Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Għan t’Alla Jimxi Lejn it-​Twettieq

Il-​Għan t’Alla Jimxi Lejn it-​Twettieq

It-​8 Parti

Il-​Għan t’Alla Jimxi Lejn it-​Twettieq

1, 2. Alla kif kien qed jagħmel provvediment biex jeħlisna mis-​sofferenza?

 IL-​ĦAKMA minn demonji u nies ribellużi ilha tkaxkar lill-​familja umana ’l isfel għal bosta sekli. Iżda, Alla ma injorax it-​tbatijiet tagħna. Minflok, matul is-​sekli kollha, hu kien qed jagħmel provvediment għall-​ħelsien tal-​bnedmin mill-​ħakma tal-​ħażen u tas-​sofferenza.

2 Fi żmien l-​irvell f’Għeden, Alla beda jikxef il-​għan tiegħu li jifforma gvern li kellu jagħmel minn din l-​art dar bħal ġenna għan-​nies. (Genesi 3:15) Iktar tard, bħala l-​kelliemi ewlieni t’Alla, Ġesù għamel lil dan il-​gvern li ġej t’Alla bħala t-​tema tat-​tagħlim tiegħu. Hu qal li kellu jkun l-​unika tama għall-​bniedem.​—Danjel 2:44; Mattew 6:​9, 10; 12:21.

3. X’sejjaħlu Ġesù lill-​gvern li ġej għall-​art, u għala?

3 Ġesù sejjaħ lil dak il-​gvern li ġej t’Alla “s-​saltna tas-​smewwiet,” ladarba kellu jaħkem mis-​sema. (Mattew 4:17) Sejjaħlu wkoll “is-​saltna t’Alla,” ladarba Alla kellu jkun l-​Awtur tiegħu. (Luqa 17:20) Matul is-​sekli Alla nebbaħ lill-​kittieba tiegħu biex iniżżlu bil-​miktub profeziji dwar dawk li kellhom jifformaw dak il-​gvern u x’kellu jwettaq.

Is-​Sultan il-​Ġdid tal-​Art

4, 5. Alla kif wera li Ġesù kien is-​Sultan approvat minnu?

4 Kien Ġesù, kważi elfejn sena ilu, li wettaq ħafna mill-​profeziji dwar dak li kellu jkun is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Hu wera li kien il-​għażla t’Alla biex ikun il-​Ħakkiem taʼ dak il-​gvern tas-​sema fuq il-​bnedmin. U wara mewtu, Alla rxoxta lil Ġesù għal ħajja fis-​sema bħala ħlejqa spirtu, immortali, u setgħan. Kien hemm ħafna xhieda tal-​irxoxt tiegħu.​—Atti 4:10; 9:​1-9; Rumani 1:​1-4; 1 Korintin 15:​3-8.

5 Ġesù mbagħad “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla.” (Ebrej 10:12) Hemm hu stenna ż-​żmien meta Alla kellu jagħtih is-​setgħa biex jieħu azzjoni bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. Dan wettaq il-​profezija f’Salm 110:1, fejn Alla jgħidlu: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​leminija tiegħi sakemm inqiegħed l-​egħdewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.”

6. Ġesù kif wera li kien jikkwalifika biex ikun is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla?

6 Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù wera li kien ikkwalifikat għal pożizzjoni bħal din. Minkejja l-​persekuzzjoni, hu għażel li jżomm l-​integrità tiegħu lejn Alla. Billi għamel hekk, hu wera li Satana kien gideb meta sostna li ebda bniedem ma kien se jkun leali lejn Alla taħt prova. Ġesù, bniedem perfett, it-​‘tieni Adam,’ wera li Alla ma kienx żballjat f’li joħloq bnedmin perfetti.​—1 Korintin 15:​22, 45; Mattew 4:​1-11.

7, 8. Liema affarijiet tajbin għamel Ġesù waqt li kien fuq l-​art, u x’wera?

7 Liema ħakkiem qatt wettaq daqstant ġid daqs kemm wettaq Ġesù fil-​ftit snin tal-​ministeru tiegħu? Imqawwi mill-​ispirtu qaddis t’Alla, Ġesù fejjaq lill-​morda, lill-​immankati, lill-​għomja, lit-​torox, lill-​muti. Saħansitra qajjem lill-​mejtin! Hu wera fuq skala żgħira x’kellu jagħmel għall-​bnedmin fuq skala globali meta jikseb il-​qawwa tas-​Saltna.​—Mattew 15:​30, 31; Luqa 7:​11-16.

8 Ġesù tant għamel ġid waqt li kien fuq l-​art li d-​dixxiplu tiegħu Ġwanni qal: “Hemm, fil-​fatt, ħafna affarijiet oħra wkoll li Ġesù għamel, li, kieku qatt kellhom jinkitbu sa l-​iċken dettal, naħseb jien, id-​dinja nfisha ma setgħetx tesaʼ r-​rombli miktubin.”​—Ġwann 21:25. *

9. Nies taʼ qalb onesta għala marru bi ħġarhom għand Ġesù?

9 Ġesù kien qalbu tajba u kollu mogħdrija, billi kellu mħabba kbira lejn in-​nies. Hu għen lill-​foqra u lil min kien imgħaffeġ, imma ma għamilx diskriminazzjoni kontra l-​għonja u dawk li kellhom xi pożizzjoni. Nies taʼ qalb onesta wieġbu għall-​istedina li għamel Ġesù b’imħabba meta qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħanin u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:​28-30) Nies li jibżgħu minn Alla marru għandu bi ħġarhom u ħarsu ’l quddiem lejn il-​ħakma tiegħu.​—Ġwann 12:19.

Ħakkiema Mseħbin

10, 11. Min se jkollu sehem maʼ Ġesù f’li jaħkem fuq l-​art?

10 Bħalma kull gvern ikollu amministraturi mseħbin miegħu, hekk ukoll għandha s-​Saltna t’Alla fis-​sema. Hemm oħrajn minbarra Ġesù li għandhom ikollhom sehem f’li jaħkmu fuq l-​art, għax Ġesù wiegħed lil dawk imseħbin miegħu mill-​qrib li huma kellhom jaħkmu miegħu bħala slaten fuq il-​bnedmin.​—Ġwann 14:​2, 3; Rivelazzjoni 5:10; 20:6.

11 B’hekk, flimkien maʼ Ġesù, numru limitat taʼ bnedmin jiġu wkoll irxoxtati għal ħajja fis-​sema. Huma jifformaw is-​Saltna t’Alla li se ġġib barkiet eterni għall-​bnedmin. (2 Korintin 4:14; Rivelazzjoni 14:​1-3) Mela tul is-​sekli, Jehovah ħadem biex iwitti t-​triq għal ħakma li se ġġib barkiet eterni għall-​familja umana.

Ħakma Indipendenti Se Tintemm

12, 13. Is-​Saltna t’Alla x’inhi issa lesta biex tagħmel?

12 F’dan is-​seklu Alla qed jindaħal b’mod dirett fl-​affarijiet tal-​art. Bħalma se jiġi diskuss fid-​9 Parti taʼ dan il-​brochure, il-​profezija tal-​Bibbja turi li s-​Saltna t’Alla taħt Kristu twaqqfet fl-​1914 u hi issa lesta biex tfarrak lis-​sistema taʼ Satana kollha kemm hi. Dik is-​Saltna lesta biex ‘tmur taħkem f’nofs il-​għedewwa taʼ Kristu.’​—Salm 110:2.

13 F’dan ir-​rigward il-​profezija taʼ Danjel 2:44 tgħid: “Fil-​jiem taʼ dawk is-​slaten [li jeżistu llum] Alla tas-​sema se jwaqqaf saltna [fis-sema] li qatt ma se tinqered, u lanqas ma se titħalla s-​sovranità tagħha għal xi poplu ieħor [billi qatt iktar ma se titħalla l-​ħakma mill-​bniedem]. Hi [s-Saltna t’Alla] se tfarrak f’biċċiet lil dawn is-​saltniet kollha u ġġibhom fi tmiem, u hi se tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”​—Revised Standard Version.

14. Liema huma xi benefiċċji li se jiġu bħala riżultat t-​tmiem tal-​ħakma mill-​bniedem?

14 Meta l-​ħakmiet kollha indipendenti minn Alla jkunu twarrbu min-​nofs, il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art tkun sħiħa. U peress li s-​Saltna taħkem mis-​sema, qatt ma tistaʼ tiġi korrotta mill-​bnedmin. Il-​poter biex wieħed jiggverna se jkun fejn suppost li kien mill-​bidunett, jiġifieri fis-​sema, għand Alla. U ladarba l-​ħakma t’Alla se tikkontrolla lill-​art kollha, qatt iktar ma se jkun xi ħadd żvijat minn reliġjonijiet foloz jew minn filosofiji umani u teoriji politiċi li ma jissodisfawx. Ebda waħda minn dawk l-​affarijiet ma se titħalla teżisti.​—Mattew 7:​15-23; Rivelazzjoni, kapitli 17 sa 19.

[Nota taʼ taħt]

^ Għal rakkont sħiħ dwar il-​ħajja taʼ Ġesù, ara l-​ktieb L-​Aqwa Bniedem li Qatt Għex ippubblikat fl-​1991 mill-​Watchtower Society.

[Mistoqsijiet taʼ l-​Istudju]

[Stampa f’paġna 18]

Waqt li kien fuq l-​art Ġesù fejjaq lill-​morda u qajjem lill-​mejtin biex juri x’kellu jagħmel fid-​dinja l-​ġdida

[Stampa f’paġna 19]

Is-​Saltna t’Alla fis-​sema se tfarrak mill-​eżistenza lil kull forma taʼ ħakma indipendenti minnu