Mur fil-kontenut

Min Tassew Jaħkem Id-dinja?

Min Tassew Jaħkem Id-dinja?

Min Tassew Jaħkem Id-​dinja?

Ħafna nies kieku jwieġbu din il-​mistoqsija permezz taʼ kelma waħda—Alla. Imma huwa interessanti li mkien fil-​Bibbja ma nsibu li Ġesù Kristu jew Missieru hu tassew il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja. Kuntrarju għal dan, Ġesù qal: “Il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja se jitkeċċa ’l barra.” U hu żied: “Ġej il-​ħakkiem tad-​dinja. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.”—Ġwanni 12:31; 14:30; 16:11.

Allura, il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja huwa kontra Ġesù. Min jistaʼ jkun?

Il-​Kundizzjonijiet tad-​Dinja Jagħtu Ħjiel

Minkejja l-​isforzi taʼ bnedmin b’intenzjonijiet tajbin, fid-​dinja kien hawn tbatija terribbli matul l-​istorja tal-​bniedem. Dan iġiegħel lin-​nies li jużaw moħħhom biex jaħsbu bħal David Lawrence, kittieb editorjali li issa miet: “‘Paċi fuq l-​art’—kważi kulħadd jixtieqha. ‘Rieda tajba fost il-​bnedmin’—kważi n-​nies kollha fid-​dinja jixtiquha bejniethom. Mela x’hemm ħażin? Minkejja dak li tassew jixtiequ l-​bnedmin għala hemm it-​theddid tal-​gwerra?”

Donnu hemm kontradizzjoni, hux vera? Għalkemm ix-​xewqa naturali tal-​bnedmin hi li jgħixu fil-​paċi, hija xi ħaġa komuni li jobogħdu u joqtlu lil xulxin—u b’mod tassew aħrax. Ikkunsidra l-​krudeltà tal-​biżaʼ li ssir b’mod kiesaħ u biered. Il-​bnedmin użaw kmamar tal-​gass, kampijiet tal-​konċentrament, apparat li jitfaʼ n-​nar, bombi tan-​napalm, u metodi kefrin oħrajn biex jittorturaw u joqtlu lil xulxin bla ħniena.

Temmen int li l-​bnedmin, li jixxennqu għall-​paċi u l-​hena, huma kapaċi minnhom infushom li jwettqu ħażen daqshekk kbir kontra oħrajn? Liema qawwiet iġagħlu lin-​nies iwettqu għemejjel daqshekk mistkerrha jew iġibuhom f’sitwazzjonijiet li jħossuhom imqanqlin biex jagħmlu l-​atroċitajiet? Qatt ħsibt dwar jekk xi qawwa ħażina u inviżibbli hijiex qed tinfluwenza lin-​nies biex jikkommettu dawn l-​għemejjel vjolenti?

Il-​Ħakkiema tad-​Dinja Identifikati

M’għandniex għalfejn nipprovaw naqtgħu, għaliex il-​Bibbja turi b’mod ċar li individwu intelliġenti li ma jidhirx qed jikkontrolla kemm lill-​bnedmin u kemm lill-​ġnus. Din tgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” U l-​Bibbja tidentifikah meta tgħid: “Dak li hu msejjaħ Xitan u Satana . . . qed iqarraq bl-​art abitata kollha.”—1 Ġwanni 5:19; Rivelazzjoni 12:9.

Darba minnhom meta Ġesù ġie “ttantat mix-​Xitan,” Ġesù ma ddubitax l-​irwol taʼ Satana bħala l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja. Il-​Bibbja tispjega x’ġara: “Ix-​Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom, u qallu: ‘Dawn l-​affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-​art u tagħmilli att taʼ qima.’ Imbagħad Ġesù qallu: ‘Mur ’l hemm, Satana!’”—Mattew 4:1, 8-10.

Aħseb dwar dan. Satana ttanta lil Ġesù billi offrielu “s-​saltniet kollha tad-​dinja.” Però, kienet l-​offerta taʼ Satana se tkun verament tentazzjoni kieku Satana ma kienx tassew il-​ħakkiem taʼ dawn is-​saltniet? Le, din ma kinitx tkun taʼ tentazzjoni. U nnota, Ġesù ma ċaħadx il-​fatt li dawn il-​gvernijiet dinjin kollha kienu taʼ Satana, xi ħaġa li żgur kien jagħmilha li kieku Satana ma kellux il-​poter fuqhom. Mela, allura, Satana x-​Xitan tassew huwa l-​ħakkiem inviżibbli taʼ din id-​dinja! Fil-​fatt, il-​Bibbja ssejjaħlu “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (2 Korintin 4:4) Madankollu, kif qatt setaʼ individwu daqshekk kiefer jikseb pożizzjoni taʼ qawwa bħal din?

Il-wieħed li sar Satana kien anġlu maħluq minn Alla, imma hu beda jgħir għall-​pożizzjoni t’Alla. Hu sfida d-​dritt t’Alla li jaħkem. Għal din ir-​raġuni hu nqeda b’serp bħala l-​kelliemi tiegħu biex iqarraq bl-​ewwel mara, Eva, u għalhekk irnexxielu jwassal lilha u lil żewġha, Adam, biex jagħmlu dak li ried hu minflok ma jobdu lil Alla. (Ġenesi 3:1-6; 2 Korintin 11:3) Ukoll, hu sostna li setaʼ jbiegħed minn Alla lin-​nisel kollu taʼ Adam u Eva li kien għadu ma twilidx. Allura, Alla ppermetta li jgħaddi ż-​żmien biex Satana jara jekk jistax jagħti prova għal dak li sostna, imma Satana ma rnexxilux.—Ġob 1:6-12; 2:1-10.

Huwa importanti li nkunu nafu wkoll li Satana m’huwiex waħdu fil-​ħakma tiegħu tad-​dinja. Hu rnexxielu jipperswadi lil xi anġli oħrajn biex jingħaqdu miegħu fir-​ribelljoni kontra Alla. Dawn saru demonji, spirti li huma kompliċi miegħu. Il-​Bibbja titkellem dwarhom meta tħeġġeġ lill-​Kristjani: “[Żommu] sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan; għax aħna ma nissarawx kontra d-​demm u l-​laħam, imma . . . kontra l-​ħakkiema dinjin taʼ dan id-​dlam, kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.”—Efesin 6:11, 12.

Irreżisti lill-​Ispirti mill-​Agħar

Dawn il-​ħakkiema mill-​agħar li ma jidhrux huma determinati li jqarrqu bil-​bnedmin kollha u jbegħduhom mill-​qima lejn Alla. Mod wieħed kif l-​ispirti mill-​agħar jagħmlu dan hu billi jippromwovu l-​idea li hemm il-​ħajja wara l-​mewt, avolja l-​Kelma t’Alla turi b’mod ċar li l-​mejtin m’huma konxji taʼ xejn. (Ġenesi 2:17; 3:19; Eżekjel 18:4, Karm Żammit; Salm 146:3, 4; Koħèlet 9:5, 10) Għalhekk, spirtu mill-​agħar, li jimita l-​leħen taʼ individwu li jkun mejjet, jistaʼ jitkellem mal-​qraba jew il-​ħbieb tal-​mejjet li jkunu għadhom ħajjin, jew permezz taʼ xi ħadd li jikkomunika maʼ l-​ispirti jew permezz taʼ “leħen” mill-​qasam inviżibbli. Il-​“leħen” jagħmilha tal-​wieħed li miet, madankollu, fir-​realtà jkun demonju!

Allura jekk qatt tismaʼ “leħen” bħal dan, titqarraqx. Iċħad dak kollu li jgħid, u lissen kliem Ġesù: “Mur ’l hemm, Satana!” (Mattew 4:10; Ġakbu 4:7) Tħallix il-​kurżità dwar il-​qasam taʼ l-​ispirti ġġagħlek tinvolvi ruħek maʼ l-​ispirti mill-​agħar. Dan l-​involviment jissejjaħ spiritiżmu, u Alla jwissi lill-​aduraturi tiegħu kontra l-​forom kollha taʼ l-​ispiritiżmu. Il-​Bibbja tikkundanna lil kulmin “jeħber . . . min jagħmel il-​magħmul u s-​sħarijiet, min isejjaħ l-​erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-​mejtin.”—Dewteronomju 18:10-12; Galatin 5:19-21; Rivelazzjoni 21:8.

Ladarba l-​ispiritiżmu jġib lil individwu taħt l-​influwenza tad-​demonji, irreżisti l-​prattiki kollha tiegħu minkejja kemm jistgħu jidhru pjaċevoli jew eċċitanti. Dawn il-​prattiki jinkludu lil uħud li jużaw il-​ballun tal-​kristall, l-​użu taʼ l-​Ouija boards, il-​perċezzjoni ekstra sensorjali (ESP), uħud li jeżaminaw il-​linji fuq il-​pala taʼ l-​id (kiromanzija), u l-​astroloġija. Id-​demonji kkaġunaw ukoll ħsejjes u fenomeni fiżiċi oħrajn fi djar li jagħmluhom it-​territorju tagħhom.

Barra minn hekk, l-​ispirti ħżiena jieħdu vantaġġ mill-​inklinazzjoni midinba tal-​bnedmin billi jippromwovu letteratura, films, u programmi tat-​televixin li fihom imġiba immorali u mhux naturali sesswalment. Id-​demonji jafu li jekk il-​ħsibijiet ħżiena ma jitneħħewx mill-​moħħ mill-​ewwel dawn jikkaġunaw stampa permanenti u jwasslu lill-​bnedmin biex iġibu ruħhom b’mod immorali—bħad-​demonji nfushom.—Ġenesi 6:1, 2; 1 Tessalonikin 4:3-8; Ġuda 6.

Huwa minnu li ħafna jiddieħqu bil-​ħsieb li din id-​dinja hija maħkuma mill-​ispirti ħżiena. Imma ma nistagħġbux bil-​fatt li ma jemmnux, ladarba l-​Bibbja tgħid: “Satana nnifsu jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl.” (2 Korintin 11:14) Il-​qerq makakk tiegħu ilu jagħmi lil ħafna wħud għall-​fatt li hu u d-​demonji tiegħu tassew jeżistu. Imma titqarraqx! Ix-​Xitan u d-​demonji tiegħu tassew jeżistu, u jeħtieġ li int tirreżistihom kontinwament.—1 Pietru 5:8, 9.

B’ferħ, dalwaqt jasal il-​mument meta Satana u dawk li jappoġġawh m’humiex se jibqgħu jeżistu! Il-​Bibbja tiżgurana: “Id-​dinja [inkluż il-​ħakkiema demoniċi tagħha] tgħaddi . . . imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) X’serħan meta jasal il-​mument li din l-​influwenza mill-​agħar titneħħa! Għalhekk, jalla aħna nkunu fost dawk li jagħmlu r-​rieda t’Alla u ngawdu l-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida u ġusta t’Alla.—Salm 37:9-11, 29; 2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4.

Sakemm m’huwiex indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika, It-​Tieni Edizzjoni (1996) u dawk mill-​Iskrittura Griega huma meħudin mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li għandha lingwa moderna.

[Stampa f’paġna 4]

Setaʼ Satana joffri dawn il-​gvernijiet kollha tad-​dinja lil Ġesù kieku dawn ma kinux tiegħu?