Jistaʼ Jirnexxilek!
Jistaʼ Jirnexxilek!
WASAL iż-żmien li ‘tkun kuraġġuż u taġixxi.’ (1 Kronaki 28:10) X’tistaʼ tagħmel iktar biex ikollok iżjed ċans li jirnexxilek?
Agħżel ġurnata. Id-Dipartiment tas-Saħħa u tas-Servizzi Umani tal-Istati Uniti jissuġġerixxi li malli tiddeċiedi li tieqaf tpejjep, l-ewwel ġurnata mingħajr sigaretti għandha tkun fi żmien ġimagħtejn. Jekk tagħmel hekk ma tkunx ilħaqt tlift l-entużjażmu. Immarka l-ġurnata fuq il-kalendarju, għid lill-ħbieb tiegħek, u żomm mad-data anki jekk iċ-ċirkustanzi jinbidlu.
Ħu nota t’affarijiet li ħa jgħinuk ma terġax tpejjep. Tistaʼ tikteb id-dettalji li ġejjin u kull ħaġa li ħa tgħinek iżżomm il-mira tiegħek:
● Ir-raġunijiet għala waqaft tpejjep
● Numri tat-telefown taʼ nies li tistaʼ ċċempel meta tħoss il-bżonn li tpejjep
● Ħsibijiet li se jgħinuk tilħaq il-mira tiegħek, bħall-iskrittura taʼ Galatin 5:22, 23
Żomm din in-nota miegħek il-ħin kollu, u aqraha ħafna drabi matul il-ġurnata. Anki meta tieqaf tpejjep, kompli aqra din in-nota meta jkollok aptit tpejjep.
Sir af xi jqabbdek aptit tpejjep u evitah. Qabel tasal il-ġurnata li fiha se tieqaf, waqqaf id-drawwiet li jwassluk biex tpejjep. Pereżempju, jekk tpejjep malli tqum kull filgħodu, prova stenna siegħa qabel tpejjep. Jekk tpejjep waqt li tiekol jew eżatt wara, biddel ir-rutina. Evita postijiet fejn in-nies ipejpu. U meta tkun waħdek, b’leħen għoli pprattika biex tgħid: “Le grazzi. Jien waqaft inpejjep.” Billi tagħmel hekk ħa tkun preparat għal dik il-ġurnata meta tieqaf tpejjep. Hekk se tiftakar li inti daqt mhux se tpejjep aktar.
Ipprepara biex tieqaf. Hekk kif il-ġurnata toqrob, ixtri affarijiet li tistaʼ tieħu minflok: bħal karrotti, chewing gum, u lewż. Fakkar lill-ħbieb u l-familja fid-data meta se tieqaf u kif jistgħu jgħinuk. Ġurnata qabel tieqaf, neħħi l-ashtrays, lighters, jew sigaretti li għandek id-dar, fil-karozza, fil-bwiet, u fejn taħdem. Dan se jagħmilhielek iktar faċli. Kompli itlob lil Alla biex jgħinek, speċjalment wara l-aħħar sigarett.—Luqa 11:13.
Ħafna nies irnexxielhom jieqfu jpejpu. Int jistaʼ jirnexxilek ukoll. Se jkollok saħħa aħjar meta teħles minn dan il-vizzju.
[Stampa]
Żomm din in-nota miegħek il-ħin kollu, u aqraha ħafna drabi matul il-ġurnata