Mur fil-kontenut

X’Jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova

X’Jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova

X’Jemmnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova

“Naħsbu li hu xieraq li nisimgħu mingħandek x’inhuma l-​ħsibijiet tiegħek, għax tabilħaqq rigward din is-​setta huwa magħruf lilna li kullimkien jitkellmu kontriha.” (Atti 28:22) Dawn il-​mexxejja tal-​komunità f’Ruma tal-​ewwel seklu kienu eżempju tajjeb. Riedu jisimgħu minn ras il-​għajn, minflok mingħand xi kritiċi minn barra.

Simili llum, taʼ spiss isir kliem kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova, u jkun żball li tistenna li titgħallem il-​verità dwarhom minn xi sors ippreġudikat. Għalhekk huwa bil-​pjaċir li nispjegawlek ftit mit-​twemmin prinċipali tagħna.

Il-​Bibbja, Ġesù Kristu u Alla

Aħna nemmnu li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u hi taʼ benefiċċju.” (2 Timotew 3:16) U għalkemm xi wħud qalu li m’aħniex tassew Kristjani, dan sempliċement mhux minnu. Naqblu għalkollox mal-​kliem tal-​appostlu Pietru rigward Ġesù Kristu: “Ma hemm ebda isem ieħor taħt is-​sema li huwa mogħti fost il-​bnedmin li permezz tiegħu rridu niġu salvati.”—Atti 4:12.

Madankollu, ladarba Ġesù qal li huwa “l-​Iben t’Alla” u li l-​“Missier bagħatni ’l quddiem,” ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li Alla huwa akbar minn Ġesù. (Ġwann 10:36; 6:57) Ġesù nnifsu għaraf li l-​“Missier hu akbar minni.” (Ġwann 14:28; 8:28) B’hekk ma nemmnux li Ġesù huwa ugwali mal-​Missier, bħalma tgħid id-​duttrina tat-​Trinità. Minflok, nemmnu li kien maħluq minn Alla u li huwa taħtU.—Kolossin 1:15; 1 Korintin 11:3.

Fil-lingwa Ingliża, isem Alla hu Jehovah. Il-​Bibbja tgħid: “Int li ismek waħdu hu JEHOVAH, int l-​iktar għoli fuq l-​art kollha.” (Salm 83:18, King James Version) Fi qbil maʼ din l-​istqarrija, Ġesù poġġa ħafna enfasi fuq l-​isem t’Alla, billi għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” U hu nnifsu talab lil Alla: “Urejt ismek lill-​bnedmin li tajtni.”—Mattew 6:9; Ġwann 17:6.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li għandhom jixbhu lil Ġesù f’li juru lil oħrajn dwar l-​isem u l-​iskopijiet t’Alla. Għalhekk ħadna l-​isem taʼ Xhieda taʼ Ġeħova, għaliex nimitaw lil Ġesù, “ix-​xhud Fidil.” (Rivelazzjoni 1:5; 3:14) B’mod xieraq, Isaija 43:10 jgħid lill-​poplu rappreżentattiv t’Alla: “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​kelma mitkellma taʼ Ġeħova, ‘saħansitra l-​qaddej tiegħi li jien għażilt.’”

Is-​Saltna t’Alla

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek,” u hu għamel dik is-​Saltna bħala t-​tema dominanti tat-​tagħlim tiegħu. (Mattew 6:10; Luqa 4:43) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li s-​Saltna hija gvern reali mis-​sema, li se jaħkem fuq l-​art, u li Ġesù Kristu huwa maħtur bħala s-​Sultan inviżibbli tagħha. “Il-​gvern se jkun fuq spalltu,” tgħid il-​Bibbja. “Għaż-​żjieda tal-​gvern tiegħu u tal-​paċi mhux se jkun hemm tmiem.”—Isaija 9:6, 7, KJ.

Madankollu, Ġesù Kristu mhux se jkun l-​uniku sultan tal-​gvern t’Alla. Se jkollu ħafna li jaħkmu flimkien miegħu fis-​sema. “Jekk nibqgħu nissaportu,” l-​appostlu Pawlu kiteb, “se naħkmu wkoll flimkien bħala slaten.” (2 Timotew 2:12) Il-​Bibbja tindika li dawk il-​bnedmin li jiġu rxoxtati biex jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema huma limitati għal “mija u erbgħa u erbgħin elf, li kienu mixtrijin mill-​art.”—Rivelazzjoni 14:1, 3.

Naturalment, kwalunkwe gvern għandu jkollu sudditi, u x-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li biljuni iktar minbarra dawn il-​ħakkiema tas-​sema se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Eventwalment l-​art, li tkun inbidlet f’ġenna tal-​art mill-​isbaħ, se tkun mimlija b’dawn is-​sudditi tas-​Saltna t’Alla li jixirqilhom u li kollha kemm huma jissottomettu rwieħhom lejn it-​tmexxija taʼ Kristu u taʼ dawk li jaħkmu miegħu. B’hekk ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma konvinti għalkollox li l-​art qatt ma se tiġi meqruda u li l-​wegħda tal-​Bibbja se tiġi mwettqa: “It-​twajbin infushom se jkollhom l-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”—Salm 37:29; 104:5.

Imma, is-​Saltna t’Alla kif se tiġi? Billi l-​ġnus kollha minn jeddhom joqogħdu għall-​gvern t’Alla? Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja b’mod realistiku turi li l-​miġja tas-​Saltna se tirrikjedi li Alla b’mod dirett jindaħal fl-​affarijiet tal-​art: “Dak Alla tas-​sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tinġieb f’rovina. U s-​saltna nfisha . . . se tfarrak u ġġib fi tmiem lil dawn is-​saltniet kollha, u hi nfisha se tibqaʼ għal żminijiet indefiniti.”—Danjel 2:44.

Meta se tiġi s-​Saltna t’Alla? Fuq il-​bażi taʼ profeziji Bibliċi li issa qegħdin jitwettqu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li qiegħda fil-​qrib ferm. Aħna nistednuk biex tikkunsidra xi profeziji li jbassru xi fatturi taʼ “l-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema ħażina taʼ affarijiet. Huma rrekordjati f’Mattew 24:3-14; Luqa 21:7-13, 25-31; u 2 Timotew 3:1-5.

Peress li ‘nħobbu lil Ġeħova Alla tagħna b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna u b’saħħitna kollha, u lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna,’ m’aħniex mifrudin la minħabba n-​nazzjonalità, la bir-​razza u lanqas b’mod soċjali. (Mark 12:30, 31) Aħna magħrufin sew għall-​imħabba li juru ħutna l-​Kristjani li jinstabu f’kull ġens. (Ġwann 13:35; 1 Ġwann 3:10-12) B’hekk inħaddnu pożizzjoni newtrali rigward l-​affarijiet politiċi taʼ dawn il-​ġnus. Aħna nipprovaw nixbhu lid-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù, li dwarhom hu qal: “Ma huma ebda parti mid-​dinja bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:16) Nemmnu illi li nżommu separati mid-​dinja jfisser li nevitaw kondotta immorali li hi tant komuni llum, inklużi l-​gideb, is-​serq, iż-​żina, l-​adulterju, l-​omosesswalità, l-​użu ħażin tad-​demm, l-​idolatrija, u affarijiet oħra bħal dawn li huma kkundannati fil-​Bibbja.—1 Korintin 6:9-11; Efesin 5:3-5; Atti 15:28, 29.

Tama għall-​Futur

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li l-​ħajja preżenti tagħna f’din id-​dinja mhix kollox. Aħna nemmnu li Ġeħova bagħat lil Kristu fid-​dinja biex ixerred demmu bħala fidwa sabiex il-​bnedmin jistgħu jkollhom waqfa taʼ tjieba maʼ Alla u jirċievu l-​ħajja eterna f’sistema ġdida taʼ affarijiet. Bħalma qal wieħed appostlu taʼ Ġesù: “Aħna ġejna ddikjarati twajbin issa b’demmu.” (Rumani 5:9; Mattew 20:28) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma grati ħafna lejn Alla u lejn Ibnu għal dan il-​provvediment taʼ fidwa li jagħmilha possibbli li jkollna l-​ħajja fil-​futur.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom fiduċja sħiħa f’ħajja futura bbażata fuq irxoxt mill-​mewt taħt is-​Saltna t’Alla. Aħna nemmnu, bħalma tgħallem il-​Bibbja, li meta bniedem imut l-​eżistenza tiegħu tieqaf, li “f’dak il-​jum ħsibijietu jgħibu.” (Salm 146:3, 4; Eżekjel 18:4; Ekkleżjasti 9:5) Iva, ħajja futura għall-​mejtin hi bbażata fuq li Alla jiftakar fihom fl-​irxoxt.—Ġwann 5:28, 29.

Madankollu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma konvinti li ħafna issa ħajjin se jibqgħu jgħixu meta s-​Saltna t’Alla ġġib fi tmiem lill-​gvernijiet preżenti kollha u, bħalma Noè u l-​familja tiegħu baqgħu jgħixu wara d-​Dulluvju, huma se jibqgħu jgħixu biex igawdu l-​ħajja eterna fuq art imnaddfa. (Mattew 24:36-39; 2 Pietru 3:5-7, 13) Imma aħna nemmnu li biex wieħed jibqaʼ jgħix irid jiddependi fuq li jilħaq il-​livelli taʼ Ġeħova, kif tgħid il-​Bibbja: “Id-​dinja qed tgħaddi . . . , imma dak li jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17; Salm 37:11; Rivelazzjoni 7:9, 13-15; 21:1-5.

Ovvjament, hawnhekk ma nistgħux nispjegaw it-​twemmin kollu tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma nistednuk li tibgħat għal iktar tagħrif.

Il-kwotazzjonijiet mill-​Bibbja huma min-​New World Translation of the Holy Scriptures, sakemm mhux indikat mod ieħor.

[Kumment f’paġna 4]

Aħna ħadna l-​isem taʼ Xhieda taʼ Ġeħova għaliex nimitaw lil Ġesù