Għala Alla Ħalliena Nsofru
Is-6 Parti
Għala Alla Ħalliena Nsofru
1, 2. L-ewwel ġenituri tagħna kif ħassru l-bidu mill-aħjar li tahom Alla?
X’MAR ħażin? X’ġara biex tħassar il-bidu mill-aħjar li Alla ta lill-ewwel ġenituri tagħna fil-Ġenna tal-Art taʼ Għeden? Għala, minflok il-paċi u l-armonija tal-Ġenna tal-Art, ħakmu l-ħażen u t-tbatija għal eluf taʼ snin?
2 Ir-raġuni hi li Adam u Eva wżaw ħażin ir-rieda ħielsa tagħhom. Huma naqsu li jikkunsidraw il-fatt li ma kinux ġew maħluqin biex jimxu ’l quddiem apparti minn Alla u l-liġijiet tiegħu. Iddeċidew li jsiru indipendenti minn Alla, billi ħasbu li dan kien se jtejjeb il-ħajjiet tagħhom. Mela huma ħarġu ’l barra mil-limiti taʼ rieda ħielsa ordnati minn Alla.—Ġenesi, kapitlu 3.
Il-Kwistjoni tas-Sovranità Universali
3-5. Alla għala ma qeridx sempliċement lil Adam u lil Eva u beda mill-ġdid?
3 Alla għala ma qeridx sempliċement lil Adam u Eva u beda mill-ġdid b’par uman ieħor? Għaliex is-sovranità universali tiegħu, jiġifieri, id-dritt li ma jiħodulu ħadd tiegħu biex jaħkem, kienet ġiet sfidata.
4 Il-mistoqsija kienet: Min għandu d-dritt li jaħkem, u l-ħakma taʼ min hi sewwa? Il-fatt li hu jistaʼ kollox u li hu l-Ħallieq tal-ħlejjaq kollha jagħti lil Alla d-dritt li jaħkem fuqhom. Ladarba hu għandu l-għerf kollu, il-ħakma tiegħu hi l-aqwa għall-ħlejjaq kollha. Imma l-ħakma t’Alla kienet issa ġiet sfidata. Ukoll, kien hemm xi ħaġa ħażina fil-ħolqien tiegħu—il-bniedem? Iktar tard se neżaminaw kif il-kwistjoni tal-integrità tal-bniedem hija involuta.
5 Minħabba l-fatt li l-bniedem sar indipendenti minn Alla, mistoqsija oħra kienet issuġġerita: Setgħu l-bnedmin imorru aħjar jekk ma jaħkimhomx Alla? Il-Ħallieq ċertament li kien jafha r-risposta, imma mod żgur biex il-bnedmin isiru jafuha kien li hu jħallilhom il-libertà totali li riedu huma. Huma għażlu dik il-korsa bir-rieda ħielsa tagħhom stess, u għalhekk Alla ppermettieh dan.
6, 7. Alla għala ppermettielhom lill-bnedmin libertà totali għal daqshekk żmien?
6 Billi lill-bnedmin iħallilhom żmien biżżejjed biex jesperimentaw bil-libertà totali, Alla kien se jistabbilixxi għal kull żmien jekk il-bnedmin imorrux aħjar taħt il-ħakma t’Alla jew għal rashom. U ż-żmien imħolli ried ikun twil biżżejjed biex iħalli lill-bnedmin jaslu għal dik li huma qisuha bħala l-quċċata taʼ kisbiet politiċi, industrijali, xjentifiċi, u mediċi tagħhom.
7 Għalhekk, Alla ħalla lill-bniedem opportunità sħiħa dritt sa żmienna biex juri bla ebda dubju jekk il-ħakma umana indipendenti minnu tistax tirnexxi. B’hekk il-bniedem setaʼ jagħżel bejn il-qalb tajba u l-kefrija, bejn l-imħabba u l-mibgħeda, bejn it-tjieba u n-nuqqas taʼ tjieba. Imma hu wkoll ġie kkonfrontat bil-konsegwenzi tal-għażla tiegħu: tjubija u paċi jew ħażen u tbatija.
L-Irvell taʼ Ħlejjaq Spirti
8, 9. (a) L-irvell kif faqqaʼ fil-qasam tal-ispirti? (b) Minbarra lil Adam u Eva Satana lil min influwenza biex jirribella?
8 Hemm fattur ieħor li rridu nikkunsidraw. Il-ġenituri oriġinali tagħna ma kinux l-uniċi li rribellaw kontra l-ħakma t’Alla. Imma min iktar kien jeżisti f’dak iż-żmien? Ħlejjaq spirti. Qabel ma Alla ħalaq lill-bnedmin, hu ħalaq forma ogħla taʼ ħajja, għadd kbir taʼ anġli, biex igħixu fil-qasam tas-sema. Huma wkoll kienu maħluqin b’rieda ħielsa u wkoll kellhom bżonn jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma t’Alla.—Ġob 38:7; Salm 104:4; Rivelazzjoni 5:11.
9 Il-Bibbja turi li l-irvell faqqaʼ l-ewwel fil-qasam tal-ispirti. Ħlejqa spirtu ried libertà totali. Hu saħansitra ried li l-bnedmin iqimu lilu. (Matthew 4:8, 9) Dan l-ispirtu ribelluż sar fattur f’li jinfluwenza lil Adam u Eva biex jirribellaw, billi sostna b’qerq li Alla kien qiegħed iżomm xi ħaġa tajba lura minnhom. (Ġenesi 3:1-5) Mela huwa msejjaħ Xitan (Kalunnjatur) u Satana (Avversarju). Iktar tard, hu ħajjar lil ħlejjaq spirti oħrajn biex jirribellaw. Huma saru magħrufin bħala demonji.—Dewteronomju 32:17; Rivelazzjoni 12:9; 16:14.
10. X’irriżulta mill-irvell tal-bnedmin u taʼ ħlejjaq spirti?
10 Il-bnedmin, billi rribellaw kontra Alla, fetħu ruħhom beraħ għall-influwenza taʼ Satana u d-demonji tiegħu. Huwa għalhekk li l-Bibbja lil Satana ssejjaħlu “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet,” li “għama l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” Għalhekk, il-Kelma t’Alla tgħid li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar.” Ġesù nnifsu lil Satana sejjaħlu “l-ħakkiem taʼ din id-dinja.”—2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19; Ġwann 12:31.
Żewġ Kwistjonijiet
11. Satana sfida lil Alla rigward liema kwistjoni oħra?
11 Satana qajjem kwistjoni oħra li sfidat lil Alla. Effettivament, hu sostna li Alla kien żballjat fil-mod kif ħalaq lill-bnedmin u li ħadd ma kien se jkun irid li jagħmel il-ħaġa sewwa meta jkun taħt pressjoni. Fil-fatt, hu sostna li taħt prova huma kienu saħansitra se jisħtu lil Alla. (Ġob 2:1-5) B’dan il-mod Satana daħħal fid-dubju l-integrità tal-ħolqien uman.
12-14. Iż-żmien kif kellu jirrivela l-verità dwar iż-żewġ kwistjonijiet li qajjem Satana?
12 Għalhekk, Alla ħalla żmien biżżejjed għall-ħlejjaq intelliġenti kollha biex jaraw kif din il-kwistjoni kif ukoll il-kwistjoni tas-sovranità t’Alla kienu se jiġu solvuti. (Qabbel Eżodu 9:16.) L-esperjenza eventwali tal-istorja tal-bniedem kellha tirrivela l-verità dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet.
13 L-ewwelnett, iż-żmien x’kellu jirrivela rigward il-kwistjoni tas-sovranità universali, id-dritt tal-ħakma t’Alla? Setgħu l-bnedmin jaħkmu lilhom infushom aħjar minn Alla? Kellha kwalunkwe sistema taʼ ħakma mill-bniedem apparti minn Alla ġġib dinja hienja ħielsa minn gwerer, kriminalità, u inġustizzja? Kellha xi waħda minnhom telimina l-faqar u tipprovdi riżq għal kulħadd? Kellha xi waħda minnhom tirbaħ kontra l-mard, ix-xjuħija, u l-mewt? Il-ħakma t’Alla kienet iddisinnjata biex tagħmel dak kollu.—Ġenesi 1:26-31.
14 Rigward it-tieni kwistjoni, iż-żmien x’kellu jirrivela inkwantu għas-siwi tal-ħolqien uman? Kien żball għal Alla li ħalaq lill-bnedmin kif ħalaqhom? Kien xi ħadd minnhom se jagħmel il-ħaġa sewwa taħt prova? Kellhom xi nies juru li riedu l-ħakma t’Alla minflok ħakma umana indipendenti?
[Mistoqsijiet taʼ l-Istudju]
[Stampa f’paġna 13]
Alla ħalla ż-żmien biex il-bnedmin jilħqu l-quċċata taʼ kisbiet tagħhom
[Sors]
Ibbażat fuq ritratt tan-NASA