X’Kien ir-Riżultat tal-Irvell?
Is-7 Parti
X’Kien ir-Riżultat tal-Irvell?
1-3. Iż-żmien kif ta prova li Jehovah huwa korrett?
RIGWARD il-kwistjoni tad-dritt t’Alla biex jaħkem, x’kien ir-riżultat taʼ dawn is-sekli kollha taʼ ħakma umana indipendenti minn Alla? Taw prova l-bnedmin li huma ħakkiema aħjar minn Alla? Jekk niġġudikaw mir-rekord tal-kefrija tal-bniedem lejn il-bniedem, żgur li le.
2 Meta l-ewwel ġenituri tagħna m’aċċettawx il-ħakma t’Alla, diżastru segwa. Huma ġabu tbatija fuqhom infushom u fuq il-familja umana kollha li ġiet minnhom. U ma setgħu jitfgħu l-ħtija fuq ħadd ħlief fuqhom infushom. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Huma aġixxew b’mod li jġib rovina min-naħa tagħhom; m’humiex it-tfal tiegħu, id-difett hu tagħhom stess.”—Dewteronomju 32:5.
3 L-istorja wriet kemm kienet korretta t-twissija t’Alla lil Adam u Eva li jekk joħorġu ’l barra minn taħt il-provvedimenti t’Alla, kellhom imorru għall-agħar u eventwalment imutu. (Ġenesi 2:17; 3:19) Fil-fatt huma ħarġu ’l barra minn taħt il-ħakma t’Alla, u maż-żmien fil-fatt marru għall-agħar u mietu.
4. Ilkoll kemm aħna għala nitwieldu imperfetti, u nistgħu nimirdu u mmutu?
4 Dak li ġara wara lin-nisel kollu tagħhom kien kif jispjega Rumani 5:12: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam, il-kap tal-familja umana] id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” Mela meta l-ewwel ġenituri tagħna rribellaw kontra l-istat t’Alla bħala indokratur, saru midinbin difettużi. Fi qbil mal-liġijiet tal-ġenetika, l-imperfezzjoni li rriżultat kienet dak kollu li huma setgħu jgħaddu lin-nisel tagħhom. Dak hu għala lkoll kemm aħna twelidna difettużi, u nistgħu nimirdu u mmutu.
5, 6. L-istorja x’uriet dwar l-isforzi tal-bniedem biex iġib il-vera paċi u riżq?
5 Għaddew ħafna sekli. Imperi ġew u telqu. Kull tip taʼ gvern li wieħed jistaʼ jimmaġina ġie ppruvat. Madankollu, darba wara l-oħra, ġraw affarijiet tal-biżaʼ lill-familja umana. Wara sitt elef sena, wieħed kellu jaħseb li l-bnedmin ipprogressaw sal-punt li jistabbilixxu l-paċi, il-ġustizzja, u r-riżq mad-dinja kollha u li s’issa jkunu tgħallmu sewwa l-valuri pożittivi taʼ qalb tajba, mogħdrija, u koperazzjoni.
6 Ir-realtà, madankollu, hija sewwa sew l-oppost. L-ebda tip taʼ gvern uman li qatt ġie mtellaʼ ma ġab paċi vera u riżq veru għal kulħadd. F’dan is-seklu 20 biss, rajna l-qtil sistematiku taʼ miljuni sħaħ matul l-Olokawst u t-tbiċċir taʼ iktar minn 100 miljun fi gwerer. Fi żmienna numri bla għadd taʼ nies ġew ittorturati, maqtulin, u mitfugħin fil-ħabs minħabba l-intolleranza u d-differenzi politiċi.
Is-Sitwazzjoni Llum
7. Il-kundizzjoni tal-familja umana llum kif tistaʼ tiġi deskritta?
7 Barra minn hekk, ikkunsidra l-kundizzjoni totali tal-familja umana llum. Il-kriminalità u l-vjolenza huma mferrxin maʼ kullimkien. L-abbuż tad-drogi sar epidemija. Mardiet trażmessi sesswalment qegħdin jeffettwaw lil ħafna nies. Il-marda tal-biżaʼ tal-AIDS qiegħda teffettwa lil miljuni taʼ nies. Għaxriet taʼ miljuni taʼ nies imutu bil-ġuħ jew bil-mard kull sena, waqt li numru żgħir għandhom rikkezzi kbar immens. Bnedmin iniġġsu u jneżżgħu l-art. Il-ħajja tal-familja u l-valuri morali spiċċaw fix-xejn kullimkien. Verament, il-ħajja llum tirrifletti l-ħakma kerha ħafna tal-‘alla taʼ din id-dinja,’ Satana. Id-dinja li tagħha huwa sid hija kiesħa, bla ħniena, u korrotta għalkollox.—2 Korintin 4:4.
8. Il-kisbiet tal-umanità għala ma nistgħux insejħulhom progress veru?
8 Alla ħalla żmien biżżejjed għall-bnedmin biex jaslu sal-quċċata taʼ progress xjentifiku u materjali tagħhom. Imma huwa progress ġenwin meta l-qaws u l-vleġġa twarrbu u minflokhom ġew il-machine guns, it-tankijiet, il-jet bombers, u l-missili nukleari? Huwa progress meta n-nies jistgħu jivvjaġġaw fl-ispazju imma ma jistgħux igħixu flimkien fil-paċi fuq l-art? Huwa progress meta n-nies jibżgħu jimxu fit-toroq bil-lejl, jew saħansitra bi nhar f’xi postijiet?
X’Wera ż-Żmien
9, 10. (a) Is-sekli taʼ żmien li għaddew x’urew b’mod ċar? (b) Alla għala mhux se jneħħi r-rieda ħielsa?
9 Dak li l-prova taʼ sekli taʼ żmien uriet huwa li m’huwiex possibbli għall-bnedmin li jidderieġu l-passi tagħhom stess b’suċċess mingħajr il-ħakma t’Alla. Huwa daqstant impossibbli għalihom li jagħmlu dak milli huwa għalihom li jgħixu mingħajr ikel, xorb, u nifs. L-evidenza hija ċara: Konna ddisinnjati biex inkunu dipendenti fuq il-gwida tal-Ħallieq tagħna daqskemm huwa żgur li konna maħluqin biex inkunu dipendenti fuq ikel, ilma, u arja.
10 Billi ppermetta l-ħażen, Alla wera darba għal dejjem ir-riżultati koroh tal-użu ħażin tar-rieda ħielsa. U r-rieda ħielsa hija tant għotja prezzjuża li minflok ma ħadhielhom lill-bnedmin, Alla ħalliehom jaraw x’ifisser l-użu ħażin tagħha. Il-Kelma t’Alla tgħid il-verità meta tgħid: “Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu.” Tgħid ukoll il-verità meta tgħid: “Raġel iddomina raġel bi ħsara għalih.”—Ġeremija 10:23; Ekkleżjasti 8:9.
11. Kien hemm xi forma taʼ ħakma umana li eliminat it-tbatija?
11 Il-fatt li Alla ppermetta ħakma umana għal sitt elef sena juri b’qawwa kbira li l-bniedem m’għandux il-ħila jwaqqaf it-tbatija. Fl-ebda żmien ma għamel dan. Per eżempju, fi żmienu s-Sultan Salamun taʼ Iżrael, bil-għerf, il-għana, u l-qawwa kollha tiegħu, ma setax jiddritta l-miżerja li rriżultat mill-ħakma umana. (Ekkleżjasti 4:1-3) Bl-istess mod, fi żmienna mexxejja tad-dinja, saħansitra bl-aħħar titjib tekniku, m’għandhomx il-ħila jeliminaw is-sofferenza. Saħansitra agħar, l-istorja wriet li bnedmin indipendenti mill-ħakma t’Alla żiedu s-sofferenza minflok ma eliminawha.
Il-Ħarsa fit-Tul t’Alla
12-14. Liema benefiċċji fit-tul jiġu b’rizultat taʼ li Alla jippermetti t-tbatija?
12 Il-fatt li Alla ħalliena nsofru kien taʼ wġigħ għalina. Imma hu ħa ħarsa fit-tul, billi jaf ir-riżultati tajbin li se jiġu fir-riżultat finali. Il-ħarsa t’Alla se tibbenefika lill-ħlejjaq, mhux biss għal ftit snin jew ftit eluf, imma għal miljuni taʼ snin, iva, għall-eternità kollha.
13 Jekk is-sitwazzjoni tqum xi darba f’xi żmien fil-futur li xi ħadd juża ħażin ir-rieda ħielsa biex jesprimi dubju dwar il-mod kif Alla jagħmel l-affarijiet, ma jkunx hemm għalfejn jiġi mogħti ż-żmien biex jipprova jagħti prova tal-ideat tiegħu. Billi diġà ħalla eluf taʼ snin lil dawk li jirribellaw, Alla stabbilixxa preċedent legali li jistaʼ jiġi applikat matul l-eternità hu fejn hu fl-univers.
14 Minħabba li Jehovah ippermetta l-ħażen u t-tbatija f’dan iż-żmien, se jkun diġà ġie muri fil-wisaʼ li dak li mhux fi qbil miegħu ma jistax ikollu r-riżq. Se jkun ġie muri mingħajr ebda dubju li ebda proġett indipendenti taʼ bnedmin jew ħlejjaq spirti ma jistaʼ jġib benefiċċji dejjiema. Għalhekk, Alla se jkun iġġustifikat bis-sħiħ f’li jfarrak malajr lil kull wieħed li jirribella. “Lill-uħud mill-agħar se jeqridhom.”—Salm 145:20; Rumani 3:4.
[Mistoqsijiet taʼ l-Istudju]
[Stampa f’paġna 15]
Wara li l-ewwel ġenituri tagħna għażlu l-indipen-denza minn Alla, huma eventwalment xjieħu u mietu
[Stampi f’paġna 16]
Ħakma umana apparti minn Alla tat prova li hi taʼ gwaj
[Sors]
Ritratt tal-U.S. Coast Guard