Ħabib li Mhux Veru
Ħabib li Mhux Veru
Int għandek “ħabib” li ilek tafu minn meta kont żagħżugħ. Hu ġiegħlek tħossok li kbirt u aċċettat mill-ħbieb tiegħek. Meta kont stressjat, dejjem stajt iddur fuqu biex iġiegħlek tħossok “aħjar.” Inti spiċċajt tiddependi minnu f’ħafna sitwazzjonijiet.
Maż-żmien, bdejt tinnota l-kwalitajiet koroh tiegħu. Hu jkun irid ikun miegħek il-ħin kollu, anki jekk f’xi postijiet ma jkunux iriduk miegħu. Waqt li ġiegħlek tħossok li kbirt, għamel il-ħsara lil saħħtek. U fuq kollox, ħadlek ħafna mill-flus.
Dan l-aħħar, provajt ma tibqax ħbieb miegħu, imma hu ma ħalliekx. U issa jikkontrollak. Int jiddispjaċik li qatt iltqajt miegħu.
DAN HU kif iħossuhom in-nies li jpejpu fuq is-sigaretti. Wara 50 sena tpejjep, mara jisimha Earline tiftakar: “Is-sigaretti kienu jgħinuni iktar milli setaʼ jgħinni xi ħadd. Kienu aħjar minn ħabib tal-qalb u ġieli lilhom biss kelli.” Earline indunat li s-sigaretti huma ħbieb ħżiena u perikolużi. Il-kliem t’hawn fuq setaʼ kien dwar kif tħossha hi. Imma meta tgħallmet li t-tipjip għal Alla hu ħażin għax iħammeġ lil ġisimna, hi waqfet tpejjep.—2 Korintin 7:1.
Raġel jismu Frank ukoll iddeċieda li jieqaf ipejjep biex jogħġob lil Alla. Ġurnata wara li ħa l-aħħar sigarett, beda jfittex kullimkien għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Frank qal: “Dak il-ħin iddeċidejt x’kont se nagħmel. Ħassejtni diżgustat kif spiċċajt mal-art inqalleb ġot-trab għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Qatt ma rġajt pejjipt.”
Għala daqshekk diffiċli tieqaf tpejjep? Xi studjużi sabu numru taʼ raġunijiet: (1) Bħalma d-drogi jistgħu jsiru vizzju, l-istess it-tabakk. (2) Meta tpejjep in-nikotina, l-effetti tagħha jaslu fil-moħħ f’sebaʼ sekondi biss. (3) It-tipjip jiġi parti importanti fil-ħajja, għax tpejjep meta tiekol, tixrob, titkellem, u biex tnaqqas l-istress.
Bħalma wrew Earline u Frank huwa possibbli li twaqqaf dal-vizzju. Jekk tpejjep u tixtieq tieqaf, dawn l-artikli li ġejjin se jgħinuk tagħmel dan.