Mur fil-kontenut

X’Tama Hemm għall-Maħbubin Tagħna li Mietu?

X’Tama Hemm għall-Maħbubin Tagħna li Mietu?

X’Tama Hemm għall-​Maħbubin Tagħna li Mietu?

Żmien ilu, ir-​raġel Ġob staqsa, “Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” (Ġob 14:14, Karm Żammit) Forsi int ukoll ħsibt dwar dan. Kif tħossok kieku tkun taf li huwa possibbli li terġaʼ tingħaqad mal-​maħbubin tiegħek hawnhekk fuq l-​art f’kundizzjonijiet mill-​aqwa?

Fil-fatt, il-​Bibbja twiegħed: “Jgħixu mill-​ġdid il-​mejtin tiegħek. . . . Iqumu lkoll.” U tgħid ukoll: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Isaija 26:19; Salm 37:29.

Sabiex ikollna fiduċja sħiħa f’dawn il-​wegħdi, hemm bżonn li nwieġbu xi mistoqsijiet bażiċi: In-​nies għala jmutu? Fejn jinsabu dawk li mietu? U kif nistgħu nkunu ċerti li se jerġgħu jgħixu?

Il-​Mewt, u X’Jiġri Meta Mmutu

Il-​Bibbja tagħmilha ċara li ma kinitx l-​intenzjoni t’Alla li l-​bniedem imut. Hu ħalaq lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, u qegħedhom f’ġenna taʼ l-​art imsejħa Għeden, u qalilhom biex ikollhom it-​tfal u biex l-​art kollha jagħmluha Ġenna bħalma kienet id-​dar tagħhom. Kienu se jmutu biss jekk ma jobdux l-​istruzzjonijiet tiegħu.—Ġenesi 1:28; 2:15-17.

Minħabba li ma kellhomx apprezzament għall-​qalb tajba t’Alla, Adam u Eva kienu diżubbidjenti u kellhom ibatu l-​konsegwenzi. Alla qal lil Adam, “Terġaʼ lura lejn l-​art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-​trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Qabel ma ġie maħluq, Adam ma kienx jeżisti; kien trab. U minħabba d-​diżubbidjenza, jew id-​dnub tiegħu, Adam ngħata s-​sentenza li jerġaʼ jsir trab, jiġifieri ma jibqax jeżisti.

Għalhekk, il-​mewt hija l-​oppost tal-​ħajja. Il-​Bibbja tagħmel dan il-​kuntrast: “Għax il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt, imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem.” (Rumani 6:23) Biex turi li dawk li mietu m’huma konxji taʼ xejn, il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5, korsiv tagħna.) Meta xi ħadd imut, il-​Bibbja tispjega: “Jieqaf nifsu, u jarġaʼ lura lejn artu; dak in-​nhar stess ħsibijietu jintemmu.”—Korsiv tagħna; Salm 146:3, 4, KŻ.

Madankollu, ladarba Adam u Eva biss kienu diżubbidjenti għall-​kmand f’Għeden, il-​għala lkoll kemm aħna mmutu? Huwa għaliex ilkoll kemm aħna twelidna wara d-​diżubbidjenza t’Adam, u għalhekk kollha writna d-​dnub u l-​mewt mingħandu. Kif tispjega l-​Bibbja: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha.”—Rumani 5:12; Ġob 14:4.

Però, xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: ‘M’għandhomx il-​bnedmin ruħ immortali li tibqaʼ tgħix wara l-​mewt?’ Ħafna għallmu dan, saħansitra billi qalu li l-​mewt tiftaħ il-​bieb għal ħajja oħra. Imma dan it-​tagħlim mhux ġej mill-​Bibbja. Minflok, il-​Kelma t’Alla tgħallem li int ruħ, li r-​ruħ tiegħek hi fil-​fatt int stess, bil-​kwalitajiet fiżiċi u mentali kollha tiegħek. (1 Korintin 15:45; Ġeremija 2:34, KŻ; Proverbji 2:10, ) Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Dak li jreġġaʼ midneb lura mill-​iżball li kien miexi fih isalvalu ruħu mill-​mewt.” (Ġakbu 5:20) Il-​Bibbja mkien ma tgħallem li l-​bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ tgħix wara li jmut il-​ġisem.

Kif il-​Bnedmin Jistgħu Jerġgħu Jgħixu

Wara li d-​dnub u l-​mewt daħlu fid-​dinja, Alla wera l-​iskop tiegħu li dawk li mietu se jerġgħu jingħataw il-​ħajja permezz taʼ rxoxt. B’hekk, il-​Bibbja tispjega: “Abraham . . . qies li Alla setaʼ jqajmu [lil ibnu Iżakk] saħansitra mill-​imwiet.” (Ebrej 11:17-19) Il-​fiduċja t’Abraham ma kinitx bla bażi, għax il-​Bibbja tgħid hekk dwar Dak li Jistaʼ Kollox: “Hu mhux Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.”—Luqa 20:37, 38.

Iva, l-​Alla li Jistaʼ Kollox għandu kemm is-​setgħa u kemm ix-​xewqa li jirxoxta lil dawk li jagħżel. Ġesù Kristu nnifsu qal: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.

Ftit wara li qal dan il-​kliem, Ġesù ra funeral ħiereġ mill-​belt Iżraelija taʼ Najn. Iż-​żagħżugħ mejjet kien l-​uniku tifel taʼ mara armla. X’ħin ra n-​niket profond tagħha, Ġesù tqanqal bil-​ħniena. Għalhekk, hu resaq lejn il-​ġisem mejjet u qal: “Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!” U ż-​żagħżugħ qam bil-​qiegħda, u Ġesù tah lil ommu.—Luqa 7:11-17.

Bħal fil-​każ taʼ din l-​armla, kien hemm estasi taʼ ferħ ukoll meta Ġesù żar id-​dar taʼ Ġajru, li kien uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga Lhudija. It-​tifla tiegħu li kellha 12-il sena kienet mietet. Imma meta Ġesù wasal fid-​dar taʼ Ġajru, hu mar ħdejn it-​tifla li kienet mietet u qal: “Tifla, qum!” U hi qamet!—Luqa 8:40-56.

Iktar tard, miet Lazzru, il-​ħabib taʼ Ġesù. Meta Ġesù wasal id-​dar taʼ Lazzru, dan kien diġà ilu mejjet erbat ijiem. Għalkemm kienet imnikkta ħafna, oħtu Marta esprimiet tama, billi qalet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” Imma Ġesù mar ħdejn il-​qabar, ordna li jneħħu l-​ġebla, u b’leħen għoli qal: “Lazzru, oħroġ!” U dan ħareġ!—Ġwanni 11:11-44.

Issa aħseb dwar dan: X’kienet il-​kundizzjoni taʼ Lazzru matul dawk l-​erbat ijiem li kien mejjet? Lazzru ma qal xejn dwar li kien fl-​hena tas-​sema jew fit-​torturi taʼ l-​infern, li żgur kien isemmi li kieku kien hemm. Le, Lazzru ma kien konxju taʼ xejn meta kien mejjet, u li kieku Ġesù ma qajmux għall-​ħajja kien jibqaʼ hekk sa “l-​irxoxt fl-​aħħar jum.”

Huwa minnu li dawn il-​mirakli taʼ Ġesù kienu taʼ benefiċċju temporanju, ladarba dawk li rxoxta reġgħu mietu. Però, 1,900 sena ilu hu ta prova li, bil-​qawwa t’Alla, dawk li mietu verament jistgħu jerġgħu jgħixu! Għalhekk, permezz tal-​mirakli tiegħu, Ġesù wera fuq skala żgħira dak li se jseħħ fuq l-​art taħt is-​Saltna t’Alla.

Meta Jmut Xi Ħadd li Tħobb

Meta l-​mewt tattakka bħal għadu, in-​niket tiegħek jistaʼ jkun kbir, avolja forsi għandek it-​tama taʼ l-​irxoxt. Abraham kellu fidi li martu kienet se terġaʼ tgħix, madankollu naqraw li “Abraham daħal biex inewwaħ għal Sara u jibki minħabba fiha.” (Ġenesi 23:2, NW) U xi ngħidu dwar Ġesù? Meta Lazzru miet, hu “karab fl-​ispirtu tiegħu u tnikket,” u ftit wara “qabiżlu d-​dmugħ.” (Ġwanni 11:33, 35) Għalhekk, meta xi ħadd li tħobb imut, ma tkunx qed turi li int dgħajjef jekk tibki.

Meta jmut xi tifel jew tifla, hu żmien diffiċli speċjalment għall-​omm. B’hekk, il-​Bibbja tagħraf in-​niket profond li tistaʼ tħoss omm. (2 Slaten 4:27) M’għandniex xi ngħidu, ikun żmien diffiċli għall-​missier ukoll. Meta miet ibnu Absalom, is-​Sultan David qal imbikki: “M’hux li mitt jien minflokok.”—2 Samwel 19:1.

Madankollu, minħabba li għandek fiduċja fl-​irxoxt, in-​niket tiegħek mhux se jkun għal dejjem. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “ma ssewdux qalbkom bħall-​oħrajn li m’għandhomx tama.” (1 Tessalonikin 4:13) Minflok, int se tersaq qrib lejn Alla bit-​talb, u l-​Bibbja twiegħed li “hu jgħinek.”—Salm 55:22, KŻ.

Jekk mhux indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka huma meħudin mill-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996), u dawk mill-​Iskrittura Griega huma meħudin mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li għandha lingwa moderna. L-​abbrevjazzjoni NW tindika n-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References.