Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-​Dinja Ġdida Meraviljuża li Se Jagħmel Alla

Id-​Dinja Ġdida Meraviljuża li Se Jagħmel Alla

Il-​10 Parti

Id-​Dinja Ġdida Meraviljuża li Se Jagħmel Alla

1, 2. X’se jiġri wara l-​gwerra li tnaddaf taʼ Armageddon?

 WARA l-​gwerra t’Armageddon li biha Alla se jnaddaf kollox, imbagħad x’jiġri? Imbagħad se tibda era glorjuża ġdida. Dawk li se jibqgħu ħajjin wara Armageddon, billi jkunu diġà taw prova tal-​lealtà tagħhom lejn il-​ħakma minn Alla, se jiddaħħlu f’dinja ġdida. X’perijodu eċċitanti ġdid tal-​istorja se jkun dak hekk kif jitferrgħu benefiċċji meraviljużi mingħand Alla fuq il-​familja umana!

2 Taħt id-​direzzjoni tas-​Saltna t’Alla, dawk li jibqgħu ħajjin se jibdew jiżżviluppaw ġenna tal-​art. L-​enerġiji tagħhom se jkunu mmirati lejn għanijiet mhux egoisti li se jkunu taʼ ġid għal kulmin ikun qed igħix hemmhekk. L-​art se tibda tinbidel f’dar sabiħa, taʼ paċi u sodisfaċenti għall-​bnedmin.

It-​Tjieba Tieħu Post il-​Ħażen

3. Liema serħan immedjat se jinħass preċiz wara Armageddon?

3 Dan kollu se jintgħamel possibbli bil-​qerda tad-​dinja taʼ Satana. Qatt iktar ma se jkun hemm reliġjonijiet foloz, sistemi soċjali, jew gvernijiet, li joħolqu firda. Qatt iktar ma se jkun hemm propaganda satanika li tqarraq bin-​nies; l-​aġenziji kollha li jipproduċuha se jgħibu mas-​sistema taʼ Satana. Aħseb ftit: l-​atmosfera vvelenata kollha kemm hi tad-​dinja taʼ Satana se titwarrab! X’serħan se jkun dak!

4. Iddeskrivi l-​bidla li se sseħħ fit-​tagħlim.

4 Imbagħad l-​ideat qerrieda tal-​ħakma umana se jeħdilhom posthom it-​tagħlim edifikanti li jiġi minn Alla. “U wliedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah.” (Isaija 54:13) B’din l-​istruzzjoni bnina sena wara l-​oħra, “l-​art ċertament li se tkun mimlija bil-​għarfien taʼ Jehovah bħalma l-​ilmijiet qed jiksu lill-​istess baħar.” (Isaija 11:9) In-​nies m’humiex se jitgħallmu iktar dak li hu ħażin, imma “t-​tjieba hija dak li l-​abitanti tal-​art produttiva ċertament li se jitgħallmu.” (Isaija 26:9) Ħsibijiet u azzjonijiet li jibnu se jkunu l-​ordni tal-​ġurnata.​—Atti 17:31; Filippin 4:8.

5. X’se jiġri mill-​ħażen kollu u min-​nies mill-​agħar?

5 B’hekk, mhux se jkun hemm iktar qtil, vjolenza, stupru, serq, jew xi delitt ieħor. Ħadd ma se jkollu jbati minħabba l-​għemejjel mill-​agħar taʼ oħrajn. Proverbji 10:30 igħid: “Inkwantu għall-​wieħed twajjeb, għal żmien indefinit hu mhux se jiġi mġiegħel jimxi qisu se jaqaʼ; imma inkwantu għal dawk li huma mill-​agħar, huma m’humiex se jibqgħu jgħammru fuq l-​art.”

Saħħa Perfetta Restawrata

6, 7. (a) Liema realtà ħarxa se tinġieb fit-​tmiem mill-​ħakma tas-​Saltna? (b) Ġesù kif werieh dan waqt li kien fuq l-​art?

6 Fid-​dinja l-​ġdida, se jkun hemm irranġar tal-​effetti ħżiena kollha tal-​irvell oriġinali. Per eżempju, il-​ħakma tas-​Saltna se telimina l-​mard u x-​xjuħija. Illum, saħansitra jekk int tgawdi ammont taʼ saħħa tajba, ir-​realtà ħarxa hi li hekk kif int tixjieħ, għajnejk jiċċajpru, snienek jitmermru, is-​smiegħ tiegħek jiddgħajjef, il-​ġilda tiegħek titkemmex, l-​organi interni tiegħek ma jibqgħux jaħdmu, sakemm fl-​aħħar tmut.

7 Madankollu, dawn l-​effetti taʼ niket li writna mingħand l-​ewwel ġenituri tagħna dalwaqt se jkunu xi ħaġa tal-​passat. Tiftakar int x’wera Ġesù rigward is-​saħħa waqt li kien fuq l-​art? Il-​Bibbja tirrakkonta: “Folol kbar resqu lejh, li kellhom magħhom nies li kienu zopop, immankati, għomja, muti, u oħrajn mod ieħor, u tefgħuhom b’mod ġust f’riġlejh, u hu fejjaqhom; biex b’hekk il-​folla baqgħet imgħaġġba hekk kif raw il-​muti jitkellmu u z-​zopop jimxu u l-​għomja jaraw.”​—Mattew 15:​30, 31.

8, 9. Iddeskrivi l-​ferħ li se jiġi fid-​dinja l-​ġdida meta tiġi rrestawrata s-​saħħa perfetta.

8 X’ferħ kbir se jiġi fid-​dinja l-​ġdida hekk kif il-​mard kollu tagħna jiġi eliminat! It-​tbatija li tirriżulta minn nuqqas taʼ saħħa qatt iktar ma se titturmentana. “Ebda resident ma se jgħid: ‘Jien marid.’” “F’dak iż-​żmien għajnejn il-​għomja se jinfetħu, u l-​istess widnejn tat-​torox se jkunu mhux misdudin. F’dak iż-​żmien iz-​zopp se jixxabbat sewwa sew bħalma jagħmel iċ-​ċerv, u lsien il-​mutu se jgħajjat bil-​ferħ.”​—Isaija 33:24; 35:​5, 6.

9 Ma jkunx eċċitanti li tqum kull fil-​għodu u tirrealizza li int issa tgawdi saħħa mill-​aqwa? Ma jkunx taʼ sodisfazzjon għal nies xjuħ li jkunu jafu li ngħataw lura l-​qawwa taż-​żgħożija u li se jiksbu l-​perfezzjoni illi Adam u Eva kienu jgawdu oriġinalment? Il-​wegħda tal-​Bibbja hi: “Ħalli l-​laħam tiegħu jsir iktar frisk milli fiż-​żgħożija; ħallih imur lura lejn il-​jiem tal-​ħeġġa taʼ żgħożitu.” (Ġob 33:25) Xi pjaċir ikun li teħles min-​nuċċalijiet tal-​vista, mill-​għajnuniet għas-​smiegħ, mill-​krozzi, mis-​siġġijiet bir-​roti, u mill-​mediċini! L-​isptarijiet, it-​tobba, u d-​dentisti qatt iktar ma se jkollna bżonnhom.

10. X’se jiġri mill-​mewt?

10 Nies li jgawdu saħħa mill-​aqwa bħal din mhux se jkunu jridu jmutu. U mhux se jkollhom għalfejn imutu, għaliex il-​bniedem qatt iktar ma se jkun maħkum mill-​imperfezzjoni li writna u mill-​mewt. Kristu “jrid jaħkem bħala sultan sakemm Alla jkun qiegħed il-​għedewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt trid tinġieb fix-​xejn.” “[I]l-għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem.”​—1 Korintin 15:​25, 26; Rumani 6:23; ara wkoll Isaija 25:8.

11. Rivelazzjoni kif jiġbor fil-​qosor il-​benefiċċji tad-​dinja l-​ġdida?

11 Billi jiġbor fil-​qosor il-​benefiċċji li se jitferrgħu mingħand dak Alla li jimpurtah għall-​familja umana fil-​Ġenna tal-​art, l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja jgħid: “U [Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-​mewt ma tkunx iżjed, u la l-​għali u la l-​biki u lanqas l-​uġigħ ma jkunu iżjed. L-​affarijiet taʼ qabel għaddew.”​—Rivelazzjoni 21:​3, 4.

Jirritornaw il-​Mejtin

12. Ġesù kif wera l-​qawwa li tah Alla biex iqajjem mill-​mewt?

12 Ġesù mhux biss fejjaq lill-​morda u liz-​zopop. Hu ġab ukoll lil xi persuna lura mill-​qabar. B’hekk wera l-​qawwa tal-​għaġeb tal-​irxoxt li Alla kien tah. Tiftakarha l-​okkażjoni meta Ġesù ġie fid-​dar taʼ wieħed raġel li bintu kienet mietet? Ġesù qal lit-​tifla mejta: “Tfajla, jien ingħidlek, Qum!” B’liema riżultat? “Minnufih it-​tfajla qamet u bdiet timxi.” Malli raw dan, in-​nies “intilfu f’estasi kbir.” Bil-​kemm setgħu jifilħu jżommu l-​ferħ tagħhom!​—Mark 5:​41, 42; ara wkoll Luqa 7:​11-16; Ġwann 11:​1-45.

13. Liema xorta taʼ nies se jiġu rxoxtati?

13 Fid-​dinja l-​ġdida, “se jkun hemm irxoxt kemm tat-​twajbin u kemm taʼ dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) F’dak iż-​żmien Ġesù se juża l-​qawwa li tah Alla biex iqajjem lill-​mejtin għaliex, kif qal hu, “Jien hu l-​irxoxt u l-​ħajja. Min jeżerċita fidi fija, saħansitra għalkemm imut, se jieħu l-​ħajja.” (Ġwann 11:25) Hu qal ukoll: “Dawk kollha fl-​oqbra tal-​mafkar [fil-memorja t’Alla] se jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.”​—Ġwann 5:​28, 29.

14. Peress li l-​mewt mhix se tkun iktar, liema affarijiet se neħilsu minnhom?

14 Kbir se jkun il-​ferħ mal-​art kollha meta grupp wara grupp taʼ nies mejtin jerġgħu lura għall-​ħajja biex jingħaqdu mal-​maħbubin tagħhom! Mhux se jkun hemm iktar obitwarji stampati fil-​gazzetti biex inikktu lil dawk li jibqgħu ħajjin. Minflok, forsi jistaʼ jkun hemm sewwa sew l-​oppost: avviżi dwar irxoxtijiet ġodda biex iferrħu lil dawk li ħabbewhom. Mela xejn iktar funerali, twiebet, krematorji, jew ċimiterji!

Dinja Verament fil-​Paċi

15. Il-​profezija taʼ Mikea kif se titwettaq fis-​sens l-​iktar sħiħ tagħha?

15 Se tinkiseb il-​vera paċi f’kull qasam tal-​ħajja. Il-​gwerer, dawk li jġibu l-​gwerer, u dawk li jimmanifatturaw l-​armamenti se jkunu xi ħaġa tal-​passat. Għala? Għaliex interessi nazzjonali u razzjali li jifirdu jkunu għebu. Imbagħad, fil-​veru sens tal-​kelma, “m’humiex se jerfgħu sejf, ġens kontra ġens, lanqas ma se jitgħallmu l-​gwerra iżjed.”​—Mikea 4:3.

16. Alla kif se jara li l-​gwerer isiru impossibbli?

16 Wieħed forsi jiskanta b’dan meta wieħed iqis l-​istorja mdemmija tal-​bniedem bil-​gwerer il-​ħin kollu. Imma dan ġara minħabba li l-​bniedem kien taħt ħakma umana u demonika. Fid-​dinja l-​ġdida, taħt il-​ħakma tas-​Saltna, dan hu li se jiġri: “Ejjew, ilmħu l-​attivitajiet taʼ Jehovah . . . Qiegħed iġiegħel il-​gwerer jieqfu sa tarf l-​art. Il-​qaws hu jaqsam fi tnejn u tassew ikisser il-​lanza f’biċċiet; il-​vaguni [tal-gwerra] jaħraqhom fin-​nar.”​—Salm 46:​8, 9.

17, 18. Fid-​dinja l-​ġdida, liema paċi se tiġġedded mal-​annimali?

17 Il-​bnedmin u l-​annimali wkoll se jkunu fil-​paċi bejniethom, bħalma kienu f’Għeden. (Genesi 1:28; 2:19) Alla jgħid: “Għalihom jien ċertament li se nikkonkludi patt f’dak il-​jum f’konnessjoni mal-​bhima selvaġġa tal-​għalqa u mal-​ħlejqa li ttir tas-​smewwiet u l-​ħaġa li titkaxkar tal-​art, u . . . se nġigħelhom jimteddu fis-​sigurtà.”​—Ħosea 2:18.

18 Kemm se tkun estensiva dik il-​paċi? “[I]l-lupu se jgħammar attwalment għal ftit żmien mal-​ħaruf, u mal-​gidi se jimtedd il-​lijupard innifsu, u l-​għoġol u l-​iljun żagħżugħ muxgħar u l-​annimal mitmugħ sewwa lkoll flimkien; u naqra taʼ tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom.” Qatt iktar ma sejrin l-​annimali jkunu taʼ theddida għall-​bniedem jew għalihom infushom. Saħanistra “l-​iljun se jiekol it-​tiben sewwa sew bħall-​gendus”!​—Isaija 11:​6-9; 65:25.

L-​Art Mibdula f’Ġenna tal-​Art

19. L-​art se tinbidel f’liema ħaġa?

19 L-​art kollha kemm hi se tinbidel f’dar bħal ġenna għall-​bnedmin. Kien għalhekk li Ġesù setaʼ jwiegħed lir-​raġel li emmen fih: “Int se tkun miegħi fil-​Ġenna.” Il-​Bibbja tgħid: “Ix-​xagħri u r-​reġjun bla ilma se jeżaltaw, u l-​pjanura tad-​deżert se tkun ferħana u tiżgħar bħaż-​żafran. . . . Għax fix-​xagħri l-​ilmijiet se jkunu nfaqgħu, u gelgil fil-​pjanura tad-​deżert.”​—Luqa 23:43; Isaija 35:​1, 6.

20. Il-​ġuħ għala qatt iktar ma se jifni lill-​bniedem?

20 Taħt is-​Saltna t’Alla, il-​ġuħ qatt iktar ma se jifleġ lil miljuni. “Se jiġi li jkun hemm kotra taʼ qamħ fuq l-​art; fuq il-​quċċata tal-​muntanji se jkun hemm iżżejjed.” “Is-​siġra tal-​għalqa trid tagħti l-​frott tagħha, u l-​art infisha se tagħti l-​prodott tagħha, u huma attwalment se jagħtu prova li jkunu fuq il-​ħamrija tagħhom fis-​sigurtà.”​—Salm 72:16; Eżekjel 34:27.

21. X’se jiġri min-​nuqqas taʼ djar, kerrejjiet, u nħawi koroh?

21 Qatt iktar ma se jkun hemm faqar, nies bla dar, kerrejjiet, jew inħawi mifnijin mill-​kriminalità. “Ċertament li se jibnu djar u jokkupawhom; u ċertament li se jħawlu għelieqi tad-​dwieli u jieklu l-​frott tagħhom. Mhux se jibnu huma u xi ħadd ieħor jokkupah; mhux se jħawlu huma u xi ħadd ieħor jiekol.” “Huma attwalment se jpoġġu bil-​qiegħda, kull wieħed taħt id-​dielja tiegħu u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu, u ma se jkun hemm ħadd li jġigħelhom jitriegħdu.”​—Isaija 65:​21, 22; Mikea 4:4.

22. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​barkiet taʼ ħakma minn Alla?

22 Il-​bnedmin se jkunu mberkin b’dawn l-​affarijiet kollha, u b’iktar, fil-​Ġenna tal-​art. Salm 145:16 igħid: “Int [Alla] qed tiftaħ idek u tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” Mhux taʼ b’xejn li l-​profezija tal-​Bibbja tiddikjara: “[I]l-ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-​art, u huma tabilħaqq se jsibu l-​għaxqa bnina tagħhom fl-​abbundanza taʼ paċi. . . . It-​twajbin infushom se jkollhom pussess tal-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”​—Salm 37:​11, 29.

Irranġata l-​Ħsara tal-​Passat

23. Is-​Saltna t’Alla kif se tħott is-​sofferenza kollha li ġarrabna?

23 Il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla se tirranġa l-​ħsara kollha magħmula lill-​familja umana għal dawn l-​aħħar sitt elef sena. Il-​ferħ taʼ dak iż-​żmien se jisboq bil-​kbir lil kull sofferenza li n-​nies ikunu ġarrbu. Il-​ħajja mhix se tkun iddisturbata b’memorji koroh taʼ sofferenzi tal-​passat. Il-​ħsibijiet u l-​attivitajiet edifikanti li se jkunu l-​ħajja taʼ kuljum għan-​nies se jħassru bil-​mod il-​mod il-​memorji taʼ niket.

24, 25. (a) Isaija x’bassar li għandu jiġri? (b) Għala nistgħu nkunu żguri li l-​memorji taʼ sofferenzi tal-​passat se jiċċajpru?

24 Dak Alla li jimpurtah jiddikjara: “Qiegħed noħloq smewwiet ġodda [gvern ġdid fis-​sema fuq il-​bniedem] u art ġdida [soċjetà umana taʼ tjieba]; u l-​affarijiet taʼ qabel m’humiex se jitfakkru, lanqas ma jidħlu fil-​qalb. Imma eżaltaw, intom, u kunu ferħanin għal dejjem b’dak li qiegħed noħloq.” “L-​art kollha kemm hi strieħet, saret ħielsa minn tfixkil. In-​nies saru ferħanin b’għajjat taʼ ferħ.”​—Isaija 14:7; 65:​17, 18.

25 Mela permezz tas-​Saltna tiegħu, Alla se jirriversja għalkollox is-​sitwazzjoni ħażina li ilha għal daqstant żmien. Tul l-​eternità se juri kemm jimpurtah bil-​kbir minna b’nixxigħat taʼ barkiet li se jpattu bil-​kbir ferm għall-​uġigħ li rċevejna fil-​passat tagħna. L-​inkwiet li nkunu ġarrabna qabel se jiċċajpru mbagħad f’memorja ’l bogħod, jekk wara kollox inkunu rridu niftakruhom.

26. Alla għala se jikkompensana għal xi tbatija tal-​passat?

26 B’dak il-​mod se jikkompensana Alla għas-​sofferenza li forsi ssaportejna f’din id-​dinja. Hu jaf li ma kienx tort tagħna li twelidna imperfetti, għax aħna writna l-​imperfezzjoni mingħand l-​ewwel ġenituri tagħna. Ma kienx tort tagħna li twelidna f’dinja satanika, għax kieku Adam u Eva kienu leali, konna nkunu minflok twelidna f’ġenna tal-​art. Mela b’mogħdrija kbira Alla se jpatti bil-​kbir għall-​passat ħażin li ntlaqatna bih.

27. Liema profeziji se jaraw it-​twettieq meraviljuż tagħhom fid-​dinja l-​ġdida?

27 Fid-​dinja l-​ġdida, il-​bniedem se jġarrab il-​libertà mbassra f’​Rumani 8:​21, 22: “Il-​ħolqien innifsu wkoll se jinħeles mill-​jasar għall-​korruzzjoni u jkollu l-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla. Għax aħna nafu li l-​ħolqien kollu jibqaʼ jitniegħed flimkien u jkun fl-​uġigħ flimkien s’issa.” In-​nies imbagħad se jaraw it-​twettieq sħiħ tat-​talba: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Il-​kundizzjonijiet meraviljużi fil-​Ġenna tal-​art se jirriflettu l-​kundizzjonijiet fis-​sema.

[Mistoqsijiet taʼ l-​Istudju]

[Stampi f’paġni 23]

Fid-​dinja l-​ġdida, ix-​xjuħ se jerġgħu lura lejn is-​saħħa taż-​żgħożija

[Stampa f’paġna 24]

Il-​mard u l-​mankamenti kollha se jiġu eliminati fid-​dinja l-​ġdida

[Stampa f’paġna 25]

Fid-​dinja l-​ġdida, il-​mejtin se jiġu rxoxtati għall-​ħajja

[Stampa f’paġna 26]

‘Mhux se jitgħallmu l-​gwerra iktar’

[Stampi f’paġni 27]

Il-​bnedmin u l-​annimali se jkunu f’paċi totali fil-​Ġenna tal-​Art

[Stampa f’paġni 27]

‘Alla se jiftaħ idu u jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja’

[Stampa f’paġni 28]

Is-​Saltna t’Alla se tagħmel iktar minn li sempliċement tpatti għas-​sofferenza kollha li ssaportejna