Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Għotja tal-​Għaġeb tar-​Rieda Ħielsa

Il-​Għotja tal-​Għaġeb tar-​Rieda Ħielsa

Il-​5 Parti

Il-​Għotja tal-​Għaġeb tar-​Rieda Ħielsa

1, 2. Liema għotja tal-​għaġeb hija parti minn kif aħna magħmulin?

 BIEX nifhmu għala Alla ħalliena nsofru u x’se jagħmel hu dwar is-​sofferenza, għandna bżonn napprezzaw kif għamilna. Hu għamel iktar milli ħalaqna b’sempliċi ġisem u moħħ li jaħseb. Ħalaqna wkoll bi kwalitajiet speċjali, mentali u emozzjonali.

2 Parti bażika tal-​forma mentali u emozzjonali tagħna hija r-​rieda ħielsa. Iva, Alla poġġa ġewwa fina l-​fakultà tal-​libertà tal-​għażla. Kienet tabilħaqq għotja tal-​għaġeb mingħandu.

Kif Aħna Magħmulin

3-5. Għala napprezzaw aħna r-​rieda ħielsa?

3 Ejjew nikkunsidraw kif ir-​rieda ħielsa hija involuta f’li Alla ħalliena nsofru. Biex nibdew, aħseb dwar dan: Tapprezzah int il-​fatt li għandek il-​libertà li tagħżel x’se tagħmel u tgħid, x’se tiekol u tilbes, liema xorta taʼ xogħol se tagħmel, u fejn u kif se tgħix? Jew trid li xi ħadd jiddettalek kull kelma u azzjoni tiegħek kull mument taʼ ħajtek?

4 Ebda persuna normali ma trid li l-​ħajja tagħha tittieħed minn taħt il-​kontroll tagħha daqshekk bis-​sħiħ. Għala le? Minħabba l-​mod kif Alla għamilna. Il-​Bibbja tgħidilna li Alla ħalaq lill-​bniedem fix-​‘xbiha u x-​xebh’ tiegħu, u waħda mill-​fakultajiet li Alla nnifsu għandu hi l-​libertà tal-​għażla. (Ġenesi 1:26; Dewteronomju 7:6) Meta ħalaq lill-​bnedmin, hu tahom dik l-​istess fakultà tal-​għaġeb​—il-​għotja tar-​rieda ħielsa. Dik hi raġuni waħda għala aħna ma niħdux pjaċir li nkunu mjassrin minn ħakkiema oppressivi.

5 Mela x-​xewqa għal-​libertà mhix b’kumbinazzjoni, għax Alla huwa Alla taʼ libertà. Il-​Bibbja tgħid: “Fejn qiegħed l-​ispirtu taʼ Jehovah, hemm il-​libertà.” (2 Korintin 3:17) Għalhekk, Alla tana r-​rieda ħielsa bħala parti minn kif aħna fformati. Ladarba hu kien jaf kif l-​imħuħ u l-​emozzjonijiet tagħna kienu se jaħdmu, kien jaf li aħna konna se nkunu l-​iktar ferħanin bir-​rieda ħielsa.

6. Alla kif ħalaq il-​moħħ tagħna biex jaħdem fi qbil mar-​rieda ħielsa?

6 Flimkien mal-​għotja tar-​rieda ħielsa, Alla tana l-​abbiltà biex naħsbu, niżnu l-​kwistjonijiet, nieħdu deċiżjonijiet, u nkunu nafu t-​tajjeb mill-​ħażin. (Ebrej 5:14) B’hekk, ir-​rieda ħielsa kellha tkun ibbażata fuq għażla intelliġenti. Ma konniex magħmulin bħal robots bla moħħ li m’għandhom l-​ebda rieda tagħhom stess. Lanqas ma konna maħluqin biex naġixxu bl-​istint kif kienu maħluqin l-​annimali. Minflok, il-​moħħ meraviljuż tagħna kien iddisinnjat biex jaħdem fi qbil mal-​libertà tal-​għażla tagħna.

L-​Aqwa Bidu

7, 8. Alla ta liema bidu mill-​aħjar lill-​ewwel ġenituri tagħna?

7 Biex juri kemm Alla kien jimpurtah, flimkien mal-​għotja tar-​rieda ħielsa, l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, ġew mogħtijin kollox li xi ħadd setaʼ b’mod raġonevoli jkun irid. Tpoġġew f’ġenna tal-​art kbira ħafna bħal ġnien. Kellhom l-​abbundanza materjali. Kellhom imħuħ u iġsma perfetti, u b’hekk ma kellhomx għalfejn jixjieħu jew jimirdu jew imutu​—setgħu għexu għal dejjem. Kien ikollhom tfal perfetti li wkoll setgħu jkollhom futur hieni, għal dejjem. U l-​popolazzjoni li dejjem tikber kien ikollha x-​xogħol sodisfaċenti taʼ li eventwalment idawru l-​art kollha kemm hi f’ġenna.​—Ġenesi 1:​26-30; 2:15.

8 Rigward dak li kien ipprovdut, il-​Bibbja tirrakkonta: “Alla ra kull ħaġa li kien għamel u, ħares! kienet tajba ħafna.” (Ġenesi 1:31) Il-​Bibbja tgħid ukoll dwar Alla: “Perfetta hi l-​attività tiegħu.” (Dewteronomju 32:4) Iva, il-​Ħallieq ta lill-​familja umana bidu perfett. Ma setax ikun aħjar. Kemm ta prova li hu Alla li jimpurtah!

Libertà Limitata

9, 10. Ir-​rieda ħielsa għala trid tiġi rregolata b’mod xieraq?

9 Madankollu, kellu Alla l-​iskop li r-​rieda ħielsa tkun mingħajr limiti? Immaġina belt traffikuża mingħajr liġijiet tat-​traffiku, fejn kulħadd jistaʼ jsuq f’liema direzzjoni jrid u b’liema veloċità jrid. Trid int issuq taħt dawk il-​kundizzjonijiet? Le, dik kieku tkun anarkija tat-​traffiku u żgur li tirriżulta f’ħafna inċidenti.

10 Hekk ukoll mal-​għotja t’Alla taʼ rieda ħielsa. Libertà mingħajr limiti tkun tfisser anarkija fis-​soċjetà. Irid ikun hemm il-​liġijiet biex jiggwidaw l-​attivitajiet tal-​bniedem. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Ġibu ruħkom bħal irġiel ħielsa, u qatt tużaw il-​libertà tagħkom bħala skuża għall-​ħażen.” (1 Pietru 2:​16, JB) Alla jrid li r-​rieda ħielsa tkun irregolata għall-​ġid taʼ kulħadd. Hu kellu l-​iskop għalina li jkollna, mhux libertà totali, imma libertà relattiva, suġġetta lejn ir-​regola tal-​liġi.

Liġijiet taʼ Min?

11. Il-​liġijiet taʼ min konna ddisinnjati biex nobdu?

11 Il-​liġijiet taʼ min aħna ddisinnjati biex nobdu? Parti oħra tat-​test fl-​1 Pietru 2:16JB) tistqarr: “Ma intom irsiera taʼ ħadd ħlief t’Alla.” Dan ma jfissirx skjavitù oppressiv, imma, minflok, ifisser li aħna konna ddisinnjati biex inkunu l-​iktar ferħanin meta nkunu sottomessi lejn il-​liġijiet t’Alla. (Mattew 22:​35-40) Il-​liġijiet tiegħu, iktar minn kwalunkwe liġijiet imsawrin mill-​bnedmin, jipprovdu l-​aqwa gwida. “Jien, Jehovah, jien Alla tiegħek, Dak li qiegħed igħallmek biex tibbenefika lilek innifsek, Dak li qiegħed iġiegħlek tirfes fil-​mogħdija li fiha għandek timxi.”​—Isaija 48:17.

12. Liema libertà tal-​għażla għandna ġewwa l-​liġijiet t’Alla?

12 Fl-​istess ħin, il-​liġijiet t’Alla jippermettu libertà kbira tal-​għażla fil-​limiti tagħhom. Dan jirriżulta f’varjetà u lill-​familja umana jagħmilha affaxxinanti. Aħseb dwar it-​tipi differenti taʼ ikel, ilbies, mużika, arti, u djar madwar id-​dinja. Aħna żgur li nippreferu li jkollna l-​għażla tagħna f’affarijiet bħal dawn minflok ma jkollna xi persuna oħra tiddeċiedi għalina.

13. Liema liġijiet fiżiċi rridu nobdu għall-​ġid tagħna stess?

13 B’hekk aħna konna maħluqin biex inkunu l-​iktar ferħanin meta nkunu suġġetti lejn il-​liġijiet t’Alla għal imġieba umana. Dan huwa l-​istess bħal li tkun suġġett lejn il-​liġijiet fiżiċi t’Alla. Per eżempju, jekk ma nagħtux kas il-​liġi tal-​gravità u naqbżu minn fuq xi post fil-​għoli, se nweġġgħu jew immutu. Jekk ma nagħtux kas il-​liġijiet interni tal-​ġisem tagħna u ma niklux iktar ikel, ma nixorbux iktar ilma, jew ma niħdux iktar nifs, se mmutu.

14. Kif nafu li l-​bnedmin ma kinux maħluqin biex ikunu indipendenti minn Alla?

14 Daqskemm hi ħaġa żgura li konna maħluqin bil-​bżonn li nissottomettu ruħna lejn il-​liġijiet fiżiċi t’Alla, aħna konna maħluqin bil-​bżonn li nissottomettu ruħna lejn il-​liġijiet morali u soċjali t’Alla. (Mattew 4:4) Il-​bnedmin ma kinux maħluqin biex ikunu indipendenti minn Dak li għamilhom u jkollhom suċċess. Il-​profeta Ġeremija jgħid: “Ma jappartjenix lill-​bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-​pass tiegħu. Ikkorreġini, O Jehovah.” (Ġeremija 10:​23, 24) Mela b’kull mod il-​bnedmin kienu maħluqin biex igħixu taħt it-​tmexxija t’Alla, mhux tagħhom stess.

15. Kienu l-​liġijiet t’Alla jkunu piż għal Adam u Eva?

15 L-​ubbidjenza lejn il-​liġijiet t’Alla ma kinetx tkun taʼ piż għall-​ewwel ġenituri tagħna. Minflok, kienet iġġib ’il quddiem l-​istat tajjeb tagħhom u dak tal-​familja umana kollha kemm hi. Kieku l-​ewwel par qagħdu fil-​limiti tal-​liġijiet t’Alla, kollox kien ikun sewwa. Fil-​fatt, aħna kieku issa qegħdin ingħixu f’ġenna tal-​art tal-​għaġeb u taʼ pjaċir bħala familja umana magħquda li tħobb! Ma kienx ikun hemm ħażen, sofferenza, u mewt.

[Mistoqsijiet taʼ l-​Istudju]

[Stampa f’paġna 11]

Il-​Ħallieq ta lill-​bnedmin bidu perfett

[Stampa f’paġna 12]

Trid kieku int issuq fi traffiku qawwi kieku ma kien hemm ebda liġijiet tat-​traffiku?