Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli

Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli

Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli

“Jien iddeċidejt nieqaf inpejjep għax kont naf li hu ħażin għat-​tarbija tagħna. Allura d-​dar għamilt tabella tan-​‘No Smoking.’ Imma siegħa wara, tant xtaqt inpejjep li qabbadt sigarett.”—Yoshimitsu, il-​Ġappun.

BĦALMA turina l-​esperjenza taʼ Yoshimitsu, meta persuna tipprova tieqaf tpejjep, se jkollha l-​isfidi. Xi studjużi sabu li kważi 90 fil-​mija taʼ dawk li jerġgħu jaqgħu għas-​sigaretti jispiċċaw ikomplu jpejpu. Allura se jkun iżjed faċli biex tieqaf tpejjep jekk tkun lest għall-​isfidi li se jkollok. X’jistgħu jkunu?

Ix-​xewqa kbira għan-​nikotina: Din ix-​xewqa l-​iżjed li tkun kbira tlett ijiem wara li tieqaf tpejjep u tibda titlaq wara ġimagħtejn. Raġel li waqaf ipejjep qal li “f’dak iż-​żmien ġieli jkollok ix-​xewqa u ġieli le.” Imma anki snin wara forsi tkun trid terġaʼ tpejjep. Jekk jiġri hekk, taqax għax-​xewqa li tpejjep. Ipprova stenna ħames minuti u suppost ix-​xewqa għandha titlaq.

Sfidi oħra: Għall-​bidu, tistaʼ ssibha diffiċli biex tibqaʼ mqajjem jew tikkonċentra u jistaʼ jkun li żżid il-​piż. Jistaʼ jkollok uġigħ f’ġismek jew problemi tal-​ġilda, tistaʼ togħroq jew tisgħol. Forsi tħossok ukoll bla paċenzja, iktar irrabjat, u jkollok ħafna dwejjaq. Imma bejn erbaʼ u sitt ġimgħat, ħafna sintomi jibdew jonqsu.

F’dan iż-​żmien diffiċli tistaʼ tagħmel xi affarijiet li se jgħinuk. Pereżempju:

● Ipprova orqod iżjed.

● Ixrob ħafna ilma jew juice. Kul ikel tajjeb.

● Agħmel ftit exercise.

● Ħu nifsijiet kbar u immaġina arja nadifa dieħla fil-​pulmun.

X’jistaʼ jwaqqgħek: Se jkun hemm affarijiet li se jġegħluk terġaʼ tpejjep. Pereżempju, forsi kont tieħu sigarett meta tixrob xi ħaġa, bħal te jew kafè. Jekk iva, ipprova ddumx ħafna biex tixrob. Meta mbagħad tieqaf tpejjep, tistaʼ terġaʼ tibda tieħu pjaċir tixrob bil-​mod.

Anki wara li tieqaf tixtieq in-​nikotina, xorta tistaʼ tħoss li għandek bżonn tpejjep meta tagħmel xi affarijiet. Torben, li ssemma qabel, jgħid: “Ili dsatax-​il sena li waqaft, imma meta nieħu l-​kafè waqt il-​brejk xorta nitħajjar inpejjep.” Imma maż-​żmien, din ix-​xewqa tibqaʼ dejjem tonqos.

Imma meta tixrob l-​alkoħol, trid toqgħod iżjed attent. Jekk qed tipprova tieqaf tpejjep, forsi jkollok bżonn tieqaf tixrob l-​alkoħol jew tmur f’postijiet fejn ikun hemm l-​alkoħol. Dan għax ħafna nies jerġgħu jibdew ipejpu meta jixorbu l-​alkoħol. Għala?

● Anki jekk tixrob ftit alkoħol se tieħu pjaċir iżjed bin-​nikotina.

● Ħafna drabi n-​nies iżjed ipejpu meta jixorbu l-​alkoħol mal-​ħbieb tagħhom.

● Meta tixrob l-​alkoħol mhux dejjem se tieħu deċiżjonijiet tajbin u jaf tagħmel affarijiet li normalment ma tagħmilhomx. Il-​Bibbja tgħid: ‘L-​inbid ineħħi l-​motiv tajjeb.’​—Ħosea 4:​11.

Il-​ħbieb: Oqgħod attent ħafna ma’ min tagħmilha. Pereżempju, ipprova tagħmilhiex ma’ nies li jpejpu jew li jistgħu jħajruk biex tpejjep. U tagħmilhiex ma’ nies li se jidħqu bik għax qed tipprova tieqaf tpejjep.

Kif tħossok: Studju juri li tnejn minn kull tlieta reġgħu bdew ipejpu għax ħassewhom stressjati jew irrabjati. Jekk tħoss li trid tpejjep, agħmel xi ħaġa oħra bħal li tixrob l-​ilma, tomgħod iċ-​chewing gum, jew tmur mixja. Ipprova aħseb f’affarijiet sbieħ, billi titlob lil Alla għall-​għajnuna jew taqra ftit mill-​Bibbja.​—Salm 19:14.

Tagħmilx Skużi

Ħa nieħu nifs wieħed biss.

Il-​verità: Nifs wieħed jagħtik nofs in-​nikotina li jkollok bżonn għal tliet sigħat. Għalhekk, xi nies li jipprovaw jieħdu nifs wieħed biss jerġgħu jibdew ipejpu.

Jien inpejjep biex ma nkunx stressjat.

Il-​verità: Xi studji juru li n-​nikotina tagħmlek iżjed stressjat. Ħafna nies ma jħossux l-​istress għax ikunu ħadu n-​nikotina li jkollhom bżonn.

Ili wisq inpejjep biex nieqaf.

Il-​verità: Jekk taħseb li mhux se jirnexxilek tieqaf, se jkun iżjed diffiċli. Il-​Bibbja tgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” (Proverbji 24:10) Tkunx negattiv. Kull min jixtieq jieqaf ipejjep u jimxi ma’ pariri tajbin, bħalma kien hawn f’dawn l-​artikli, se jirnexxilu.

Meta nipprova nieqaf ikolli ħafna sintomi.

Il-​verità: Is-​sintomi huma b’saħħithom, imma wara ftit ġimgħat jibdew jonqsu. Mela taqtax qalbek! Jekk wara xi xhur jew snin tħoss li trid tpejjep, wara ftit minuti probabbli mhux se tibqaʼ tħossok l-​istess. Imma dan se jiġri biss jekk ma tqabbadx sigarett.

Għandi problema mentali.

Il-​verità: Jekk tbati minn mard bħal depression jew schizophrenia, staqsi t-​tabib biex jgħinek tieqaf tpejjep. It-​tabib żgur li se jkun lest li jgħinek, forsi billi jbiddillek il-​mediċina li tieħu.

Jekk nerġaʼ npejjep inħoss li mhux se jirnexxili.

Il-​verità: Jekk taqaʼ għal sigarett mhux l-​aħħar tad-​dinja. Taqtax qalbek imma ibqaʼ pprova. Anki jekk tieħu sigarett, ma jfissirx li mhux se jirnexxilek. Imma żgur mhux se jirnexxilek jekk taqtaʼ qalbek. Mela ibqaʼ pprova. Fl-​aħħar se taqtagħhom!

Aħseb fl-​esperjenza taʼ Romualdo, li pejjep għal 26 sena u li ilu iktar minn 30 sena li qatagħhom. Hu kiteb: “Ma nafx kemm-​il darba rġajt bdejt inpejjep. Kull darba li pejjipt kont inħossni ħażin. Ħsibt li qatt ma se jirnexxili naqtagħhom. Meta daħħaltha f’moħħi li jrid ikolli ħbiberija tajba m’Alla Ġeħova u bqajt nitolbu biex jgħinni, imbagħad stajt naqtagħhom.”

Fl-​artiklu li jmiss se naraw suġġerimenti oħra li se jgħinuk tibqaʼ ferħan mingħajr ma tpejjep.

[Kaxxa/​Stampa]

PERIKOLUŻ B’KULL MOD

It-​tabakk jintuża b’ħafna modi differenti. Xi prodotti tat-​tabakk jinbiegħu fi ħwienet tal-​mediċina naturali jew health shops. Imma l-​Għaqda Dinjija tas-​Saħħa tgħid li “kull tip taʼ tabakk huwa perikoluż ħafna.” Mard li jistaʼ jiġi mit-​tabakk, bħal kanċer u problemi fil-​qalb, jistgħu jwasslu għall-​mewt. Ommijiet li jpejpu jistgħu jagħmlu ħsara lit-​trabi li għadhom ma twildux. Kif jintuża normalment it-​tabakk?

Bidis: Dawn huma sigaretti żgħar imremblin. L-​aktar li huma użati huma f’pajjiżi fl-​Asja. Nies li jpejpu l-​bidis jieħdu iktar tartru, nikotina, u carbon monoxide minn sigaretti normali.

Sigarri: Dawn huma magħmulin minn tabakk imrembel f’werqa tat-​tabakk jew f’karta magħmula mit-​tabakk. Il-​mod kif jagħmlu s-​sigarri jagħmilha possibbli biex tieħu n-​nikotina minn ħalqek anki jekk ma tqabbdux.

Kreteks, jew sigaretti bl-​imsiemer tal-​qronfol: Normalment ikun fihom 60 fil-​mija tabakk u 40 fil-​mija msiemer tal-​qronfol. Min ipejjiphom jieħu iktar tartru, nikotina, u carbon monoxide minn sigaretti normali.

Pipa: Li tpejjep il-​pipa mhux aħjar minn sigarett għax it-​tnejn iqabbdu l-​kanċer u mard ieħor.

Tabakk li ma tpejpux: Dan jinkludi li tomgħod it-​tabakk, snuff (trab tat-​tabakk), u l-​gutkha, li hu tabakk b’togħmiet differenti. In-​nikotina mill-​ħalq tispiċċa fid-​demm. Li tuża tabakk mingħajr ma tpejpu hu perikoluż daqs tabakk ieħor.

Pipa tal-​ilma (bongs, hookahs, narghiles, shishas): Meta tpejjep minn pipa bħal dawn, id-​duħħan tat-​tabakk l-​ewwel jgħaddi minn ġol-​ilma. Dan jaf xorta ma jnaqqasx ir-​riskju taʼ mard bħall-​kanċer.

[Kaxxa/​Stampa]

GĦIN LIL ĦADDIEĦOR BIEX JIEQAF IPEJJEP

Kun pożittiv. Ikun aħjar li tgħid xi ħaġa pożittiva milli tmaqdar. Se tgħin iżjed jekk tgħid, “Naħseb darb’oħra se jirnexxilek” milli tgħid “Erġajt waqajt!”

Aħfer. Kun paċenzjuż ma’ dawk li qed jipprovaw jaqtgħu s-​sigaretti u jkunu rrabjati. Tkellem bil-​ħlewwa magħhom. Pereżempju, “Naf li diffiċli imma vera kburi bik.” Qatt tgħid, “Nippreferik meta kont tpejjep!”

Kun ħabib tajjeb. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.” (Proverbji 17:17) “Il-​ħin kollu” trid tipprova turi mħabba u paċenzja ma’ dawk li qed jipprovaw jaqtgħu s-​sigaretti, anki jekk ikollhom burdata ħażina.