Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Jinformana Dwar il-​Għanijiet Tiegħu

Alla Jinformana Dwar il-​Għanijiet Tiegħu

Ir-​4 Parti

Alla Jinformana Dwar il-​Għanijiet Tiegħu

1, 2. Kif nafu li Alla jagħti tweġibiet lil dawk li jistaqsu b’mod sinċier?

 ALLA li jħobb tabilħaqq li se jirrivela l-​għanijiet tiegħu lil uħud sinċieri li jfittxuh. Hu fil-​fatt jipprovdi lil bnedmin li jistaqsu bi tweġibiet għal mistoqsijiet bħal il-​għala jħallina nsofru.

2 Il-​Bibbja tistqarr: “Jekk int tfittxu [lil Alla], hu se jħalli lilu nnifsu jkun misjub minnek.” “Jeżisti Alla fis-​smewwiet li hu Kixxief tas-​sigrieti.” “Il-​Mulej Sovran Jehovah ma se jagħmel xejn jekk ma jkunx kixef il-​ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.”​—1 Kronaki 28:9; Danjel 2:28; Amos 3:7.

Fejn Huma t-​Tweġibiet?

3. Fejn nistgħu nsibu għala Alla jħallina nsofru?

3 It-​tweġibiet għal mistoqsijiet bħal il-​għala Alla jħallina nsofru u x’se jagħmel hu dwar is-​sofferenza jinstabu fil-​kitba li hu nebbaħ għall-​benefiċċju tagħna. Dik il-​kitba hija l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa. “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet, biex tiddixxiplina fit-​tjieba, biex il-​bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-​sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”​—2 Timotew 3:​16, 17.

4, 5. Liema ħaġa tagħmel lill-​Bibbja ktieb uniku?

4 Il-​Bibbja hija verament ktieb uniku. Fiha kitba l-​iktar eżatta tal-​istorja tal-​bniedem u saħansitra tmur lura lil hinn mill-​ħolqien tal-​bnedmin. Hija wkoll aġġornata, għax il-​profeziji tagħha għandhom x’jaqsmu maʼ ġrajjiet taʼ żmienna u tal-​futur viċin ukoll.

5 Ebda ktieb ieħor ma għandu kredenzjali bħal dawn għal eżattezza storika. Per eżempju, ftit manuskritti biss taʼ kittieba klassiċi tal-​qedem jeżistu. Imma jeżistu ħafna manuskritti, taʼ partijiet jew il-​ħaġa sħiħa, tal-​Bibbja: madwar 6,000 tal-​Iskrittura Ebrajka (id-39 ktieb tat-​“Testment il-​Qadim”) u madwar 13,000 tal-​Iskrittura Griega Kristjana (is-27 ktieb tat-​“Testment il-​Ġdid”).

6. Għala nistgħu nkunu żguri li l-​Bibbja llum hija bażikament l-​istess bħal meta Alla nebbaħha?

6 Alla li jistaʼ kollox, li nebbaħ il-​Bibbja, ħa ħsieb li l-​integrità testwali tagħha tiġi ppreservata f’dawk il-​kopji tal-​manuskritti. Mela l-​Bibbji tagħna llum huma essenzjalment l-​istess bħall-​kitbiet oriġinali mnebbħin. Fattur ieħor li jgħinna napprezzaw dan hu li xi kopji tal-​manuskritti tal-​Iskrittura Griega Kristjana jmorru lura sa mitt sena miż-​żmien tal-​kitba oriġinali. Il-​ftit kopji tal-​manuskritti taʼ kittieba sekulari tal-​qedem li għadhom jeżistu rari jmorru lura sa saħansitra diversi sekli mill-​awturi oriġinali.

Il-​Għotja t’Alla

7. Kemm hi kbira ċ-​ċirkolazzjoni tal-​Bibbja?

7 Il-​Bibbja hija l-​ktieb li l-​iktar li ġie mqassam maʼ kullimkien fl-​istorja. Xi tliet biljun kopja ġew stampati. Ebda ktieb ieħor ma jiġi viċin dik il-​figura. U l-​Bibbja jew partijiet minnha ġew tradotti f’xi 2,000 lingwa. B’hekk, huwa stmat li 98 fil-​mija tal-​popolazzjoni tal-​pjaneta tagħna jistgħu jkollhom aċċess għall-​Bibbja.

8-10. X’inhuma xi raġunijiet għala l-​Bibbja jixirqilha li tiġi eżaminata minna?

8 Żgur li ktieb li jsostni li ġej minn Alla u li għandu l-​evidenzi esterni u interni kollha taʼ awtentiċità jixraqlu li jiġi eżaminat minna. * Jispjega l-​iskop tal-​ħajja, x’ifissru l-​kundizzjonijiet tad-​dinja, u x’ġej fil-​futur. Ebda ktieb ieħor ma jistaʼ jagħmel dak.

9 Iva, il-​Bibbja hija l-​komunikazzjoni t’Alla mal-​familja umana. Hu dderieġa l-​kitba tagħha bil-​forza attiva, jew spirtu, tiegħu, b’xi 40 bniedem jagħmlu l-​kitba. B’hekk Alla jitkellem magħna permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Meta rċevejtu l-​kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, aċċettajtuha, mhux bħala l-​kelma taʼ bnedmin, imma, sewwa sew bħalma verament hi, bħala l-​kelma t’Alla.”​—1 Tessalonkin 2:13.

10 Abraham Lincoln, is-​16-il wieħed mill-​presidenti tal-​Istati Uniti, sejjaħ lill-​Bibbja “l-​aqwa għotja li Alla qatt ta lill-​bniedem . . . Mingħajrha ma stajniex inkunu nafu t-​tajjeb mill-​ħażin.” Issa allura, din il-​għotja superlattiva x’tgħidilna dwar kif bdiet is-​sofferenza, għala Alla ppermettieha, u x’se jagħmel dwarha?

[Nota taʼ taħt]

^ Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar l-​awtentiċità tal-​Bibbja, ara l-​ktieb The Bible​—God’s Word or Man’s?, ippubblikat fl-​1989 mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ l-​Istudju]

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Bibbja, imnebbħa minn Alla, hija l-​komunikazzjoni tiegħu mal-​familja umana