Kif Nafu li Aħna Qegħdin fl-“Aħħar Jiem”
Id-9 Parti
Kif Nafu li Aħna Qegħdin fl-“Aħħar Jiem”
1, 2. Kif inkunu nistgħu ngħidu jekk aħniex fl-aħħar jiem?
KIF nistgħu aħna nkunu żguri li qegħdin ingħixu fiż-żmien meta s-Saltna t’Alla se tieħu azzjoni kontra dis-sistema preżenti taʼ ħakma umana? Kif nistgħu nkunu nafu li qegħdin qrib ferm taż-żmien meta Alla se jġib fi tmiem lill-ħażen u lis-sofferenza kollha?
2 Id-dixxipli taʼ Ġesù Kristu riedu jkunu jafuhom dawk l-affarijiet. Huma staqsewh x’kellu jkun “is-sinjal” tal-preżenza tiegħu fil-poter tas-Saltna u “tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 24:3) Ġesù wieġeb billi ta dettalji dwar grajjiet u kundizzjonijiet li jheżhżu lid-dinja u li flimkien kellhom juru li l-bniedem kien daħal “fiż-żmien tat-tmiem,” fl-“aħħar jiem” taʼ dis-sistema taʼ affarijiet. (Danjel 11:40; 2 Timotew 3:1) Rajnieh aħna f’dan is-seklu dak is-sinjal magħqud? Iva, rajnieh, u b’mod abbundanti!
Gwerer Dinjin
3, 4. Il-gwerer taʼ dan is-seklu kif jaqblu mal-profezija taʼ Ġesù?
3 Ġesù bassar li ‘ġens kellu jqum kontra ġens u saltna kontra saltna.’ (Mattew 24:7) Fl-1914 id-dinja ġiet involuta fi gwerra li rat iċ-ċaqliq taʼ ġnus u saltniet b’mod li kien differenti minn kull gwerra taʼ qabel. B’għarfien taʼ dan il-fatt, il-kittieba tal-istorja f’dak iż-żmien sejħulha l-Gwerra l-Kbira. Kienet l-ewwel gwerra tax-xorta tagħha fl-istorja, l-ewwel gwerra dinjija. Xi 20,000,000 suldat u nies pajżana tilfu ħajjithom, ferm iktar minn kull gwerra taʼ qabel.
4 L-Ewwel Gwerra Dinjija mmarkat il-bidu tal-aħħar jiem. Ġesù qal li din u ġrajjiet oħra kellhom ikunu “bidu taʼ weġgħat taʼ hemm.” (Mattew 24:8) Hekk ġara, hekk kif it-Tieni Gwerra Dinjija kienet saħansitra iktar qattiela, billi tilfu ħajjithom xi 50,000,000 suldat u nies pajżana. F’dan is-seklu 20, ferm iktar minn 100,000,000 ruħ inqatlu fi gwerer, iktar minn erbaʼ darbiet iktar mill-400 sena taʼ qabel miġburin flimkien! X’kundanna enormi għall-ħakma umana!
Evidenzi Oħra
5-7. X’inhuma xi evidenzi oħra li aħna qegħdin fl-aħħar jiem?
5 Ġesù inkluda fatturi oħra li kellhom jakkumpanjaw lill-aħħar jiem: “Se jkun hemm terremoti kbar, u f’post wieħed wara ieħor pesti [mard epidemiku] u nuqqasijiet taʼ ikel.” (Luqa 21:11) Dak jaqbel ħafna mal-ġrajjiet li seħħew mill-1914 ’il hawn, peress li kien hawn żjieda kbira ferm taʼ niket minn gwajiet bħal dawn.
6 Terremoti kbar saru xi ħaġa li tiġri regolarment, u jmutu ħafna nies. L-influwenza Spanjoli waħedha qatlet lil madwar 20,000,000 ruħ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija—xi wħud igħidu li mietu 30,000,000 jew iktar. L-AIDS ħadet mijiet taʼ eluf taʼ ħajjiet u taf tieħu iktar miljuni fil-futur qarib. Kull sena miljuni taʼ nies imutu b’mard tal-qalb, bil-kanċer, u b’mardiet oħra. Miljuni oħra jmutu bil-mod il-mod bil-ġuħ. Ma hemm ebda dubju li r-‘rikkieba taż-żwiemel tal-apokalissi’ bil-gwerer, bin-nuqqas taʼ ikel, u bil-mard epidemiku tagħhom ilhom joqtlu lil għadd kbir mill-familja umana sa mill-1914.—Rivelazzjoni 6:3-8.
7 Ġesù bassar ukoll iż-żjieda fil-kriminalità li qed tinħass f’kull pajjiż. Hu qal: “Minħabba ż-żjieda fil-ksur tal-liġi l-imħabba tal-biċċa l-kbira se tibred.”—Mattew 24:12.
8. Il-profezija fit-2 Timotew kapitlu 3 kif taqbel maʼ żmienna?
8 Iktar minn hekk, il-profezija tal-Bibbja bassret il-kollass morali li tant jidher mad-dinja kollha llum: “Fl-aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax il-bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux lill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, mhux lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla, għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma juru li huma foloz għall-qawwa tagħha . . . nies mill-agħar u imposturi se jimxu ’l quddiem mill-ħażin għall-agħar.” (2 Timotew 3:1-13) Dan kollu rajnieh b’għajnejna.
Fattur Ieħor
9. X’ġara fis-sema fl-istess żmien tal-bidu tal-aħħar jiem fuq l-art?
9 Hemm fattur ieħor responsabbli għaż-żjieda kbira ferm fis-sofferenza f’dan is-seklu. Fl-istess waqt tal-bidu tal-aħħar jiem fl-1914, ġrat xi ħaġa li poġġiet lill-bniedem f’periklu saħansitra akbar. F’dak iż-żmien, bħalma tirrakkonta profezija fl-aħħar ktieb tal-Bibbja: “Gwerra faqqgħet fis-sema: Mikiel [Kristu fil-poter fis-sema] u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun [Satana], u d-dragun u l-anġli [d-demonji] tiegħu tqabdu imma ma għelibx, lanqas ma nstab post għalihom iżjed fis-sema. Mela ġie mixħut ’l isfel id-dragun il-kbir, is-serpent oriġinali, dak imsejjaħ Xitan u Satana, li qed jiżżvija lill-art abitata kollha; ġie mixħut ’l isfel lejn l-art, u l-anġli tiegħu ġew mixħutin ’l isfel miegħu.”—Rivelazzjoni 12:7-9.
10, 11. Il-bnedmin kif ġew effettwati meta Satana u d-demonji tiegħu ntefgħu ’l isfel lejn l-art?
10 X’kienu l-konsegwenzi għall-familja umana? Il-profezija tkompli: “Gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” Iva, Satana jaf li s-sistema tiegħu qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, u għalhekk qed jagħmel kulma jistaʼ biex idawwar lill-bnedmin kontra Alla qabel ma hu u d-dinja tiegħu jitwarrbu min-nofs. (Rivelazzjoni 12:12; 20:1-3) Kemm huma baxxi dawk il-ħlejjaq spirti peress li wżaw ħażin ir-rieda libera tagħhom! Kemm kienu mill-agħar il-kundizzjonijiet fuq l-art taħt l-influwenza tagħhom, speċjalment mill-1914!
11 Mhux taʼ b’xejn li Ġesù bassar dwar żmienna: “Fuq l-art dieqa taʼ ġnus, li ma jafux il-ħruġ . . . Xi rġiel iħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija tal-affarijiet li ġejjin fuq l-art abitata.”—Luqa 21:25, 26.
It-Tmiem tal-Ħakma mill-Bniedem u mid-Demonji Qrib
12. Liema hi waħda mill-aħħar profeziji li trid titwettaq qabel it-tmiem taʼ dis-sistema?
12 Kemm hemm profeziji Bibliċi li fadlilhom biex jitwettqu qabel ma Alla jeqred lil din is-sistema preżenti? Ftit ferm! Waħda minn tal-aħħar qiegħda fl-1 Tessalonkin 5:3, li tistqarr: “Waqt li qegħdin jitkellmu dwar paċi u sigurtà, f’daqqa waħda hemm gwaj fuqhom.” (The New English Bible) Din turi li t-tmiem taʼ dis-sistema se jibda “waqt li qegħdin jitkellmu.” Bla mistenni mid-dinja, il-qerda se tfaqqaʼ meta l-inqas li tippretendiha, meta l-attenzjoni tal-bnedmin qiegħda fuq il-paċi u siġurtà li tant qegħdin jittamaw għalihom.
13, 14. Ġesù bassar liema żmien taʼ nkwiet, u kif se jintemm?
13 Il-ħin qed jonqos għal did-dinja taħt l-influwenza taʼ Satana. Dalwaqt ġejja fit-tmiem fi żmien taʼ nkwiet li dwaru Ġesù qal: “Imbagħad se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ.”—Mattew 24:21.
14 Il-quċċata tat-“tribulazzjoni kbira” se tkun il-gwerra t’Alla taʼ Armageddon. Dan hu ż-żmien li tkellem dwaru l-profeta Danjel meta Alla se ‘jfarrak biċċiet u jġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha.’ Dan se jkun ifisser it-tmiem tal-ħakmiet umani preżenti kollha indipendenti minn Alla. Il-ħakma tas-Saltna tiegħu mis-sema mbagħad se tieħu kontroll sħiħ taʼ kull affari umana. Qatt iktar, bħalma bassar Danjel, ma se titħalla l-awtorità governattiva “lil xi poplu ieħor.”—Danjel 2:44; Rivelazzjoni 16:14-16.
15. X’se jiġri mill-influwenza taʼ Satana u d-demonji tiegħu?
15 F’dak iż-żmien kull influwenza satanika u demonika se tieqaf ukoll. Dawk il-ħlejjaq spirti ribellużi se jitwarrbu min-nofs biex ma jkunux jistgħu ‘jiżżvijaw iktar lill-ġnus.’ (Rivelazzjoni 12:9; 20:1-3) Huma ġew issentenzjati għall-mewt u jistennew il-qerda. X’serħan se jkun għall-bnedmin li jeħilsu mill-influwenza baxxa tagħhom!
Min Se Jibqaʼ Ħaj? Min Mhux?
16-18. Min se jibqaʼ ħaj wara t-tmiem taʼ dis-sistema, u min mhux?
16 Meta l-ġudizzji t’Alla jiġu esegwiti kontra did-dinja, min se jibqaʼ ħaj? Min mhux? Il-Bibbja turi li dawk li jridu l-ħakma minn Alla se jkunu protetti u se jibqgħu ħajjin. Dawk li ma jridux il-ħakma minn Alla mhux se jkunu protetti imma se jinqerdu flimkien mad-dinja taʼ Satana.
17 Proverbji 2:21, 22 igħid: “Ir-retti [dawk li jissottomettu għall-ħakma minn Alla] huma dawk li se jgħammru fuq l-art, u taʼ bla ħtija huma dawk li se jitħallew jibqgħu fiha. Inkwantu għal dawk mill-agħar [dawk li ma jissottomettux għall-ħakma minn Alla], huma se jinqatgħu mill-istess art; u nkwantu għall-qarrieqa, huma se jiġu mqaċċtin minnha.”
18 Salm 37:10, 11 igħid ukoll: “Ftit ieħor biss, u l-wieħed mill-agħar mhux se jkun iżjed . . . Imma l-ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-art, u huma tabilħaqq se jsibu l-għaxqa bnina tagħhom fl-abbundanza taʼ paċi.” Vers 29 iżid: “It-twajbin infushom se jkollhom pussess tal-art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”
19. Liema parir għandna ndaħħlu f’qalbna?
19 Għandna ndaħħlu f’qalbna l-parir taʼ Salm 37:34, li jistqarr: “Ittama f’Jehovah u żomm il-mogħdija tiegħu, u hu se jeżaltak biex tieħu pussess tal-art. Meta dawk mill-agħar jitqaċċtu, int se tarah.” Versi 37 u 38 igħidu: “Ħares lejn il-wieħed bla ħtija u żomm lir-rett fil-ħarsa tiegħek, għax il-futur taʼ dak ir-raġel se jkun mimli paċi. Imma dawk infushom li jiksru l-liġi ċertament li se jinqerdu għalkollox flimkien; il-futur tan-nies mill-agħar tabilħaqq li se jinqataʼ.”
20. Għala nistgħu ngħidu li dawn huma żminijiet eċċitanti li qegħdin ingħixu fihom?
20 Kemm hu taʼ faraġ, iva, kemm hu stimulanti li tkun taf li veru li Alla jimpurtah u li dalwaqt se jtemm kull ħażen u sofferenza! Kemm hu eċċitanti li tirrealizza li t-twettieq taʼ dawk il-profeziji glorjużi hu qrib ferm!
[Mistoqsijiet taʼ l-Istudju]
[Stampa f’paġna 20]
Il-Bibbja bassret il-ġrajjiet li kellhom jifformaw “is-sinjal” tal-aħħar jiem
[Stampa f’paġna 22]
Dalwaqt, f’Armageddon, dawk li ma jissottomettux ruħhom lejn il-ħakma minn Alla se jitqaċċtu ’l barra. Dawk li jissottomettu ruħhom se jibqgħu ħajjin f’dinja ġdida taʼ tjieba