Il-Pedament tad-Dinja l-Ġdida Qed Jiġi Fformat Issa
Il-11-il Parti
Il-Pedament tad-Dinja l-Ġdida Qed Jiġi Fformat Issa
1, 2. Bi twettieq tal-profezija tal-Bibbja, x’qed iseħħ quddiem għajnejna?
DAK li hu wkoll meraviljuż huwa l-fatt li l-pedament tad-dinja l-ġdida t’Alla qed jiġi fformat issa stess, saħansitra hekk kif qed tkompli tiddeġenera d-dinja l-qadima taʼ Satana. Quddiem għajnejna stess, Alla qed jiġbor nies mill-ġnus kollha u bihom qed jifforma l-pedament għal soċjetà ġdida fuq l-art li dalwaqt se tieħu post id-dinja mifruda tal-lum. Fil-Bibbja, fit-2 Pietru 3:13, din is-soċjetà ġdida hi msejħa “art ġdida.”
2 Il-profezija tal-Bibbja tgħid ukoll: “Fil- parti finali tal-jiem [iż-żmien li qed ingħixu fih aħna issa] . . . , ħafna popli ċertament se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew u ħalli nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah [il-qima vera tiegħu], . . . u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.’”—Isaija 2:2, 3.
3. (a)Fost min qed titwettaq il-profezija taʼ Isaija? (b) L-aħħar ktieb tal-Bibbja kif jikkummenta dwar dan?
3 Dik il-profezija qiegħda issa titwettaq fost dawk li jissottomettu ruħhom lejn il-‘mogħdijiet t’Alla u jimxu fil-passaġġi tiegħu.’ L-aħħar ktieb tal-Bibbja jitkellem dwar din is-soċjetà internazzjonali taʼ nies li jħobbu l-paċi bħala “folla kbira . . . mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha,” familja globali taʼ aħwa veri li jaqdu ’l Alla magħqudin. U l-Bibbja tgħid ukoll: “Dawn huma dawk li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira.” Jiġifieri, huma se jibqgħu ħajjin matul it-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet mill-agħar.—Rivelazzjoni 7:9, 14; Mattew 24:3.
Fratellanza Internazzjonali Vera
4, 5. Il-fratellanza mad-dinja kollha tax-Xhieda taʼ Jehovah għala hija possibbli?
4 Miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah qegħdin sinċerament jipprovaw igħixu f’armonija mal-istruzzjonijiet u l-mogħdijiet t’Alla. It-tama tagħhom għal ħajja eterna hi ankrata fid-dinja l-ġdida t’Alla. Billi jġibu rwieħhom taʼ kuljum b’mod ubbidjenti lejn il-liġijiet t’Alla, huma juruh ir-rieda tagħhom li jissottomettu ruħhom lejn il-mod tiegħu taʼ kif imexxi kemm issa u kemm fid-dinja l-ġdida. Kullimkien, hi x’inhi n-nazzjonalità jew ir-razza tagħhom, jobdu l-istess livelli—dawk li tqiegħdu minn Alla fil-Kelma tiegħu. Hu għalhekk li huma fratellanza internazzjonali vera, soċjetà dinjija ġdida magħmula minn Alla.—Isaija 54:13; Mattew 22:37, 38; Ġwann 15:9, 14.
5 Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jiħdux il-kredtu taʼ li huma fratellanza globali unika. Huma jafu li din hi r-riżultat tal-ispirtu setgħani t’Alla li qed jaħdem fin-nies li jissottomettu ruħhom lejn il-liġijiet tiegħu. (Atti 5:29, 32; Galatin 5:22, 23) Hi xi ħaġa li għamilha Alla. Bħalma qal Ġesù, “l-affarijiet li huma impossibbli għall-bnedmin huma possibbli għal Alla.” (Luqa 18:27) Mela dak Alla li għamel possibbli lill-univers li jibqaʼ huwa dak li wkoll jagħmel possibbli lis-soċjetà dinjija ġdida li tibqaʼ.
6. Il-fratellanza tax-Xhieda taʼ Jehovah għala tistaʼ tissejjaħ miraklu modern?
6 B’hekk, il-mod taʼ kif jaħkem Jehovah fid-dinja l-ġdida jistaʼ diġà jidher f’dak li qed jipproduċi fil-pedament tad-dinja l-ġdida li qed jiġi issa fformat. U dak li għamel bix-Xhieda tiegħu hu, f’ċertu sens, miraklu modern. Għala? Għaliex bena lix-Xhieda taʼ Jehovah fi fratellanza dinjija vera, waħda li qatt ma tistaʼ tinkiser b’interessi nazzjonali, razzjali, jew reliġjużi, li jifirdu. Waqt li x-Xhieda jgħoddu bil-miljuni u jgħixu f’iktar minn 200 artijiet, huma magħqudin flimkien bħal ħaġa waħda f’rabta li ma titkissirx. Din il-fratellanza dinjija, unika fl-istorja, hi tabilħaqq miraklu modern—biċċa xogħol li għamel Alla.—Isaija 43:10, 11, 21; Atti 10:34, 35; Galatin 3:28.
Nidentifikaw lill-Poplu t’Alla
7. Ġesù kif qal li kellhom jiġu identifikati s-segwaċi veri tiegħu?
7 Kif nistgħu aħna nkomplu niddeterminaw min huma n-nies li Alla qed juża bħala l-pedament tad-dinja l-ġdida tiegħu? Sewwa, min iwettaq il-kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 13:34, 35? Hu jistqarr: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien, li intom ukoll tħobbu lil xulxin. B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnuh il-kliem taʼ Ġesù u jaġixxu fuqu. Bħalma tistruwixxi l-Kelma t’Alla, huma għandhom “imħabba intensa lejn xulxin.” (1 Pietru 4:8) Huma ‘jitlibbsu bl-imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.’ (Kolossin 3:14) Mela l-imħabba tal-aħwa hi l-“kolla” li żżommhom magħqudin madwar id-dinja kollha.
8. L-1 Ġwann 3:10-12 kif ikompli jidentifika lin-nies t’Alla?
8 Ukoll, l-1 Ġwann 3:10-12 igħid: “It-tfal t’Alla u t-tfal tax-Xitan huma evidenti minn dan il-fatt: Kulmin ma jkomplix jagħmel it-tjieba ma joriġinax minn Alla, lanqas ma jagħmel hekk dak li ma jħobbx lil ħuh. Għax dan hu l-messaġġ li smajtu mill-bidu, li għandna jkollna mħabba lejn xulxin; mhux bħal Kajjin, li oriġina mill-wieħed mill-agħar u biċċer lil ħuh.” B’hekk, in-nies t’Alla huma fratellanza globali li mhix vjolenti.
Fattur Ieħor li Jidentifika
9, 10. (a) Il-qaddejja t’Alla b’liema xogħol kellhom ikunu identifikati fl-aħħar jiem? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif wettqu Mattew 24:14?
9 Hemm mod ieħor kif tidentifika lill-qaddejja t’Alla. Fil-profezija tiegħu dwar tmiem id-dinja, Ġesù tkellem dwar ħafna affarijiet li kellhom jimmarkaw lil dan il-perijodu taʼ żmien bħala l-aħħar jiem. (Ara d-9 Parti.) Fattur bażiku taʼ din il-profezija hu msemmi fil-kliem tiegħu f’Mattew 24:14: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.”
10 Rajna aħna dik il-profezija titwettaq? Iva. Minn mindu bdew l-aħħar jiem fl-1914, ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla mad-dinja kollha bil-manjiera li ordna Ġesù, jiġifieri, fid-djar tan-nies. (Mattew 10:7, 12; Atti 20:20) Miljuni taʼ Xhieda jżuru lin-nies f’kull pajjiż biex jitkellmu magħhom dwar id-dinja l-ġdida. Dan wassal biex int ksibt dan il-brochure, billi x-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah jinkludi l-istampar u t-tqassim taʼ biljuni taʼ biċċiet taʼ letteratura dwar is-Saltna t’Alla. Taf int b’xi ħadd ieħor li jippriedka dwar is-Saltna t’Alla minn bieb għal bieb mad-dinja kollha? U Mark 13:10 juri li dan ix-xogħol taʼ ppridkar u tagħlim irid isir “l-ewwel,” qabel jiġi t-tmiem.
Iwieġbu t-Tieni Kwistjoni Kbira
11. X’iwettqu iktar ix-Xhieda taʼ Jehovah billi jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma minn Alla?
11 Billi jissottomettu ruħhom lejn il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah iwettqu xi ħaġa oħra. Juru li Satana kien giddieb meta sostna li l-bnedmin ma setgħux ikunu leali lejn Alla taħt prova, u b’hekk iwieġbu t-tieni kwistjoni kbira, li tinvolvi l-integrità umana. (Ġob 2:1-5) Billi huma soċjetà taʼ miljuni taʼ nies minn kull ġens, ix-Xhieda juru, bħala ġemgħa waħda, lealtà lejn il-ħakma minn Alla. Għalkemm bnedmin imperfetti, huma jżommu man-naħa t’Alla fil-kwistjoni tas-sovranità universali, minkejja kull pressjoni satanika.
12. Bil-fidi tagħhom, ix-Xhieda lil min jimitaw?
12 Illum, dawn il-miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah iżidu t-testimonjanza tagħhom maʼ dik taʼ linja twila taʼ xhieda oħra fi żminijiet l-imgħoddija li wrew lealtà lejn Alla. Xi wħud minn dawn kienu Abel, Noè, Ġob, Abraham, Sara, Iżakk, Ġakobb, Debora, Rut, David, u Danjel, biex insemmu biss ftit. (Ebrej, kapitlu 11) Huma, bħalma tgħid il-Bibbja, ‘sħaba kbira taʼ xhieda leali.’ (Ebrej 12:1) Dawn u oħrajn inklużi d-dixxipli taʼ Ġesù żammew l-integrità lejn Alla. U Ġesù nnifsu pprovda l-akbar eżempju billi żamm integrità perfetta.
13. Liema kliem taʼ Ġesù dwar Satana wera li kien veru?
13 Dan juri li dak li qal Ġesù dwar Satana lill-mexxejja reliġjużi hu veru: “Imma issa intom qegħdin tfittxu li toqtluni, raġel li qalilkom il-verità li jien smajt mingħand Alla. . . . Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom. Dak il-wieħed kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-verità, għaliex il-verità mhix fih. Meta jgħid il-gidba, hu jitkellem skond ix-xeħta tiegħu stess, għaliex huwa giddieb u missier il-gidba.”—Ġwann 8:40, 44.
X’Inhi l-Għażla Tiegħek?
14. X’qed jiġri mill-pedament tad-dinja l-ġdida issa?
14 Il-pedament tad-dinja l-ġdida li qed jiġi fformat issa minn Alla fis-soċjetà internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah qed jissaħħaħ dejjem iktar u iktar. Kull sena mijiet taʼ eluf taʼ nies qed jużaw ir-rieda ħielsa tagħhom, ibbażata fuq għarfien eżatt, biex jaċċettaw il-ħakma minn Alla. Huma jsiru parti mis-soċjetà dinjija ġdida, billi jżommu man-naħa t’Alla fil-kwistjoni tas-sovranità universali, u joħorġu lil Satana taʼ giddieb.
15. Ġesù qiegħed iwettaq liema xogħol taʼ frid fi żmienna?
15 Billi jagħżlu l-ħakma minn Alla, huma jikkwalifikaw biex jitqiegħdu fuq “il-leminija” taʼ Kristu hekk kif hu jifred lin-“ngħaġ” mill-“mogħoż.” Fil-profezija tiegħu dwar l-aħħar jiem, Ġesù bassar: “[I]l-ġnus kollha se jinġabru quddiemu, u hu se jifred lin-nies wieħed mill-ieħor, sewwa sew bħalma ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż. U se jpoġġi lin-ngħaġ fuq il-leminija tiegħu, imma l-mogħoż fuq ix-xellug tiegħu.” In-ngħaġ huma nies umlin li jissieħbu maʼ u jappoġġjaw lil ħut Kristu, billi jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma minn Alla. Il-mogħoż huma nies stinati li jiċħdu lill-aħwa taʼ Kristu u ma jagħmlu xejn biex jappoġġjaw lill-ħakma minn Alla. B’liema riżultat? Ġesù qal: “Dawn [il-mogħoż] se jitilqu fil-qtugħ taʼ dejjem, imma t-twajbin [in-ngħaġ] fil-ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-46.
16. Xi trid tagħmel int jekk trid tgħix fil-Ġenna tal-art li ġejja?
16 Verament, Alla jimpurtah minna! Dalwaqt ferm hu se jipprovdi ġenna tal-art mill-isbaħ. Trid int tgħix f’dik il-Ġenna tal-art? Jekk inhu hekk, uri l-apprezzament tiegħek lejn il-provvedimenti taʼ Jehovah billi titgħallem dwaru u taġixxi fuq dak li titgħallem. “Fittxu intom lil Jehovah, waqt li jistaʼ jinstab. Sejħulu waqt li juri li hu fil-qrib. Ħalli r-raġel mill-agħar iħalli l-mogħdija tiegħu, u r-raġel li jagħmel ħsara ħsibijietu; u ħalli jerġaʼ lura għand Jehovah, li se jkollu ħniena minnu.”—Isaija 55:6, 7.
17. Għala ma hemmx ħin x’titlef biex tagħżel lil min se taqdi?
17 Ma hemmx ħin x’titlef. Tmiem din is-sistema qadima huwa qrib ferm. Il-Kelma t’Alla tagħtina l-parir: “Kunu tħobbu la lid-dinja u lanqas l-affarijiet fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb lid-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih . . . Barra minn dan, id-dinja qed tgħaddi u l-istess ix-xewqa tagħha, imma dak li jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:15-17.
18. Liema korsa taʼ azzjoni se tgħinek tħares ’il quddiem b’fiduċja lejn li tgħix fid-dinja l-ġdida meraviljuża t’Alla?
18 In-nies t’Alla qegħdin issa jiġu mħarrġin għal ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida. Qegħdin jitgħallmu s-snajja spiritwali u snajja oħrajn li huma meħtieġa biex jiżżviluppaw ġenna tal-art. Inħeġġuk biex int tagħżel lil Alla bħala l-Ħakkiem u biex tagħti appoġġ lix-xogħol taʼ fejda li qed iwettaq mal-art kollha llum. Studja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u asal li tkun taf lil dak Alla li verament jimpurtah minnek u li se jġib fi tmiem is-sofferenza. B’dan il-mod int ukoll tistaʼ ssir parti mill-pedament tad-dinja l-ġdida. Imbagħad b’mod fiduċjuż tistaʼ tħares ’il quddiem lejn li tikseb il-favur t’Alla u li tgħix għal dejjem f’dik id-dinja l-ġdida meraviljuża.
[Mistoqsijiet taʼ l-Istudju]
[Stampa f’paġna 31]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom fratellanza internazzjonali vera
[Stampa f’paġna 32]
Il-pedament tad-dinja l-ġdida t’Alla qed jiġi fformat issa