:11 meta beda, u meta spiċċa?

22 Iżda, xi ngħidu għat-​tieni kundizzjoni​—it-​‘twaqqif,’ jew tqegħid, taʼ “l-​għajb li jġib ħerba”? Bħalma rajna meta ddiskutejna Danjel 11:​31, dan l-​għajb l-​ewwel kien il-​Lega tan-​Nazzjonijiet u iktar tard feġġ mill-​ġdid bħala l-​Ġnus Magħquda. It-​tnejn huma t’għajb peress li ntlaqgħu bħala l-​unika tama għall-​paċi fuq l-​art. B’hekk, fil-​qlub taʼ ħafna nies, dawn l-​istituzzjonijiet attwalment jieħdu post is-​Saltna t’Alla! Il-​Lega ġiet proposta uffiċjalment f’Jannar 1919. Allura, f’dak iż-​żmien, iż-​żewġ kundizzjonijiet taʼ Danjel 12:11 it-​tnejn li huma seħħew. Mela l-​1,290 jum bdew kmieni fl-​1919 u baqgħu sejrin sal-​ħarifa (Emisferu taʼ Fuq) taʼ l-​1922.

23. Il-​qaddisin t’Alla kif ipprogressaw lejn waqfa mnaddfa matul l-​1,290 jum imbassrin f’​Danjel kapitlu 12?

23 Matul dak iż-​żmien, għamlu l-​qaddisin xi progress lejn li jsiru magħżulin mill-​bqija u mnaddfin f’għajnejn Alla? Dażgur! F’Marzu 1919 il-​president tal-​Watch Tower Society u l-​imseħbin mill-​qrib tiegħu nħelsu mill-​ħabs. Iktar tard ġew eżonerati mill-​akkużi foloz li nġiebu kontrihom. Billi kienu konxji li kien għad baqgħalhom ħafna x’jagħmlu, immedjatament meddew għonqhom għax-​xogħol, billi organizzaw konvenzjoni għal Settembru 1919. Fl-​istess sena, ġiet pubblikata għall-​ewwel darba rivista biex takkumpanja lil The Watch Tower. Imsejħa oriġinalment The Golden Age (issa Awake!), din dejjem appoġġat lil The Watchtower f’li tesponi bla biżaʼ l-​korruzzjoni taʼ din id-​dinja u f’li tgħin lin-​nies t’Alla jibqgħu nodfa. Sat-​tmiem taʼ l-​1,290 jum imbassrin, il-​qaddisin kienu qabduha sewwa t-​triq lejn waqfa nadifa u restawrata. F’Settembru 1922, preċiż madwar iż-​żmien meta spiċċa dan il-​perijodu, huma żammew konvenzjoni storika f’Cedar Point, ġewwa Ohio, fl-​Istati Uniti. Din tat spinta tremenda lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Madankollu, kien għad hemm il-​ħtieġa li jsir iktar progress. Dan tħalla għall-​perijodu distintiv li kien imiss.

HENA GĦALL-​QADDISIN

24, 25. (a) Liema perijodu taʼ żmien huwa mbassar f’​Danjel 12:​12, u evidentement meta beda u spiċċa? (b) X’kienet il-​kundizzjoni spiritwali tal-​fdal midluk fil-​bidu taʼ l-​1,335 jum?

24 L-​anġlu taʼ Jehovah jikkonkludi l-​profezija tiegħu rigward il-​qaddisin b’dan il-​kliem: “Hieni min jistenna u jasal sa elf u tliet mija u ħamsa u tletin ġurnata oħra.” (Danjel 12:12) L-​anġlu ma jagħti ebda ħjiel inkwantu għal meta jibda jew jintemm dan il-​perijodu. Il-​mod kif żvolġew l-​affarijiet jissuġġerixxi li dan isegwi immedjatament lill-​perijodu taʼ qablu. F’dak il-​każ, kien jibda fil-​ħarifa taʼ l-​1922 u jispiċċa fl-​aħħar tar-​rebbiegħa taʼ l-​1926 (Emisferu taʼ Fuq). Ġew il-​qaddisin għal stat taʼ hena fit-​tmiem taʼ dak il-​perijodu? Iva, b’modi spiritwali u importanti.

25 Saħansitra wara l-​konvenzjoni taʼ l-​1922 (murija f’paġna 302), xi wħud mill-​qaddisin t’Alla kienu għadhom iħarsu mxennqin lejn l-​imgħoddi. Il-​materjal bażiku taʼ studju għal-​laqgħat tagħhom kien għadu l-​Bibbja u l-​volumi taʼ Studies in the Scriptures, minn C. T. Russell. F’dak iż-​żmien, kien hemm idea ġenerali aċċettata minn ħafna li ppontat lejn l-​1925 bħala s-​sena li fiha kellu jibda l-​irxoxt u tiġi restawrata l-​Ġenna fuq l-​art. B’hekk, kien hemm ħafna li kienu qegħdin jaqdu b’data ffissata f’moħħhom. Xi wħud, bi kburija, ma ridux jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar lill-​pubbliku. Din ma kinitx sitwazzjoni inkuraġġanti.

26. Hekk kif l-​1,335 jum bdew għaddejjin, kif inbidlet il-​kundizzjoni spiritwali tal-​midlukin?

26 Madankollu, hekk kif bdew għaddejjin l-​1,335 jum, dan kollu beda jinbidel. L-​ippridkar ngħata prominenza, hekk kif ġew stabbiliti arranġamenti regulari biex kulħadd jipparteċipa fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. L-​iskeda tal-​laqgħat kienet tinkludi l-​istudju taʼ The Watch Tower kull ġimgħa. Fil-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1925, kien hemm l-​artiklu storiku “Birth of the Nation” (Twelid tal-​Ġens), li ta fehma sħiħa lill-​poplu t’Alla dwar dak li kien ġara fil-​perijodu 1914-19. Wara l-​1925, il-​qaddisin ma baqgħux jaqdu ’l Alla b’data immedjata u espliċita quddiem għajnejhom. Pjuttost, it-​taqdis taʼ l-​isem taʼ Jehovah kien l-​iktar ħaġa importanti. Din il-​verità vitali kienet enfasizzata, bħal qatt qabel, fl-​artiklu “Who Will Honor Jehovah?” (Min Se Jonora lil Jehovah?) li deher fil-​Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1926. Fil-​konvenzjoni li saret f’Mejju 1926, ġie pubblikat il-​ktieb Deliverance. (Ara paġna 302.) Dan kien wieħed minn sensiela taʼ kotba ġodda disinjati biex jieħdu post l-​iStudies in the Scriptures. Il-​qaddisin ma kinux għadhom iktar iħarsu lejn l-​imgħoddi. Kienu qegħdin iħarsu b’fiduċja lejn il-​ġejjieni u x-​xogħol li kellhom quddiemhom. Bħalma ġie profetizzat, l-​1,335 jum għalhekk intemmu bil-​qaddisin fi stat hieni.

27. Sommarju taʼ Danjel kapitlu 12 kif jgħinna nidentifikaw b’mod konklużiv lill-​midlukin taʼ Jehovah?

27 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd issaporta f’din l-​era taʼ taqlib. Bla dubju kien għalhekk li l-​anġlu kien enfasizza l-​importanza taʼ li wieħed “jistenna.” Dawk li ssaportew u stennew tbierku bil-​kbir. Dan isir ċar permezz taʼ sommarju taʼ Danjel kapitlu 12. Bħalma tbassar, il-​midlukin ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid, jew ġew irxoxtati, f’sens spiritwali. Ngħataw dehen impressjonanti fil-​Kelma t’Alla, billi ngħataw is-​setgħa li ‘jifluha sewwa’ u, gwidati mill-​ispirtu qaddis, jikxfu misteri li kienu ilhom minn żmien żemżem. Jehovah naddafhom u għamilhom jiddu spiritwalment, ileqqu daqs il-​kwiekeb. Bħala konsegwenza, huma wasslu lil ħafna biex ikollhom waqfa taʼ tjieba m’Alla Jehovah.

28, 29. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna hekk kif iż-​“żmien taʼ l-​aħħar” jersaq lejn il-​konklużjoni tiegħu?

28 B’dawn il-​marki profetiċi kollha li jidentifikaw lill-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” liema skuża tistaʼ tinġieb biex wieħed ma jirrikonoxxihomx u ma jassoċjax magħhom? Barkiet taʼ l-​għaġeb hemm jistennew lill-​kotra kbira, li tingħaqad biex taqdi lil Jehovah maʼ din il-​klassi tal-​midlukin li dejjem tiċkien. Ilkoll kemm aħna għandna nistennew it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. (Ħabakkuk 2:3) Fi żmienna Mikiel, il-​Prinċep il-​Kbir, ilu wieqaf għal għexur taʼ snin għan-​nom tal-​poplu t’Alla. Dalwaqt hu se jidħol fl-​azzjoni bħala l-​esekutur maħtur b’mod divin taʼ din is-​sistema t’affarijiet. Meta jagħmel dan, x’se tkun il-​pożizzjoni tagħna?

29 It-​tweġiba għal dik il-​mistoqsija se tiddependi fuq jekk nagħżlux li ngħixu ħajja taʼ integrità issa. Biex insaħħu d-​determinazzjoni tagħna li nagħmlu hekk, hekk kif iż-​“żmien taʼ l-​aħħar” jersaq lejn it-​tmiem, ejja nikkunsidraw l-​aħħar vers tal-​ktieb taʼ Danjel. Id-​diskussjoni tagħna dwaru fil-​kapitlu li jmiss se tgħinna naraw kif Danjel waqaf quddiem Alla tiegħu u kif se jieqaf quddiemu fil-​futur.

[Nota taʼ taħt]

a Tradott sempliċement bħala “s-​sagrifiċċju” fis-​Settanta Griega.

X’INNOTAJT?

• Mikiel matul liema perijodu taʼ żmien “qiegħed bil-​wieqfa,” u kif u meta se “jqum bil-​wieqfa”?

Danjel 12:2 jirreferi għal liema tip taʼ rxoxt?

Liema dati jimmarkaw il-​bidu u t-​tmiem

tat-​tliet żminijiet u nofs imsemmijin f’​Danjel 12:7?

taʼ l-​1,290 jum imbassrin f’​Danjel 12:11?

taʼ l-​1,335 jum profetizzati f’​Danjel 12:12?

Li noqogħdu attenti għal Danjel kapitlu 12 kif jgħinna nidentifikaw lill-​adoraturi veri taʼ Jehovah?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 298]

IT-​TNEĦĦIJA TAS-​SAGRIFIĊĊJU TAʼ KULJUM

Fil-​ktieb taʼ Danjel, it-​terminu “sagrifiċċju . . . taʼ kuljum” jidher ħames darbiet. Dan jirreferi għal sagrifiċċju taʼ tifħir​—il-​“kelma taʼ xufftejna”—​offrut regolarment lil Alla Jehovah mill-​qaddejja tiegħu. (Lhud 13:15) It-​tneħħija mbassra tiegħu hemm referenza għaliha f’​Danjel 8:​11, 11:​31, u 12:​11.

Matul iż-​żewġ gwerer dinjin, in-​nies taʼ Jehovah kienu persegwitati bl-​aħrax fid-​dominji tas-​“sultan tat-​tramuntana” u tas-​“sultan tan-​nofsinhar.” (Danjel 11:​14, 15) It-​tneħħija tas-​“sagrifiċċju . . . taʼ kuljum” seħħet lejn it-​tmiem taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija meta x-​xogħol taʼ l-​ippridkar kien kważi sospiż għalkollox f’nofs is-​sena 1918. (Danjel 12:7) Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​“sagrifiċċju . . . taʼ kuljum” ‘tneħħa’ bl-​istess mod għal 2,300 jum mill-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. (Danjel 8:​11-14; ara Kapitlu 10 taʼ dan il-​ktieb.) Dan tneħħa wkoll mill-​“forzi” tan-​Nazi għal perijodu taʼ żmien mhux speċifikat fl-​Iskrittura.​—Danjel 11:31; ara Kapitlu 15 taʼ dan il-​ktieb.

[Tabella/Stampi f’paġna 301]

PERIJODI TAʼ ŻMIEN PROFETIĊI F’DANJEL

Sebaʼ żminijiet (2,520 sena): Ottubru 607 Q.E.K. sa

Danjel 4:​13, 22 [16, 25, NW] Ottubru 1914 E.K.

(Is-Saltna Messjanika stabbilita.

Ara Kapitlu 6 taʼ dan il-​ktieb.)

Tliet żminijiet u nofs Diċembru 1914 sa Ġunju 1918

(1,260 jum): (Il-Kristjani midlukin mifnijin.

Danjel 7:​25; 12:7 Ara Kapitlu 9 taʼ dan il-​ktieb.)

2,300 għaxija u għodwa: L-​1 jew il-​15 taʼ Ġunju, 1938,

Danjel 8:​14 sat-​8 jew it-​22 t’Ottubru, 1944

(“Kotra kbira” tfeġġ, timmoltiplika.

Ara Kapitlu 10 taʼ dan il-​ktieb.)

70 ġimgħa (490 sena): 455 Q.E.K. sa 36 E.K.

Danjel 9:​24-27 (Il-miġja tal-​Messija u l-​ministeru

tiegħu fuq l-​art. Ara Kapitlu 11

taʼ dan il-​ktieb.)

1,290 jum: Jannar 1919 sa

Danjel 12:11 Settembru 1922

(Il-Kristjani midlukin jistenbħu u

jipprogressaw spiritwalment.)

1,335 jum: Settembru 1922 sa Mejju 1926

Danjel 12:12 (Il-Kristjani midlukin

jaslu għal stat hieni.)

[Stampi f’paġna 287]

Qaddejja prominenti taʼ Jehovah ntbagħtu b’mod inġust fil-​ħabs federali t’Atlanta, ġewwa Georgia, fl-​Istati Uniti. Mix-​xellug għal-​lemin: (bil-qegħda) A. H. Macmillan, J. F. Rutherford, W. E. Van Amburgh; (bil-wieqfa) G. H. Fisher, R. J. Martin, G. DeCecca, F. H. Robison, u C. J. Woodworth

[Stampi f’paġna 299]

Konvenzjonijiet storiċi saru f’Cedar Point, ġewwa Ohio, fl-​Istati Uniti, fl-​1919 (fuq) u fl-​1922 (taħt)

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 302]