Kif Nistgħu Nkunu Nafu li Hemm Alla
It-3 Parti
Kif Nistgħu Nkunu Nafu li Hemm Alla
1, 2. Liema prinċipju jgħinna niddeterminaw jekk hemmx Alla?
MOD wieħed biex tiddetermina jekk hemmx Alla huwa li tapplika dan il-prinċipju stabbilit sewwa: Dak li huwa magħmul jeħtieġ lil xi ħadd li jagħmlu. Iktar ma tkun komplessa l-ħaġa magħmula, iktar irid ikun kapaċi dak li għamilha.
2 Per eżempju, ħares ħarsa madwar id-dar tiegħek. Imwejjed, siġġijiet, skrivaniji, sodod, borom, twaġen, platti, u għodod oħrajn tal-ikel kollha jeħtieġu lil xi ħadd li għamilhom, bħal fil-każ tal-ħitan, il-madum, u s-soqfa. Madankollu, dawk l-affarijiet huma komparattivament sempliċi biex tagħmilhom. Ladarba affarijiet sempliċi jeħtieġu lil xi ħadd li jagħmilhom, m’huwiex loġiku li affarijiet ikkomplikati jeħtieġu lil xi ħadd saħansitra iktar intelliġenti li jagħmilhom?
L-Univers Tagħna li Jgħaġġbek
3, 4. L-univers kif igħinna nkunu nafu li Alla jeżisti?
3 Arloġġ jeħtieġ arloġġar. X’ingħidu dwar is-sistema solari tagħna iktar ikkomplikata b’mod infinit, bix-Xemx u l-pjaneti tagħha jduru madwarha bi preċiżjoni eżatta seklu wara seklu? X’ingħidu dwar il-galassja tal-għaġeb li ngħixu fiha aħna, imsejħa t-Triq tal-Ħalib, bil-kwiekeb tagħha li jgħoddu iktar minn 100 biljun? Qatt waqaft bil-lejl biex tħares lejn it-Triq tal-Ħalib? Impressjonajt ruħek? Allura aħseb dwar l-univers vast b’mod inkredibbli li fih biljuni bla għadd taʼ galassi bħat-Triq tal-Ħalib tagħna! Ukoll, l-oġġetti tas-sema tant huma taʼ min joqgħod fuqhom fil-movimenti tagħhom seklu wara seklu li ġew imqabblin maʼ arloġġi taʼ preċiżjoni.
4 Jekk arloġġ, li hu relattivament sempliċi, jimplika l-eżistenza taʼ arloġġar, żgur li l-univers li hu iktar ikkomplikat b’mod infinit u li hu tal-għaġeb jimplika l-eżistenza taʼ disinnjatur u taʼ wieħed li joħloq. Hu għalhekk li l-Bibbja tistedinna biex ‘nerfgħu għajnejna ’l fuq u naraw,’ u mbagħad tistaqsi: “Min ħalaq dawn l-affarijiet?” It-tweġiba: “Huwa Dak [Alla] li qiegħed joħroġ l-armata tagħhom saħansitra bil-għadd, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-isem. Minħabba l-abbundanza tal-enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-qawwa, lanqas waħda minnhom m’hi nieqsa.” (Isaija 40:26) B’hekk, l-univers jaf l-eżistenza tiegħu lil qawwa inviżibbli, intelliġenti, li qed tikkontrolla—Alla.
Art Iddisinnjata b’Mod Uniku
5-7. Liema fatti dwar l-art juru li kellha Disinnjatur?
5 Iktar ma x-xjenzati jistudjaw l-art, iktar jirrealizzaw li hija ddisinnjata b’mod uniku biex il-bniedem ikun jistaʼ jabitaha. Id-distanza tagħha mix-xemx hi preċiża biex tieħu l-ammont xieraq taʼ dawl u sħana. Darba fis-sena ddur madwar ix-xemx, u għandha anglu preċiż taʼ xaqlib, biex b’hekk l-istaġuni huma possibbli f’ħafna partijiet tal-art. L-art iddur ukoll fuq l-assi tagħha stess kull 24 siegħa, biex b’hekk tipprovdi perijodi regulari taʼ dawl u dlam. Għandha atmosfera b’taħlita preċiża taʼ gassijiet biex aħna nkunu nistgħu nieħdu n-nifs u nkunu protetti minn radjazzjoni taʼ ħsara mill-ispazju. Għandha wkoll l-ilma u l-ħamrija vitali meħtiġin biex jikber l-ikel.
6 Mingħajr dawk il-fatturi kollha, u oħrajn, jaħdmu flimkien, il-ħajja kienet tkun impossibbli. Kien dak kollu b’kumbinazzjoni? Science News igħid: “Donnu jidher li kundizzjonijiet partikulari u preċiżi bħal dawn ma tantx setgħu saru bl-addoċċ.” Le, ma setgħux. Kienu jinvolvu disinn bi skop minn Disinnjatur tal-għaġeb.
7 Jekk tidħol ġo dar sabiħa u ssib li hi mimlija ikel, li għandha sistema eċċellenti kif issaħħan u kif iżżomm it-tempertura stabbli, u li għandha sistema tajba taʼ kif tipproduċi l-ilma, x’tikkonkludi int? Li kollox sar waħdu? Le, żgur li tikkonkludi li xi ħadd intelliġenti ddisinnjaha u għamilha b’attenzjoni kbira. L-art ukoll kienet iddisinnjata u magħmula b’attenzjoni kbira sabiex tipprovdi dak li għandhom bżonn l-abitanti tagħha, u hija ferm iktar ikkomplikata u fornuta tajjeb minn kwalunkwe dar.
8. X’hemm iktar dwar l-art li juri li Alla jimpurtah minna bl-imħabba?
8 Ukoll, ikkunsidra n-numru kbir taʼ affarijiet li jżidu l-għaxqa mal-għixien. Ħares lejn il-varjetà vasta taʼ fjuri kkuluriti b’mod sabiħ bil-fwejjaħ pjaċevoli tagħhom li l-bnedmin igawdu. Imbagħad hemm il-varjetà kbira taʼ ikel tant delizzjuż għat-togħma tagħna. Hemm il-foresti, il-muntanji, il-għadajjar, u ħolqien ieħor pjaċevoli biex tħares lejh. Ukoll, x’ingħidu dwar il-ġmiel taʼ nżul ix-xemx li tant iżid fit-tgawdija tagħna tal-ħajja? U fil-qasam tal-annimali, ma nitgħaxxqux aħna bit-tendenza taʼ logħob u bin-natura taʼ mħabba taʼ ġriewi, qtates żgħar, u frieħ taʼ annimali oħra? Mela l-art tipprovdi ħafna sorpriżi sbieħ li m’humiex meħtieġa assolutament biex isostnu l-ħajja. Dawn juru li min iddisinnja l-art iddisinnjaha b’attenzjoni taʼ mħabba, u żamm lill-bnedmin f’moħħu, sabiex aħna mhux biss neżistu imma wkoll ingawdu l-ħajja.
9. Min għamel l-art, u għala għamilha?
9 Għalhekk, il-konklużjoni raġonevoli hi li nirrikonoxxu lid-Donatur taʼ dawn l-affarijiet kollha, kif għamel il-kittieb tal-Bibbja li qal dwar Alla Jehovah: “Int innifsek għamilt is-smewwiet u l-art.” Għal liema għan? Hu jwieġeb billi jiddeskrivi lil Alla bħala “Dak li sawwar l-art u Dak li għamilha, Hu Dak li stabbiliha fis-sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għal xejn, li sawwarha saħansitra biex tkun abitata.”—Isaija 37:16; 45:18.
Iċ-Ċellola Ħajja tal-Għaġeb
10, 11. Ċellola ħajja għala hi daqshekk tal-għaġeb?
10 X’ingħidu dwar affarijiet ħajjin? Ma jeħtiġux huma lil xi ħadd li jagħmilhom? Per eżempju, ikkunsidra ftit mill-karatteristiċi tal-għaġeb taʼ ċellola ħajja. Fil-ktieb tiegħu Evolution: A Theory in Crisis, il-bijoloġista molekulari Michael Denton jistqarr: “Saħansitra l-iktar sempliċi mis-sistemi kollha taʼ ħajja fuq l-art illum, iċ-ċelloli bakterjoloġiċi, huma oġġetti kkomplikati ferm. Għalkemm l-iċken ċelloli bakterjoloġiċi huma żgħar b’mod inkredibbli, . . . kull waħda minnhom hija effettivament fabbrika vera li ma tistax taraha b’għajnejk u li fiha eluf taʼ biċċiet iddisinnjati b’mod skwiżit taʼ makkinarju molekulari kkomplikat . . . ferm iktar ikkomplikat minn kwalunkwe magna mibnija mill-bniedem u assolutament mingħajr xebh fid-dinja taʼ affarijiet bla ħajja.”
11 Rigward il-kodiċi ġenetika f’kull ċellola, hu jistqarr: “Il-ħila tad-DNA biex taħżen informazzjoni tisboq immensament lil dik taʼ kwalunkwe sistema magħrufa oħra; tant hi effiċjenti li l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tispeċifika organiżmu kkomplikat daqs bniedem tiżen inqas minn parti waħda taʼ gramma meta tinqasam fi ftit eluf taʼ miljuni. . . . Imqabblin mal-livell taʼ inġenwità u komplessità esebiti mill-makkinarju molekulari taʼ ħajja, saħansitra [il-prodotti] l-iktar avvanzati tagħna jidhru taċ-ċajt. Inħossuna umiljati.”[5]
12. Wieħed xjenzat x’qal dwar l-oriġini taċ-ċellola?
12 Denton iżid: “Il-komplessità tat-tip taʼ ċellola li hu magħruf li hu l-iktar sempliċi hija tant kbira li huwa impossibbli li naċċettaw li oġġett bħal dan setaʼ jiġi mitfugħ flimkien f’daqqa waħda minn xi xorta taʼ ġrajja li mhix normali u li hi improbabbli immensament.” Bil-fors li kellha min jiddisinnjaha u jagħmilha.
Il-Moħħ Inkredibbli Tagħna
13, 14. Il-moħħ għala huwa saħansitra iktar tal-għaġeb minn ċellola ħajja?
13 Dan ix-xjenzat imbagħad igħid: “F’dik li hi komplessità, ċellola individwali m’hi xejn meta mqabbla maʼ sistema bħall-moħħ tal-mammali. Il-moħħ tal-bniedem jikkonsisti f’madwar għaxart elef miljun ċellola tan-nervi. Kull ċellola tan-nervi toħroġ minn ġo fiha bejn għaxart elef u mitt elf fibra li jikkonnettjaw u li bihom tagħmel kuntatt maʼ ċelloli tan-nervi oħra fil-moħħ. Ilkoll flimkien in-numru totali taʼ konnessjonijiet fil-moħħ tal-bniedem javviċina . . . elf miljun miljun.”[7]
14 Denton ikompli: “Saħansitra kieku biss waħda minn kull mija tal-konnessjonijiet fil-moħħ jiġu organizzati b’mod speċifiku, dan xorta kien jirrappreżenta sistema li fiha numru ferm akbar taʼ konnessjonijiet speċifiċi milli fis-sistema kollha kemm hi taʼ komunikazzjoni fuq l-Art.” Hu jistaqsi mbagħad: “Setgħet kwalunkwe xorta taʼ proċess purament bl-addoċċ qatt tiġbor flimkien sistemi bħal dawn?”[8] Ovvjament, it-tweġiba trid tkun le. Il-moħħ bil-fors li kellu Disinnjatur u Ħallieq li jimpurtah.
15. Liema kummenti jagħmlu oħrajn dwar il-moħħ?
15 Il-moħħ tal-bniedem jagħmel lill-kompjuters saħansitra l-iktar avvanzati jidhru primittivi. Morton Hunt, kittieb dwar ix-xjenza, qal: “Il-memorji attivi tagħna jżommu diversi biljuni taʼ drabi iktar informazzjoni minn kompjuter kbir ħafna taʼ żmienna li jintuża għar-riċerka.”[9] B’hekk, il-kirurgu tal-moħħ Dr. Robert J. White ikkonkluda: “Ma baqagħli ebda għażla ħlief li nirrikonoxxi l-eżistenza taʼ Intellett Superjuri, responsabbli għad-disinn u l-iżvilupp tar-relazzjoni inkredibbli taʼ bejn il-moħħ u l-ħsieb—xi ħaġa ferm ’il bogħod mill-abbiltà tal-bniedem li jifhimha. . . . Jien ikolli nemmen li dan kollu kellu bidu intelliġenti, li Xi Ħadd għamlu jseħħ.” Kellu wkoll ikun Xi Ħadd li jimpurtah.
Is-Sistema Unika tad-Demm
16-18. (a) Is-sistema tad-demm b’liema modi hija unika? (b) Għal liema konklużjoni għandna naslu?
16 Ikkunsidra, ukoll, is-sistema unika tad-demm li tittrasporta nutrijenti u ossiġnu u tipproteġi kontra l-infezzjoni. Rigward iċ-ċelloli ħomor tad-demm, komponent prinċipali taʼ din is-sistema, il-ktieb ABC’s of the Human Body jistqarr: “Qatra waħda taʼ demm fiha iktar minn 250 miljun ċellola tad-demm separata . . . Il-ġisem fih x’aktarx 25 triljun minnhom, biżżejjed, jekk jiġu mferrxin, biex igħattu erbaʼ tennis courts. . . . Tibdil isir, b’rata taʼ 3 miljun ċellola ġdida kull sekonda.”
17 Rigward iċ-ċelloli bojod tad-demm, parti oħra mis-sistema unika tad-demm, dan l-istess sors igħidilna: “Waqt li hemm biss xorta waħda taʼ ċelloli ħomor, ċelloli bojod tad-demm jiġu f’ħafna varjetajiet, u kull tip kapaċi jiġġieled il-battalji tal-ġisem b’mod differenti. Kwalità waħda, per eżempju, teqred liċ-ċelloli mejtin. Kwalitajiet oħra jipproduċu antibodies kontra l-mikrobi, ineħħu l-velenu minn sustanzi barranin, jew litteralment jibilgħu u jomogħdu l-bakterja.”
18 X’sistema organizzata ferm u tal-għaġeb! Żgur li kwalunkwe ħaġa li hi miġbura flimkien b’mod tant tajjeb u li hi daqshekk protettiva għalkollox bil-fors li għandha organizzatur intelliġenti ferm u li jimpurtah—Alla.
Meravilji Oħra
19. Il-għajn kif titqabbel maʼ strumenti magħmulin mill-bniedem?
19 Hemm ħafna meravilji oħra fil-ġisem tal-bniedem. Waħda minnhom hija l-għajn, tant iddisinnjata b’mod tal-għaġeb li l-ebda kamera tar-ritratti ma tistaʼ tagħmel kopja tagħha. L-astronomu Robert Jastrow qal: “Il-għajn tidher li ġiet iddisinnjata; ebda disinnjatur tat-teleskopji ma setaʼ għamel aħjar.” U l-pubblikazzjoni Popular Photography tirrakkonta: “Il-għajnejn tal-bniedem jaraw ħafna u ħafna iktar dettalji milli tara tertuqa taʼ ritratt. Huma jaraw fi tliet dimensjonijiet, f’anglu wiesaʼ b’mod tremend, mhux b’mod imċajpar, f’ċaqliq kontinwu . . . Li tqabbel il-kamera tar-ritratti mal-għajn tal-bniedem mhix analoġija tajba. Il-għajn tal-bniedem hija iktar bħala superkompjuter avvanzat b’mod inkredibbli u li għandu intelliġenza artifiċjali, abbiltajiet biex jipproċessa l-informazzjoni, ħeffa, u modi taʼ ħidma li huma ferm lil hinn minn kwalunkwe makkinarju, kompjuter jew kamera tar-ritratti, li għamel il-bniedem.”
20. Liema huma xi aspetti tal-għaġeb oħra tal-ġisem tal-bniedem?
20 Aħseb, ukoll, dwar il-mod li bih l-organi kkomplikati tal-ġisem jikkoperaw mingħajr ma aħna nagħmlu l-iċken sforz. Per eżempju, aħna npoġġu ħafna tipi differenti taʼ ikel u xorb fl-istonku tagħna, u madankollu l-ġisem jipproċessahom u jipproduċi l-enerġija. Ipprova itfaʼ varjetà taʼ affarijiet bħal din fit-tank tal-petrol taʼ karozza u ara x’jiġri! Imbagħad hemm il-miraklu tat-twelid, li fih tarbija adorabbli—kopja tal-ġenituri—tiġi prodotta f’disaʼ xhur biss. U x’ingħidu dwar l-abbiltà taʼ tifel taʼ ftit snin biss li jitgħallem kif jitkellem b’lingwa komplessa?
21. Billi jikkunsidraw il-għeġubijiet tal-ġisem, nies raġonevoli x’igħidu?
21 Iva, il-ħafna affarijiet tal-għaġeb u kkomplikati maħluqin fil-ġisem tal-bniedem jimlewna bir-rispett. L-ebda inġinier ma jistaʼ jagħmel kopja taʼ dawk l-affarijiet. Jistgħu huma jkunu sempliċement saru b’kumbinazzjoni? Żgur li le. Minflok, meta jikkunsidraw l-aspetti tal-għaġeb kollha tal-ġisem tal-bniedem, nies raġonevoli jgħidu, bħalma qal is-salmista: “Jien se nfaħħrek [Alla] għaliex b’mod li jnebbaħ il-biżaʼ jien magħmul b’mod tal-għaġeb. Xogħlijietek huma tal-għaġeb.”—Salm 139:14.
Il-Bennej Suprem
22, 23. (a) Għala għandna nirrikonoxxu l-eżistenza tal-Ħallieq? (b) Il-Bibbja b’raġuni tajba x’tgħid dwar Alla?
22 Il-Bibbja tistqarr: “Kull dar hi mibnija minn xi ħadd, m’għandniex x’ingħidu; imma Alla bena dak kollu li jeżisti.” (Ebrej 3:4, The Jerusalem Bible) Ladarba kull dar, hi kemm hi sempliċi, irid ikollha bennej, allura l-univers li huwa ferm iktar kompless, flimkien mal-varjetajiet vasti taʼ ħajja fuq l-art, bil-fors li kellhom bennej. U ladarba aħna nirrikonoxxu l-eżistenza taʼ bnedmin li vvintaw makkinarju bħalma huma l-ajruplani, it-televiżjoni, u l-kompjuters, m’għandniex ukoll nirrikonoxxu l-eżistenza taʼ Dak li ta lill-bnedmin il-moħħ biex jagħmlu affarijiet bħal dawn?
23 Il-Bibbja hekk tagħmel, billi ssejjaħlu “l-veru Alla, Jehovah, . . . il-Ħallieq tas-smewwiet u l-Grandjuż li qiegħed iwessagħhom ’il barra; Dak li qiegħed jifrex l-art u dak li tipproduċi, Dak li qiegħed jagħti n-nifs lin-nies taʼ fuqha.” (Isaija 42:5) Il-Bibbja b’raġuni tajba tiddikjara: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għaliex inti ħloqt l-affarijiet kollha, u minħabba fir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”—Rivelazzjoni 4:11.
24. Kif nistgħu nkunu nafu li hemm Alla?
24 Iva, nistgħu nkunu nafu li hemm Alla mill-affarijiet li hu għamel. “Għax il-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li [Alla] għamel.”—Rumani 1:20.
25, 26. L-użu ħażin taʼ xi ħaġa għala m’huwiex argument kontra li għandha min għamilha?
25 Il-fatt li xi ħaġa magħmula tiġi wżata ħażin ma jfissirx li ħadd ma għamilha. Ajruplan jistaʼ jintuża għal skopijiet taʼ paċi, biex iġorr il-passiġġieri. Imma jistaʼ jintuża wkoll għal qerda, biex jitfaʼ l-bombi. Il-fatt li jiġi wżat b’tali mod li jġib il-mewt ma jfissirx li ħadd ma għamlu.
26 Bl-istess mod, il-fatt li xi bnedmin tant spiss irriżultaw li huma ħżiena ma jfissirx li ma kellhomx lil Xi Ħadd li għamilhom, li ma hemm ebda Alla. B’hekk, il-Bibbja b’mod korrett tosserva: “Il-perversità tagħkom! Għandu l-fuħħari nnifsu jiġi kkalkolat sewwa sew bħat-tafal? Għax għandha l-ħaġa magħmula tgħid dwar dak li għamilha: ‘M’għamilnix’? U sejra l-istess ħaġa fformata attwalment tgħid dwar dak li fformaha: ‘Ma wera ebda fehma’?”—Isaija 29:16.
27. Għala nistgħu aħna nistennew li Alla se jwieġeb il-mistoqsijiet tagħna dwar it-tbatija?
27 Il-Ħallieq wera l-għerf tiegħu permezz tal-komplessità tal-għaġeb taʼ dak li għamel. Hu wera li veru jimpurtah minna billi għamel l-art eżatt sewwa biex wieħed igħix fuqha, billi għamel l-iġsma u l-imħuħ tagħna b’mod tant tal-għaġeb, u billi għamel tant affarijiet tajbin għalina biex ingawduhom. Żgur li hu juri għerf u attenzjoni simili billi jgħarraf it-tweġibiet għal mistoqsijiet bħalma huma: Alla għala ppermetta t-tbatija? X’se jagħmel dwarha?
[Mistoqsijiet taʼ l-Istudju]
[Stampa f’paġna 5]
L-art, bl-atmosfera protettiva tagħha, hija dar unika ddisinnjata għalina minn Alla li jimpurtah
[Stampa f’paġna 6]
L-art kienet magħmula b’attenzjoni taʼ mħabba għalina sabiex nistgħu ngawdu l-ħajja bis-sħiħ
[Stampa f’paġna 7]
‘Moħħ wieħed fih iktar konnessjonijiet mis-sistema kollha kemm hi taʼ komunikazzjonijiet fuq l-Art.’—Bijoloġista molekulari
[Stampa f’paġna 8]
“Il-għajn tidher li ġiet iddisinnjata; ebda disinnjatur tat-teleskopji ma setaʼ għamel aħjar.”—Astronomu